LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 9 pp. 111-123
  • Nittrattaw M’Oħrajn Kif Jixtieq Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nittrattaw M’Oħrajn Kif Jixtieq Alla
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TITHENNIEX BL-​GĦAWĠ TAʼ ĦADDIEĦOR
  • GĦID IL-​VERITÀ LIL OĦRAJN
  • EVITA L-​VJOLENZA FL-​AĠIR TIEGĦEK
  • Alla Kif Iħossu dwar il-Vjolenza?
    Stenbaħ!—2002
  • Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Hija dinja ħielsa mill-vjolenza possibbli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Ġeħova—L-Alla li Jbassar u Jwettaq
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 9 pp. 111-123

Kapitlu Disgħa

Nittrattaw M’Oħrajn Kif Jixtieq Alla

1-3. (a) Ħafna Kristjani x’għandhom mnejn jaħsbu rigward Tir tal-​qedem? (b) Iddeskrivi xi modi kif is-​Sultan Ħiram ittratta maʼ Israel. (ċ) X’għandna mnejn inkunu rridu nikkunsidraw rigward Tir?

X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ lil min isemmi lil Tir tal-​qedem? Ħafna Kristjani jiġihom f’moħħhom kif twettqet il-​profezija meta Alessandru l-​Kbir neħħa t-​terrapien mir-​rovini taʼ l-​art prinċipali taʼ Tir u bena mogħdija għolja fil-​baħar lejn il-​belt fuq gżira iktar ġdida taʼ Tir u qeridha. (Eżekjel 26:4, 12; Żakkarija 9:3, 4) Madankollu, iġiegħlek il-​fatt li tissemma Tir taħseb dwar kif għandek jew m’għandekx tittratta maʼ ħutek spiritwali jew m’oħrajn?

2 Tir għala nqerdet? “Minħabba tliet irvellijiet taʼ Tir, . . . għax huma taw ġemgħa sħiħa t’eżiljati f’idejn Edom, u għax ma ftakrux fil-​patt taʼ l-​aħwa. Se nibgħat nar fuq is-​sur taʼ Tir.” (Għamos 1:9, 10) Fiż-​żminijiet taʼ qabel, is-​Sultan Ħiram taʼ Tir wera rieda tajba lejn David u pprovda affarijiet materjali għat-​tempju taʼ Salamun. Salamun għamel patt maʼ Ħiram u tah xi bliet fil-​Galilija. Ħiram sejjaħlu “ħija” lil Salamun. (1 Slaten 5:1-18; 9:10-13, 26-28; 2 Samwel 5:11) Meta Tir ‘ma ftakritx fil-​patt taʼ l-​aħwa’ u biegħet fil-​jasar lil xi wħud mill-​poplu t’Alla, Ġeħova nnota l-​aġir taʼ Tir.

3 X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Alla ġġudika lill-​Kangħanin taʼ Tir għax aġixxew b’mod aħrax mal-​poplu tiegħu? Lezzjoni importanti tinvolvi kif aħna nittrattaw maʼ ħutna spiritwali. Fil-​kapitli taʼ qabel taʼ dan il-​ktieb, tgħallimna xi pariri mit-​12-il profeta dwar kif nittrattaw m’oħrajn, bħal, per eżempju, li nkunu ġusti fin-​negozji tagħna u safjin fil-​kondotta tagħna. Iżda, dawn it-​12-il ktieb fihom iktar indikazzjonijiet dwar kif Alla jixtieqna nittrattaw m’oħrajn.

TITHENNIEX BL-​GĦAWĠ TAʼ ĦADDIEĦOR

4. L-​Edomin f’liema sens kienu “ħut” Israel, imma kif ittrattaw maʼ ‘ħuthom’?

4 Int tistaʼ titgħallem lezzjoni mill-​fatt li Alla kkundanna lil Edom, art qrib Israel: “M’għandekx titgħaxxaq b’dak li tara f’jum ħuk, f’jum l-​għawġ tiegħu; u m’għandekx tithenna b’ulied Ġuda dakinhar li jgħibu.” (Għobadija 12) It-​Tirin forsi kienu ‘aħwa’ f’dawk li huma attivitajiet kummerċjali, imma l-​Edomin kienu tassew “ħut” Israel, għax kienu dixxendenti t’Għesaw, it-​tewmi taʼ Ġakobb. Saħansitra Ġeħova sejħilhom “ħut” Israel lill-​Edomin. (Dewteronomju 2:1-4) Għaldaqstant, l-​Edomin verament urew mibegħda biex thennew meta l-​Lhud daħlu fi gwaj minn idejn il-​Babiloniżi.—Eżekjel 25:12-14.

5. F’liema sitwazzjonijiet għandna mnejn nuru spirtu bħal dak taʼ l-​Edomin?

5 B’mod ċar, Alla m’approvax il-​mod kif l-​Edomin ittrattaw maʼ ħuthom il-​Lhud. Iżda, aħna nistgħu nistaqsu, ‘Alla kif iqisu l-​mod kif jien nittratta maʼ ħuti?’ Aspett wieħed li għandu jikkonċernana hu kif inħarsu lejn ħuna u kif nittrattaw miegħu meta mhux kollox ikun għaddej ward u żahar. Per eżempju, immaġina li Kristjan offendiek jew li kellu xi problema maʼ wieħed minn qrabatek. Jekk ‘għandek għalxiex tilmenta,’ se tibqaʼ żżomm f’qalbek, u ma tinsihiex il-​kwistjoni jew ma tipprovax tirranġaha? (Kolossin 3:13; Ġożwè 22:9-30; Mattew 5:23, 24) Jekk tagħmel hekk, dan jeffettwa l-​mod kif tittratta mal-​ħu; għandek mnejn taġixxi bi bruda, tevita l-​kumpanija tiegħu, jew titkellem dwaru b’mod negattiv. Biex niftħu iżjed fuq dan l-​eżempju, immaġina li dan il-​ħu iktar tard jiżbalja, u forsi saħansitra jkollu bżonn jiġi mwissi jew koreġut mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni. (Galatin 6:1) Se tirrifletti int l-​ispirtu taʼ l-​Edomin u tithenna bl-​għawġ tal-​ħu? Kieku Alla kif ikun iridek taġixxi?

6. B’kuntrast maʼ Żakkarija 7:10, Mikea 7:18 x’jissuġġerilna nagħmlu?

6 Ġeħova qanqal lil Żakkarija jsemmi x-​xewqa Tiegħu li aħna ma ‘nfasslu xejn ħażin kontra xulxin fi qlubna.’ (Żakkarija 7:9, 10; 8:17) Dan il-​parir hu rilevanti meta nħossu li xi ħu weġġagħna jew għamel ħsara lil xi ħadd fil-​familja tagħna. F’każi bħal dawn, ikun faċli li ‘nfasslu l-​ħażin fi qlubna,’ u mbagħad nirriflettuh fl-​għemejjel tagħna. Mill-​banda l-​oħra, Alla jridna nimitaw l-​eżempju pożittiv tiegħu. Ftakar li Mikea kiteb li Ġeħova “jaħfer l-​iżball u jħalli għaddej in-​nuqqas.”a (Mikea 7:18) Kif nistgħu napplikaw dan b’modi prattiċi?

7. Għala nistgħu nagħżlu li sempliċement ninsew xi offiża?

7 Forsi nħossuna mweġġgħin minħabba dak li ġara lilna jew lil qaribna, imma tassew, kemm hu serju dan? Il-​Bibbja titkellem dwar il-​passi li għandhom jittieħdu biex id-​differenzi jitranġaw, anki f’każ taʼ dnub kontra xi ħu. Xorta waħda, spiss ikun l-​aħjar li sempliċement tagħlaq għajnejk għall-​iżball jew l-​offiża, li ‘tħalli għaddej in-​nuqqas.’ Staqsi lilek innifsek: ‘Jistaʼ jkun li din hi waħda mis-​77 darba li għandi naħfirlu? Għala ma naqbadx u ninsieha?’ (Mattew 18:15-17, 21, 22) Anki jekk l-​offiża tidher li hi sinifikanti issa, se tkun hekk elf sena oħra? Tgħallem lezzjoni bażika mill-​kumment li hemm f’Ekkleżjasti 5:20 dwar li ħaddiem igawdi l-​ikel u x-​xorb: “Hu rari joqgħod jiftakar fil-​problemi tal-​ħajja qasira tiegħu, għax l-​Alla l-​veru jżommu okkupat bil-​ferħ taʼ qalbu.” Hekk kif bil-​ferħ dan ir-​raġel jiffoka fuq il-​pjaċir li għandu bħalissa, ikollu t-​tendenza li jinsa l-​problemi tal-​ħajja taʼ kuljum tiegħu. Nistgħu aħna nimitaw din l-​attitudni? Jekk niffokaw fuq il-​ferħ tal-​fratellanza Kristjana tagħna, forsi nkunu nistgħu ninsew kwistjonijiet li m’humiex importanti għal dejjem, dawk li m’aħniex se niftakruhom fid-​dinja l-​ġdida. Dan hu differenti ħafna milli nifirħu bl-​għawġ taʼ ħaddieħor jew milli niftakru l-​offiżi.

GĦID IL-​VERITÀ LIL OĦRAJN

8. Aħna niffaċċjaw liema sfida dwar li ngħidu l-​verità?

8 It-​12-il ktieb profetiku jenfasizzaw ukoll kemm Alla jixtieq li ngħidu l-​verità meta nittrattaw maʼ ħaddieħor. M’għandniex xi ngħidu, aħna nistinkaw biex ngħidu “l-​verità taʼ l-​aħbar tajba” lil oħrajn. (Kolossin 1:5; 2 Korintin 4:2; 1 Timotju 2:4, 7) Iżda dak li jistaʼ jkun iktar taʼ sfida hu li ngħidu l-​verità fid-​diskors tagħna taʼ kuljum mal-​familja tagħna u maʼ ħutna spiritwali, fil-​konversazzjoni li tinkludi varjetà kbira taʼ suġġetti u sitwazzjonijiet. Għala jistaʼ dan ikun taʼ sfida?

9. Meta għandna mnejn niġu ttantati biex ma ngħidux il-​verità kollha, imma x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

9 Min minna qatt ma qal jew għamel xi ħaġa mingħajr qalb tajba, u mbagħad iktar tard xi ħadd ġibidlu l-​attenzjoni dwarha? X’aktarx li ħassejna ruħna imbarazzati jew kemxejn ħatjin. Dawn is-​sentimenti jistgħu jwasslu lil dak li jkun biex jiċħad l-​iżball jew joffri xi “spjegazzjoni” li tgħawweġ il-​verità sabiex jiskuża l-​iżball jew jagħmlu jidher korrett. Jew f’sitwazzjoni skomda għandna mnejn nitħajru nagħżlu li nsemmu biss xi dettalji, filwaqt li nħallu ftit minnhom barra biex intaffu l-​verità. Għaldaqstant, dak li ngħidu jistaʼ jkun veru teknikament, imma jagħti impressjoni totalment differenti taʼ dak li seħħ verament. Waqt li dan jistaʼ ma jkunx gideb sfaċċat, kif inhu komuni fid-​dinja llum, f’dan il-​każ inkunu tassew ‘qed ngħidu l-​verità, kull wieħed lill-​proxxmu tiegħu,’ jew lil ħuh? (Efesin 4:15, 25; 1 Timotju 4:1, 2) Meta Kristjan jesprimi l-​affarijiet b’tali mod li jkun jaf minn ġewwa li qed iwassal lil ħutu għal konklużjoni żbaljata, biex jemmnu xi ħaġa li m’hijiex tassew il-​verità, mhix eżatta, kif taħseb li jħossu Alla?

10. Il-​profeti kif jiddeskrivu aġir komuni f’Israel u Ġuda tal-​qedem?

10 Il-​profeti rrealizzaw li saħansitra rġiel u nisa dedikati lil Ġeħova kultant jinjoraw dak li jrid minnhom. Ħosea esprima s-​sentimenti t’Alla dwar xi wħud fi żmienu: “Inħarbathom, għax dinbu kontrija! Jien fdejthom, imma huma gidbu fuqi.” Minbarra li gidbu fuq Ġeħova b’mod dirett u li ma jistax jiġi miċħud, xi wħud ċedew biex ilissnu “s-​sħit” u jipprattikaw “il-​qerq,” forsi billi jgħawġu l-​fatti sabiex jiżvijaw lil oħrajn. (Ħosea 4:1, 2; 7:1-3, 13; 10:4; 12:1) Ħosea kiteb dan il-​kliem fis-​Samarija, is-​saltna tat-​tramuntana. Kienet aħjar is-​sitwazzjoni f’Ġuda? Mikea jgħidilna: “L-​għonja tagħha mtlew bil-​vjolenza, u l-​abitanti tagħha qalu l-​gideb, u lsienhom hu qarrieq ġo fommhom.” (Mikea 6:12) Huwa tajjeb li nkunu konxji dwar kif dawk il-​profeti kkundannaw l-​ipprattikar tal-​“qerq” u lil dawk li “lsienhom hu qarrieq ġo fommhom.” B’hekk, anki l-​Kristjani, li żgur li m’humiex se jigdbu deliberatament, jistgħu jistaqsu: ‘Jistaʼ jkun li jien kultant nipprattika l-​qerq jew ikolli lsien qarrieq ġo fommi? Alla x’jixtieq minni f’dan ir-​rigward?’

11. Il-​profeti x’jirrivelaw dwar ir-​rieda t’Alla għal diskorsna?

11 Mil-​lat pożittiv, Alla uża wkoll il-​profeti biex juruna b’mod ċar it-​tajjeb li jixtieq minna. Żakkarija 8:16 jgħid: “Dawn huma l-​affarijiet li għandkom tagħmlu: Tkellmu bil-​verità maʼ xulxin. Bil-​verità u bil-​ġudizzju tal-​paċi ġġudikaw f’bieb il-​belt.” Fi żmien Żakkarija l-​bibien kienu postijiet pubbliċi fejn ix-​xjuħ kienu jittrattaw każi ġudizzjarji. (Rut 4:1; Neħemija 8:1) Minkejja dan, Żakkarija ma qalx li din kienet l-​unika ċirkustanza meta għandna nitkellmu bl-​onestà. Irridu nkunu onesti f’sitwazzjonijiet formali, imma niġu mħeġġin ukoll: “Tkellmu bil-​verità maʼ xulxin.” Dan jinkludi fil-​privatezza taʼ darna meta nitkellmu mal-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ jew maʼ qrabatna. Japplika wkoll għall-​konversazzjonijiet taʼ kuljum tagħna maʼ ħutna spiritwali rġiel u nisa, sew jekk inkellmuhom wiċċ imbwiċċ, fuq it-​telefon, u sew jekk nikkomunikaw b’xi mod ieħor. Huma għandhom kull raġuni biex jistennew li dak li qed ngħidu jkun il-​verità. Il-​ġenituri Kristjani għandhom jenfasizzaw lil uliedhom kemm hu vitali li jevitaw il-​qerq. B’hekk, huma u jikbru, iż-​żgħażagħ jistgħu jkunu konxji li Alla jistenna minnhom li jevitaw ilsien qarrieq u li jkunu verament onesti f’dak li jgħidu.—Sofonija 3:13.

12. Liema lezzjonijiet taʼ valur nistgħu nitgħallmu mill-​kotba profetiċi?

12 Żagħżugħ jew adult li jintrabat b’mod sod mat-​triq tal-​verità jaqbel mat-​twiddiba taʼ Żakkarija: “Ħobbu l-​verità u l-​paċi.” (Żakkarija 8:19) U nnota d-​deskrizzjoni taʼ Malakija dwar dak li Ġeħova ra bħala eżempju f’Ibnu: “Il-​liġi tal-​verità kienet f’fommu, u ebda inġustizzja ma nstabet fuq xofftejh. Mexa miegħi bil-​paċi u b’mod rett.” (Malakija 2:6) Ikun irid Ġeħova xi ħaġa inqas minna? Ftakar, aħna għandna l-​Kelma tiegħu kollha kemm hi disponibbli, inkluż it-​12-il profeta bil-​lezzjonijiet kollha li nistgħu nitgħallmu minnhom.

EVITA L-​VJOLENZA FL-​AĠIR TIEGĦEK

13. Mikea 6:12 jixħet dawl fuq liema problema oħra li kienet teżisti?

13 Mikea 6:12 jgħidilna li mod wieħed kif il-​poplu li Alla kellu fil-​qedem ittratta ħażin m’oħrajn kien billi ‘qal il-​gideb, u lsienu kien qarrieq ġo fommu.’ Madankollu, dak il-​vers identifika jerġaʼ difett serju ieħor. Semma li ‘l-​għonja mtlew bil-​vjolenza.’ Kif sar dan, u liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minnu?

14, 15. Il-​ġnus madwar il-​poplu t’Alla kellhom liema rekord taʼ vjolenza?

14 Ikkunsidra r-​reputazzjoni taʼ xi ġnus li kienu jinsabu qrib il-​poplu t’Alla. Lejn il-​grigal kien hemm l-​Assirja, bil-​belt kapitali tagħha, Ninwe, li Naħum kiteb dwarha: “Gwaj għall-​belt li xxerred id-​demm. Mimlija qerq u serq. Il-​priża ma taqtaʼ qatt!” (Naħum 3:1) L-​Assirjani kienu magħrufin għat-​taqbid aggressiv u l-​krudeltà li kienu jużaw mal-​priġunieri tal-​gwerra—xi priġunieri kienu jiġu maħruqin jew imqaxxrin ħajjin, u oħrajn kienu jiġu mogħmijin jew kienu jqaċċtulhom imneħirhom, widnejhom, jew is-​swabaʼ. Il-​ktieb Gods, Graves, and Scholars jgħid: “L-​impressjoni li Ninwe tat lill-​bnedmin ma kienet xejn iktar ħlief dik taʼ qtil, serq, tgħakkis, u nuqqas taʼ rispett lejn id-​dgħajjef; permezz taʼ gwerer u kull manjiera taʼ vjolenza fiżika.” Aħna għandna x-​xiehda taʼ wieħed li ra b’għajnejh din il-​vjolenza (u li x’aktarx ħa sehem fiha). Wara li semaʼ l-​messaġġ taʼ Ġona, is-​sultan taʼ Ninwe qal dwar il-​poplu tiegħu: “Ħa jitgħattew bl-​ixkora, il-​bniedem u l-​annimal domestiku; u ħa jsejħu lil Alla b’saħħa u jerġgħu lura, kull wieħed minn triqtu l-​ħażina u mill-​vjolenza taʼ idejhom.”—Ġona 3:6-8.b

15 Il-​vjolenza kiefra ma kinitx limitata għall-​Assirja. Edom, lejn ix-​xlokk taʼ Ġuda, ukoll iffaċċja qerda. Għala? “U Edom isir xagħri abbandunat, minħabba l-​vjolenza li saret lil ulied Ġuda, li f’arthom huma xerrdu demm innoċenti.” (Ġoel 3:19) Daħħluha f’qalbhom l-​Edomin din it-​twissija u temmewha l-​vjolenza tagħhom? Xi żewġ sekli wara, Għobadija kiteb: “U s-​setgħanin tiegħek jitwerwru, O Teman [belt Edomija], . . . Minħabba l-​vjolenza li saret lil ħuk Ġakobb, . . . ikollok tinqered għal żmien indefinit.” (Għobadija 9, 10) Iżda, x’ngħidu dwar il-​poplu t’Alla?

16. Għamos u Ħabakkuk jagħtuna dehen rigward liema problema li kienet teżisti fi żmienhom?

16 Għamos irrivela s-​sitwazzjoni li kien hemm fis-​Samarija, il-​belt kapitali tas-​saltna tat-​tramuntana: “‘Araw il-​ħafna diżordnijiet f’nofsha u l-​imbrolji li jsiru fiha. Ma jafux jagħmlu s-​sewwa,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘dawk li qed jimlew it-​torrijiet mgħammrin tagħhom bil-​priża li ħadu bil-​vjolenza.’” (Għamos 3:9, 10) Forsi taħseb li kien se jkun differenti f’Ġuda, fejn kien hemm it-​tempju taʼ Ġeħova. Imma Ħabakkuk, li kien jgħix f’Ġuda, staqsa lil Alla: “Kemm se ndum insejjaħlek għall-​għajnuna mill-​vjolenza, u int ma ssalvax? Għaliex tħallini nara dak li hu taʼ wġigħ, u int tibqaʼ sempliċement tħares lejn l-​inkwiet? U t-​tħarbit u l-​vjolenza għala huma quddiemi?”—Ħabakkuk 1:2, 3; 2:12.

17. Għala setgħet tiżviluppa tendenza lejn il-​vjolenza fost il-​poplu t’Alla?

17 Jistaʼ jkun li l-​vjolenza saret komuni fost il-​poplu t’Alla minħabba li ħalla lilu nnifsu jiġi influwenzat mill-​attitudni li l-​Assirja, Edom, jew ġnus oħrajn kellhom lejn il-​vjolenza? Salamun kien wissa dwar possibbiltà bħal din: “Tgħirx għall-​bniedem vjolenti, u triqatu tagħżilhomx.” (Proverbji 3:31; 24:1) Iktar tard, Ġeremija kien speċifiku: “Hekk qal Ġeħova: ‘Titgħallmux timxu fi triq il-​ġnus.’”—Ġeremija 10:2; Dewteronomju 18:9.

18, 19. (a) Kieku Ħabakkuk kien jgħix illum, kif kien iħossu dwar il-​vjolenza taʼ żmienna? (b) Kif tħossok int dwar il-​vjolenza taʼ żmienna?

18 Kieku Ħabakkuk kien ħaj illum, ma kienx jinħasad bil-​vjolenza taʼ żmienna? Ħafna jkollhom kuntatt kbir mal-​vjolenza minn żgħożithom ’il quddiem. Il-​kartuns li jsaħħru lis-​subien u lill-​bniet fihom il-​vjolenza—karattru wieħed jipprova jkisser, jisplodi, jew b’xi mod ieħor jeqred lill-​ieħor. Ħafna żgħażagħ ma jdumux ma jsiru esperti fil-​logħob tal-​kompjuter li fih huma jirbħu billi jisparaw, jisplodu, jew jeqirdu lill-​opponenti tagħhom. “Dan hu biss logħob,” jgħidu xi wħud. Xorta waħda, logħob vjolenti li jintlagħab fuq kompjuter id-​dar jew ġo sala tal-​vidjos jgħaddas fil-​vjolenza lil min jilagħbu, billi jsawwar l-​attitudnijiet u r-​reazzjonijiet tiegħu. Kemm hu minnu l-​parir imnebbaħ: “Min hu vjolenti jħajjar lil sieħbu, u jġiegħlu jmur fi triq li mhix tajba”!—Proverbji 16:29.

19 Għalkemm Ħabakkuk kien sforzat biex jibqaʼ jħares lejn l-​inkwiet u l-​‘vjolenza quddiemu,’ dan nikktu. Int tistaʼ tistaqsi issa, ‘Kien se jħossu komdu joqgħod bil-​qiegħda miegħi u jara l-​programmi li nara jien regolarment fuq it-​televixin?’ Staqsi wkoll, ‘Kien hu se jwarrab il-​ħin biex ikun spettatur taʼ l-​hekk imsejħin ġrajjiet sportivi li huma disinjati biex ikunu vjolenti, u li dawk li jieħdu sehem fihom jilbsu saħansitra armatura protettiva bħal dik tal-​gladjaturi tal-​qedem?’ F’ċertu logħob, l-​eċċitament għal ħafna jiġi minn ġlied f’arena jew f’għalqa jew dak bejn ammiraturi ossessjonati. F’xi kulturi, ħafna jaraw films u vidjos vjolenti li jiffokaw fuq il-​gwerer jew l-​arti marzjali. Dan għandu mnejn jiġi deskritt bħala storja jew wirja tal-​passat kulturali tan-​nazzjon, imma b’daqshekk jagħmel dan lill-​vjolenza iktar aċċettabbli?—Proverbji 4:17.

20. Malakija esprima l-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar liema tip taʼ vjolenza?

20 Malakija jsemmi xi ħaġa simili meta jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar it-​tradiment taʼ xi rġiel Lhud lejn in-​nisa tagħhom. “‘Hu bagħad id-​divorzju,’ qal Ġeħova l-​Alla taʼ Israel; ‘u lil dak li kesa ħwejġu bil-​vjolenza.’” (Malakija 2:16) L-​Ebrajk tradott “kesa ħwejġu bil-​vjolenza” jinftiehem b’modi differenti. Xi studjużi jassumu li jfisser li wieħed ikollu d-​demm fuq ħwejġu meta jattakka lil ħaddieħor b’mod vjolenti. Hu x’inhu l-​każ, Malakija kien qed jikkundanna b’mod ċar l-​abbuż bejn il-​miżżewġin. Iva, Malakija qajjem il-​kwistjoni tal-​vjolenza f’kuntest domestiku u wera li Alla ma japprovahiex.

21. Il-​Kristjani f’liema sitwazzjonijiet iridu jevitaw il-​vjolenza?

21 Il-​vjolenza, fiżika jew verbali, fil-​privatezza tad-​dar taʼ Kristjan m’hijiex iktar taʼ min jiskużaha mill-​vjolenza fil-​pubbliku; Alla josservahom it-​tnejn. (Ekkleżjasti 5:8) Waqt li Malakija rrefera għall-​vjolenza fuq mara miżżewġa, xejn fil-​Bibbja ma jagħmel il-​vjolenza inqas taʼ min imaqdarha jekk raġel jużaha fuq it-​tfal jew ġenituri anzjani. Lanqas m’hi taʼ min jiskużaha jekk mara tużaha fuq żewġha, uliedha, jew il-​ġenituri. Huwa minnu li ġo familja taʼ bnedmin imperfetti jistaʼ jkun hemm it-​tensjoni, u din tqanqal l-​irritazzjoni u kultant ir-​rabja. Xorta waħda, il-​Bibbja tagħtina l-​parir: “Jekk tinkorlaw, tidinbux; tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.”—Efesin 4:26; 6:4; Salm 4:4; Kolossin 3:19.

22. Kif nafu li nistgħu ma nkunux vjolenti, avolja ħafna madwarna jkunu xort’oħra?

22 Xi wħud jistgħu jġibu xi skużi għall-​modi vjolenti tagħhom, billi jgħidu, ‘Jien hekk magħmul għax trabbejt ġo familja vjolenti,’ jew ‘In-​nies fejn noqgħod jien jew tal-​kultura tiegħi jitlgħalhom malajr u jisplodu.’ Madankollu, meta Mikea kkundanna ‘l-​għonja li kienu mtlew bil-​vjolenza,’ ma ssuġġerilhomx li ma setgħux jieqfu jagħmluha għaliex kienu trabbew fost il-​vjolenza. (Mikea 6:12) Noè għex meta l-​art kienet ‘mimlija bil-​vjolenza,’ u wliedu kibru mdawrin biha. Kienu vjolenti huma? Dażgur li le! “Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova,” u wliedu segwewh u baqgħu ħajjin wara d-​Dilluvju.—Ġenesi 6:8, 11-13; Salm 11:5.

23, 24. (a) X’jgħinna biex ma nkunux magħrufin bħala nies vjolenti? (b) Kif iħossu Ġeħova dwar dawk li jittrattaw maʼ l-​oħrajn kif jixtieq hu?

23 Madwar id-​dinja, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova m’humiex magħrufin li huma vjolenti, imma li jġibu l-​paċi. Huma jirrispettaw il-​liġijiet taʼ Ċesari kontra għemejjel vjolenti u jaqblu magħhom. (Rumani 13:1-4) ‘Ħadmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet,’ u jistinkaw biex iżommu l-​paċi. (Isaija 2:4) Huma jagħmlu ħilithom biex jilbsu “l-​personalità l-​ġdida,” li hija għajnuna biex jevitaw il-​vjolenza. (Efesin 4:22-26) U huma josservaw l-​eżempju mill-​aħjar t’anzjani Kristjani, li ma jistgħu ‘jsawtu’ la bil-​kliem u lanqas bl-​għemil.—1 Timotju 3:3; Titu 1:7.

24 Iva, nistgħu—u rridu—nittrattaw maʼ l-​oħrajn kif jixtieq Alla. Ħosea jgħid: “Min hu għaref biex jifhem dawn l-​affarijiet, għaqli biex ikun jafhom? Għax it-​triqat taʼ Ġeħova retti, u n-​nies sewwa huma dawk li se jimxu fihom.”—Ħosea 14:9.

[Noti taʼ taħt]

a Dwar l-​istqarrija li individwu “jħalli għaddej in-​nuqqas,” wieħed studjuż jgħid li l-​metafora Ebrajka “tittieħed mill-​kondotta taʼ vjaġġatur li jibqaʼ għaddej mingħajr ma jinnota oġġett li ma jkunx jixtieq jagħti kasu. L-​idea [mhix li Alla ma josservax id-​dnub] imma li ma jimmarkahx f’każi partikulari bil-​ħsieb li jikkastigah; li ma jikkastigax, imma jaħfer.”

b Xi 35 kilometru lejn ix-​xlokk taʼ Ninwe kien hemm Kalaħ (Nimrud), li reġgħet inbniet minn Asurnasirpal. Fil-​Mużew Britanniku hemm panewijiet mal-​ħitan li juru lil Kalaħ, li dwarha naqraw: “Asurnasirpal ma ħalla barra ebda dettall dwar il-​ħruxija u l-​brutalità li bihom mexxa l-​kampanji tiegħu. Il-​priġunieri kienu mdendlin m’arbli jew imsammrin maʼ zokk mas-​swar tal-​bliet assedjati . . . ; żgħażagħ irġiel u nisa kienu jiġu mqaxxrin ħajjin.”—Archaeology of the Bible.

X’JIXTIEQ ĠEĦOVA?

• L-​eżempju taʼ Ġeħova kif jistaʼ jgħinna nittrattaw maʼ ħu li offendiena?—Ħosea 14:2; Mikea 7:18; Malakija 2:10, 11.

• Il-​fatt li nqabblu Ħosea 4:1 maʼ Żakkarija 8:16 x’juri li jistenna minna Ġeħova meta nittrattaw maʼ ħaddieħor?

• Liema aspett fil-​mod kif tittratta maʼ l-​oħrajn tixtieq li ttejjeb?

B’KUNTRAST MAD-​DINJA

• X’evidenza tosserva int li ħafna fid-​dinja ‘jixorbu l-​vjolenza’?—Proverbji 4:17; Sofonija 1:9; Malakija 2:17.

• Kif tistaʼ tapplika Mikea 4:3 fil-​kongregazzjoni u fil-​familja tiegħek?

• Dan il-​kapitlu kif għenek tara li nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet minn partijiet tal-​Bibbja li ma jiġux kunsidrati daqshekk spiss?

[Stampa f’paġna 113]

Jekk xi ħadd offendiek, x’għandek tevita?

[Stampa f’paġna 121]

Ħafna kartuns u logħob tal-​kompjuter iqarrqu biż-​żgħażagħ billi jġibuhom jaħsbu li l-​vjolenza hi aċċettabbli

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja