Ġona Jsir Jaf X’Inhi l-Ħniena taʼ Jehovah
JEHOVAH għandu inkarigu għall-profeta tiegħu Ġona. Iż-żmien huwa d-disaʼ seklu Q.E.K., u Ġeroboam II jaħkem f’Israel. Ġona hu minn Gat-ħefer, belt Żebulunita. (Ġożwè 19:10, 13; 2 Slaten 14:25) Alla qiegħed jibgħat lil Ġona lejn il-kapitali Assirjana taʼ Ninwe, ’il fuq minn 500 mil fil-Grigal tal-belt fejn kien joqgħod. Hu għandu jwissi lin-nies taʼ Ninwe li huma jiffaċċjaw qerda minn Alla.
Ġona għandu mnejn ħaseb: ‘Jekk m’għandix immur f’dik il-belt u f’dak il-ġens? Dawk lanqas biss huma devoti lejn Alla. Dawk l-Assirjani għatxana għad-demm qatt ma daħlu f’patt maʼ Jehovah bħalma għamlu l-Israeliti. Dażgur, in-nies taʼ dak il-ġens mill-agħar għandhom mnejn jikkunsidraw it-twissija tiegħi bħala theddida u jikkonkwistaw lil Israel! Mhux jien! M’inix sejjer. Jien infittex immur lejn Ġoppa u nbaħħar fid-direzzjoni opposta—sakemm nasal Tarsis, sat-tarf l-ieħor tal-Baħar il-Kbir. Hekk se nagħmel!’—Ġona 1:1-3.
Periklu Fil-Baħar!
F’qasir żmien Ġona jasal Ġoppa fuq il-kosta tal-Mediterran. Hu jħallas il-passaġġ u jitlaʼ fuq bastiment għal Tarsis, li ġeneralment huwa assoċjat maʼ Spanja, ’il fuq minn 2,200 mil fil-punent taʼ Ninwe. Malli jkun fuq il-baħar, il-profeta għajjien jinżel fil-parti taʼ taħt il-gverta u jorqod. F’qasir żmien, Jehovah jitfaʼ riefnu fuq il-baħar, u kull baħri mwerwer jitlob lil alla tiegħu stess għall-għajnuna. Il-bastiment tant qiegħed jinbaram u jitbandal li l-merkanzija tiġi mitfugħa l-baħar biex il-ġifen jeħfief. Madankollu, in-nawfraġju jidher ċert, u Ġona jismaʼ l-kaptan kollu eċċitat jesklama: “Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux!” Ġona jqum u jitlaʼ fuq il-gverta.—Ġona 1:4-6.
“Ejjew nitfgħu x-xorti,” jgħidu l-baħħara, “ħa nkunu nafu taʼ min hi l-ħtija li waqaʼ fuqna dan il-għawġ kollu.” Ix-xorti tmiss lil Ġona. Immaġina l-anzjetà tiegħu hekk kif il-baħrin jgħidulu: “Issa għidilna: imħabba min ġie fuqna dan il-għawġ? X’inhu x-xogħol tiegħek, minn fejn int ġej, liema hu pajjiżek, u minn liema poplu int?” Ġona jgħid li hu Ebrew li jqim lill-“Mulej, Alla tas-sema,” u li hu għandu biżaʼ reverenzjali taʼ Dak “li għamel il-baħar u l-art.” Il-maltempata ġiet fuqhom minħabba li hu qiegħed jaħrab mill-preżenza taʼ Jehovah minflok ma li b’ubbidjenza jieħu l-messaġġ t’Alla lil Ninwe.—Ġona 1:7-10.
Il-baħrin jistaqsu: “X’se nagħmlu bik, biex il-baħar jikkwitalna?” Hekk kif il-baħar isir iktar tempestuż, Ġona jgħid: “Aqbduni u ixħtuni l-baħar, . . . u l-baħar jikkwitalkom. Għax naf li din it-tempesta kollha waqgħet fuqkom ħtija tiegħi.” Billi ma ridux jitfgħu lill-qaddej taʼ Jehovah fil-baħar għal mewt ċerta, l-irġiel jipprovaw jaslu sa l-art. Kollu taʼ xejn, il-baħrin jgħajtu: “Jaħasra, Mulej, nitolbuk li ma tħalliniex nintilfu minħabba l-ħajja taʼ dan il-bniedem, u twaħħalniex ħatja taʼ demm bla ħtija, għax kont int, Mulej, li għamilt kif għoġbok.”—Ġona 1:11-14.
Għal Ġol-Baħar!
Għal dan il-baħrin jitfgħu lil Ġona l-baħar. Hekk kif jegħreq fil-baħar kollu ragħwa, il-qilla tiegħu tibda tieqaf. Malli raw dan, ‘l-irġiel qabadhom biżaʼ kbir mill-Mulej, u offrew sagrifiċċji lill-Mulej, u għamlu wegħdiet.’—Ġona 1:15, 16.
Hekk kif l-ilma jgħatti lil Ġona, hu bla dubju qiegħed jitlob. Imbagħad iħoss lilu nnifsu jiżloq matul kanal artab hekk kif jiżżerżaq għal ġo ħofra akbar. Ħaġa taʼ l-iskantament, għadu jistaʼ jieħu n-nifs! Billi neħħa l-alka li tgħaqqdet maʼ rasu, Ġona jsib ruħu f’post verament uniku. Dan huwa minħabba li “l-Mulej qabbad ħuta kbira tiblaʼ ’l Ġona, u Ġona baqaʼ tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta.”—Ġona 2:1 [Ġona 1:17, NW].
It-Talba Ferventi Taʼ Ġona
F’żaqq il-ħuta ġganteska, Ġona għandu ħin jitlob. Xi ftit mill-kliem tiegħu huwa simili għal ċerti salmi. Ġona iktar tard iddokumenta t-talb tiegħu li esprima kemm disperazzjoni u kemm sogħba. Per eżempju, għalih kien jidher li żaqq il-ħuta kellha ssir Xeol, il-qabar tiegħu. Għalhekk talab: “Fid-dwejjaq tiegħi lill-Mulej sejjaħt, u hu weġibni; mill-ġuf taʼ art l-imwiet krabt għall-għajnuna, u leħni smajtu.” (Ġona 2:2, 3 [Ġona 2:1, 2, NW]) Iż-Żewġ Għanjiet tat-Telgħat—x’aktarx kantati mill-Israeliti waqt li jkunu telgħin Ġerusalemm għall-festi annwali—jesprimu ħsibijiet simili.—Salm 120:1; 130:1, 2.
Waqt li rrifletta fuq l-inżul ’l isfel tiegħu għal ġol-baħar, Ġona jitlob: “Inti [Jehovah] tfajtni fil-qiegħ, ġo nofs il-baħar, u l-wied dar miegħi: l-imwieġ il-kbar u l-ħalel kollha tiegħek għaddew minn fuqi.”—Ġona 2:4 [Ġona 2:3, NW]; qabbel Salm 42:8 [Salm 42:7, NW]; Salm 69:3 [Salm 69:2, NW].
Ġona jibżaʼ li d-diżubbidjenza tiegħu se tiswielu l-favur divin u li qatt ma kien se jerġaʼ jara t-tempju t’Alla. Hu jitlob: “U jiena għidt: ‘Tgerrixt minn quddiem wiċċek: kif nerġaʼ nara t-tempju mqaddes tiegħek?’” (Ġona 2:5 [Ġona 2:4, NW]; qabbel Salm 31:23 [Salm 31:22, NW].) Is-sitwazzjoni taʼ Ġona tant tidher ħażina li jgħid: “Dawruni l-ilmijiet sa għoddhom fgawni [billi pperikolawlu ħajtu], l-abbiss dar miegħi, tkebbet maʼ rasi l-alka [fil-baħar].” (Ġona 2:6 [Ġona 2:5, NW]; qabbel Salm 69:2 [Salm 69:1, NW].) Immaġina s-sitwazzjoni prekarja taʼ Ġona, għax hu jżid: “Inżilt f’qiegħ il-muntanji [ġol-ħuta]; l-art bl-istaneg tagħha [bħal dawk taʼ qabar] għalqitni għal dejjem: iżda int tellajt lil ħajti mill-ħofra [fit-tielet jum], O Mulej, Alla tiegħi!”—Ġona 2:6, Karm Żammit; qabbel Salm 30:4 [Salm 30:3, NW].
Għalkemm qiegħed f’żaqq il-ħuta, Ġona ma jaħsibx: ‘Jien inħossni tant dipress li ma nistax nitlob.’ Minflok, hu jitlob: “Meta ġo fija kelli ruħi mħeddla [qrib il-mewt], jien fil-Mulej ftakart [bil-fidi, bħala Dak il-wieħed taʼ qawwa u ħniena li m’hawnx bħalhom]; u t-talba tiegħi telgħet sa quddiemek, fit-tempju mqaddes tiegħek.” (Ġona 2:8 [Ġona 2:7, NW]) Mit-tempju tas-sema, Alla samaʼ lil Ġona u salvah.
Fl-aħħar Ġona jitlob: “Dawk li jirrispettaw l-idoli fiergħa [billi jafdaw fi xbihat bla ħajja t’allat foloz] ikunu qed jarmu t-tjieba tagħhom [f’li jwarrbu lil Dak li juri din il-kwalità]. Jien, iżda, lilek [Alla Jehovah] noffri s-sagrifiċċji, b’leħen taʼ radd il-ħajr, u dak li wegħidt [matul din il-ġrajja jew f’okkażjonijiet oħrajn] irroddu. Is-salvazzjoni tiġi mill-Mulej.” (Ġona 2:9, 10 [Ġona 2:8, 9, NW]; qabbel Salm 31:7 [Salm 31:6, NW]; 50:14.) Billi kien jaf li Alla biss jistaʼ jeħilsu mill-mewt, il-profeta niedem (bħas-Slaten David u Salamun qablu) jattribwixxi s-salvazzjoni lil Jehovah.—Salm 3:9 [Salm 3:8, NW]; Proverbji 21:31.
Ġona Jobdi
Wara ħafna ħsieb u talb bil-ħrara, Ġona jħossu qiegħed jiġi mbottat bil-forza ’l barra mill-kanal li kien daħal minnu. Fl-aħħar, hu jiġi mitfugħ għal fuq l-art niexfa. (Ġona 2:11 [Ġona 2:10, NW]) Grat għall-ħelsien, Ġona jobdi l-kelma t’Alla: “Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u ippridkalha li ngħidlek jien.” (Ġona 3:1, 2) Ġona jerħilha għall-kapitali Assirjana. Meta jiskopri liema ġurnata kienet, hu jirrealizza li kien f’żaqq il-ħuta għal tlett ijiem. Il-profeta jaqsam ix-Xmara Ewfrat fil-liwja l-kbira tagħha fil-Punent, jivvjaġġa lejn il-Lvant matul it-Tramuntana tal-Mesopotamja, jasal ħdejn ix-Xmara Tigris, u fl-aħħar jasal fil-belt il-kbira.—Ġona 3:3.
Ġona jidħol Ninwe, belt kbira ħafna. Jibqaʼ miexi għal jum wieħed u mbagħad jiddikjara: “Erbgħin jum ieħor u Ninwè ssir ħerba!” Kien Ġona mżejjen mirakolożament bil-għarfien tal-lingwa Assirjana? Ma nafux. Imma saħansitra jekk qiegħed jitkellem bl-Ebrajk u xi ħadd qiegħed jinterpreta, il-proklama tiegħu tipproduċi r-riżultati. L-irġiel taʼ Ninwe jibdew ipoġġu fidi f’Alla. Huma jipproklamaw sawma u jilbsu tila taʼ xkejjer, mill-akbar wieħed sa l-iżgħar minnhom. Meta l-kelma tasal lis-sultan taʼ Ninwe, hu jqum mit-tron tiegħu, ineħħi l-libsa uffiċċjali tiegħu, jitgħatta bit-tila tax-xkejjer, u jintasab qalb l-irmied.—Ġona 3:4-6.
