LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 10 pp. 124-137
  • Għin biex il-Ħajja tal-Familja Togħġob lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin biex il-Ħajja tal-Familja Togħġob lil Alla
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “HU BAGĦAD ID-​DIVORZJU”
  • “L-​IRBIT TAʼ L-​IMĦABBA”—BAŻI BIEX TINGĦATA D-​DIXXIPLINA
  • OQGĦOD ATTENT MINN KUMPANIJA ĦAŻINA!
  • APPREZZA L-​IKTAR RABTA IMPORTANTI
  • Il-Profezija taʼ Hosegħa Tgħinna Nimxu m’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Onora “dak li Alla għaqqad flimkien”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Hosegħa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Imxi m’Alla, u Aħsad it-Tajjeb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 10 pp. 124-137

Kapitlu Għaxra

Għin biex il-​Ħajja tal-​Familja Togħġob lil Alla

1. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova b’mod ġenerali għala jgawdu ħajja tal-​familja hienja?

IX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA huma magħrufin sew li jgawdu ħajja tal-​familja hienja. Il-​Professur Bryan Wilson mill-​Università t’Oxford kiteb: “Ix-​Xhieda joffru varjetà kbira taʼ pariri prattiċi . . . fuq ir-​relazzjonijiet fiż-​żwieġ, kwistjonijiet morali, it-​trobbija tat-​tfal, u kwistjonijiet prattiċi oħrajn. [Huma] għandhom ħafna x’joffru bħala pariri sodi sostanzjati mill-​Kitba Mqaddsa u integrati f’filosofija tal-​ħajja li tagħmel sens.” Bla dubju, int personalment tgħallimt ħafna mill-​Kelma t’Alla dwar kif tgawdi ħajja hienja fil-​familja.

2. (a) X’osservajt int dwar il-​familji fid-​dinja taʼ llum? (b) F’liema kotba tal-​Bibbja se nfittxu xi gwida dwar il-​ħajja tal-​familja?

2 Hekk kif joqrob il-​jum taʼ Ġeħova, Satana qed jattakka b’mod partikulari lill-​familji. Għalhekk, ħafna nies m’għadx għandhom fiduċja fil-​membri tal-​familja tagħhom stess, bħalma kien il-​każ fi żmien Mikea. Hu kiteb: “Tpoġġux il-​fidi tagħkom f’xi sieħeb. . . . Minn dik li toqgħod fi ħdanek għasses il-​bwieb taʼ fommok. Għax iben jistmerr lil missieru; bint tqum kontra ommha; il-​mara tat-​tifel kontra l-​kunjata tagħha; l-​għedewwa taʼ raġel ikunu n-​nies taʼ daru.” (Mikea 7:5, 6) Int tgħix f’dinja li fiha l-​arranġament tal-​familja sejjer mill-​ħażin għall-​agħar, u madankollu int iġġilidt b’mod iebes biex ma tiġix influwenzat b’mod negattiv. B’hekk, il-​ħajja tal-​familja tiegħek saret iktar pjaċevoli, iktar togħġob lil Alla. X’aktarx li int applikajt skritturi bħalma huma Dewteronomju 6:5-9; Efesin 5:22–6:4; u Kolossin 3:18-21. Iżda, qatt ħarist lejn il-​kotba tat-​12-il profeta bħala sors taʼ pariri dwar ħajja tal-​familja hienja? F’dan il-​kapitlu se nikkunsidraw ftit eżempji taʼ pariri bħal dawn li jinsabu f’dawn il-​kotba. Imma m’għandekx tikkunsidrahom biss dawn il-​pariri speċifiċi. Ipprova agħraf minn dawn l-​eżempji metodu bażiku li tistaʼ tuża meta titgħallem lezzjonijiet oħrajn minn dawn il-​kotba. Fi tmiem dan il-​kapitlu, hemm ċitati xi skritturi li jgħinuk tipprattika dan, jiġifieri, titgħallem lezzjonijiet minn dawn it-​12-il ktieb.

“HU BAGĦAD ID-​DIVORZJU”

3, 4. (a) Illum, ħafna nies kif jipprovaw isolvu l-​problemi fiż-​żwieġ tagħhom? (b) Liema attitudni taʼ min jistmerrha lejn iż-​żwieġ kienet teżisti fi żmien Malakija?

3 Huwa loġiku li l-​ewwel aspett interessanti għalina hu r-​rabta bejn raġel u martu. Kien dan l-​aħħar biss li n-​nies bdew iqisu d-​divorzju bħala soluzzjoni faċli għall-​problemi fiż-​żwieġ. Ġeneralment, id-​divorzju kien diffiċli biex jinkiseb; fis-​seklu 19, fl-​Ingilterra kien meħtieġ att tal-​Parlament biex jinkiseb id-​divorzju. Din l-​attitudni li ma tapprovax id-​divorzju kienet tipproteġi lill-​familji mill-​firda. Iżda issa l-​affarijiet huma pjuttost differenti. L-​Encyclopædia Britannica tosserva: “Ir-​rati tad-​divorzju żdiedu sew f’ħafna pajjiżi mit-​tieni gwerra dinjija ’l hawn . . . L-​attitudni lejn id-​divorzju tbiddlet b’mod drammatiku . . . u t-​tendenza ġenerali hi li l-​prattika tiġi tollerata.” Id-​divorzju qed isir fenomenu soċjali saħansitra f’pajjiżi bħall-​Korea, fejn s’għaxar snin ilu, id-​divorzju ma kienx approvat. Illum, in-​nies f’ħafna pajjiżi jħossu li d-​divorzju hu għażla possibbli għal imseħbin li jkunu fi żwieġ mimli inkwiet.

4 Fi żmien Malakija, fil-​ħames seklu Q.E.K., id-​divorzju kien kotran fost il-​Lhud. Malakija qalilhom: “Ġeħova nnifsu xehed bejnek u bejn il-​mara taʼ żgħożitek, li magħha int aġixxejt bi tradiment.” Minħabba li l-​irġiel kienu qed jittrattawhom bi tradiment, l-​artal taʼ Ġeħova kien miksi bid-​dmugħ taʼ nisa traduti, “bil-​biki u bit-​tnehid.” U qassisin korrotti għalqu għajnejhom għal din il-​krudeltà!—Malakija 2:13, 14.

5. (a) Ġeħova kif iħares lejn id-​divorzju? (b) Għala hu serju li tittradixxi lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ?

5 Ġeħova kif kien iħares lejn l-​attitudni taʼ min jistmerrha lejn iż-​żwieġ fi żmien Malakija? “‘Hu bagħad id-​divorzju,’ qal Ġeħova l-​Alla taʼ Israel,” kiteb Malakija. Dan qal ukoll li Ġeħova ‘ma nbidilx.’ (Malakija 2:16; 3:6) Tifhmu int il-​punt? Minn qabel, Alla kien ħa waqfa kontra d-​divorzju. (Ġenesi 2:18, 24) Hu għamel l-​istess fi żmien Malakija. U għadu jagħmel l-​istess illum. Xi nies għandhom mnejn jiddeċiedu li jabbandunaw iż-​żwieġ tagħhom sempliċement minħabba li ma jkunux sodisfatti bl-​imseħbin tagħhom. Tkun kemm tkun qarrieqa qalbhom, Ġeħova jgħarbilha. (Ġeremija 17:9, 10) Hu jkun jaf bi kwalunkwe qerq jew proġett malizzjuż li jkun hemm wara divorzju, huma x’inhuma l-​iskużi li jistgħu jġibu biex jiġġustifikaw l-​imġiba tagħhom. Iva, “kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.”—Ebrej 4:13.

6. (a) Kif jistaʼ jgħinek il-​fatt li jkollok il-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn id-​divorzju? (b) X’kien il-​punt prinċipali tal-​parir taʼ Ġesù dwar id-​divorzju?

6 Forsi ż-​żwieġ tiegħek m’huwiex fi stadju kritiku taʼ divorzju; madankollu, tagħmel sew li żżomm f’moħħok il-​ħarsa taʼ Ġeħova. Ħadd m’hu perfett, u għalhekk nistgħu nistennew li jkollna d-​diffikultajiet u n-​nuqqas taʼ qbil fiż-​żwieġ. Madankollu, tqis int id-​divorzju bħala għażla possibbli, bħala soluzzjoni faċli? Fis-​saħna taʼ xi tilwima, issemmiha int il-​possibbiltà taʼ divorzju? Ħafna hekk għamlu, imma l-​ħarsa divina lejn ir-​rabta taż-​żwieġ tirrikkmanda li n-​nies jipprovaw iktar bis-​serjetà biex iż-​żwieġ tagħhom jirnexxi. Huwa minnu li Ġesù Kristu qal li hemm raġuni leġittima waħda għad-​divorzju—iż-​żína, jiġifieri, kull tip taʼ relazzjoni sesswali barra ż-​żwieġ. Minkejja dan, x’kien il-​punt prinċipali tat-​twissija taʼ Ġesù? Hu qal lis-​semmiegħa: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” Iva, Ġesù appoġġa l-​livell li ma jinbidilx taʼ Ġeħova, li Malakija kien semma xi 450 sena qabel.—Mattew 19:3-9.

7. Fi qbil mat-​twissija li tinstab fil-​ktieb taʼ Malakija, kif tistaʼ żżomm rabta taż-​żwieġ b’saħħitha?

7 Allura, kif jistgħu l-​imseħbin Kristjani jżommu rabta b’saħħitha? Malakija ta din is-​soluzzjoni: “Oqogħdu attenti għall-​ispirtu tagħkom, u m’għandkomx taġixxu bi tradiment.” (Malakija 2:16) Dan ifisser li rridu ngħassu l-​inklinazzjoni qawwija li għandna ġo fina. Biex ‘noqogħdu attenti għall-​ispirtu tagħna’ rridu nevitaw it-​tentazzjonijiet biex nagħtu attenzjoni mhix xierqa lil xi ħadd li m’aħniex miżżewġin lilu. (Mattew 5:28) Per eżempju, x’jiġri jekk minn ġewwa nieħdu pjaċir li nirċievu interess romantiku jew tifħir mhux f’loku minn xi ħadd ieħor tas-​sess oppost? Dan ikun ifisser li m’għadniex attenti għall-​ispirtu tagħna. Għalhekk, lezzjoni importanti mit-​12-il profeta li se tgħinna biex ikollna rabta taż-​żwieġ b’saħħitha hi li noqogħdu attenti għall-​‘ispirtu tagħna.’

8, 9. L-​episodju taʼ Ħosea u Gomer għala kien inkluż fil-​Bibbja?

8 Bla dubju int determinat li tirnexxi fiż-​żwieġ tiegħek. Xorta waħda, m’intix ħieles mill-​problemi fil-​ħajja miżżewġa. Kif tistaʼ tittrattahom l-​aħjar dawk li jinqalgħu, speċjalment jekk tħoss li l-​biċċa l-​kbira mill-​ħtija hi tal-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ? Ftakar dak li ssemma qabel f’dan il-​ktieb, f’Kapitli 2 u 4, dwar Ħosea. Martu, Gomer, saret “mara li . . . tiżni” u mbagħad ‘ġriet wara l-​maħbubin appassjonati tagħha.’ Iktar tard ġiet abbandunata, tfaqqret, u daħlet fil-​jasar. Ħosea ħa lil Gomer lura bi prezz, u ġie mħeġġeġ biex iħobbha. Għala? Biex jagħti stampa ħajja taʼ dak li kien qed iseħħ bejn Ġeħova u Israel. Ġeħova kien ‘sid bħal raġel miżżewweġ,’ u l-​poplu tiegħu kien imsieħeb miegħu bħala martu.—Ħosea 1:2-9; 2:5-7; 3:1-5; Ġeremija 3:14; Isaija 62:4, 5.

9 Minn żminijiet bikrin, l-​Israelin weġġgħu s-​sentimenti taʼ Ġeħova billi marru wara allat oħrajn. (Eżodu 32:7-10; Mħallfin 8:33; 10:6; Salm 78:40, 41; Isaija 63:10) Is-​saltna tat-​tramuntana b’għaxar tribujiet kienet taʼ min imaqdarha b’mod speċjali minħabba l-​qima taʼ l-​għoġol. (1 Slaten 12:28-30) Iżjed minn hekk, l-​Israelin ma striħux fuq Ġeħova, is-​Sid tagħhom bħal Raġel Miżżewweġ, imma minflok, fittxew lil maħbubin politiċi. Darba minnhom, bħal żebra stinata u eċċitata sesswalment, huma marru wara l-​Assirja. (Ħosea 8:9) Kif tħossok int jekk il-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ taġixxi b’dan il-​mod?

10, 11. Kif tistaʼ timita lil Ġeħova jekk tiffaċċja sitwazzjoni fiż-​żwieġ li fiha l-​parti l-​oħra tidher li għandha l-​ħtija?

