Il-Post Xieraq tal-Qima taʼ Jehovah fil-Ħajjiet Tagħna
“Il-jum kollu se nbierkek, u se nfaħħar lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—SALM 145:2.
1. Rigward il-qima, Jehovah xi jfittex?
“JIEN Jehovah Alla tiegħek Alla li qiegħed nesiġi devozzjoni esklussiva.” (Eżodu 20:5) Mosè semaʼ dik id-dikjarazzjoni mingħand Jehovah, u iktar tard irrepetieha meta indirizza lill-ġens t’Iżrael. (Dewteronomju 5:9) Ma kien hemm ebda dubju f’moħħ Mosè li Alla Jehovah stenna mill-qaddejja Tiegħu li jqimu Lilu b’mod esklussiv.
2, 3. (a) X’kien li impressjona fuq l-Iżraeliti li dak li ġara ħdejn il-Muntanja Sinaj kien straordinarju? (b) Liema mistoqsijiet se neżaminaw dwar il-qima mill-Iżraeliti u mill-qaddejja t’Alla llum?
2 Ikkampjati ħdejn il-Muntanja Sinaj, l-Iżraeliti u l-“kumpanija vasta mħallta” li kienu telqu mill-Eġittu magħhom xehdu xi ħaġa m’hijiex tas-soltu. (Eżodu 12:38) Ma kienet tixbah xejn lill-qima taʼ l-allat taʼ l-Eġittu, li kienu issa ġew umiljati mill-għaxar daqqiet, jew kastigi. Hekk kif Jehovah wera l-preżenza tiegħu lil Mosè, affarijiet fenomenali li jispiraw biżaʼ seħħew: ragħad, sajjetti, u l-ħoss li jtarrax taʼ qarn li ġiegħel lill-kamp kollu jirtogħod. Imbagħad ġew nar u duħħan hekk kif il-muntanja kollha theżhżet. (Eżodu 19:16-20; Ebrej 12:18-21) Jekk xi Iżraelit ried iżjed prova li dak li kien qed jiġri kien straordinarju, dak kien se jiġri dalwaqt. F’qasir żmien, Mosè niżel minn fuq il-muntanja wara li rċieva t-tieni kopja tal-liġijiet t’Alla. Skond ir-rakkont imnebbaħ, “il-ġilda taʼ wiċċ [Mosè] kienet tixħet raġġi u [n-nies] bdew jibżgħu jiġu qrib tiegħu.” Verament, esperjenza sovrumana, li ma tintesiex!—Eżodu 34:30.
3 Għal dak il-ġens tipiku t’Alla, ma kien hemm ebda dubju dwar il-post li okkupat il-qima taʼ Jehovah. Hu kien il-Ħellies tagħhom. Kienu jafu lill-istess ħajjiet tagħhom lilu. Kien ukoll il-Leġiżlatur tagħhom. Imma żammew huma l-qima taʼ Jehovah fl-ewwel post? U xi ngħidu dwar il-qaddejja t’Alla taż-żmien modern? Liema post għandha l-qima taʼ Jehovah fil-ħajjiet tagħhom?—Rumani 15:4.
Il-Mod Kif Iżrael Qiem Lil Jehovah
4. Il-kamp taʼ Iżrael kif kien imqassam matul iż-żmien li qattgħu fix-xagħri, u x’kien hemm fiċ-ċentru tal-kamp?
4 Li kieku kellek tħares ’l isfel mis-sema lejn Iżrael ikkampjat fix-xagħri, x’kont tara? Ruxxmata kbira taʼ tined irranġati bl-ordni li x’aktarx kien fihom xi tliet miljun ruħ jew iżjed, miġburin skond diviżjonijiet taʼ tliet tribujiet lejn it-Tramuntana, in-Nofs in-Nhar, il-Lvant, u l-Punent. Li kellek tħares iżjed qrib, kont tinnota wkoll ġbir ieħor eqreb lejn in-nofs tal-kamp. Dawn l-erbaʼ gruppi iżgħar taʼ tined kellhom fihom il-familji tat-tribù taʼ Levi. Fiċ-ċentru eżatt tal-kamp, f’post maqtugħ għalih b’ħajt tad-drapp, kien hemm struttura unika. Din kienet it-“tinda tal-laqgħa,” jew tabernaklu, li Iżraeliti b’“qalb għarfa” kienu bnew skond il-pjanta taʼ Jehovah.—Numri 1:52, 53; 2:3, 10, 17, 18, 25; Eżodu 35:10.
5. It-tabernaklu liema skop qeda f’Iżrael?
5 F’kull wieħed mill-madwar 40 post fejn ikkampjaw matul il-vjaġġ tagħhom fix-xagħri, Iżrael bnew it-tabernaklu, u dan sar il-post ċentrali tal-kamp tagħhom. (Numri, kapitlu 33) B’mod xieraq, il-Bibbja tiddeskrivi lil Jehovah bħala li jgħix fost il-poplu tiegħu eżatt fiċ-ċentru tal-kamp tagħhom. Il-glorja tiegħu mliet it-tabernaklu. (Eżodu 29:43-46; 40:34; Numri 5:3; 11:20; 16:3) Il-ktieb Our Living Bible jikkummenta: “Dan is-santwarju li setaʼ jinġarr kien taʼ importanza l-iktar kbira, ladarba dan ħoloq ċentru għal ġbir reliġjuż għat-tribujiet. Dan b’hekk żammhom uniti matul is-snin twal taʼ ġiri fid-deżert u għamel possibbli azzjoni magħquda.” Iktar minn hekk, it-tabernaklu qeda bħala tfakkira kontinwa li l-qima taʼ l-Iżraeliti lejn il-Ħallieq tagħhom kienet ċentrali għall-ħajjiet tagħhom.
6, 7. Liema struttura għall-qima ħadet post it-tabernaklu, u din kif qdiet lill-ġens taʼ Iżrael?
6 Wara li l-Iżraeliti waslu fl-Art Imwiegħda, it-tabernaklu baqaʼ jkun iċ-ċentru tal-qima taʼ Iżrael. (Ġożwè 18:1; 1 Samwel 1:3) Maż-żmien, is-Sultan David ippropona li tinbena struttura permanenti. Din tat prova li kienet it-tempju, mibni iktar tard minn ibnu Salamun. (2 Samwel 7:1-10) Fl-inawgurazzjoni tiegħu sħaba niżlet biex tindika l-approvazzjoni taʼ Jehovah għal dak il-bini. “Jien bnejt b’suċċess dar t’għamara għolja għalik,” talab Salamun, “post stabbilit għalik biex tgħammar fih għal żmien indefinit.” (1 Slaten 8:12, 13; 2 Kronaki 6:2) It-tempju mibni ġdid issa sar iċ-ċentru għad-devozzjonijiet tal-ġens.
7 Tliet darbiet fis-sena, l-irġiel Iżraeliti kollha telgħu Ġerusalemm biex jattendu ċelebrazzjonijiet taʼ ferħ fit-tempju b’rikonoxximent tal-barka t’Alla. B’mod xieraq, dawn il-laqgħat kienu msejħin “festi staġjonali taʼ Jehovah,” billi ffokaw l-attenzjoni fuq il-qima t’Alla. (Levitiku 23:2, 4) Nisa devoti attendew flimkien maʼ membri oħrajn tal-familja.—1 Samwel 1:3-7; Luqa 2:41-44.
8. Salm 84:1-12 kif jixhed għall-importanza tal-qima taʼ Jehovah?
8 Is-salmisti mnebbħin b’mod elokwenti rrikonoxxew kemm il-qima kienet meqjusa importanti ħafna fil-ħajjiet tagħhom. “Kemm huwa sabiħ it-tabernaklu grandjuż tiegħek, O Jehovah taʼ l-armati!” kantaw l-ulied subjien taʼ Kora. Huma ċertament ma kinux qegħdin jeżaltaw lil xi bini partikulari. Minflok, għollew l-ilħna tagħhom f’tifħir lil Alla Jehovah, billi ddikjaraw: “Qalbi stess u l-istess laħmi jgħajtu mimlijin ferħ lil dak Alla l-ħaj.” Is-servizz tal-Leviti ġabilhom hena kbira. “Henjin dawk li qegħdin jgħammru fid-dar tiegħek!” ipproklamaw. “Huma xorta waħda jibqgħu jfaħħruk.” Fil-fatt, Iżrael kollu setgħu jkantaw: “Henjin huma l-irġiel li s-saħħa tagħhom qiegħda fik, li f’qalbhom hemm it-toroq kbar. . . . Huma se jkomplu mexjin minn enerġija vitali għal enerġija vitali; kull wieħed jidher lil Alla f’Sijon.” Għalkemm il-vjaġġ taʼ wieħed Iżraelit lejn Ġerusalemm setaʼ kien twil u strapazzanti, is-saħħa tiegħu kienet tiġġedded hekk kif kien jasal fil-kapitali. Qalbu mtliet bil-ferħ hekk kif hu gglorifika l-privileġġ tiegħu li jqim lil Jehovah: “Għax jum fil-btieħi tiegħek huwa aħjar minn elf x’imkien ieħor. Jien għażilt li nieqaf fuq l-għatba tad-dar t’Alla tiegħi minflok ma ndur madwar it-tined tal-ħażen. . . . O Jehovah taʼ l-armati, hieni hu l-bniedem li qiegħed jafda fik.” Espressjonijiet bħal dawn jirrivelaw il-prijorità li dawk l-Iżraeliti taw lill-qima taʼ Jehovah.—Salm 84:1-12.
9. Xi ġralu l-ġens taʼ Iżrael meta naqas li jżomm il-qima taʼ Jehovah fuq quddiem?
9 B’sogħba, Iżrael naqsu li jżommu l-qima vera fuq quddiem. Ippermettew li d-devozzjoni lejn allat foloz therri ż-żelu tagħhom għal Jehovah. B’konsegwenza taʼ dan, Jehovah abbandunahom għall-għedewwa tagħhom, billi ħalliehom jittieħdu fl-eżilju fil-Babilonja. Meta ġew irrestawrati lejn arthom wara 70 sena, Jehovah ipprovda lil Iżrael bl-eżortazzjonijiet taʼ tqanqil tal-profeti leali Ħaggaj, Żakkarija, u Malakija. Il-Qassis Eżra u l-Gvernatur Neħemija qanqlu lill-poplu t’Alla biex jibnu mill-ġdid it-tempju u jistabbilixxu mill-ġdid il-qima vera hemmhekk. Imma hekk kif għaddew is-sekli, il-qima vera reġgħet tbaxxiet bħala prijorità fil-ġens.
Żelu Għal Qima Vera Fl-Ewwel Seklu
10, 11. Il-qima taʼ Jehovah liema post kellha fil-ħajjiet taʼ wħud leali meta Ġesù kien fuq l-art?
10 Fiż-żmien stipulat taʼ Jehovah, deher il-Messija. Individwi leali kienu qegħdin jittamaw f’Jehovah għas-salvazzjoni. (Luqa 2:25; 3:15) Ir-rakkont tal-Vanġelu taʼ Luqa b’mod ċar jiddeskrivi lil Anna taʼ 84 sena bħala armla “li qatt ma kienet tonqos mit-tempju, tagħti servizz sagru lejl u nhar b’sawm u suppliki.”—Luqa 2:37.
11 “L-ikel tiegħi,” qal Ġesù, “huwa għalija li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm ix-xogħol tiegħu.” (Ġwann 4:34) Ftakar kif irreaġixxa Ġesù meta kkonfronta lis-sarrafa tal-flus fit-tempju. Qalbilhom l-imwejjed kif ukoll il-bankijiet tal-merkanti tal-ħamiem. Mark jirrakkonta: “[Ġesù] ma kien iħalli lil ħadd iġorr xi għodda minn ġot-tempju, imma hu baqaʼ jgħallem u jgħid: ‘M’huwiex miktub, “Dari se tissejjaħ dar taʼ talb għall-ġnus kollha”? Imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.’” (Mark 11:15-17) Iva, Ġesù saħansitra ma ħalla lil ħadd iqassar it-triq billi jgħaddi mill-bitħa tat-tempju meta jkun iġorr xi affarijiet għal xi parti oħra tal-belt. L-azzjonijiet taʼ Ġesù inforzaw il-parir li kien ta qabel: “Ibqgħu, allura, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba [t’Alla].” (Mattew 6:33) Ġesù ħallielna eżempju meraviljuż f’li nagħtu lil Jehovah devozzjoni esklussiva. Hu verament ipprattika dak li ppriedka.—1 Pietru 2:21.
12. Id-dixxipli taʼ Ġesù kif urew il-prijorità li kienu jagħtu lill-qima taʼ Jehovah?
12 Ġesù waqqaf ukoll mudell għad-dixxipli tiegħu biex isegwu bil-mod kif hu wettaq l-inkarigu tiegħu li jeħles lil-Lhud mgħaffġin, imma leali, mit-toqol taʼ prattiċi reliġjużi foloz. (Luqa 4:18) B’ubbidjenza lejn il-kmand taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli u jgħammduhom, il-Kristjani bikrin bil-qlubija pproklamaw ir-rieda taʼ Jehovah f’konnessjoni mal-Mulej irxoxtat tagħhom. Jehovah kien kuntent ħafna bil-prijorità li huma taw lill-qima Lejh. B’hekk, l-anġlu t’Alla stess ħeles b’mod mirakoluż lill-appostli Pietru u Ġwanni mill-ħabs u tahom l-istruzzjoni: “Morru fi triqtkom, u, wara li tkunu ħadtu waqfa fit-tempju, ibqgħu għidu lin-nies il-qwiel kollha dwar din il-ħajja.” Mogħtijin is-saħħa mill-ġdid, obdew. Kuljum, kemm fit-tempju taʼ Ġerusalemm u kif ukoll minn dar għal dar “komplew bla heda jgħallmu u jiddikjaraw l-aħbar tajba dwar il-Kristu, Ġesù.”—Atti 1:8; 4:29, 30; 5:20, 42; Mattew 28:19, 20.
13, 14. (a) Minn żminijiet Kristjani bikrin, Satana x’ipprova jagħmel lill-qaddejja t’Alla? (b) Il-qaddejja leali t’Alla x’baqgħu jagħmlu?
13 Hekk kif l-oppożizzjoni għall-ippridkar tagħhom kibret, Alla dderieġa lill-qaddejja leali tiegħu biex jiktbu pariri f’waqthom. “Itfgħu l-anzjetà kollha tagħkom fuq [Jehovah], għaliex jimpurtah minnkom,” kiteb Pietru ftit wara s-sena 60 E.K. “Ibqgħu f’sensikom, kunu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, idur bħal iljun jgħajjat, ifittex biex jiblaʼ lil xi ħadd. Imma ħudu l-waqfa tagħkom kontra tiegħu, solidi fil-fidi, billi tafu li l-istess affarijiet f’dawk li huma sofferenzi qegħdin jiġu mwettqin fis-sħubija kollha kemm hija taʼ ħutkom fid-dinja.” Il-Kristjani bikrin ċertament li sabu rassigurazzjoni f’dak il-kliem. Kienu jafu li wara li jkunu sofrew għal ftit żmien, Alla kien se jtemm it-taħriġ tagħhom. (1 Pietru 5:7-10) Matul dawk l-aħħar jiem tas-sistema t’affarijiet Lhudija, Kristjani veri elevaw il-qima taʼ mħabba taʼ Jehovah għal livelli ġodda.—Kolossin 1:23.
14 Kif kien bassar l-appostlu Pawlu, seħħet apostasija, dawrien lil hinn mill-qima vera. (Atti 20:29, 30; 2 Tessalonkin 2:3) Testimonjanza mill-aħħar għaxriet taʼ snin taʼ l-ewwel seklu akkumulat evidenza taʼ dan. (1 Ġwann 2:18, 19) Satana b’suċċess żeraʼ Kristjani taparsi fost il-ġenwini, billi għamilha diffiċli biex tiddistingwi dan il-“ħaxix ħażin” minn Kristjani bħal qamħ. Minkejja dan, matul is-sekli li għaddew, xi individwi poġġew il-qima t’Alla l-ewwel, saħansitra b’riskju għall-ħajjiet tagħhom. Imma ma kienx qabel l-aħħar għaxriet taʼ snin taż-“żminijiet maħturin tal-ġnus” li Alla ġabar mill-ġdid il-qaddejja tiegħu biex jeleva l-qima vera.—Mattew 13:24-30, 36-43; Luqa 21:24.
Il-Qima Taʼ Jehovah Elevata Llum
15. Mill-1919 ’l hawn, il-profeziji taʼ Isaija 2:2-4 u Mikea 4:1-4 kif twettqu?
15 Fl-1919, Jehovah ta l-qawwa lill-fdal midlukin biex iwettqu kampanja qalbiena taʼ għoti taʼ xiehda mad-dinja kollha li għolliet il-qima taʼ dak Alla veru fl-għoli. Bid-dħul tan-“ngħaġ oħrajn” simboliċi mill-1935 ’il quddiem, ix-xmara taʼ nies li b’mod spiritwali jitilgħu lejn “il-muntanja tad-dar taʼ Jehovah” baqgħet dejjem tikber. Matul is-sena taʼ servizz 1993, 4,709,889 Xhieda taʼ Jehovah faħħruh billi stiednu lil oħrajn biex jingħaqdu fil-qima elevata tiegħu. X’kuntrast jagħmel dan mal-qagħda baxxa spiritwali taʼ l-“għoljiet” settarjani taʼ l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, b’mod notevoli fil-Kristjaneżmu!—Ġwann 10:16; Isaija 2:2-4; Mikea 4:1-4.
16. Il-qaddejja kollha t’Alla x’għandhom bżonn jagħmlu minħabba dak li huwa mbassar f’Isaija 2:10-22?
16 Membri tar-reliġjon falza jqisu lill-knejjes u l-katidrali tagħhom, u saħansitra lill-kleru tagħhom bħala “għoljin,” billi jattribwulhom titli u unuri grandjużi. Imma innota x’bassar Isaija: “L-għajnejn imkabbrin tal-bniedem taʼ l-art iridu jsiru baxxi, u l-kobor tal-bnedmin irid imil; u Jehovah waħdu jrid jitqiegħed fl-għoli f’dak il-jum.” Dan meta se jseħħ? Matul it-tribulazzjoni kbira imminenti meta “l-allat taʼ bla valur infushom se jgħaddu kompletament.” Minħabba l-imminenza taʼ dak iż-żmien li jispira biżaʼ, il-qaddejja kollha t’Alla jeħtieġu li jeżaminaw serjament x’post għandha l-qima taʼ Jehovah fil-ħajjiet tagħhom.—Isaija 2:10-22.
17. Il-qaddejja taʼ Jehovah illum kif juru l-prijorità li jagħtu lill-qima taʼ Jehovah?
17 Bħala fratellanza internazzjonali, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sewwa għaż-żelu tagħhom f’li jippridkaw is-Saltna. Il-qima tagħhom m’hijiex sempliċement reliġjon għan-numru, riżervata għal xi siegħa jew ftit iktar fil-ġimgħa. Le, hija l-mod taʼ ħajja kollu kemm huwa tagħhom. (Salm 145:2) Tabilħaqq, is-sena l-oħra iktar minn 620,000 Xhieda rranġaw l-affarijiet tagħhom biex jieħdu sehem fil-ministeru Kristjan full-time. Il-bqija ċertament li ma jittraskurawx il-qima taʼ Jehovah. Għandha post prominenti kemm fil-konversazzjonijiet tagħhom taʼ kuljum u kif ukoll fl-ippridkar pubbliku tagħhom, saħansitra jekk l-obbligi tal-familja tagħhom jirrikjedu li jaħdmu iebes f’impjiegi sekulari.
18, 19. Semmi eżempji taʼ inkuraġġiment li stajt ħadt mill-qari taʼ stejjer tal-ħajjiet taʼ Xhieda.
18 L-istejjer tal-ħajja taʼ Xhieda ppubblikati f’The Watchtower jipprovdu dehen fil-modi taʼ kif aħwa rġiel u nisa differenti żammew il-qima taʼ Jehovah fl-ewwel post fil-ħajjiet tagħhom. Waħda oħt żagħżugħa li ddedikat il-ħajja tagħha lil Jehovah meta kellha sitt snin poġġiet is-servizz missjunarju bħala l-mira tagħha. Intom aħwa żgħażagħ, liema mira tistgħu tagħżlu li se tgħinkom iżżommu l-qima taʼ Jehovah quddiemnett fil-ħajjiet tagħkom?—Ara l-artiklu “Pursuing a Goal Set at Six Years of Age,” f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Marzu, 1992, paġni 26-30.
19 Waħda oħt armla u mdaħħla fiż-żmien tipprovdi eżempju ieħor mill-aħjar taʼ li npoġġu l-qima taʼ Jehovah fil-post xieraq tagħha. Hi ħadet inkuraġġiment kbir biex tissaporti mingħand dawk li kienet għenet biex jitgħallmu l-verità. Huma kienu l-“familja” tagħha. (Mark 3:31-35) Jekk issib lilek innifsek f’ċirkostanzi simili, se taċċetta int l-appoġġ u l-għajnuna taʼ dawk iżgħar minnek fil-kongregazzjoni? (Jekk jogħġbok innota kif Oħtna Winifred Remmie esprimiet lilha nfisha fl-artiklu “I Responded in Harvesttime,” ippubblikat f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Lulju, 1992, paġni 21-3.) Intom qaddejja full-time, uru li l-qima taʼ Jehovah tassew tiġi l-ewwel fil-ħajjiet tagħkom billi taqdu b’umiltà fejn tintbagħtu, billi tissottomettu ruħkom minn jeddkom lejn direzzjoni teokratika. (Jekk jogħġbok innota l-eżempju taʼ Ħuna Roy Ryan, kif irrakkontat fl-artiklu “Sticking Close to God’s Organization,” f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1991, paġni 24-7.) Ftakar li meta nagħtu prijorità lill-qima taʼ Jehovah, għandna l-assiguranza li hu se jieħu ħsiebna. M’għandniex għalfejn inkunu anzjużi dwar minn fejn se jiġu n-neċessitajiet tal-ħajja. L-esperjenzi taʼ Ħutna Olive u Sonia Springate juru dan.—Ara l-artiklu “We Have Sought First the Kingdom,” f’The Watchtower taʼ l-1 taʼ Frar, 1994, paġni 20-5.
20. X’mistoqsijiet pertinenti għandna issa nistaqsu lilna nfusna?
20 Individwalment, allura, m’għandniex aħna nistaqsu lilna nfusna ftit mistoqsijiet penetranti? X’post għandha l-qima taʼ Jehovah fil-ħajja tiegħi? Qiegħed jien inwettaq id-dedikazzjoni tiegħi biex nagħmel ir-rieda t’Alla bl-aqwa abbiltà tiegħi? F’liema oqsma tal-ħajja nistaʼ nitjieb? Konsiderazzjoni bir-reqqa taʼ l-artiklu li jmiss se toffri opportunità biex nirriflettu dwar kif nużaw ir-riżorsi tagħna fi qbil mal-prijorità li għażilna aħna stess fil-ħajja—il-qima tal-Mulej Sovran Jehovah, Missierna taʼ mħabba.—Ekkleżjasti 12:13; 2 Korintin 13:5. (w94 12/1)
Bħala Reviżjoni
◻ Rigward il-qima, Jehovah xi jfittex?
◻ It-tabernaklu taʼ liema ħaġa qeda bħala tfakkira?
◻ Fl-ewwel seklu E.K., min kienu eżempji li jispikkaw taʼ żelu għall-qima vera, u kif?
◻ Mill-1919 ’l hawn, il-qima taʼ Jehovah kif ġiet elevata?