Kemm jibqaʼ mistagħġeb Ġona! Is-sultan Assirjan jibgħat messaġġiera uffiċċjali bil-għajta: “La nies, la annimali, la bhejjem, u lanqas merħliet, ħadd ma għandu jduq xejn, u la jirgħaw u lanqas jixorbu ilma. U jinksew bi xkejjer, kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jgħajtu b’qawwa lejn Alla, u kull wieħed jerġaʼ lura mit-triq tiegħu l-ħażina u mill-ħsara li għamel b’idejh. Min jaf jekk Alla jibdilux u jisgħobx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u aħna ma nintilfux!”—Ġona 3:7-9.
In-nies taʼ Ninwe jobdu d-digriet tas-sultan tagħhom. Meta Alla jara li huma daru lura mill-mogħdija ħażina tagħhom, hu jħoss dispjaċir minħabba l-gwaj li kien tkellem li se jikkaġunalhom, u għalhekk hu ma jikkaġunahx. (Ġona 3:10) Minħabba l-indiema, l-umiltà, u l-fidi tagħhom, Jehovah jiddeċiedi li ma jġibx fuqhom il-ġudizzju li kien intenzjonat li jġib.
Il-Profeta Bil-Geddum
Erbgħin jum jgħaddu u Ninwe ma jiġrilha xejn. (Ġona 3:4) Billi jirrealizza li n-nies taʼ Ninwe m’humiex se jiġu meqrudin, Ġona xejn ma jieħu gost u jitlagħlu bl-ikrah u jitlob: “Jaħasra, Mulej, mhux dan kien kliemi meta kont għadni f’pajjiżi? Kien għalhekk li jien għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla ħanin u tagħder, tqil biex tinkorla, kollok tjieba u jisgħob bik għad-deni. U issa, Mulej, ħudli ħajti, nitolbok, għax għalija aħjar immut milli nibqaʼ ħaj!” Alla jwieġeb b’din il-mistoqsija: “Dan sewwa għalik li tinkorla?”—Ġona 4:1-4.
Għal din it-tweġiba Ġona jitlaq bis-suppervja ’l barra mill-belt. Billi jmur lejn il-Lvant, hu jarma għarix sabiex ikun jistaʼ joqgħod fid-dell tiegħu sakemm jara x’se jiġri mill-belt. Imbagħad, Jehovah b’mogħdrija ‘jordna li titlaʼ siġra tar-riġnu għal Ġona, biex ikollu d-dell fuq rasu u teħilsu mill-ħsara.’ Kemm jifraħ Ġona bis-siġra tar-riġnu! Imma Alla jieħu ħsieb li dudu jolqot lill-pjanta maż-żerniq, u din tibda tiddgħajjef. F’qasir żmien nixfet kompletament. Alla jibgħat ukoll riħ jaħraq mil-Lvant. Ix-xemx issa qiegħda tisreġ fuq ras il-profeta, tant li issa kien qiegħed iħossu ħażin. Hu jibqaʼ jitlob biex imut. Iva, Ġona jgħid ripetutament: “Għalija aħjar immut milli nibqaʼ ħaj!”—Ġona 4:5-8.
Jehovah issa jitkellem. Hu jistaqsi lil Ġona: “Dan sewwa għalik li tinkorla għas-siġra?” Ġona jwieġeb: “Iva, sewwa li nkurlajt sal-mewt.” Fi kliem ieħor, Jehovah jgħid lill-profeta: ‘Int ġietek ħasra mis-siġra tar-riġnu. Imma la tħabatt għaliha u lanqas kabbartha int. F’lejl wieħed ġiet u marret.’ Alla kompla jirraġuna: ‘Mela jien ma kellix tiġini ħasra mill-belt taʼ Ninwe abitata b’iktar minn 120,000 ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom, u fejn hemm ukoll ħafna bhejjem?’ (Ġona 4:9-11) It-tweġiba t-tajba hija ovvja.
Ġona jindem u jgħix biex jikteb il-ktieb Bibliku li jġib ismu. Kif sar jaf li l-baħrin kellhom il-biżaʼ taʼ Jehovah, li offrew sagrifiċċju Lilu, u li għamlu wegħdi? Permezz taʼ ispirazzjoni divina jew forsi fit-tempju mingħand wieħed mill-baħrin jew passiġġieri.—Ġona 1:16; Ġona 2:5 [Ġona 2:4, NW].
‘Is-Sinjal Taʼ Ġona’
Meta l-iskribi u l-Fariżej staqsew lil Ġesù Kristu għal sinjal, hu qal: “Sinjal iridu nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak tal-profeta Ġona.” Ġesù żied: “Għax kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba taʼ l-art.” (Mattew 12:38-40) Il-ġranet Lhud bdew maʼ nżul ix-xemx. Kristu miet il-Ġimgħa fil-għaxija, fl-14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K. Ġismu ġie mpoġġi f’qabar qabel inżul ix-xemx taʼ dak il-jum. Il-15 taʼ Nisan beda dik il-lejla u baqaʼ sejjer sa nżul ix-xemx tas-Sibt, is-sebaʼ u l-aħħar jum tal-ġimgħa. F’dak il-ħin beda s-16 taʼ Nisan u kompla sa nżul ix-xemx taʼ dak li aħna nsejħulu l-Ħadd. Għaldaqstant, Ġesù kien mejjet u fil-qabar minn taʼ lanqas għal perijodu taʼ ħin fl-14 taʼ Nisan, kien midfun għall-ġurnata kollha kemm hi fil-15 taʼ Nisan, u qattaʼ s-sigħat taʼ bil-lejl tas-16 taʼ Nisan fil-qabar. Meta ċerti nisa ġew ħdejn il-qabar il-Ħadd fil-għodu, hu kien diġà ġie rxoxtat.—Mattew 27:57-61; 28:1-7.
Ġesù kien fil-qabar għal partijiet minn tlett ijiem. L-għedewwa tiegħu b’hekk ħadu ‘s-sinjal taʼ Ġona,’ imma Kristu qal: “F’jum il-ħaqq, in-nies taʼ Ninwè għad iqumu kontra dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni taʼ Ġona; u araw, hawnhekk min hu aqwa minn Ġona!” (Mattew 12:41) Kemm huwa veru dan! Il-Lhud kellhom lil Ġesù f’nofshom—profeta bil-wisq akbar minn Ġona. Għalkemm Ġona kien sinjal adegwat għan-nies taʼ Ninwe, Ġesù ppriedka b’awtorità u provi li jappoġġjaw bil-wisq akbar milli għamel dak il-profeta. Madankollu, il-Lhud inġenerali m’emmnux.—Ġwann 4:48.
Bħala ġens il-Lhud m’aċċettawhx b’umiltà lill-Profeta akbar minn Ġona, u m’eżerċitawx fidi Fih. Imma xi ngħidu għall-antenati tagħhom? Huma wkoll ma kellhomx fidi u spirtu umli. Fil-fatt, Jehovah evidentement bagħat lil Ġona lejn Ninwe sabiex juri l-kuntrast li kien hemm bejn in-nies taʼ Ninwe li nidmu u bejn l-Israeliti taʼ rashom iebsa, li kienu nieqsa b’mod tremend mill-fidi u mill-umiltà.—Qabbel Dewteronomju 9:6, 13.
Xi ngħidu għal Ġona nnifsu? Hu tgħallem kemm hija kbira l-ħniena t’Alla. Iktar minn hekk, ir-reazzjoni taʼ Jehovah għat-tgergir taʼ Ġona dwar il-ħniena murija lin-nies taʼ Ninwe li nidmu, għandha żżommna milli nilmentaw meta Missierna tas-sema juri ħniena man-nies taʼ żmienna. Tabilħaqq, ejjew nithennew li kull sena eluf iduru lejn Jehovah bil-fidi u bi qlub umlin. (w96 5/15)