LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 7 pp. 83-95
  • Aqdi lil Ġeħova Skond il-Livelli Għoljin Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aqdi lil Ġeħova Skond il-Livelli Għoljin Tiegħu
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • HUMA RAĠUNEVOLI L-​LIVELLI DIVINI?
  • GĦALA GĦANDEK TAĊĊETTA L-​LIVELLI TAʼ ĠEĦOVA?
  • “OBOGĦDU DAK LI HU ĦAŻIN, U ĦOBBU DAK LI HU TAJJEB”
  • ŻOMM IL-​KELMA T’ALLA F’MOĦĦOK
  • ARA LI JKOLLOK BIŻAʼ BNIN MINN ĠEĦOVA
  • X’Inhu Tajjeb u Ħażin: Deċiżjoni li Għandek Tieħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2024
  • In-Nies taʼ Ġeħova Jħobbu s-Sewwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Il-Livelli taʼ Min Tistaʼ Tafda?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Dak li Tgħid il-Bibbja Dwar X’Inhu Tajjeb u Ħażin Għadu Jgħodd?
    Iktar Suġġetti
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 7 pp. 83-95

Kapitlu Sebgħa

Aqdi lil Ġeħova Skond il-​Livelli Għoljin Tiegħu

1. Kif kienu jħossuhom in-​nies taʼ Ġerusalemm fi żmien Sofonija dwar il-​livelli taʼ Ġeħova?

“ĠEĦOVA mhux se jagħmel ġid, u mhux se jagħmel deni.” Hekk kienu jħossuhom in-​nies taʼ Ġerusalemm fi żmien Sofonija. Huma rraġunaw li Ġeħova ma stenniex minnhom li jgħixu skond xi livelli partikulari. Sofonija qal li kienu “bħall-​inbid li jagħqad fuq it-​tartru tiegħu,” jiġifieri, il-​frak li jibqaʼ fil-​qiegħ taʼ flixkun inbid maħżun. Hu ried ifisser li n-​nies riedu jkomplu jgħixu l-​ħajja komda tagħhom, mingħajr ma jħallu ’l Alla jindaħal fl-​affarijiet tagħhom. Però, Alla qal lil dawk il-​Lhud li hu kien se ‘jfittex bir-​reqqa f’Ġerusalemm bl-​imsiebaħ’ u ‘jikkastiga’ lil dawk li injoraw il-​livelli tiegħu. Iva, Ġeħova għandu l-​livelli, u hu jimpurtah minn kif iqisuhom in-​nies tiegħu.—Sofonija 1:12.

2. Fejn tgħix int, x’inhi l-​attitudni ġenerali dwar li wieħed jimxi maʼ ċerti livelli?

2 Illum, ukoll, ħafna nies jistmerru l-​ħsieb li jridu jgħixu skond ċerti livelli. Għandek mnejn tismagħhom jgħidu, “Agħmel li trid!” Xi wħud jirraġunaw, ‘Jekk m’għandix biżżejjed flus jew ma nistax nissodisfa x-​xewqat tiegħi, m’hemm xejn ħażin f’li nagħmel kulma għandi bżonn nagħmel biex nibdel is-​sitwazzjoni.’ Huma xejn ma jagħtu kas kif iħossu Alla jew x’jeħtieġ minnhom. Xi ngħidu għalik? Tieħu gost bil-​fatt li l-​Ħallieq jistabbilixxi l-​livelli?

3, 4. Għala tħossok grat li hemm il-​livelli?

3 Ħafna wħud li jiċħdu l-​idea li jkollhom jgħixu skond il-​livelli t’Alla ma jaħsbuhiex darbtejn biex jaċċettaw il-​livelli tal-​bniedem f’diversi aspetti tal-​ħajja. Per eżempju, xi ngħidu dwar il-​kwalità taʼ l-​ilma? Ħafna gvernijiet jagħmlu l-​livelli għall-​kwalità taʼ l-​ilma li huma jridu li jkun disponibbli. Imma xi ngħidu jekk il-​livelli jkunu baxxi wisq? Dan jistaʼ jikkaġuna d-​dijarea u mard ieħor li jiġi mill-​ilma u li jeffettwa speċjalment lit-​tfal. Iżda, x’aktarx li int qed tibbenefika mil-​livelli għoljin impoġġijin fuq l-​ilma tax-​xorb. “Kieku ma kienx hemm livelli, kieku malajr nindunaw,” tgħid l-​Organizzazzjoni Internazzjonali li Tagħmel il-​Livelli. “Ġeneralment aħna ma nkunux nafu bl-​irwol tal-​livelli biex itejbu l-​kwalità, is-​sigurtà, l-​effiċjenza, ir-​riżultati taʼ min joqgħod fuqhom, u meta oġġett ikun jistaʼ jinbidel m’ieħor—u kif dawn il-​benefiċċji huma disponibbli mingħajr ma jkun hemm ħela.”

4 Jekk taqbel li huwa utli li jkollna l-​livelli f’diversi aspetti tal-​ħajja, m’huwiex raġunevoli li nistennew li Alla jkollu livelli għoljin għan-​nies li jissejħu b’ismu?—Atti 15:14.

HUMA RAĠUNEVOLI L-​LIVELLI DIVINI?

5. Ġeħova kif wera permezz t’Għamos kemm hu importanti li wieħed jilħaq il-​livelli Tiegħu?

5 Meta tkun qed tibni dar, il-​livelli huma importanti. Jekk ħajt minnhom ma jkunx wieqaf dritt, jistaʼ jiġri li l-​bini kollu jibda jxaqleb fuq naħa waħda. Jew inkella, il-​vojt taʼ bejn il-​ħitan jistaʼ jwassal biex id-​dar ma tkunx abitabbli. Dan kien il-​ħsieb wara l-​viżjoni li kellu Għamos, li pprofetizza fid-​disaʼ seklu Q.E.K., rigward il-​kundizzjoni tal-​ġens taʼ Israel b’għaxar tribujiet. Hu ra lil Ġeħova wieqaf fuq ħajt “biċ-​ċomb tal-​bennejja.” Alla qal: “Ara, qed inqiegħed iċ-​ċomb tal-​bennejja f’nofs il-​poplu tiegħi Israel. M’iniex se niskużah iktar.” (Għamos 7:7, 8) Iċ-​ċomb tal-​bennejja huwa piż li jiddendel fit-​tarf taʼ lenza; jintuża biex jiġi determinat jekk ħajt huwiex wieqaf dritt. Il-​ħajt figurattiv, li fuqu Għamos ra lil Ġeħova wieqaf, kien “mibni biċ-​ċomb tal-​bennejja.” Dan il-​ħajt kien wieqaf, jew dritt għalkollox. Però, sa żmien Għamos, l-​Israelin ma kinux għadhom retti, jew dritti, spiritwalment—huma kienu bħal ħajt imxaqleb li kellu bżonn jiġġarraf qabel ma jaqaʼ.

6. (a) Liema ħsieb prinċipali hemm fil-​kitbiet tat-​12-il profeta? (b) Liema bażi għandek biex tgħid li l-​livelli t’Alla huma raġunevoli?

6 Int u tistudja l-​kotba tat-​12-il profeta se ssib dan il-​punt għal darba wara l-​oħra: Huwa vitali li ngħixu skond il-​livelli t’Alla. Il-​messaġġi f’dawn il-​kotba ma kinux biss kundanni fuq nies li ma kinux jgħixu skond il-​livelli għoljin t’Alla. Kultant, meta kien jeżaminahom, Ġeħova kien jiddetermina li n-​nies tiegħu kienu jilħqu l-​livelli tiegħu. Il-​fatt li setgħu jagħmlu dan juri li l-​livelli tiegħu huma raġunevoli; huwa possibbli li bnedmin imperfetti bħalna jilħquhom. Ikkunsidra eżempju wieħed.

7. Żakkarija kif jgħinna naraw li huwa possibbli li l-​bnedmin imperfetti jilħqu l-​livelli taʼ Ġeħova?

7 Wara li l-​Lhud li ġew lura f’arthom poġġew il-​pedament tat-​tempju, ix-​xogħol tagħhom taʼ bini mill-​ġdid waqaf għalkollox. Għalhekk, Alla bagħat lill-​profeti tiegħu Ħaggaj u Żakkarija biex iħeġġu lin-​nies ħalli jerġgħu jibdew il-​proġett. F’waħda mill-​viżjonijiet li kellu Żakkarija, Ġeħova ddeskriva lil Żerubbabel, gvernatur taʼ Ġuda, bħala li kellu “ċ-​ċomb tal-​bennejja [f’idu]” meta poġġa l-​aħħar ġebla li temmet għalkollox ix-​xogħol tat-​tempju. It-​tempju nbena fi qbil mal-​livelli divini. (Żakkarija 4:10) Imma kkunsidra dan id-​dettall interessanti dwar it-​tempju komplut: “Dawn is-​sebgħa huma għajnejn Ġeħova. Qed jiġru maʼ l-​art kollha.” Alla ra lil Żerubbabel ipoġġi l-​aħħar ġebla f’postha, u peress li Hu jistaʼ jara kollox, Hu ra li t-​tempju mibni mill-​ġdid kien għadda mill-​ispezzjoni Tiegħu u laħaq il-​livelli Tiegħu! Il-​punt hu li għalkemm Ġeħova għandu livelli għoljin, il-​bnedmin jistgħu jilħquhom. Bl-​inkuraġġiment taʼ Ħaggaj u Żakkarija, Żerubbabel u niesu laħqu dawn il-​livelli. Bħal Żerubbabel, int ukoll tistaʼ tgħix skond dak li jistenna minnek Alla. Kemm iqawwilna qalbna dan il-​fatt!

GĦALA GĦANDEK TAĊĊETTA L-​LIVELLI TAʼ ĠEĦOVA?

8, 9. (a) Għala huwa xieraq li Ġeħova jistabbilixxi l-​livelli għall-​bnedmin? (b) Għala kien xieraq li Alla jirrikjedi mill-​Israelin li huma jħarsu l-​kmandamenti tiegħu?

8 Bħala l-​Ħallieq, Alla għandu d-​dritt li jistabbilixxi l-​livelli għall-​bnedmin u li jistenna li aħna nimxu magħhom. (Rivelazzjoni 4:11) Ġeħova m’għandux għalfejn joqgħod jagħtina kollox bl-​imgħarfa, għaliex hu ta lill-​bnedmin kuxjenza li hi gwida taʼ valur. (Rumani 2:14, 15) Alla qal lill-​ewwel bnedmin biex ma jiklux “mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin,” li kienet tirrappreżenta d-​dritt t’Alla li jistabbilixxi livelli għal dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Int taf x’ġara. (Ġenesi 2:17; 3:1-19) Waqt li kien qed jirreferi għall-​għażla ħażina li għamel Adam, Ħosea kiteb: “Huma [l-Israelin], bħal sempliċi bnedmin, kisru l-​patt.” (Ħosea 6:7) B’hekk, Ħosea juri kemm l-​Israelin kienu qed jidinbu minn jeddhom.

9 X’kien id-​dnub? “Huma . . . kisru l-​patt [tal-Liġi].” (Il-Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni [1996]) Minħabba li salva lill-​poplu tiegħu mill-​Eġittu, Alla sar sidhom u jidher ċar li kellu d-​dritt li jistabbilixxi l-​livelli għalihom. L-​Israelin aċċettaw il-​patt maʼ Ġeħova, u b’hekk qablu li jgħixu skond dawn il-​livelli. (Eżodu 24:3; Isaija 54:5) Xorta waħda, ħafna minnhom ma pprattikawx il-​Liġi. Saru ħatjin tat-​tixrid tad-​demm, tal-​qtil, u taż-​żína.—Ħosea 6:8-10.

10. Alla kif ipprova jgħin lil dawk li ma laħqux il-​livelli tiegħu?

10 Ġeħova bagħat profeti bħal Ħosea biex jgħin lill-​poplu dedikat Tiegħu. Fl-​għeluq tal-​ktieb profetiku tiegħu, Ħosea ddikjara: “Min hu għaref biex jifhem dawn l-​affarijiet, għaqli biex ikun jafhom? Għax it-​triqat taʼ Ġeħova retti, u n-​nies sewwa huma dawk li se jimxu fihom; imma dawk li jiksru l-​liġi se jitfixklu fihom.” (Ħosea 14:9) Iktar kmieni f’Ħosea kapitlu 14 insibu li l-​profeta enfasizza l-​bżonn li jmorru lura għand Ġeħova. L-​għaqlin kienu se jifhmu li Ġeħova wera liema kienu l-​mogħdijiet retti li fihom kellu jimxi l-​poplu tiegħu. Bħala qaddej dedikat t’Alla, int żgur tixtieq sinċerament li tibqaʼ rett billi timxi fil-​mogħdijiet taʼ Ġeħova.

11. Għala trid tħares il-​kmandamenti t’Alla?

11 Ħosea 14:9 jiġbdilna l-​attenzjoni wkoll lejn aspetti pożittivi taʼ li ngħixu ħajja retta. Meta ngħixu skond dak li jitlob Alla nirċievu barkiet u benefiċċji. Bħala l-​Ħallieq, hu jaf kif aħna magħmulin. Dak li jistenna minna hu għall-​ġid tagħna. Biex nagħtu eżempju tar-​relazzjoni tagħna m’Alla, nistgħu naħsbu f’karozza u l-​manifattur tagħha. Min għamilha jaf kif il-​karozza hija disinjata u mpoġġija flimkien. Hu jaf li l-​karozza teħtieġ li jinbidlilha ż-​żejt tal-​magna kultant żmien. X’jiġri kieku kellek tinjora dan il-​livell, jew din l-​istruzzjoni, forsi billi taħseb li l-​karozza tidher li għaddejja tajjeb? Il-​magna se tiddeterjora u tieqaf ħafna qabel il-​waqt. L-​istess huwa minnu dwar il-​bnedmin. Il-​Ħallieq tagħna tana l-​kmandamenti. Huwa taʼ benefiċċju għalina li nħarsuhom. (Isaija 48:17, 18) Jekk aħna nifhmu li tassew nibbenefikaw se jkollna raġuni oħra għala għandna ngħixu skond il-​livelli tiegħu, għala għandna nħarsu l-​kmandamenti tiegħu.—Salm 112:1.

12. Il-​fatt li nimxu f’isem Alla kif jistaʼ jsaħħaħ ir-​rabta tagħna miegħu?

12 L-​akbar premju minħabba li nosservaw il-​kmandamenti t’Alla hu li jkollna rabta iktar b’saħħitha m’Alla. Meta ngħixu skond il-​livelli tiegħu u naraw kemm huma raġunevoli u taʼ benefiċċju, l-​affezzjoni tagħna lejn l-​Awtur tagħhom tikber. Il-​profeta Mikea tana stampa mill-​isbaħ taʼ din ir-​relazzjoni iktar profonda: “Il-​popli kollha, min-​naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-​alla tiegħu; imma aħna, min-​naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” (Mikea 4:5) Xi privileġġ għandna li nistgħu nimxu f’isem Ġeħova, waqt li nappoġġaw ir-​reputazzjoni tiegħu u nirrikonoxxu l-​awtorità li għandu fuq ħajjitna! Naturalment, imbagħad se nkunu rridu nirriflettu l-​kwalitajiet tiegħu. Mela ejja naħdmu b’mod individwali biex insaħħu r-​rabta li għandna m’Alla.—Salm 9:10.

13. Għala m’hijiex xi ħaġa negattiva jew ħażina li nibżgħu mill-​isem t’Alla?

13 Jingħad li dawk li jgħixu skond il-​livelli t’Alla u jimxu fl-​isem divin tiegħu jibżgħu mill-​isem t’Alla. Din m’hijiex xi ħaġa negattiva jew ħażina. Ġeħova jiżgura lil uħud bħal dawn: “Għalikom li għandkom il-​biżaʼ taʼ ismi se tiddi x-​xemx tas-​sewwa, bil-​fejqan fir-​raġġi tagħha; u intom toħorġu u taqbżu bħal għoġiela msemmnin.” (Malakija 4:2) Bħala twettiq taʼ din il-​profezija, “ix-​xemx tas-​sewwa” hu Ġesù Kristu. (Rivelazzjoni 1:16) Hu jiddi issa bil-​fejqan spiritwali u, maż-​żmien, se jiddi bil-​fejqan fiżiku għall-​umanità. Il-​ferħ taʼ dawk imfejqin jitqabbel maʼ dak t’għoġiela msemmnin li ‘joħorġu u jaqbżu,’ eċċitati u ferħanin li huma liberi. Int mhux diġà esperjenzajt libertà kbira bħal din?—Ġwanni 8:32.

14, 15. B’liema modi tibbenefika meta żżomm mal-​livelli taʼ Ġeħova?

14 Mod ieħor kif tistaʼ tibbenefika minħabba li żżomm mal-​livelli t’Alla hu li jkollok relazzjonijiet aħjar maʼ bnedmin sħabek. Ħabakkuk iddikjara ħames gwajijiet—kontra dawk li kellhom ix-​xenqa b’għira, dawk li ġrew wara l-​qligħ diżonest, dawk li xerrdu d-​demm, dawk li ppjanaw bil-​moħbi li jwettqu dnubiet sesswali, u dawk li kienu jqimu l-​idoli. (Ħabakkuk 2:6-19) Il-​fatt li Ġeħova ddikjara dawn il-​gwajijiet juri ċar li hu stabbilixxa livelli dwar kif għandna ngħixu ħajjitna. Imma nnota dan il-​punt: Erbgħa mid-​dnubiet li ssemmew huma konnessi maʼ kif nittrattaw lill-​proxxmu tagħna. Jekk nikkultivaw il-​ħarsa t’Alla, aħna mhux se nagħmlu ħsara lill-​ġirien tagħna. B’hekk, ir-​relazzjoni tagħna maʼ ħafna minnhom għandha titjieb.

15 It-​tielet mod kif nibbenefikaw jinvolvi l-​hena tal-​familja. Illum in-​nies spiss iduru lejn id-​divorzju bħala l-​aħħar soluzzjoni meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil fiż-​żwieġ. Però, permezz taʼ fomm il-​profeta Malakija, Ġeħova qal: “Hu bagħad id-​divorzju.” (Malakija 2:16) ’Il quddiem se nikkunsidraw Malakija 2:16 iktar fid-​dettall, imma għalissa nistgħu nitgħallmu minn din l-​Iskrittura li Alla b’mod għaqli stabbilixxa livelli li għandhom jiġu osservati mill-​membri tal-​familja; iktar ma jagħmlu dan, iktar se jkollhom paċi fid-​dar. (Efesin 5:28, 33; 6:1-4) Huwa minnu li aħna lkoll imperfetti, u għalhekk se jinqalgħu l-​problemi. Madankollu, fil-​ktieb taʼ Ħosea, il-​Wieħed “li lilu taf isimha kull familja fis-​sema u fuq l-​art” tana lezzjoni prattika li turi kif għandhom jiġu solvuti l-​problemi fiż-​żwieġ, anki dawk li huma estremi. Dan se jiġi eżaminat ukoll f’kapitlu iktar ’il quddiem f’dan il-​ktieb. (Efesin 3:15) Issa ejja naraw x’hemm iktar involut biex ngħixu skond il-​livelli t’Alla.

“OBOGĦDU DAK LI HU ĦAŻIN, U ĦOBBU DAK LI HU TAJJEB”

16. Għamos 5:15 kif jitkellem dwar il-​livelli t’Alla?

16 L-​ewwel raġel, Adam, għamel għażla taʼ iblah dwar taʼ min kienu l-​aħjar livelli rigward dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Se nagħmlu aħna għażla iktar għaqlija? Għamos wissiena biex niħduha bis-​serjetà din l-​għażla billi ħeġġiġna: “Obogħdu dak li hu ħażin, u ħobbu dak li hu tajjeb.” (Għamos 5:15) William Rainey Harper, professur tal-​lingwi u l-​letteratura Semitika fl-​Università taʼ Chicago, li m’għadux ħaj, qal dwar dan il-​vers: “Il-​livell tat-​tajjeb u l-​ħażin, f’moħħ [Għamos], huwa fi qbil mar-​rieda taʼ Jaħweh.” Dan huwa ħsieb prinċipali li nistgħu nitgħallmu mit-​12-il profeta. Lesti aħna li naċċettaw il-​livelli taʼ Ġeħova dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin? Dawn il-​livelli għoljin huma rivelati lilna fil-​Bibbja u spjegati minn Kristjani maturi taʼ l-​esperjenza li jifformaw “l-​ilsir leali u għaqli.”—Mattew 24:45-47.

17, 18. (a) Għala huwa vitali li nobogħdu dak li hu ħażin? (b) Agħti eżempju dwar kif nistgħu nikkultivaw mibegħda qawwija lejn dak li hu ħażin.

17 Il-​fatt li aħna nobogħdu dak li hu ħażin jgħinna noqogħdu ’l bogħod minn dak li ma jogħġobx ’l Alla. Per eżempju, raġel għandu mnejn ikun jaf bil-​perikli tal-​pornografija fuq l-​Internet u jipprova jevita li jaraha. Madankollu, kif iħossu ‘l-​bniedem li hu minn ġewwa’ dwar il-​kontenut tal-​Web sites pornografiċi? (Efesin 3:16) Jekk japplika dak li jinkuraġġih jagħmel Alla f’Għamos 5:15, hu se jsibha iktar faċli biex jikkultiva l-​mibegħda għal dak li hu ħażin. B’dan il-​mod, hu jistaʼ jirnexxilu jirbaħ il-​ġlieda spiritwali tiegħu.

18 Ikkunsidra eżempju ieħor. Tistaʼ timmaġina lilek innifsek tmil quddiem idoli tal-​qima sesswali? Anki l-​ħsieb iqażżek, hux veru? Xorta waħda, Ħosea tkellem dwar il-​fatt li missirijiet l-​Israelin wettqu l-​immoralità quddiem Bagħal taʼ Pegħor. (Numri 25:1-3; Ħosea 9:10) Milli jidher Ħosea semma dan l-​inċident għaliex il-​qima taʼ Bagħal kienet dnub tassew oħxon li wettqet is-​saltna taʼ Israel b’għaxar tribujiet. (2 Slaten 17:16-18; Ħosea 2:8, 13) Nistgħu biss nimmaġinaw ix-​xena diżgustanti: L-​Israelin imilu quddiem idoli waqt tbaħrid sesswali. Minħabba li nafu kif Alla kkundannahom, nistgħu niġu megħjunin b’mod individwali biex niġġieldu kontra n-​nases li jpoġġilna Satana permezz taʼ l-​Internet. Illum, ħafna jidolizzaw lil nisa u rġiel sbieħ li jidhru fid-​divertiment popolari. Però, kemm aħna differenti aħna li tgħallimna mit-​twissijiet tal-​profeti dwar il-​qima taʼ l-​idoli!

ŻOMM IL-​KELMA T’ALLA F’MOĦĦOK

19. X’tistaʼ titgħallem minn dak li għamel Ġona f’żaqq il-​ħuta kbira?

19 Int u tħabrek biex iżżomm mal-​livelli għoljin t’Alla hekk kif tiffaċċja tentazzjonijiet u diffikultajiet, għandek mnejn kultant tħoss li m’intix kapaċi jew li ma tafx x’se taqbad tagħmel. Jekk tħossok li m’għandekx biżżejjed qawwa mentali jew emozzjonali, kif jistaʼ jirnexxilek tiffaċċja sitwazzjoni tassew serja? (Proverbji 24:10) F’dan ir-​rigward żgur li għandna xi ħaġa x’nitgħallmu minn Ġona li nafu li kien raġel imperfett bin-​nuqqasijiet tiegħu. Ftakar x’għamel f’żaqq il-​ħuta kbira. Talab lil Ġeħova. Innota x’qal fit-​talba tiegħu.

20. Kif tistaʼ tħejji ruħek biex tagħmel dak li għamel Ġona?

20 Meta Ġona talab lil Alla “minn żaqq il-​Qabar,” hu uża ħafna kliem u frażijiet li kien midħla tagħhom, kliem tas-​salmi. (Ġona 2:2) Hu kien imnikket għall-​aħħar u talab bil-​ħrara lil Ġeħova ħalli jurih ħniena, u f’dak il-​waqt kliem David ġie f’ħalq Ġona. Per eżempju, qabbel il-​kliem taʼ Ġona 2:3, 5 maʼ dak taʼ Salm 69:1, 2.a Ma jidhirx ċar li Ġona kien familjari mas-​salmi taʼ David li kienu disponibbli għall-​profeta? Hu ftakar fil-​kliem u fl-​espressjonijiet tas-​salmi mnebbħin. Ġona kellu l-​kelma mnebbħa t’Alla ‘fil-​ġewwieni tiegħu.’ (Salm 40:8) Jekk tiltaqaʼ maʼ sitwazzjoni li tgħejjik emozzjonalment, tistaʼ int tiftakar f’xi kliem adattat t’Alla? Jekk int issir iktar midħla tal-​Kelma t’Alla minn issa, x’aktarx li dan se jkun tassew t’għajnuna fil-​futur meta tiffaċċja deċiżjonijiet u ssolvi problemi fi qbil mal-​livelli t’Alla.

ARA LI JKOLLOK BIŻAʼ BNIN MINN ĠEĦOVA

21. X’għandek bżonn tikkultiva sabiex iżżomm mal-​livelli t’Alla?

21 M’għandniex xi ngħidu, il-​fatt li sempliċement ikollok il-​Kelma t’Alla maħżuna fil-​memorja tiegħek m’huwiex biżżejjed biex iżżomm mal-​livelli taʼ Ġeħova. Il-​profeta Mikea jagħtik iktar dehen biex tkun taf x’għandek bżonn biex tapplika l-​Kelma t’Alla: “Min hu bil-​għaqal jibżaʼ minn ismek.” (Mikea 6:9) Biex tkun individwu għaqli, wieħed li jistaʼ japplika f’ħajtu stess dak li jaf, int trid tikkultiva l-​biżaʼ minn isem Alla.

22, 23. (a) Ġeħova għala bagħat lil Ħaggaj għand il-​Lhud li marru lura f’arthom? (b) Liema raġuni għandek biex ikollok fiduċja li se jirnexxilek tgħix skond il-​livelli t’Alla?

22 Kif tistaʼ titgħallem tibżaʼ minn isem Alla? Ejja nieħdu l-​eżempju tal-​profeta Ħaggaj, li pprofetizza wara l-​eżilju. Fil-​ktieb tassew qasir tiegħu, li hu twil biss 38 vers, hu uża l-​isem taʼ Ġeħova 35 darba! Meta Ġeħova inkariga lil Ħaggaj biex jipprofetizza, fis-​sena 520 Q.E.K., kienu għaddew 16-il sena li fihom ftit li xejn sar xogħol fuq il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju f’Ġerusalemm. Il-​poplu t’Alla beda jaqtaʼ qalbu minħabba l-​oppożizzjoni mill-​għedewwa tiegħu. (Esdra 4:4, 5) In-​nies irraġunaw li kien għadu ma wasalx iż-​żmien biex it-​tempju jerġaʼ jinbena. Ġeħova wissiehom: “Ħallu lil qalbkom tikkunsidra triqatkom. . . . Ibnuli d-​dar biex hekk nieħu pjaċir biha u nkun glorifikat.”—Ħaggaj 1:2-8.

23 Il-​Gvernatur Żerubbabel, il-​Qassis il-​Kbir Ġożwè, u “dawk kollha li kien fadal mill-​poplu bdew jagħtu widen għal-​leħen taʼ Ġeħova Alla tagħhom, . . . u n-​nies bdew jibżgħu minħabba Ġeħova.” Alla wieġeb għal dan: “Jien magħkom.” X’assiguranza din! Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu t’Alla, in-​nies “ġew biex jagħmlu x-​xogħol fid-​dar taʼ Ġeħova.” (Ħaggaj 1:12-14) Il-​biżaʼ bnin li ma jogħġbux lil Alla qanqal lin-​nies li kienu qed jaqtgħu qalbhom biex jaġixxu minkejja l-​oppożizzjoni.

24, 25. Uża eżempji speċifiċi biex turi kif tistaʼ tapplika l-​prinċipji msemmijin f’dan il-​kapitlu.

24 Xi ngħidu għalik? Jekk tirrealizza liema livelli divini huma involuti fis-​sitwazzjoni li tiffaċċja, se jkollok int il-​kuraġġ meħtieġ biex tibżaʼ minn Ġeħova minflok mill-​bniedem? Forsi int mara żagħżugħa, u fuq ix-​xogħol hemm raġel li m’għandux l-​istess prinċipji divini tiegħek. Xorta waħda, hu qalbu tajba u jittrattak b’mod tassew tajjeb. Se tiġik skrittura f’moħħok li tfakkrek dwar il-​livelli taʼ Ġeħova u l-​perikli taʼ li tinjorahom? Xi ngħidu għal Ħosea 4:11? “Iż-​żína u l-​inbid u l-​inbid ħelu jneħħu l-​motiv tajjeb.” Flimkien maʼ dan, se jqanqlek il-​biżaʼ t’Alla biex iżżomm mal-​livell tiegħu u tgħid le jekk dan ir-​raġel jistiednek għal xi okkażjoni soċjali? Jekk jibda jitkessaħ miegħek, il-​biżaʼ li ma togħġobx lil Alla tiegħek kollu mħabba jistaʼ jgħinek biex ‘taħrab.’—Ġenesi 39:12; Ġeremija 17:9.

25 Issa ejja nerġgħu lura għall-​eżempju tar-​raġel li jipprova jirreżisti l-​ġibda tal-​pornografija fuq l-​Internet. Se jiftakar hu l-​kliem taʼ Salm 119:37, li hu f’għamla taʼ talba? “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi.” U se jġib quddiem għajnejh il-​kliem taʼ Ġesù fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja? “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Minħabba li jkollu l-​biżaʼ minn Ġeħova u x-​xewqa li jgħix skond il-​livelli tiegħu, Kristjan għandu jitqanqal biex jitbiegħed minn kulma jistaʼ jikkorrompih. Kulmeta tiġi mħajjar biex taħseb jew taġixxi kuntrarju għal-​livelli t’Alla, ipprova kabbar il-​biżaʼ tiegħek minn Alla. U żomm f’moħħok dak li Ġeħova jgħidlek permezz taʼ Ħaggaj: ‘Jien miegħek.’

26. X’se nikkunsidraw iktar?

26 Iva, int tistaʼ taqdi lil Ġeħova skond il-​livelli għoljin tiegħu u tibbenefika meta tagħmel dan. Hekk kif tkompli teżamina t-​12-il ktieb profetiku, il-​livelli t’Alla, jew dak li jeħtieġ minn kull wieħed minna, se jidhru iktar ċari. Is-​sezzjoni li jmiss taʼ dan il-​ktieb se tenfasizza tliet aspetti prinċipali li fihom Ġeħova jpoġġi livelli taʼ min jammirahom: il-​kondotta tagħna, kif nittrattaw m’oħrajn, u l-​ħajja tal-​familja tagħna.

[Nota taʼ taħt]

a Qabbel ukoll Ġona 2:2, 4-9 maʼ Salm 18:6; 31:22; 30:3; 142:3; 31:6; u 3:8 fl-​ordni li użahom Ġona.

INT KIF TWIEĠEB?

• Alla kif jiġi effettwat mill-​fatt li int tgħix jew ma tgħixx skond il-​livelli tiegħu?—Għamos 7:7-9.

• Għala tgħid li l-​livelli taʼ Ġeħova huma raġunevoli?—Żakkarija 4:10.

• Liema raġunijiet għandek biex taċċetta l-​livelli t’Alla?—Mikea 4:5; Malakija 4:2; 2 Korintin 5:15; Rivelazzjoni 4:11.

DAN LI ĠEJ KIF JISTAʼ JGĦINEK TGĦIX SKOND IL-​LIVELLI T’ALLA?

• Tobgħod il-​ħażen—Għamos 5:15.

• Ikollok il-​Kelma t’Alla maħżuna fil-​memorja tiegħek—Ġona 2:4-9.

• Tikkultiva l-​biżaʼ minn Ġeħova—Ħaggaj 1:12-14.

[Stampa f’paġna 87]

Int għala tgħix skond il-​livelli, jew l-​istruzzjonijiet, li jistabbilixxi u jirrikkmanda l-​individwu li jkun ħoloq l-​oġġett?

[Stampa f’paġna 90]

Jekk individwu jagħti kas il-​pariri tat-​12-il profeta, kif jistaʼ jiġi megħjun jirreżisti l-​pornografija?

[Stampa f’paġna 95]

Il-​biżaʼ t’Alla kif jistaʼ jkun t’għajnuna f’sitwazzjoni bħal din?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja