LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 2/15 pp. 23-28
  • Poplu Meħlus mill-Jasar Ifaħħar lil Jehovah maʼ l-Art Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Poplu Meħlus mill-Jasar Ifaħħar lil Jehovah maʼ l-Art Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Lingwa Pura” għal Min?
  • Il-​Qima taʼ Jehovah Merfugħa ’l Fuq
  • Il-​Qima Vera Jkollha r-​Riżq
  • L-​Akbar Xogħol taʼ Tagħlim fl-​Istorja
  • “Tħallix Idejk Jintelqu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Lingwa Pura Għall-Ġnus Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Siru Magħqudin bil-Lingwa Pura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • ‘Ibqgħu Stennewni’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 2/15 pp. 23-28

Poplu Meħlus mill-​Jasar Ifaħħar lil Jehovah maʼ l-​Art Kollha

“Se nagħti lill-​popli l-​bidla għal lingwa pura, sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah.”​—SOFONIJA 3:​9, NW.

1. Il-​messaġġi taʼ gwaj għala twettqu kontra l-​art taʼ Ġuda u kontra ġnus oħra?

KIENU verament qawwija l-​messaġġi li Jehovah nebbaħ lil Sofonija biex iwassal! Dan il-​kliem taʼ gwaj twettaq kontra l-​art taʼ Ġuda u kontra Ġerusalemm, il-​belt kapitali tagħha, għaliex il-​mexxejja u n-​nies in ġenerali ma kinux qed jagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah. Il-​ġnus ġirien tagħhom, bħall-​Filistja, Mowab, u Għammon, ukoll kienu se jġarrbu l-​korla t’Alla. Għaliex? Minħabba l-​oppożizzjoni krudili tagħhom li kienet ilha sejra sekli sħaħ kontra l-​poplu taʼ Jehovah. Għal din l-​istess raġuni, l-​imperu dinji taʼ l-​Assirja kien se jinqered għalkollox u qatt ma jerġaʼ jitfaċċa.

2. Milli jidher lil min kien indirizzat il-​kliem taʼ Sofonija 3:8?

2 Madankollu, kien hemm xi wħud li kienu lesti jagħmlu s-​sewwa fl-​art taʼ Ġuda dak iż-​żmien. Dawn kienu jħarsu ’l quddiem lejn meta Alla jagħmel ħaqq mill-​ħżiena u milli jidher kien indirizzat lilhom il-​kliem: “Għalhekk, stennewni, oraklu tal-​Mulej, għal dakinhar li fih inqum biex nixhed; għaliex hu digriet tiegħi li jien niġbor il-​ġnus, niġmaʼ s-​saltniet, sabiex il-​qilla tiegħi nixħet fuqhom, nixħet ix-​xrar taʼ l-​għadab kollu tiegħi, għax f’nar il-​korla għajjura tiegħi l-​art kollha għad tintemm.”—Sofonija 3:8.

“Lingwa Pura” għal Min?

3. Sofonija liema messaġġ taʼ tama kien imnebbaħ biex iwassal?

3 Iva, Sofonija wassal il-​messaġġi taʼ gwaj mingħand Jehovah. Imma l-​profeta kien imnebbaħ ukoll biex jinkludi messaġġ mill-​isbaħ taʼ tama. Dan kellu jkun taʼ faraġ kbir għal dawk li baqgħu leali lejn Jehovah. Bħalma nsibu miktub f’Sofonija 3:9 (NW), Alla Jehovah ddikjara: “Imbagħad se nagħti lill-​popli l-​bidla għal lingwa pura, sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.”

4, 5. (a) X’kien se jiġrilhom in-​nies il-​ħżiena? (b) Min kien se jgawdi minn dan, u għaliex?

4 Kien hemm nies li ma kinux se jingħataw din il-​lingwa pura. Il-​profezija dan tinnotah meta tgħid: “Jiena mbagħad inneħħi minn ġo nofsok lil dawk fost niesek li jsibu l-​hena tagħhom fil-​kburija.” (Sofonija 3:11) Mela n-​nies imkabbrin li kienu jżebilħu l-​liġijiet t’Alla u jipprattikaw il-​ħażen kienu se jitwarrbu. U min kellu jgawdi minn din il-​ħaġa? Sofonija 3:​12, 13 jgħid: “U [jiena, Jehovah] nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken. U f’isem il-​Mulej ifittxu l-​kenn dawk li jifdal minn Iżrael. Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor, u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom, hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu bla ma jbeżżagħhom ħadd.”

5 Dawk li kellhom igawdu kienu n-​nies leali, fdal minn Ġuda taʼ l-​antik. Għaliex? Talli aġixxew fi qbil mal-​kliem: “Fittxu l-​Mulej ilkoll, intom, l-​umli taʼ l-​art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu [“t-​tjieba,” NW], fittxu l-​umiltà: biex forsi f’jum il-​korla tal-​Mulej ikollkom fejn tistkennu.”—Sofonija 2:3.

6. X’ġara fl-​ewwel twettiq tal-​profezija taʼ Sofonija?

6 Fl-​ewwel twettiq tal-​profezija taʼ Sofonija, Alla kkastiga lill-​art żleali taʼ Ġuda billi ħalla lill-​Qawwa Dinjija Babiloniża tegħlibha u tieħu lin-​nies tagħha fil-​jasar fis-​sena 607 Q.E.K. Xi wħud, inkluż il-​profeta Ġeremija, ġew skansati, u oħrajn baqgħu leali lejn Jehovah anki fil-​jasar. Imbagħad, fis-​sena 539 Q.E.K., Babilonja kienet megħluba mill-​Medi u l-​Persjani taħt it-​tmexxija tas-​Sultan Ċiru. Xi sentejn wara, Ċiru ħareġ digriet li permezz tiegħu ħalla lil xi nies, li kien fadal minn fost il-​Lhud, imorru lura lejn arthom. Maż-​żmien, it-​tempju taʼ Ġerusalemm reġaʼ nbena, u l-​qassisin reġgħu sabu ruħhom f’pożizzjoni li jgħallmu l-​Liġi lin-​nies. (Malakija 2:7) Mela lil dawk mill-​fdal li reġgħu marru lura lejn arthom Jehovah berikhom bil-​ġid, dment li baqgħu leali.

7, 8. Għal min kien japplika l-​kliem profetiku taʼ Sofonija 3:​14-17, u għaliex twieġeb hekk?

7 Rigward dawk li kienu se jgawdu arthom mill-​ġdid, Sofonija bassar: “Għajjat bil-​ferħ taʼ qalbek, bint Sijon, Iżrael, sammaʼ leħnek! Infexx fl-​hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Neħħa l-​Mulej minn fuqek is-​sentenza li kellek kontrik, keċċa l-​għedewwa tiegħek. Is-​sultan t’Iżrael, il-​Mulej hu f’nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibżaʼ. Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm: ‘Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu: il-​Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajat taʼ ferħ.’”​—Sofonija 3:14-​17.

8 Dan il-​kliem profetiku jirreferi għal dawk mill-​fdal li ttieħdu ’l barra mill-​jasar taħt Babilonja u nġiebu lura lejn art missirijiethom. Dan jurih ċar Sofonija 3:​18-20, fejn naqraw: “‘Il-​ħsara nwarrab minnek, biex bl-​għajb tiegħek ma tibqax mgħobbija. Ara, jien [Jehovah] nagħmel qerda dakinhar minn kull min ħaqrek, u nsalva ’l dawk li għotru, u nerġaʼ nsejjaħ lejja l-​imkeċċija, nqegħedhom għat-​tifħir, nagħmlilhom isem fl-​art kollha, u nreġġagħhom għal li kienu. Jien f’dak iż-​żmien inġibkom, u f’dak iż-​żmien niġmagħkom, u nagħtikom isem fost il-​popli kollha taʼ l-​art u dawn ifaħħrukom u nreġġagħkom għal li kontu quddiem għajnejkom stess,’ jgħid il-​Mulej.”

9. Jehovah kif għamel isem għalih innifsu f’konnessjoni maʼ l-​art taʼ Ġuda?

9 Immaġina kif inħasdu l-​ġnus taʼ l-​inħawi li kienu għedewwa tal-​poplu t’Alla! L-​abitanti taʼ Ġuda kienu ttieħdu fil-​jasar mis-​setgħana Babilonja, bla ebda tama li xi darba jinħelsu. Iktar minn hekk, arthom kienet tħalliet ħerba. Imma bil-​qawwa t’Alla marru lura f’arthom wara 70 sena, filwaqt li l-​ġnus għedewwa tagħhom kienu resqin lejn ir-​rovina. X’isem għamel għalih innifsu Jehovah billi ġab lura lil dak il-​fdal leali! Tahom “isem fost il-​popli kollha taʼ l-​art” u ‘dawn faħħruhom.’ X’unur u glorja kien dan għal Jehovah u għal dawk li kienu jġorru ismu!

Il-​Qima taʼ Jehovah Merfugħa ’l Fuq

10, 11. Meta kellu jseħħ it-​twettiq il-​kbir tal-​profezija taʼ Sofonija dwar il-​ħelsien mill-​jasar, u dan kif nafuh?

10 Kien hemm ħelsien ieħor mill-​jasar fl-​ewwel seklu taʼ l-​Era Komuni, meta Ġesù Kristu ġabar fdal minn Iżrael lejn il-​qima vera. Dan serva taʼ dehra bil-​quddiem taʼ x’kien għad irid jiġri, għax it-​twettiq il-​kbir tal-​ħelsien mill-​jasar kien għad irid iseħħ fil-​futur. Il-​profezija taʼ Mikea bassret: “Għad jiġri fl-​aħħar jiem li l-​għolja taʼ dar il-​Mulej togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji, u tintrefaʼ ’l fuq mill-​għoljiet. Lejha għad jiġu l-​popli kollha.”—Mikea 4:1.

11 Dan meta kien se jiġri? Bħalma tgħid il-​profezija, “fl-​aħħar jiem,”—iva, meta jkun qorob “l-​aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:1) Dan kellu jiġri qabel tintemm din is-​sistema dinjija mill-​agħar waqt li l-​ġnus ikunu għadhom qed iqimu l-​allat foloz. Mikea 4:5 jgħid: “Il-​popli kollha jimxu kull wieħed f’isem l-​alla tiegħu.” U xi ngħidu dwar l-​adoraturi veri? Il-​profezija taʼ Mikea twieġeb: “Imma aħna nimxu f’isem il-​Mulej [Jehovah], Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.”

12B’hekk, f’dawn l-​aħħar jiem, “l-​għolja taʼ dar il-​Mulej [diġà qed] togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji.” Bħall-​ogħla muntanja, il-​qima vera taʼ Jehovah, li tisboq lill-​oħrajn kollha, reġgħet ngħatat il-​ħajja mill-​ġdid, ġiet stabbilita fis-​sod u ġiet merfugħa ’l fuq minn kull xorta taʼ reliġjon oħra. Bħalma bassar ukoll Mikea, “lejha għad jiġu l-​popli kollha.” U dawk li jipprattikaw il-​qima vera se jimxu ‘f’isem Jehovah Alla tagħhom, għal dejjem taʼ dejjem.’

13, 14. Din id-​dinja meta daħlet fil-​parti finali tal-​jiem, u x’kien qed jiġri minn dak iż-​żmien ’l hawn rigward il-​qima vera?

13 Ġrajjiet li seħħew bi twettiq tal-​profezija Biblika juru li din id-​dinja daħlet fil-​parti finali tal-​jiem, jew fl-​aħħar jiem tagħha, fis-​sena 1914. (Mark 13:​4-10) L-​istorja turi li Jehovah beda jiġbor lejn il-​qima vera fdal leali taʼ midlukin, bit-​tama għas-​sema. Wara dan beda jsir il-​ġbir taʼ “kotra kbira” taʼ nies “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,” li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-​art.—Apokalissi 7:9.

14 Mill-​Ewwel Gwerra Dinjija sal-​ġurnata tal-​lum, il-​qima lejn Jehovah minn dawk li jġorru ismu mxiet ’il quddiem bis-​sħiħ taħt it-​tmexxija tiegħu. Minn ftit eluf wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, illum hemm madwar sitt miljun ruħ jaduraw lil Jehovah u huma miġburin f’xi 91,000 kongregazzjoni f’235 pajjiż. Kull sena, dawn ix-​xandara tas-​Saltna jqattgħu bejniethom ’il fuq sew minn elf miljun siegħa jfaħħru lil Alla pubblikament. Jidher ċar li huma dawn ix-​Xhieda taʼ Jehovah li qed iwettqu l-​kliem profetiku taʼ Ġesù: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

15. Sofonija 2:3 kif qiegħed jitwettaq issa?

15 Sofonija 3:17 jinnota: “Il-​Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva.” Il-​prosperità spiritwali li jgawdu l-​qaddejja taʼ Jehovah f’dawn l-​aħħar jiem hija b’riżultat dirett tal-​fatt li għandhom lilu ‘f’nofshom’ bħala Alla tagħhom kollu qawwa. Dan hu minnu llum daqskemm kien meta l-​art taʼ Ġuda fl-​antik inħelset mill-​jasar, fis-​sena 537 Q.E.K. B’hekk nistgħu naraw kif Sofonija 2:3 għandu t-​twettiq il-​kbir tiegħu fi żmienna meta jgħid: “Fittxu l-​Mulej ilkoll, intom, l-​umli taʼ l-​art.” (Korsiv tagħna.) Fis-​sena 537 Q.E.K., il-​kelma “lkoll” inkludiet lill-​fdal taʼ Lhud li ġew lura mill-​jasar Babiloniż. Issa tirrappreżenta lin-​nies ġwejdin mill-​ġnus kollha tad-​dinja, lil dawk li jwieġbu b’mod favorevoli għax-​xogħol globali taʼ ppridkar tas-​Saltna u li qed imorru bi ħġarhom lejn “l-​għolja taʼ dar il-​Mulej.”

Il-​Qima Vera Jkollha r-​Riżq

16. X’inhi x’aktarx ir-​reazzjoni taʼ l-​għedewwa tagħna għar-​riżq li qed ikollhom il-​qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna?

16 Wara s-​sena 537 Q.E.K., ħafna mill-​ġnus taʼ dawk l-​inħawi baqgħu ċċassati meta raw lill-​qaddejja t’Alla jitreġġgħu lejn arthom u lejn il-​qima vera. Imma dan il-​ħelsien mill-​jasar kien fuq skala relattivament żgħira. Tistaʼ timmaġina x’qed jgħidu xi wħud, anki l-​għedewwa tal-​poplu t’Alla, meta jaraw iż-​żjieda taʼ l-​għaġeb, ir-​riżq, u l-​mixi ’l quddiem tal-​qaddejja taʼ Jehovah fiż-​żmien modern? Wisq probabbli xi wħud minn dawn l-​għedewwa jħossuhom bħalma ħassewhom il-​Fariżej meta raw kif in-​nies kienu qed imorru bi ħġarhom għand Ġesù. Dawn qalu: “Ara, id-​dinja kollha sejra warajh!”—Ġwann 12:19.

17. Wieħed kittieb x’qal dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah, u liema żjieda ġarrbu?

17 Fil-​ktieb These Also Believe (Dawn Ukoll Jemmnu), il-​Professur Charles S. Braden qal: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah laħqu letteralment l-​art kollha bix-​xogħol taʼ xiehda. Jistaʼ jingħad tassew li ebda grupp reliġjuż ieħor fid-​dinja ma wera daqstant żelu u persistenza fi sforz biex tixxandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna daqskemm urew ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Dan il-​moviment x’aktarx li se jkompli jissaħħaħ iżjed u iżjed.” Kemm kellu raġun, speċjalment meta wieħed iqis li dan il-​kliem inkiteb madwar 50 sena ilu, meta kien hemm biss xi 300,000 Xhieda jippridkaw madwar id-​dinja! X’kien jgħid kieku llum, meta n-​numru taʼ dawk li qed jippridkaw żdied b’xi 20 darba, għal madwar sitt miljuni?

18. X’inhi l-​lingwa pura, u Alla lil min taha?

18 Permezz tal-​profeta tiegħu, Alla wiegħed: “Se nagħti lill-​popli l-​bidla għal lingwa pura, sabiex ilkoll isejħu isem Jehovah, sabiex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:​9, NW) F’dawn l-​aħħar jiem, huma x-​Xhieda taʼ Jehovah li jsejħu isem Jehovah, li jaqduh magħqudin b’rabta taʼ mħabba li ma tinkisirx, iva, “spalla maʼ spalla.” Huwa lilhom li Jehovah taha l-​lingwa pura. Din il-​lingwa pura tinkludi li wieħed jifhem sew il-​verità dwar Alla u dwar l-​iskopijiet tiegħu. Dan l-​għarfien Jehovah biss jistaʼ jipprovdih, u dan jagħmlu permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. (1 Korintin 2:10) Lil min tah l-​ispirtu tiegħu? ‘Lil dawk biss li jobduh bħala l-​mexxej tagħhom.’ (Atti 5:32) Huma x-​Xhieda taʼ Jehovah biss li lesti jobdu ’l Alla bħala l-​Mexxej tagħhom f’kollox. Hu għalhekk li jirċievu l-​ispirtu t’Alla u jitkellmu l-​lingwa pura, il-​verità dwar Jehovah u dwar l-​iskopijiet meraviljużi tiegħu. U din il-​lingwa pura jużawha biex ifaħħru ’l Jehovah maʼ l-​art kollha fuq skala kbira li dejjem qed tkompli tikber.

19. Biex titkellem il-​lingwa pura x’jinvolvi?

19 Mela li nitkellmu l-​lingwa pura jinvolvi mhux biss li nemmnu l-​verità u li ngħallmuha lil ħaddieħor, imma wkoll li l-​imġiba tagħna tkun fi qbil mal-​liġijiet u mal-​prinċipji t’Alla. Il-​Kristjani midlukin kienu fuq quddiem ifittxu lil Jehovah u jitkellmu l-​lingwa pura. Aħseb ftit dwar x’irnexxielhom iwettqu! Għalkemm minnhom baqaʼ inqas minn 8,700 ruħ, hemm xi sitt miljuni oħra li qed jimitaw il-​fidi tagħhom billi jfittxu lil Jehovah u jitkellmu l-​lingwa pura. Dawn huma l-​għadd li dejjem qed jikber tal-​folla kbira mill-​ġnus kollha li juru fidi fis-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala fidwa. Huma qed jagħtu servizz sagru fil-​bitħa tat-​tempju spiritwali t’Alla hawn fuq l-​art, u se jibqgħu ħajjin fit-​tribulazzjoni, jew “it-​taħbit il-​kbir,” li ġejja fuq din id-​dinja mill-​agħar.—Apokalissi 7:9, 14, 15.

20. X’hemm fil-​futur għall-​midlukin leali u għal dawk li jifformaw il-​folla kbira?

20 Dawk tal-​folla kbira se jitmexxew għal ġod-​dinja taʼ tjieba t’Alla. (2 Pietru 3:13) Il-​ġemgħa ġdida li tmexxi l-​art se tkun ifformata minn Ġesù Kristu u l-​144,000 midlukin li jkunu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema biex jaqdu bħala slaten u qassisin miegħu. (Rumani 8:​16, 17; Apokalissi 7:4; 20:6) Dawk li jibqgħu ħajjin fit-​tribulazzjoni l-​kbira se jaħdmu biex l-​art jagħmluha ġenna u se jkomplu jitkellmu din il-​lingwa pura li tahom Alla. Bħala prinċipju, japplika għalihom il-​kliem: “Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-​Mulej, kbir għad ikun ġid uliedek. Fuq sies il-​ġustizzja titwaqqaf.”—Isaija 54:​13, 14.

L-​Akbar Xogħol taʼ Tagħlim fl-​Istorja

21, 22. (a) Skond ma hu indikat f’Atti 24:​15, min se jkollu bżonn jiġi mgħallem il-​lingwa pura? (b) Liema xogħol taʼ tagħlim li qatt ma kien hawn bħalu se jseħħ fuq l-​art taħt it-​tmexxija tas-​Saltna?

21 Hemm grupp ieħor ferm akbar taʼ nies li se jingħataw l-​opportunità li jitgħallmu l-​lingwa pura fid-​dinja l-​ġdida. Dawn jissemmew f’Atti 24:​15, li jgħid: “Kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena għad iqumu minn bejn l-​imwiet.” Fil-​passat, eluf taʼ miljuni taʼ nies għexu u mietu mingħajr qatt ma kellhom għarfien eżatt dwar Jehovah. Bl-​ordni u bil-​galbu, hu se jagħtihom lura l-​ħajja. U dawn l-​uħud irxoxtati se jkollhom bżonn jiġu mgħallmin il-​lingwa pura.

22 Xi privileġġ mill-​isbaħ se jkun għal kulmin ikollu sehem f’dan ix-​xogħol kbir taʼ tagħlim! Se tkun l-​akbar kampanja taʼ tagħlim li qatt saret fl-​istorja tal-​bniedem, u dan kollu se jseħħ taħt it-​tmexxija ħanina taʼ Kristu Ġesù meta jkollu f’idejh il-​qawwa tas-​Saltna. Bis-​saħħa t’hekk, il-​bnedmin maż-​żmien se jaraw it-​twettiq taʼ Isaija 11:​9, li jgħid: “Mimlija hi l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.”

23. Għala nistgħu ngħidu li aħna privileġġati ferm bħala l-​poplu taʼ Jehovah?

23 Kemm aħna privileġġati f’dawn l-​aħħar jiem li qed nitħejjew għal dan iż-​żmien meraviljuż li ġej meta l-​għarfien taʼ Jehovah verament se jimla l-​art! U kemm aħna privileġġati issa stess li bħala l-​poplu t’Alla qegħdin naraw b’għajnejna t-​twettiq tal-​kliem profetiku li nsibu f’Sofonija 3:20! Hemm insibu lil Jehovah jassigurana: “Nagħtikom isem fost il-​popli kollha taʼ l-​art u dawn ifaħħrukom.”

Int Kif Twieġeb?

• Il-profezija taʼ Sofonija dwar il-​ħelsien mill-​jasar kemm-il darba titwettaq u meta?

• Il-qima vera kif kellha r-​riżq f’dawn l-​aħħar jiem?

• Liema xogħol kbir taʼ tagħlim se jseħħ fid-​dinja l-​ġdida?

12. Il-​qima vera kif ġiet merfugħa ’l fuq f’dawn l-​aħħar jiem?

[Stampa f’paġna 25]

Il-​poplu taʼ Jehovah reġaʼ mar lura lejn artu biex jistabbilixxi mill-​ġdid il-​qima vera. Taf x’inhu s-​sinifikat taʼ dan illum?

[Stampi f’paġna 26]

Billi jitkellmu l-​“lingwa pura,” ix-​Xhieda taʼ Jehovah joffru lin-​nies il-​messaġġ tal-​Bibbja li jfarraġ il-​qalb

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja