Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija
“Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi.”—Għamos 7:15.
1, 2. Min kien Għamos, u l-Bibbja x’turina dwaru?
222222WAQT li kien qed jieħu sehem fil-ministeru, wieħed xhud taʼ Ġeħova ġie konfrontat minn qassis. Il-qassis għajjat: ‘Tkomplix tippriedka! Itlaq minn hawn!’ X’għamel ix-xhud? Ċeda u għamel kif qallu, jew kompla jxandar il-kelma t’Alla bil-qlubija? Tistaʼ tkun taf għax dak ix-xhud niżżel bil-miktub l-esperjenzi tiegħu fi ktieb li jġib ismu. Dan hu l-ktieb Bibliku t’Għamos. Imma qabel ma nitgħallmu iktar dwar il-laqgħa li kellu Għamos mal-qassis, l-ewwel ejja nikkunsidraw xi ftit tagħrif dwar l-isfond t’Għamos.
2 Min kien Għamos? Fejn kien joqgħod u f’liema żmien għex? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet insibuhom f’Għamos 1:1, fejn naqraw: “Kliem Għamos, li kien mir-rgħajja taʼ Tekugħa . . . fi żmien Għużżija, sultan taʼ Ġuda, u fi żmien Ġerobogħam bin Ġowas, sultan taʼ Iżrael.” Għamos kien jgħix f’Ġuda. Hu kien minn Tekugħa, xi 16-il kilometru lejn in-nofsinhar taʼ Ġerusalemm. Kien jgħix fi tmiem is-seklu disgħa Q.E.K. meta s-Sultan Għużżija kien qed jaħkem f’Ġuda u Ġerobogħam II kien is-sultan tas-saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael. Għamos kien irabbi n-nagħaġ. Fil-fatt, Għamos 7:14 jgħid li hu ma kienx biss “ragħaj” imma kien ukoll “ħaddiem fis-siġar tal-ġummajż” (Saydon). Mela hu kien iqattaʼ parti mis-sena jaħdem fl-istaġun tal-ħsad. Xogħlu kien li joqros it-tin. Dan ix-xogħol kienu jagħmluh biex it-tin isir iktar malajr. Kien xogħol tedjanti.
“Mur, Ħabbar”
3. Jekk ma nħossuniex kwalifikati biex nippridkaw, kif nistgħu niġu megħjunin meta nitgħallmu dwar Għamos?
3 Għamos jgħid bla tlaqliq: “Jien m’iniex profeta, lanqas bin profeta.” (Għamos 7:14) Hu la kien twieled bħala bin profeta u lanqas ma kien tħarreġ biex ikun profeta. Madankollu, min-nies kollha taʼ Ġuda, Ġeħova għażel lil Għamos biex jagħmel ix-xogħol Tiegħu. Dak iż-żmien, Alla m’għażilx xi sultan qawwi, jew xi qassis mgħallem, jew xi kap sinjur. Dan jipprovdilna lezzjoni li tqawwilna qalbna. Forsi aħna m’għandniex xi pożizzjoni għolja jew skola kbira. Imma b’daqshekk għandna nħossu li m’aħniex kwalifikati biex nippridkaw il-kelma t’Alla? Dażgur li le! Ġeħova jistaʼ jgħinna nxandru l-messaġġ tiegħu—anki f’territorji diffiċli. Ladarba Ġeħova għamel proprju dan m’Għamos, dawk kollha li jixtiequ jxandru l-kelma t’Alla bil-qlubija jistgħu jitgħallmu ħafna jekk jikkunsidraw fid-dettall l-eżempju taʼ dan il-profeta kuraġġuż.
4. Għala kien taʼ sfida għal Għamos biex iħabbar f’Iżrael?
4 Ġeħova kkmanda lil Għamos: “Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael.” (Għamos 7:15) Dak l-inkarigu kien taʼ sfida. Dak iż-żmien, is-saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael kienet qed tgawdi paċi, sigurtà, u ġid materjali. Ħafna nies kellhom ‘djar tax-xitwa’ kif ukoll ‘djar tas-sajf,’ li kienu mibnija, mhux bi blokok komuni tat-tajn, imma b’“ġebel minġur” li jiswa l-flus. Xi wħud kellhom għamara sabiħa ingastata bl-avorju, u kienu jixorbu nbid magħsur minn “oqsma sbieħ tad-dwieli.” (Għamos 3:15; 5:11) Bħala riżultat, ħafna kienu apatetiċi. Fil-fatt, it-territorju li kellu Għamos jixbah ħafna lit-territorju fejn ħafna minna mmorru nwettqu l-ministeru tagħna llum.
5. Liema inġustizzji kienu qed jagħmlu xi Iżraelin?
5 L-Iżraelin ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin għax kellhom affarijiet materjali. Madankollu, xi Iżraelin kienu qed isiru sinjuri b’mod diżonest. Is-sinjuri kienu qed ‘jgħakksu lill-imsejknin’ u ‘jaħqru l-fqar.’ (Għamos 4:1) In-negozjanti, l-imħallfin, u l-qassisin li kellhom il-poter kienu qed jikkonfoffaw biex jisirqu lill-foqra. Issa ejja mmorru lura fiż-żmien u nosservaw x’kienu qed jagħmlu dawn in-nies.
Il-Ksur tal-Liġi t’Alla
6. In-negozjanti Iżraelin kif sfruttaw lil oħrajn?
6 L-ewwel immorru sas-suq. Hemmhekk in-negozjanti diżonesti kienu ‘jċekknu l-efa u jkabbru x-xekel’ u jbigħu saħansitra “l-karfa tal-qamħ” bħallikieku kienet qamħ. (Għamos 8:5, 6) In-negozjanti qarrqu bil-klijenti tagħhom fl-użin tal-bejgħ, il-prezz kien għoli żżejjed, u l-kwalità inferjuri. Wara li n-negozjanti kienu jisfruttaw lill-foqra sal-punt li jfalluhom, dawn l-imsejkna kien ikollhom ibigħu lilhom infushom bħala lsiera. Imbagħad, in-negozjanti kienu jixtruhom “b’żewġt iqrieq.” (Għamos 8:6) Immaġina ftit! Dawk in-negozjanti rgħiba kienu jikkunsidraw lill-Iżraelin sħabhom bħala li ma jiswewx iktar minn qorq, jew sandli! X’umiljazzjoni kbira ġarrbu l-foqra, u n-negozjanti kemm kisru l-Liġi t’Alla b’mod serju! Madankollu, dawn l-istess negozjanti kienu josservaw jum “is-Sibt.” (Għamos 8:5) Iva, huma kienu reliġjużi, imma minn barra biss.
7. In-negozjanti f’Iżrael kif irnexxielhom jiksru l-Liġi t’Alla?
7 In-negozjanti kif irnexxielhom jiksru l-Liġi t’Alla u jgħadduha lixxa, meta din tikkmanda: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”? (Levitiku 19:18) In-negozjanti rnexxielhom għax dawk li suppost kienu qed jinforzaw il-Liġi—l-imħallfin—kienu kompliċi magħhom. F’bieb il-belt, fejn kienu jinstemgħu l-kawżi tal-qorti, l-imħallfin kienu ‘jieħdu r-rigali, u jwarrbu l-ġustizzja mill-imsejknin.’ Minflok ma kienu jipproteġu lill-foqra, l-imħallfin kienu jaċċettaw it-tixħim u jittraduhom. (Għamos 5:10, 12) Allura anki l-imħallfin kienu qed jinjoraw il-Liġi t’Alla.
8. Il-qassisin ħżiena għal liema mġiba kienu qed jagħlqu għajnejhom?
8 Sadanittant, il-qassisin taʼ Iżrael x’kienu qed jagħmlu? Biex insiru nafu rridu nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq post ieħor. Innota liema dnubiet ippermettew il-qassisin “fid-dar taʼ alla tagħhom”! Permezz t’Għamos, Alla qal: “Huma jidħlu għand l-istess żagħżugħa, sew l-iben, sew missieru, biex iżebilħu l-isem qaddis tiegħi.” (Għamos 2:7, 8) Immaġina ftit! Missier Iżraeli u ibnu jikkommettu immoralità sesswali maʼ l-istess prostituta tat-tempju. U dawk il-qassisin ħżiena kienu qed jagħlqu għajnejhom għal immoralità bħal din!—Levitiku 19:29; Dewteronomju 5:18; 23:18 (23:17, NW).
9, 10. L-Iżraelin kienu ħatja taʼ liema ksur tal-Liġi t’Alla, u liema sitwazzjoni simili nistgħu nsibu llum?
9 Meta kien qed jirreferi għall-imġiba midinba tagħhom, Ġeħova qal: “Ħdejn kull artal jimteddu fl-art fuq ħwejjeġ mirhunin; u fid-dar taʼ alla tagħhom ilegilgu l-inbid taʼ dawk li huma jimmultaw.” (Għamos 2:8) Iva, il-qassisin u n-nies in ġenerali kienu wkoll qed jinjoraw il-liġi mniżżla f’Eżodu 22:25, 26 (22:26, 27, NW), li kienet tgħid li libsa li tittieħed b’rahan kellha tingħata lura qabel jidħol il-lejl. Minflok, dawn użawha bħal kutra biex jimteddu fuqha waqt li jiffesteġġaw u jixorbu bis-saħħa taʼ l-allat foloz. U bil-multi li waħħlu lill-foqra, huma xtraw l-inbid biex jixorbu fil-festi reliġjużi foloz. Kemm żvijaw bl-ikrah mit-triq tal-qima pura!
10 L-Iżraelin kienu qed jiksru bla mistħija taʼ xejn l-akbar żewġ kmandamenti tal-Liġi—li jħobbu lil Ġeħova u li jħobbu lil għajrhom. Għalhekk, Alla bagħat lil Għamos biex jikkundanna n-nuqqas taʼ fedeltà tagħhom. Illum, il-ġnus tad-dinja, inklużi l-ġnus tal-Kristjaneżmu, qegħdin jirriflettu l-qagħda korrotta taʼ Iżrael tal-qedem. Filwaqt li xi nies qed jistagħnu, ħafna oħrajn qed ifallu finanzjarjament u qed iġarrbu ħsara emozzjonali minħabba l-prattiċi immorali taʼ mexxejja diżonesti taʼ kumpaniji kbar li jagħmlu qligħ esaġerat, taʼ xi politikanti, u mexxejja reliġjużi foloz. Imma Ġeħova jimpurtah minn dawk li qed isofru u li jħossuhom imqanqlin biex ifittxuh. Għaldaqstant, hu inkariga lill-qaddejja tiegħu taż-żmien preżenti biex jagħmlu xogħol bħal dak t’Għamos—li jippridkaw il-kelma Tiegħu bil-qlubija.
11. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju t’Għamos?
11 Minħabba x-xebh li hemm bejn xogħolna u dak t’Għamos, se nibbenefikaw ħafna jekk nikkunsidraw l-eżempju tiegħu. Fil-fatt, Għamos jurina (1) liema messaġġ għandna nippridkaw, (2) kif għandna nippridkawh, u (3) għala l-opponenti ma jistgħux iwaqqfuna milli nippridkaw. Ejja nikkunsidraw dawn il-punti wieħed wieħed.
Kif Nistgħu Nimitaw lil Għamos
12, 13. Ġeħova kif wera li kien diżappuntat bl-Iżraelin, u huma kif irreaġixxew?
12 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna niċċentraw il-ministeru Kristjan tagħna fuq l-ippridkar tas-Saltna u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; Marku 13:10) Minkejja dan, aħna niġbdu l-attenzjoni wkoll lejn it-twissijiet t’Alla, l-istess bħalma Għamos xandar li Ġeħova kien se jġib ġudizzju fuq il-ħżiena. Per eżempju, Għamos 4:6-11 juri li Ġeħova ripetutament wera ċar lil Iżrael li Hu kien diżappuntat bih. Lin-nies ‘naqqsilhom il-ħobż,’ ‘żammilhom ix-xita,’ laqathom “bir-riħ xlokk u bis-sadid,” u bagħat fosthom “il-pesta.” Qanqluh jindem lil Iżrael dawn il-ġrajjiet? “Intom ma rġajtux lejja,” qal Alla. Tabilħaqq, l-Iżraelin ċaħdu lil Ġeħova darba wara l-oħra.
13 Ġeħova kkastiga lill-Iżraelin li ma wrewx indiema. Madankollu, l-ewwel irċivew twissija profetika. Fi qbil maʼ dan, Alla ddikjara: “Ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.” (Għamos 3:7) Alla kien qal lil Noè li ġej id-Dilluvju u kien qallu biex jagħti twissija. Bl-istess mod, Ġeħova qal lil Għamos biex jagħti twissija taʼ l-aħħar. B’sogħba, Iżrael injora dan il-messaġġ divin u naqas li jieħu azzjoni kif jixraq.
14. Liema xebh hemm bejn żmien Għamos u żmienna?
14 Żgur li taqbel li hemm xebh taʼ l-għaġeb bejn żmien Għamos u żmienna. Ġesù Kristu bassar li matul iż-żmien taʼ l-aħħar kellhom jiġru għadd taʼ gwajijiet. Hu bassar ukoll xogħol taʼ ppridkar madwar id-dinja kollha. (Mattew 24:3-14) Madankollu, l-istess bħal fi żmien Għamos, il-maġġuranza tan-nies illum jinjoraw is-sinjali taż-żminijiet kif ukoll il-messaġġ tas-Saltna. Għal dawn l-individwi, il-konsegwenzi se jkunu l-istess li ffaċċjaw l-Iżraelin li ma wrew ebda ndiema. Ġeħova wissiehom: “Ħejji ruħek, biex tiltaqaʼ maʼ Alla tiegħek.” (Għamos 4:12) L-Iżraelin esperjenzaw il-ġudizzju t’Alla, jew ‘iltaqgħu m’Alla,’ meta l-Assirja kkonkwistathom. Illum, din id-dinja li ċaħdet lil Alla se ‘tiltaqaʼ m’Alla’ f’Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14, 16) Sadanittant, iżda, sakemm Ġeħova jkompli juri paċenzja, aħna nħeġġu lil kemm nistgħu nies: “Fittxu lill-Mulej u tgħixu.”—Għamos 5: 6.
Niffaċċjaw l-Oppożizzjoni Bħalma Għamel Għamos
15-17. (a) Min kien Amasija, u kif irreaġixxa għad-dikjarazzjonijiet t’Għamos? (b) Amasija x’allegazzjonijiet għamel kontra Għamos?
15 Nistgħu nimitaw lil Għamos mhux biss fl-ippridkar imma wkoll fil-mod kif nippridkaw. Dan il-fatt jiġi enfasizzat f’kapitlu 7, fejn niltaqgħu mal-qassis li ssemma fil-bidu tad-diskussjoni tagħna. Hu kien “Amasija, il-qassis taʼ Betel.” (Għamos 7:10) Il-belt taʼ Betel kienet ċentru tar-reliġjon apostata f’Iżrael li kienet tinvolvi l-qima taʼ l-għoġol. Mela Amasija kien il-qassis tar-reliġjon taʼ l-Istat. Kif irreaġixxa għad-dikjarazzjonijiet qalbiena t’Għamos?
16 Amasija qal lil Għamos: “Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art taʼ Ġuda, u ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna.” (Għamos 7:12, 13) Fi kliem ieħor, Amasija qal: ‘Mur minn fejn ġejt! Għandna r-reliġjon tagħna.’ Hu pprova wkoll iġiegħel lill-gvern biex jipprojbixxi l-attivitajiet t’Għamos, billi qal lis-Sultan Ġerobogħam II: “Għamos għamel konfoffa kontrik fid-dar stess taʼ Iżrael.” (Għamos 7:10) Iva, Amasija akkuża lil Għamos bi tradiment! Hu qal lis-sultan: “Hekk qal Għamos: ‘Ġerobogħam imut bis-sejf u Iżrael ikun itturufnat minn artu.’”—Għamos 7:11.
17 B’dan il-kliem, Amasija għamel tliet stqarrijiet qarriqin. Hu qal: “Hekk qal Għamos.” Però, Għamos qatt ma sostna li hu kien is-sors tal-profezija. Minflok, hu dejjem qal: “Dan jgħid il-Mulej.” (Għamos 1:3) Għamos ġie akkużat ukoll li qal: “Ġerobogħam imut bis-sejf.” Madankollu, bħalma hemm imniżżel f’Għamos 7:9, hu kien ipprofetizza: “[Jien, Ġeħova] inqum bis-sejf għal dar Ġerobogħam.” Alla bassar din il-kundanna għal “dar” Ġerobogħam, għal nislu. Iżjed minn hekk, Amasija allega li Għamos kien qal: “Iżrael ikun itturufnat minn artu.” Imma Għamos kien ipprofetizza wkoll li dawk l-Iżraelin li jduru lejn Alla kienu se jitbierku. Biċ-ċar, Amasija għawweġ il-fatti u uża nofs veritajiet biex jipprova jikseb projbizzjoni uffiċjali fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar li kien qed jagħmel Għamos.
18. Il-metodi li uża Amasija b’liema mod huma l-istess bħal dawk li juża l-kleru llum?
18 Innotajt ix-xebh bejn il-metodi li uża Amasija u l-metodi li jużaw l-opponenti tal-poplu taʼ Ġeħova llum? L-istess bħalma Amasija pprova jsikket lil Għamos, ċerti qassisin, membri għoljin tal-kleru, u patrijarki taʼ żmienna jipprovaw ifixklu x-xogħol taʼ l-ippridkar tal-qaddejja taʼ Ġeħova. Amasija akkuża b’mod falz lil Għamos bi tradiment. Illum, bl-istess mod, xi membri tal-kleru jakkużaw b’mod falz lix-Xhieda taʼ Ġeħova li huma taʼ theddida għas-sigurtà tal-pajjiż. U bħalma Amasija mar għand is-sultan għall-għajnuna biex jiġġieled lil Għamos, hekk ukoll il-kleru jmur għand alleati politiċi biex jgħinuh jippersegwita lix-Xhieda taʼ Ġeħova.
L-Opponenti Tagħna Ma Jistgħux Iwaqqfu x-Xogħol taʼ l-Ippridkar
19, 20. Għamos kif irreaġixxa għall-oppożizzjoni t’Amasija?
19 Għamos kif irreaġixxa għall-oppożizzjoni t’Amasija? L-ewwel, Għamos qal lill-qassis: “Inti tgħidli: ‘Tħabbarx kontra Iżrael.’” Bla tlaqliq, il-profeta qalbieni t’Alla mbagħad lissen kliem li Amasija żgur ma riedx jisimgħu. (Għamos 7:16, 17) Għamos ma qagħadx jibżaʼ. X’eżempju eċċellenti għalina! Meta niġu biex inxandru l-kelma t’Alla, aħna m’aħniex se nkunu diżubbidjenti lejn Alla tagħna, anki f’pajjiżi fejn illum hemm nies bħal Amasija li qed iqajmu persekuzzjoni ħarxa. Bħal Għamos, aħna nkomplu nipproklamaw: “Dan jgħid il-Mulej.” U l-opponenti qatt ma jistgħu jwaqqfu x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar, għaliex “id Ġeħova” hi magħna.—Atti 11:19-21.
20 Amasija messu kien jaf li t-theddid tiegħu kien se jkun kollu għalxejn. Għamos kien diġà spjega għala ħadd fuq l-art ma setaʼ jwaqqfu milli jitkellem—u dan huwa t-tielet punt li se nikkunsidraw. Skond Għamos 3:3-8, Għamos uża serje taʼ mistoqsijiet u tixbihat biex juri li xejn ma jiġri mingħajr ma jkun hemm raġuni. Imbagħad, hu applika kliemu b’dan il-mod: “L-iljun jgħajjat: min ma jibżax? Sidi l-Mulej jitkellem: min ma jħabbarx?” Fi kliem ieħor, Għamos qal lis-semmiegħa tiegħu: ‘Sewwasew bħalma ma tistax ma tibżax meta tismaʼ l-għajta taʼ ljun, hekk ukoll jien ma nistax ma nippridkax il-kelma t’Alla meta nismaʼ lil Ġeħova jqabbadni biex nagħmel dan.’ Kien il-biżaʼ t’Alla, jew ir-riverenza profonda lejn Ġeħova, li qanqal lil Għamos jitkellem bil-qlubija.
21. Kif inwieġbu għall-kmand t’Alla biex nippridkaw l-aħbar tajba?
21 Aħna wkoll qed nisimgħu lil Ġeħova jqabbadna nippridkaw. Kif nirreaġixxu? Bħal Għamos u bħas-segwaċi tal-bidu taʼ Ġesù, bl-għajnuna taʼ Ġeħova nxandru l-kelma Tiegħu bil-qlubija. (Atti 4:23-31) Xejn m’hu se jsikkitna, la l-persekuzzjoni li jqajmu l-opponenti tagħna u lanqas l-apatija li juru dawk li nippridkawlhom. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja juru żelu bħal dak t’Għamos u jħossuhom imqanqlin biex ikomplu jiddikjaraw l-aħbar tajba bil-qlubija. Għandna r-responsabbiltà li nwissu lin-nies dwar il-ġudizzju li ġej taʼ Ġeħova. Dan il-ġudizzju x’jinvolvi? Din il-mistoqsija se tiġi mwieġba fl-artiklu li jmiss.
Int Kif Twieġeb?
• Għamos f’liema ċirkustanzi wettaq l-inkarigu tiegħu mogħti minn Alla?
• Bħal Għamos, x’għandna nippridkaw?
• X’għandha tkun l-attitudni tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar?
• L-opponenti għala ma jistgħux iwaqqfu l-attività tagħna taʼ l-għoti taʼ xiehda?
[Stampa f’paġna 10]
Alla għażel lil Għamos, wieħed li joqros it-tin, biex jagħmel ix-xogħol Tiegħu
[Stampi f’paġna 13]
Bħal Għamos, qiegħed int tipproklama l-messaġġ taʼ Ġeħova bil-qlubija?