10 Sa żmien Ħosea kienu għaddew iktar minn 700 sena mindu l-​Israelin daħlu f’relazzjoni taʼ patt maʼ Ġeħova. Minkejja dan, Alla kien lest li jaħfrilhom, bil-​patt li jerġgħu lura lejh. Hu maħsub li Ħosea beda jipprofetizza qabel is-​sena 803 Q.E.K., u għalhekk il-​paċenzja taʼ Ġeħova kompliet għal madwar 60 sena oħra għal Israel u kważi 200 sena għal Ġuda! Billi uża s-​sitwazzjoni tal-​familja taʼ Ħosea bħala tixbiha, Ġeħova kien għadu qed jistieden lill-​poplu tal-​patt tiegħu biex jindem. Hu kellu raġunijiet leġittimi biex itemm iż-​żwieġ tiegħu maʼ Israel, u madankollu baqaʼ jibgħat il-​profeti biex jgħin lil martu figurattiva tiġi lura, saħansitra bi spejjeż għalih.—Ħosea 14:1, 2; Għamos 2:11.

11 Jekk tiffaċċja sitwazzjoni fiż-​żwieġ li fiha l-​parti l-​oħra tidher li għandha l-​ħtija, tirreaġixxi int kif għamel Ġeħova? Tibda int tagħmel ħiltek biex iġġib iż-​żwieġ tiegħek fil-​kundizzjoni li kien fiha qabel? (Kolossin 3:12, 13) Trid tkun umli biex tagħmel hekk. X’eżempju mill-​aħjar stabbilixxa Ġeħova bil-​mod kif ittratta maʼ l-​Israelin! (Salm 18:35; 113:5-8) Alla ‘kellem lill-​Israelin biex jilħqilhom qalbhom,’ saħansitra talabhom bil-​ħerqa. Bħala bnedmin imperfetti, m’għandniex aħna raġuni akbar biex inkellmu lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ ħalli nilħqulha qalbha, billi nistinkaw biex insolvu l-​problemi u nagħlqu għajnejna għall-​iżbalji? B’mod sinifikanti, l-​isforzi taʼ Ġeħova rnexxew. Fdal mill-​ġens wieġbu waqt li kienu fix-​xagħri taʼ l-​eżilju tagħhom f’Babilonja, u iktar tard reġgħu lura lejn art twelidhom, u sejħu lil Ġeħova “Żewġi.”—Ħosea 2:14-16.a

12. Il-​fatt li timmedita fuq il-​mod kif Ġeħova ttratta mal-​mara figurattiva tiegħu b’liema mod jistaʼ jkun taʼ ġid għaż-​żwieġ tiegħek?

12 Jekk tqum xi problema serja, l-​isforzi ġenwini tiegħek biex iġġedded ir-​relazzjoni tiegħek mal-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ x’aktarx li jirnexxu. Alla kien lest li jaħfer saħansitra d-​dnub serju taʼ żína spiritwali min-​naħa tas-​sieħba figurattiva tiegħu. Il-​biċċa l-​kbira mill-​problemi fiż-​żwieġ fost il-​Kristjani veri ma spiċċawx fi kriżi bħal din. Ħafna problemi jibdew bi kliem aħrax jew li jweġġaʼ. Għalhekk, jekk il-​kliem bħal daqqiet taʼ sikkina weġġgħek, ikkunsidra minn xiex għaddew Ħosea u Ġeħova nnifsu. (Proverbji 12:18) Ma jistax dan jgħinek biex taħfer?

13. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Ġeħova ried l-​indiema min-​naħa tal-​poplu stinat tiegħu?

13 Hemm jerġaʼ aspett ieħor taʼ dan ir-​rakkont storiku. Kien lest Alla li jġedded ir-​relazzjoni tiegħu mal-​poplu tiegħu waqt li dawn komplew iwettqu ż-​żína? Alla qal lil Ħosea dwar il-​ġens adulteru: “Hi għandha twarrab iż-​żína tagħha minn quddiemha u l-​atti tagħha t’adulterju minn bejn sidirha.” (Ħosea 2:2) In-​nies kellhom bżonn jindmu u ‘jagħmlu frott li jixraq lill-​indiema.’ (Mattew 3:8) F’dan ir-​rigward, iffoka fuq in-​nuqqasijiet tiegħek stess minflok fuq dawk tal-​parti l-​oħra. Jekk offendejt lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ, għala ma tipprovax iġġedded ir-​relazzjoni billi titlob skuża sinċiera u tbiddel għemilek? Tistaʼ tiġi premjat bil-​maħfra.

“L-​IRBIT TAʼ L-​IMĦABBA”—BAŻI BIEX TINGĦATA D-​DIXXIPLINA

14, 15. (a) Minħabba dak li hemm f’Malakija 4:1, għala għandek tiħodha bis-​serjetà r-​responsabbiltà li tgħallem lil uliedek? (b) Kif tistaʼ tgħin lil uliedek isiru jafu lil Ġeħova?

14 Dwar il-​ħajja tal-​familja nistgħu nitgħallmu saħansitra iktar mill-​mod kif Ġeħova ttratta maʼ l-​Israelin kif jissemma fil-​kotba tat-​12-il profeta. Dawn il-​kotba fihom indikazzjonijiet dwar kif tgħin lil uliedek. Bla dubju, illum it-​trobbija tat-​tfal m’hijiex faċli. Il-​ġenituri jridu jieħdu r-​responsabbiltà tagħhom bis-​serjetà. Naqraw: “‘Il-​jum li ġej se jiblagħhom żgur [in-nies],’ qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘sabiex ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa.’” (Malakija 4:1) F’jum il-​kontijiet, it-​tfal żgħar (il-friegħi) se jiġu trattati b’mod ġust skond kif Ġeħova jistma lill-​ġenituri (l-għeruq) tagħhom, li huma responsabbli għat-​tfal taħt l-​età. (Isaija 37:31) Kif qed jgħixu l-​ġenituri jistaʼ jiddetermina l-​futur taż-​żgħar tagħhom, jew għat-​tajjeb jew għall-​ħażin. (Ħosea 13:16) Jekk int (l-għerq) m’intix iżżomm waqfa tajba maʼ Ġeħova, x’se jiġrilhom iż-​żgħar (il-friegħi) tiegħek f’jum il-​qilla tiegħu? (Sofonija 1:14-18; Efesin 6:4; Filippin 2:12) Mill-​banda l-​oħra, l-​isforzi leali tiegħek biex ikollok l-​approvazzjoni t’Alla jistgħu jkunu taʼ ġid għaż-​żgħar tiegħek.—1 Korintin 7:14.

15 Wara li kkwota l-​profezija taʼ Ġoel rigward il-​ħtieġa li wieħed isejjaħ isem Ġeħova, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Kif se jsejħu lil dak li ma poġġewx il-​fidi fih? Imma kif se jpoġġu l-​fidi f’dak li ma semgħux dwaru?” (Rumani 10:14-17; Ġoel 2:32) Pawlu kien qed jitkellem dwar il-​ministeru pubbliku tagħna, imma int tistaʼ tapplika l-​prinċipju biex tgħallem lil uliedek. Kif jistgħu jpoġġu l-​fidi tagħhom f’Ġeħova jekk ma jisimgħux dwaru? Tqattaʼ ħin biżżejjed minn jum għal jum biex tgħallem lil uliedek dwar kemm hu tajjeb Ġeħova, u b’hekk iddaħħlilhom fihom imħabba profonda għalih u għall-​gwida tiegħu? X’aktarx li ż-​żgħar jagħmlu progress spiritwali jekk jisimgħu spiss dwar Ġeħova fl-​ambjent tal-​familja.—Dewteronomju 6:7-9.

16. Fi qbil maʼ Mikea 6:3-5, kif tistaʼ timita lil Ġeħova meta tiddixxiplina lil uliedek?

16 Meta t-​tfal ikunu żgħar ħafna, għandu mnejn ikun relattivament faċli li tiħodhom miegħek għal-​laqgħat Kristjani. Madankollu, hekk kif jikbru, jiżviluppaw il-​mod taʼ ħsieb tagħhom. Kif tistaʼ tittratta maʼ wliedek jekk kultant juru tendenzi ribellużi? Tistaʼ titgħallem mit-​12-il profeta, billi tinnota kif Ġeħova ttratta maʼ Israel u Ġuda. (Żakkarija 7:11, 12) Per eżempju, hekk kif taqra Mikea 6:3-5, ikkunsidra t-​ton tagħhom. Għalkemm l-​Israelin kienu fl-​iżball, Alla xorta waħda indirizzahom bħala l-​“poplu tiegħi.” Hu talab bil-​ħerqa: “O poplu tiegħi, ftakar, jekk jogħġbok.” Minflok m’akkużahom bl-​aħrax, hu pprova jilħqilhom qalbhom. Tistaʼ int timita lil Ġeħova anki meta tiddixxiplina lil uliedek? Kienu kemm kienu fl-​iżball, ittrattahom bħala parti integrali mill-​familja tiegħek, mhux tindirizzahom bi kliem li jumiljahom. Minflok ma tikkundannahom, tħannen magħhom b’mod teneru. Staqsihom mistoqsijiet biex tkun taf x’inhuma jaħsbu. Stinka biex tilħqilhom qalbhom ħalli huma jesprimu s-​sentimenti veri tagħhom.—Proverbji 20:5.

17, 18. (a) X’għandu jqanqlek biex tiddixxiplina lil uliedek? (b) Kif tistaʼ żżomm “l-​irbit taʼ l-​imħabba” maʼ wliedek?

17 Għala tiddixxiplinahom lil uliedek? Xi ġenituri jagħmlu dan għaliex ma jkunux iridu li jipperikolaw ir-​reputazzjoni tal-​familja. Ġeħova wera l-​motiv wara d-​dixxiplina tiegħu billi ddikjara: “Kont jien li għallimt lil Efrajm jimxi, li rfajtu f’dirgħajja . . . Bil-​ħbula tal-​qalb tajba umana bqajt niġbidhom, bl-​irbit taʼ l-​imħabba.” (Ħosea 11:3, 4) F’dan il-​każ, Ħosea jxebbah ir-​relazzjoni bejn Ġeħova u Israel maʼ dik taʼ missier u iben. Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk ġenitur li jħobb, imexxi lit-​tifel marbut maʼ idejh, jipprova jgħin lil tarbija li se taqaʼ u ma taqax biex timxi? L-​irbit hu appoġġ jekk it-​tarbija taqaʼ, gwida għal meta titlaq timxi.—Ġeremija 31:1-3.

18 Timitaha int l-​imħabba t’Alla lejn l-​Israelin? Darba wara l-​oħra huma tawh daharhom, imma hu ma kienx ħafif biex jitlaq dak l-​irbit taʼ l-​imħabba. Iż-​żgħażagħ donnhom jidhru li huma inklinati li jiżvijaw kultant u li jitfixklu minħabba affarijiet żgħar, imma pprova żomm l-​irbit taʼ l-​imħabba bejnek u bejnhom. Żomm f’moħħok li Ġeħova ma kienx mogħmi bil-​favoritiżmu biex jagħlaq għajnejh għall-​iżball tal-​poplu tiegħu. Hu ffaċċja s-​sitwazzjoni, iddixxiplinahom bl-​imħabba, u ħa ż-​żmien biex jagħmel disponibbli l-​għajnuna meħtieġa. Jekk tinnota li ibnek jew bintek qed titbiegħed bil-​mod il-​mod mit-​triq tal-​verità, tinjorahx dan. Ipprova mexxih jew mexxiha lura, bħallikieku bi rbit taʼ gwida, billi tipprovdi għajnuna bi mħabba matul dan il-​perijodu problematiku. Qattaʼ l-​ħin maʼ wliedek li qegħdin fl-​inkwiet. Dan ma jistax jiġi enfasizzat iżżejjed—qattaʼ l-​ħin magħhom!

19. Għala m’għandekx taqtaʼ qalbek minn uliedek?

19 Ħosea ra bil-​quddiem li fdal mill-​Israelin kellhom jaċċettaw id-​dixxiplina: “Ulied Israel se jerġgħu lura u jfittxu lil Ġeħova Alla tagħhom, u lil David is-​sultan tagħhom; u jiġu jirtogħdu lejn Ġeħova u lejn tjubitu fl-​aħħar parti tal-​jiem.” (Ħosea 3:5) Iva, id-​dixxiplina t’Alla kienet effettiva maʼ fdal mill-​poplu tiegħu. Kun ottimist li hekk se jiġri maʼ wliedek. Ipprova ara t-​tajjeb li għandhom. Kun qalbek tajba meta titkellem magħhom, u madankollu sod biex iżżomm il-​prinċipji tal-​Bibbja. Anki jekk tifel stinat ma jwiġibx favorevolment issa, min jaf meta għandu mnejn jiġi f’sensih?

OQGĦOD ATTENT MINN KUMPANIJA ĦAŻINA!

20. Liema mistoqsija dwar il-​kumpanija tagħhom jistgħu ż-​żgħażagħ isibu t-​tweġiba għaliha fil-​kotba tat-​12-il profeta?

20 X’tistgħu titgħallmu intom iż-​żgħażagħ mit-​12-il profeta? Waħda mill-​iskritturi l-​iktar kwotata fid-​diskussjonijiet tagħkom mal-​ġenituri għandha mnejn tkun l-​1 Korintin 15:33 dwar li tevita kumpanija ħażina. ‘Imma hu daqshekk ħażin li tkun ħabib maʼ dawk li ma jqimux lil Ġeħova?’ xi wħud minnkom għandhom mnejn jistaqsu. Sewwa, tistgħu ssibu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija f’dawn it-​12-il ktieb.

21-23. (a) Iż-​żgħażagħ x’jistgħu jitgħallmu minn kif aġixxew l-​Edomin? (b) Min huma tassew il-​ħbieb tiegħek?

21 Waqt li l-​kotba tat-​12-il profeta kienu mmirati prinċipalment lejn il-​poplu t’Alla, il-​ktieb t’Għobadija indirizza lill-​Edomin, li saret referenza għalihom bħala ħut l-​Israelin.b (Dewteronomju 2:4) Kuntrarju għall-​biċċa l-​kbira mill-​kotba l-​oħrajn tat-​12-il profeta, Għobadija juża l-​pronom intom meta jirreferi għall-​Edomin. Issa aħseb ftit dwar l-​Edomin. Iż-​żmien hu madwar is-​sena 607 Q.E.K. meta Ġerusalemm qed tiġi assedjata. Għalkemm l-​Edomin huma qraba taʼ Ġakobb mid-​demm, huma jissieħbu mal-​Babiloniżi! “Ikxfuha! Ikxfuha!” jgħajtu l-​Edomin. (Salm 137:7; Għobadija 10, 12) Huma jippjanaw li jieħdu f’idejhom l-​art taʼ Ġuda. Huma saħansitra jieklu mal-​Babiloniżi, u fl-​Orjent dan il-​fatt jistaʼ jindika li ż-​żewġ partiti qegħdin f’relazzjoni taʼ patt.

22 Innota xi jbassar Għobadija dwar l-​Edomin: “L-​irġiel kollha [l-Babiloniżi] li qegħdin f’patt miegħek qarrqu bik. L-​irġiel li qegħdin fis-​sliem miegħek għelbuk. Dawk li qed jieklu l-​ikel miegħek jonsbulek xibka taħtek bħal wieħed li m’għandux dixxerniment.” (Għobadija 7) Xi ġralhom attwalment l-​Edomin, li abbandunaw lil ħuhom, Ġakobb, u għażlu bħala mseħbin lill-​Babiloniżi? Eventwalment, il-​Babiloniżi taħt Nabonidu qerdu lill-​Edomin. Sa żmien Malakija, Alla kien għamel il-​muntanji t’Edom art abbandunata u l-​wirt t’Edom ħallieh għax-​xakalli.—Malakija 1:3.

23 Issa aħseb ftit dwar l-​hekk imsejħin ħbiebek li ma jqimux lil Ġeħova. M’osservajtx int li ‘s-​subien [jew il-​bniet] li qegħdin f’patt,’ jew rabtiet taʼ ħbiberija, spiss iqarrqu b’xulxin u ‘jonsbu xibka taħt’ l-​hekk imsejħin ħbiebhom? Jekk il-​qerq jinkixef, x’jgħidu huma? Għandhom mnejn iqisu l-​ħbieb li qarrqu bihom bħala li jibilgħu kollox, bħala li m’għandhomx il-​ħila jirrikonoxxu l-​qerq taʼ persuna oħra. Dan l-​aġir kemm jixbah il-​mod kif il-​Babiloniżi ttrattaw lil sħabhom l-​Edomin! Tħoss int li dawn il-​“ħbieb” tassew se jimpurtahom minnek meta tiffaċċja l-​problemi? (Għobadija 13-16) Mill-​banda l-​oħra, aħseb dwar Alla Ġeħova u l-​poplu tiegħu llum. Ġeħova dejjem lest biex jgħinek. Hu se jwieżnek meta tkun għaddej minn perijodi diffiċli. In-​nies tiegħu wkoll huma ‘ħbieb veri li jħobbu l-​ħin kollu,’ bħal uħud leali ‘mweldin għal meta jkun hemm in-​niket.’—Proverbji 17:17.

APPREZZA L-​IKTAR RABTA IMPORTANTI

24, 25. Xi trid tkun l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna?

24 Iva, ir-​rabtiet tal-​familja huma importanti u jiswa li nsaħħuhom. Nistgħu nitgħallmu għadd taʼ lezzjonijiet dwarhom mit-​12-il profeta. Forsi tkun tixtieq li taqra dawn il-​kotba u tapplika l-​metodu li użajna hawnhekk. Dan se jgħinek titgħallem minnhom saħansitra iktar lezzjonijiet biex ittejjeb il-​ħajja tal-​familja tiegħek. Xorta waħda, huwa l-​fatt li jkollhom ħajja tal-​familja hienja l-​iktar kwistjoni importanti għall-​aduraturi t’Alla llum?

25 Hu interessanti li, dwar il-​miġja tal-​jum taʼ Ġeħova, Ġoel ipprofetizza: “Iġimgħu n-​nies flimkien. Qaddsu l-​kongregazzjoni. . . . Ħa joħroġ l-​għarus mill-​kamra taʼ ġewwa tiegħu, u l-​għarusa mill-​kamra tagħha.” (Ġoel 2:15, 16) Kulħadd fid-​dar kellu jinġabar flimkien biex iqim lil Ġeħova. Anki dawk li jkunu għadhom kif iżżewġu u li naturalment ikollhom ħafna fuq moħħhom ma kinux xi eċċezzjoni! Xejn m’għandu jiġi qabel li ninġabru flimkien quddiem Alla. Peress li l-​jum taʼ Ġeħova riesaq bil-​ħeffa, l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna trid tkun li jkollna waqfa tajba miegħu. Fl-​aħħar sezzjoni taʼ dan il-​ktieb se nikkunsidraw x’għandna nkunu ferħanin li qed nagħmlu llum.

[Noti taʼ taħt]

a Fil-każ li l-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ taʼ Kristjan tkun ħatja t’adulterju, min ikun innoċenti għandu jiddeċiedi jekk jaħfirx jew le.—Mattew 19:9.

b L-eċċezzjoni l-​oħra hi l-​ktieb taʼ Naħum, immirat lejn in-​Ninwin.

BĦALA REVIŻJONI

• X’lezzjonijiet tistaʼ titgħallem minn Malakija 2:16 li jistgħu jgħinuk issaħħaħ spiritwalment lill-​familja tiegħek?

• Ġeħova kif ittratta s-​sitwazzjoni meta l-​mara figurattiva tiegħu ttradietu?—Ħosea 3:1-5.

• X’jistaʼ jagħmel dak li jkun biex iġedded relazzjoni fiż-​żwieġ wara żball serju? —Ħosea 2:2.

KIF TISTAʼ TIBBENEFIKA?

• Kif tistaʼ tibbenefika mill-​iskritturi li ġejjin?

Ħosea 11:3, 4;

Għobadija 7;

Mikea 6:3-5;

Malakija 4:1

• Bħalma ntwera f’dan il-​kapitlu, kif tistaʼ tuża l-​iskritturi li ġejjin biex ittejjeb il-​ħajja tal-​familja tiegħek?

Ħosea 14:4;

Ġoel 1:3;

Malakija 2:11, 12

[Stampa f’paġna 127]

Tqisu int id-​divorzju bħala għażla jekk ikun hemm xi tilwima fiż-​żwieġ?

[Stampa f’paġna 128]

X’jgħallimna dwar Ġeħova l-​fatt li Ħosea ħa lura lil Gomer?

[Stampa f’paġna 130]

Imita lil Ġeħova billi tibda diskussjoni biex issolvi kwalunkwe problema

[Stampa f’paġna 133]

Bħala ġenitur, qed timita lil Ġeħova billi turi l-​imħabba lejn uliedek?

[Stampa f’paġna 136]

Dawk li jsostnu li huma ħbiebek qed “jonsbulek xibka taħtek”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja