LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 5/1 pp. 14-19
  • Jehovah Jobgħodha t-Triq tat-Tradiment

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jobgħodha t-Triq tat-Tradiment
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Qassisin Ħatja
  • Inżommu mal-​Livelli t’Alla
  • Għala Għandna Noqogħdu Attenti
  • Żwieġ maʼ Xi Ħadd li M’Huwiex taʼ l-​Istess Twemmin
  • Meta s-​Sieħeb jew is-​Sieħba Jiġu Trattati Ħażin
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Malakija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Igglorifika lil Jehovah Billi Tgħix fi Qbil mal-Ħtiġijiet Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Xita taʼ Barkiet Sakemm Ma Jkun Jonqoskom Xejn Iktar”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Min Se Jibqaʼ Ħaj fil-Jum taʼ Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 5/1 pp. 14-19

Jehovah Jobgħodha t-​Triq tat-​Tradiment

‘Timxux bil-​qerq bejnietkom.’—MALAKIJA 2:10.

1. X’jirrikjedi Alla minna jekk irridu nirċievu l-​ħajja taʼ dejjem?

TRIDHA int il-​ħajja taʼ dejjem? Jekk temmen f’din it-​tama kif imwiegħda fil-​Bibbja, probabbli tgħid, ‘Dażgur li rridha.’ Imma jekk trid lil Alla jbierkek b’ħajja bla tmiem fid-​dinja l-​ġdida tiegħu, trid twettaq dak li Alla jeħtieġ minnek. (Koħèlet 12:13; Ġwann 17:3) Hija din xi ħaġa inġusta? Qed jitlob iżżejjed Alla minn bnedmin imperfetti? Le, għax Jehovah jgħid dan il-​kliem inkuraġġanti: “Jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ’l Alla rrid, u mhux vittmi maħruqa.” (Hosegħa 6:6) Mela anki bnedmin li huma suġġetti għall-​iżball jistgħu jwettqu dak li Alla jirrikjedi minnhom.

2. Ħafna Iżraelin kif ittrattaw maʼ Jehovah bi tradiment?

2 Madankollu, mhux kulħadd irid jagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah. Hosegħa jirrivela li saħansitra ħafna mill-​Iżraelin ma ridux jagħmluha. Bħala ġens, huma kienu ftehmu li jidħlu f’patt, fi ftehim, biex jobdu l-​liġijiet t’Alla. (Eżodu 24:​1-8) Madankollu, ma damux ma “kisru l-​patt” billi marru kontra l-​liġijiet tiegħu. B’hekk, Jehovah qal dwar dawk l-​Iżraelin: “Ma baqgħux fidili lejja [“aġixxew bi tradiment,” NW]” miegħi. (Hosegħa 6:7) U ħafna nies minn dak iż-​żmien ’l hawn aġixxew bl-​istess mod. Imma Jehovah jobgħodha t-​triq tat-​tradiment, kemm jekk dan isir kontrih u kemm jekk isir kontra dawk li jħobbuh u jaqduh.

3. X’se nanalizzaw f’dan l-​istudju?

3 Hosegħa ma kienx l-​uniku profeta li enfasizza l-​ħarsa t’Alla dwar it-​tradiment, u din il-​ħarsa rridu naċċettawha jekk nittamaw li ngawdu ħajja hienja. Fl-​artiklu taʼ qabel, bdejna nanalizzaw ħafna mill-​messaġġ profetiku taʼ Malakija billi bdejna mill-​ewwel kapitlu tal-​ktieb tiegħu. Issa ejja immorru fit-​tieni kapitlu taʼ dan il-​ktieb u naraw kif il-​ħarsa t’Alla dwar it-​tradiment tingħata iktar attenzjoni. Għalkemm Malakija kien qed jittratta s-​sitwazzjoni li kienet teżisti fost il-​poplu t’Alla għaxriet taʼ snin wara li ġew lura mill-​jasar f’Babilonja, dan it-​tieni kapitlu għandu tifsira vera għalina llum.

Qassisin Ħatja

4. Jehovah liema twissija ta lill-​qassisin?

4 Kapitlu 2 jiftaħ b’kundanna mingħand Jehovah kontra l-​qassisin Lhud talli ma baqgħux jimxu fit-​triqat tiegħu taʼ tjieba. Jekk ma kinux se jdaħħlu l-​pariri tiegħu f’qalbhom u jikkoreġu triqathom, żgur li kienu se jiġu fuqhom konsegwenzi koroh. Innota l-​ewwel żewġ versi: “‘Għalikom, qassisin, huwa dan il-​kmandament: Jekk intom ma tisimgħux, u jekk ma tfittxux minn qalbkom li ssebbħu lil ismi,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, ‘jiena nibgħat fuqkom is-​saħta, u nisħet il-​barkiet tagħkom.’” Kieku l-​qassisin għallmu lin-​nies il-​liġijiet t’Alla u ħarsuhom, kienu jitbierku. Imma peress li injoraw ir-​rieda t’Alla, minflok kienu se jieħdu s-​saħta, il-​ħsara fuqhom. Saħansitra l-​barkiet li kienu jlissnu l-​qassisin kienu se jinbidlu f’saħta.

5, 6. (a) Il-qassisin għala kienu ħatja b’mod speċjali? (b) Jehovah kif lissen stmerrija għall-​qassisin?

5 Il-​qassisin għala kienu ħatja b’mod speċjali? Vers 7 jagħtina indikazzjoni ċara: “Għax xufftejn il-​qassis għandhom iħarsu l-​għerf, u n-​nies minn fommu jfittxu t-​tagħlim, għax hu l-​messaġġier tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” Iktar minn elf sena qabel, il-​liġijiet li Alla kien ta lil Iżrael permezz taʼ Mosè kienu jgħidu li l-​qassisin kellhom id-​dmir li ‘jgħallmu lil ulied Iżrael il-​liġijiet kollha li tahom il-​Mulej.’ (Levitiku 10:11) Huwa taʼ niket li, xi żmien wara, il-​kittieb tat-​2 Kronaki 15:3 rrapporta: “Għal żmien twil Iżrael kien bla Alla veru, bla qassis għalliem, u bla liġi.”

6 Fi żmien Malakija, fil-​ħames seklu Q.E.K., is-​sitwazzjoni tas-​saċerdozju kienet l-​istess. Ma kinux qegħdin jgħallmu l-​Liġi t’Alla lin-​nies. Għalhekk, dawn il-​qassisin kien ħaqqhom li jinżammu responsabbli. Innota xi kliem iebes jgħidilhom Jehovah. Malakija 2:3 jiddikjara: “Nwaddab il-​ħmieġ maʼ wiċċkom, il-​ħmieġ tal-​festi tagħkom.” X’ċanfira dik! Il-​ħmieġ taʼ l-​annimali li jinġiebu għas-​sagrifiċċji kellu jittieħed ’il barra mill-​kamp u jinħaraq. (Levitiku 16:27) Iżda meta Jehovah jgħidilhom li l-​ħmieġ kien se jwaddabulhom f’wiċċhom, qed jurihom ċar li kien jistmerr u jirrifjuta s-​sagrifiċċji tagħhom u lil dawk li offrewhom.

7. Jehovah għala kien mgħaddab għall-​għalliema tal-​Liġi?

7 Sekli qabel żmien Malakija, Jehovah kien inkariga lil-​Leviti biex jieħdu ħsieb it-​tabernaklu u iktar tard it-​tempju u l-​ministeru sagru. Huma kienu l-​għalliema fil-​ġens taʼ Iżrael. Kieku wettqu l-​inkarigu tagħhom kien ikollhom ħajja u paċi għalihom u għall-​ġens kollu. (Numri 3:​5-8) Iżda l-​Leviti tilfu l-​biżaʼ t’Alla li kellhom fil-​bidu. Għaldaqstant, Jehovah qalilhom: “Intom twarrabtu mit-​triq; ġagħaltu ’l ħafna jitfixklu bit-​tagħlim tagħkom; ħassartu l-​patt taʼ Levi . . . intom ma żammejtux triqati.” (Malakija 2:​8, 9) Għax naqsu li jgħallmu l-​verità u bl-​eżempju ħażin tagħhom, il-​qassisin żvijaw lil ħafna Iżraelin, u għalhekk Jehovah kellu raġun ikun mgħaddab għalihom.

Inżommu mal-​Livelli t’Alla

8. Hija xi ħaġa bi kbira li tistenna mill-​bnedmin li jżommu mal-​livelli t’Alla? Spjega.

8 Ejja ma jfettlilniex naħsbu li dawk il-​qassisin kien ħaqqhom min jagħdirhom u jaħfrilhom għaliex kienu sempliċi bnedmin imperfetti u ma setax ikun mistenni minnhom li jżommu mal-​livelli t’Alla. Il-​fatt hu li l-​bnedmin jistgħu jħarsu l-​kmandi t’Alla, għax Jehovah ma jistenniex minnhom dak li ma jistgħux jagħmlu. Forsi dak iż-​żmien kien hemm xi qassisin individwali li żammew mal-​livelli t’Alla, u m’hemm ebda dubju dwar wieħed li iktar tard għamel dan: Ġesù, l-​aqwa “qassis il-​kbir.” (Lhud 3:1) Dwaru jistaʼ jingħad verament: “Kellu f’fommu tagħlim is-​sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh; bis-​sliem u r-​reqqa mexa miegħi, u ħafna bnedmin reġġagħhom lura minn ħżunithom.”—Malakija 2:6.

9. Min għallem fedelment il-​verità fi żmienna?

9 Bl-​istess mod, għal iktar minn seklu, laħwa midlukin taʼ Kristu, li għandhom it-​tama għas-​sema, qdew bħala ‘saċerdozju qaddis, biex joffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla.’ (1 Pietru 2:5) Huma kienu minn taʼ quddiem biex jgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja lil oħrajn. Minn kemm ilek titgħallem il-​veritajiet mingħandhom, ma rajtx int mill-​esperjenza li l-​liġi tal-​verità tinsab tassew fuq fommhom? Huma għenu lil ħafna jduru lura mill-​iżball reliġjuż, u b’hekk issa hemm miljuni mad-​dinja kollha li tgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja u li għandhom it-​tama taʼ ħajja eterna. Dawn, mill-​banda l-​oħra, għandhom il-​privileġġ li jgħallmu l-​liġi tal-​verità jerġaʼ lil miljuni oħrajn.—Ġwann 10:16; Apokalissi 7:9.

Għala Għandna Noqogħdu Attenti

10. Għalxiex għandna noqogħdu attenti?

10 Madankollu, nagħmlu tajjeb li noqogħdu attenti. Għandna mnejn nonqsu li nieħdu l-​lezzjonijiet implikati f’Malakija 2:​1-9. Qegħdin aħna attenti personalment li ebda ħażen ma jinstab fuq xofftejna? Per eżempju, jistgħu l-​membri tal-​familja tagħna verament jafdaw f’dak li ngħidu? Jistgħu l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jafdawna fi kliemna? Ikun faċli li niżviluppaw id-​drawwa li nagħżlu kliemna biex ma nkunux qegħdin nigdbu imma fl-​istess ħin ma nkunux qed ngħidu l-​verità kollha. Jew forsi wieħed jesaġera jew jaħbi xi dettalji dwar xi biċċa negozju. Sejjer ma jindunax Jehovah b’dan? U jekk insegwu prattiċi bħal dawn, se jaċċettahom is-​sagrifiċċji taʼ tifħir minn xofftejna?

11. Min b’mod partikulari jrid joqgħod attent?

11 Malakija 2:7 għandu jservi bħala twissija għal dawk li llum għandhom il-​privileġġ li jgħallmu l-​Kelma t’Alla fil-​kongregazzjonijiet. Dan il-​vers jgħid li ‘xofftejhom għandhom iħarsu l-​għerf, u n-​nies minn fommhom ifittxu t-​tagħlim.’ Hemm responsabbiltà kbira fuq spallejn dawn l-​għalliema, għax Ġakbu 3:1 jindika li huma jkunu “ġġudikati b’reqqa akbar.” Waqt li għandhom jgħallmu bil-​ħeġġa u bl-​entużjażmu, it-​tagħlim tagħhom għandu jkun ibbażat b’mod sod fuq il-​Kelma miktuba t’Alla u l-​istruzzjoni li tiġi permezz taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. B’dan il-​mod huma jkunu kwalifikati kif jixraq biex jgħallmu lil oħrajn. B’hekk, huma jingħataw il-​parir: “Agħmel mill-​aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-​prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità.”—2 Timotju 2:​2, 15.

12. Dawk li jgħallmu minn xiex għandhom joqogħdu attenti?

12 Jekk ma noqogħdux attenti forsi nitħajru ninkludu xi preferenzi jew xi opinjonijiet persunali fit-​tagħlim tagħna. Dan, b’mod speċjali, jistaʼ jkun riskjuż għal xi individwu li għandu t-​tendenza li jistrieħ iżżejjed fuq il-​konklużjonijiet li jasal għalihom hu stess saħansitra meta dawn imorru kontra dak li qed tgħallem l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Imma Malakija kapitlu 2 juri li għandna d-​dritt nippretendu mill-​għalliema tal-​kongregazzjoni li jżommu maʼ l-​għarfien li jiġi mingħand Alla, u mhux maʼ ideat persunali li jistgħu jfixklu lin-​nagħaġ. Ġesù qal: “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu maʼ għonqu ġebla tat-​tħin minn dawk li jdawwru l-​ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ taʼ baħar.”—Mattew 18:6.

Żwieġ maʼ Xi Ħadd li M’Huwiex taʼ l-​Istess Twemmin

13, 14. Liema triq taʼ tradiment enfasizza Malakija?

13 Minn vers 10 ’l quddiem, Malakija kapitlu 2 jenfasizza t-​tradiment saħansitra b’mod iktar dirett. Malakija jiffoka fuq żewġ toroq li għandhom x’jaqsmu maʼ xulxin u li dwarhom irrepeta kemm-il darba l-​kelma “qerq,” jew tradiment. L-​ewwelnett, osserva li Malakija jintroduċi l-​pariri tiegħu b’dawn il-​mistoqsijiet: “M’hux Missier wieħed għandna lkoll kemm aħna? M’hux Alla wieħed ħalaqna? Mela għaliex nimxu bil-​qerq bejnietna u nonqsu mill-​ġieħ lejn il-​patt taʼ missirijietna?” Imbagħad fil-​vers 11 iżid li t-​triq taʼ tradiment li kien qabad Iżrael kienet daqslikieku wieħed jipprofana s-​“santwarju għażiż għall-​Mulej.” X’kienu qed jagħmlu li kien daqshekk serju? Dan il-​vers jispeċifika waħda mit-​toroq ħżiena tagħhom: Kienu ‘żżewġu maʼ bint taʼ alla stranġier.’

14 Fi kliem ieħor, xi Iżraelin, li kienu parti minn ġens dedikat lil Jehovah, kienu żżewġu lil dawk li ma kinux iqimuh. Il-​kuntest jgħinna naraw għala din kienet ħaġa daqshekk serja. Vers 10 jgħid li lkoll kellhom missier wieħed. Dan ma kienx qed jirreferi għal Ġakobb (li ngħata l-​isem taʼ Iżrael), u lanqas għal Abraham, jew saħansitra għal Adam. Malakija 1:6 juri li Jehovah kien dak il-​“Missier wieħed.” Il-​ġens taʼ Iżrael kien f’relazzjoni miegħu u kien il-​parti l-​oħra fil-​patt li sar maʼ missirijiethom. Waħda mil-​liġijiet f’dak il-​patt kienet: “La titħattinx magħhom. Lil bintek tagħtihiex lil binhom, u anqas ma tieħu lil binthom għal ibnek.”—Dewteronomju 7:3.

15. (a) Xi wħud kif jipprovaw jiġġustifikaw il-​fatt li jiżżewġu lil xi ħadd li ma jemminx bħalhom? (b) Jehovah kif jesprimi ruħu fuq il-​kwistjoni taż-​żwieġ?

15 Xi wħud illum għandhom mnejn jirraġunaw u jgħidu: ‘Il-​persuna li nġbidt lejha veru m’hawnx bħalha. Maż-​żmien x’aktarx li għad taċċetta l-​qima vera.’ Raġunar bħal dan sempliċement jikkonferma t-​twissija mnebbħa: “Qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9) Alla jesprimi kif jaħsibha dwar min jiżżewweġ lil xi ħadd li mhux taʼ l-​istess twemmin bħalu għax f’Malakija 2:12 jgħid li “jaħsad il-​bniedem li jagħmel dan.” B’hekk, il-​Kristjani huma mħeġġin biex ‘jiżżewġu lil min iridu, basta fil-​Mulej.’ (1 Korintin 7:39) Fl-​arranġament Kristjan, il-​kredent ‘ma jinqatax’ ’il barra jekk jiżżewweġ lil xi ħadd li ma jemminx bħalu. Xorta waħda, jekk dak li ma jemminx jibqaʼ ma jaċċettax il-​verità, x’se jiġrilu meta Alla dalwaqt iġib it-​tmiem taʼ din is-​sistema?—Salm 37:​37, 38.

Meta s-​Sieħeb jew is-​Sieħba Jiġu Trattati Ħażin

16, 17. Xi wħud liema triq taʼ tradiment qabdu?

16 Malakija mbagħad isemmi t-​tieni triq taʼ tradiment: Meta s-​sieħeb jew is-​sieħba jiġu trattati ħażin, speċjalment f’każ taʼ divorzju inġust. Vers 14 taʼ kapitlu 2 jgħid: “Bejnek u bejn il-​mara taʼ żgħożitek hemm xhud il-​Mulej; u int qarraqt biha, għad li hi s-​sieħba tiegħek u l-​mara li magħha ntrabatt.” Billi ttradew lin-​nisa tagħhom, l-​irġiel Lhud miżżewġin ġagħlu l-​artal taʼ Jehovah ‘jinkesa bid-​dmugħ.’ (Malakija 2:13) Dawk l-​irġiel kienu qed jiddivorzjaw għal kull ħaġa taʼ xejn u b’ħażen kienu qed jitilqu lin-​nisa taʼ żgħożithom, forsi biex jiżżewġu nisa iżgħar jew nisa pagani. U l-​qassisin korrotti ppermettew li dan isir! Madankollu, Malakija 2:16 jiddikjara: “‘Jiena d-​divorzju nobogħdu,’ jgħid il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael.” Iktar tard, Ġesù wera li l-​immoralità hija l-​unika raġuni għal divorzju li teħles il-​parti innoċenti biex tkun tistaʼ terġaʼ tiżżewweġ.—Mattew 19:9.

17 Irrifletti ftit fuq il-​kliem taʼ Malakija, u ara kemm imiss il-​qlub u jqanqal fihom sentimenti taʼ tjieba. Hu jirreferi għas-​“sieħba tiegħek u l-​mara li magħha ntrabatt.” Kull wieħed minn dawn l-​irġiel kien iżżewweġ mara Iżraelija li kienet tqim lil Jehovah bħalu, u għażilha bħala s-​sieħba għażiża tiegħu, bħala martu sal-​mewt. Filwaqt li dak iż-​żwieġ forsi seħħ meta kienu għadhom żgħażagħ it-​tnejn, il-​fatt li kien għadda ż-​żmien u kienu qed jixjieħu ma ħassarx il-​patt li kienu daħlu għalih, jiġifieri, il-​kuntratt taż-​żwieġ.

18. Il-​pariri taʼ Malakija rigward it-​tradiment b’liema mod japplikaw illum?

18 Il-​pariri dwar dawn il-​kwistjonijiet japplikaw bl-​istess qawwa llum. Huwa tassew t’għajb li xi wħud jinjoraw id-​direzzjoni t’Alla biex jiżżewġu biss fil-​Mulej. U huwa wkoll taʼ sogħba li xi wħud m’għadhomx jaħdmu iebes ħalli jżommu ż-​żwieġ tagħhom sod. Minflok, jipprovaw jiskużaw ruħhom u jsegwu triq li Alla jobgħod billi jiddivorzjaw mingħajr raġuni skritturali sabiex jiżżewġu lil xi ħadd ieħor. Meta jagħmlu dawn l-​affarijiet, huma jkunu qed ‘idejqu’ lil Jehovah. Fi żmien Malakija, dawk li injoraw il-​pariri t’Alla, saħansitra kellhom il-​wiċċ tost li jgħidu li Jehovah ma kellux raġun li jħares lejn l-​affarijiet b’dak il-​mod. Huma fil-​fatt qalu: “Fejn hu Alla tal-​ġustizzja?” Xi ħsibijiet mgħawġa! Ħalli qatt ma naqgħu f’dik in-​nassa.—Malakija 2:17.

19. Irġiel u nisa miżżewġin kif jistgħu jirċievu l-​ispirtu t’Alla?

19 Mill-​aspett pożittiv, Malakija juri li xi wħud mill-​irġiel miżżewġin ma kinux qed jittrattaw man-​nisa tagħhom bi tradiment. ‘L-​ispirtu baqaʼ fihom.’ (Vers 15, Karm Żammit) Aħna ferħanin li l-​organizzazzjoni t’Alla llum hija miżgħuda b’irġiel bħal dawn li ‘jagħtu l-​ġieħ li ħaqqhom lin-​nisa tagħhom.’ (1 Pietru 3:7) Huma ma jabbużawx lin-​nisa tagħhom, la fiżikament u lanqas bil-​kliem, ma jinsistux għal prattiċi sesswali baxxi, u ma jiddiżonorawx lin-​nisa tagħhom billi jagħtu l-​wiċċ lil nisa oħra jew billi joqogħdu jaraw il-​pornografija. L-​organizzazzjoni taʼ Jehovah hija mbierka wkoll b’ħafna u ħafna nisa Kristjani miżżewġin li huma leali lejn Alla u lejn il-​liġijiet tiegħu. Irġiel u nisa bħal dawn jafu Alla x’jobgħod, u huma jaħsbu u jaġixxu fi qbil miegħu. Jalla int tkompli tkun bħalhom, billi ‘tobdi lil Alla bħala ħakkiem’ u tkun imbierek bl-​ispirtu qaddis tiegħu.—Atti 5:29.

20. Liema żmien qed joqrob għall-​umanità kollha?

20 Dalwaqt, Jehovah se jġib ġudizzju fuq id-​dinja kollha. Kull individwu jrid jagħti kont għal dak li jemmen u jipprattika. “Kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rumani 14:12) Għalhekk, f’dan il-​punt tiġi f’waqtha l-​mistoqsija: Min se jibqaʼ ħaj wara l-​jum taʼ Jehovah? It-​tielet u l-​aħħar artiklu f’din is-​serje se jiddiskuti din it-​tema.

Tistaʼ Tispjega?

• Għal liema raġuni bażika Jehovah ikkundanna lill-​qassisin f’Iżrael?

• Il-livelli t’Alla għala m’humiex għoljin wisq biex il-​bnedmin jimxu magħhom?

• Għala għandna noqogħdu attenti għat-​tagħlim tagħna llum?

• Jehovah liema żewġ drawwiet ikkundanna b’mod speċjali?

[Stampa f’paġna 15]

Fi żmien Malakija l-​qassisin kienu kundannati talli ma żammewx mat-​triqat taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 16]

Irridu noqogħdu attenti li ngħallmu t-​triqat taʼ Jehovah, u mhux dak li nippreferu aħna

[Stampi f’paġna 18]

Jehovah ikkundanna lill-​Iżraelin li ddivorzjaw lin-​nisa tagħhom għal kull ħaġa taʼ xejn, u żżewġu lil nisa pagani

[Stampa f’paġna 18]

Il-​Kristjani llum jonoraw il-​patt taż-​żwieġ tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja