LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 8/1 pp. 4-6
  • Sa fl-Aħħar—Ġustizzja Għal Kulħadd

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sa fl-Aħħar—Ġustizzja Għal Kulħadd
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Wegħda li Nistgħu Nafdawha
  • L-​Inġustizzja Tistaʼ Tingħeleb
  • Niżirgħu Żrieragħ taʼ Tjieba
  • Qatt Se Jkun Hawn Ġustizzja fid-Dinja?
    Iktar Suġġetti
  • Jehovah—Is-Sors tal-Ġustizzja Vera u tat-Tjieba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Imita lil Jehovah—Eżerċita l-Ġustizzja u t-Tjieba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 8/1 pp. 4-6

Sa fl-​Aħħar—Ġustizzja Għal Kulħadd

“Aħna se nistinkaw biex nagħtu widen b’modi ġodda . . . lill-​ilħna mweġġgħin, l-​ilħna ansjużi, l-​ilħna li qatgħu qalbhom li jinstemgħu. . . . Dak li baqaʼ huwa li nagħtu l-​ħajja lil dak li jinsab fil-​liġi: li sa fl-​aħħar inkunu żguri li bħalma kulħadd jitwieled indaqs fid-​dinjità quddiem Alla, kulħadd jitwieled indaqs fid-​dinjità quddiem il-​bniedem.”​—Il-​President taʼ l-​Istati Uniti Richard Milhous Nixon, indirizz inawgurali, 20 taʼ Jannar, 1969.

META jilħqu xi slaten, presidenti, jew prim ministri, dawn ikunu inklinati li jitkellmu fuq il-​ġustizzja. Richard Nixon, li kien president taʼ l-​Istati Uniti, ma kienx differenti. Imma l-​kliem elokwenti tiegħu ma jibqax jagħmel effett meta tiflih fid-​dawl attwali taʼ l-​istorja. Għalkemm hu ħalef li ‘se jagħti l-​ħajja lil-​liġi,’ iktar tard Nixon instab ħati li kiser il-​liġi u ġie mġiegħel jinżel mill-​kariga tiegħu. Tletin sena wara, ‘ilħna mweġġgħin, ansjużi, u ddisprati’ jkomplu jinsistu li jinstemgħu.

Li tagħti widen lil ilħna bħal dawn u tittratta l-​problemi tagħhom m’hijiex xi ħaġa faċli, bħalma skoprew għadd kbir taʼ mexxejja b’intenzjoni tajba. Il-​mira ‘ġustizzja għal kulħadd’ uriet li kienet diffiċli biex tintlaħaq. Madankollu, ħafna sekli ilu, saret wegħda li taʼ min jagħti kasha​—wegħda unika rigward il-​ġustizzja.

Permezz tal-​profeta tiegħu Isaija, Alla assigura lin-​nies Tiegħu li kien se jibagħtilhom “qaddej” magħżul minnu stess. “Qegħedt l-​ispirtu tiegħi fuqu,” qalilhom Jehovah. “Iġib il-​ġustizzja lill-​ġnus.” (Isaija 42:1-3) L-​ebda mexxej uman ma jażżarda jagħmel dikjarazzjoni daqstant estensiva, waħda li tkun tfisser ġustizzja dejjiema għal kull nazzjon. Hi taʼ min jorbot fuqha din il-​wegħda? Tistaʼ qatt isseħħ ħaġa straordinarja bħal din?

Wegħda li Nistgħu Nafdawha

Wegħda tistaʼ torbot fuqha daqs kemm tistaʼ torbot fuq min jagħmilha. F’dan il-​każ, dan m’hu ħadd ħlief Alla li Jistaʼ Kollox li jiddikjara li l-​“qaddej” tiegħu se jistabbilixxi ġustizzja mad-​dinja kollha. Kuntrarju għall-​politikanti, Jehovah ma jwigħedx bl-​addoċċ. ‘Huwa impossibbli għalih li jigdeb,’ tassigurana l-​Bibbja. (Lhud 6:18) “Bħalma jien iddeċidejt, hekk isir,” jiddikjara Alla b’mod qawwi.—Isaija 14:24.

Il-fiduċja tagħna f’dik il-​wegħda tiġi msaħħa wkoll permezz tar-​rekord tal-​“qaddej” magħżul t’Alla, Ġesù Kristu. Dak il-​wieħed li kellu jistabbilixxi l-​ġustizzja kellu jkun iħobb il-​ġustizzja u jgħix b’mod ġust. Ġesù ħalla rekord bla tebgħa bħala raġel li ‘ħabb is-​sewwa u bagħad il-​ħażen.’ (Lhud 1:9) Dak li qal, il-​mod kif għex, u saħansitra l-​mod kif miet, ilkoll urew li kien tassew raġel ġust. Meta miet Ġesù, wieħed uffiċjal taʼ l-​armata Rumana, li mid-​dehra kien preżenti kemm għall-​ġuri taʼ Ġesù kif ukoll għall-​qtil tiegħu, ġie mqanqal biex jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!”—Luqa 23:47.

Minbarra li hu nnifsu għex b’mod ġust, Ġesù rreżista l-​inġustizzja li tant kienet rampanti fi żmienu. Għamel dan, mhux b’xi sovversjoni jew rivoluzzjoni, imma billi għallem il-​vera ġustizzja lil kulmin kien lest li jagħti widen. Il-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja hija spjegazzjoni mill-​aqwa taʼ kif għandhom jiġu pprattikati l-​ġustizzja u t-​tjieba veri.—Mattew kapitli 5-7.

Ġesù poġġa fil-​prattika dak li għallem. Hu ma kienx jistmerr lill-​imġiddmin sfortunati, “dawk li ma kinux jintmessu” fis-​soċjetà Lhudija. Pjuttost, hu kellimhom, messhom, u saħansitra fejjaqhom. (Mark 1:40-42) In-​nies kollha li ltaqaʼ magħhom, inkluż il-​foqra u l-​imsejknin, kienu importanti għalih. (Mattew 9:36) “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom,” hu qalilhom.—Mattew 11:28.

Fuq kollox, Ġesù rrifjuta li jħalli l-​inġustizzja taʼ madwaru tikkorrompih jew tħarrxu. Qatt ma radd deni b’deni. (1 Pietru 2:22, 23) Saħansitra meta kien għaddej minn uġigħ terribbli, talab lil Missieru tas-​sema f’isem dawk l-​istess suldati li sammruh maʼ zokk. “Missier, aħfrilhom,” talab bil-​ħniena, “għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Luqa 23:34) Ċertament, Ġesù ‘xandar [‘għamel ċar x’inhi,’ New World Translation] il-​ġustizzja lill-​ġnus.’ (Mattew 12:18) Xi prova akbar għandna li Alla jixtieq jistabbilixxi dinja ġusta jekk mhux l-​eżempju ħaj taʼ Ibnu stess?

L-​Inġustizzja Tistaʼ Tingħeleb

Provi ħajjin li l-​inġustizzja tistaʼ tingħeleb huma disponibbli wkoll fid-​dinja preżenti. Kemm individwalment, kif ukoll bħala organizzazzjoni, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex jegħlbu l-​preġudizzju, il-​parzjalità, ir-​razziżmu, u l-​vjolenza. Ikkunsidra l-​eżempju li ġej.

Pedroa kien jemmen li azzjoni sovversiva kienet l-​uniku mod kif setgħet tinġieb il-​ġustizzja fil-​Pajjiż Baski, ir-​reġjun taʼ Spanja fejn kien jgħix. Biex iwettaq dan, sar membru t’organizzazzjoni terroristika li tatu taħriġ paramilitari fi Franza. Ladarba t-​taħriġ tiegħu kien lest, ġie ordnat biex jifforma skwadra terroristika u jisplodu wieħed mill-​kwartieri tal-​pulizija. It-​tim tiegħu kien diġà qed iħejji l-​isplussivi meta arrestawh il-​pulizija. Hu qattaʼ 18-il xahar il-​ħabs, imma saħansitra minn hemm ġew baqaʼ għaddej bl-​attività politika tiegħu, billi ħa sehem fi strajkijiet tal-​ġuħ u darba minnhom qataʼ l-​polzi taʼ jdejh it-​tnejn.

Pedro kien jaħseb li kien qiegħed jiġġieled għall-​ġustizzja. Imbagħad sar jaf lil Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu. Waqt li Pedro kien il-​ħabs, martu bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah, u meta ġie meħlus, hi stednitu jattendi waħda mil-​laqgħat tagħhom. Tant ħa pjaċir dakinhar li talab studju tal-​Bibbja, studju li wasslu biex jagħmel bidliet kbar kemm fil-​mod kif kien jaħsibha u kemm fil-​mod kif jgħix ħajtu. Fl-​aħħar, fl-​1989, kemm Pedro u kemm martu tgħammdu.

“Niżżi ħajr lil Jehovah li fis-​snin li domt terrorist qatt attwalment ma qtilt lil xi ħadd,” jgħid Pedro. “Issa qed nuża s-​sejf taʼ l-​ispirtu t’Alla, il-​Bibbja, biex nagħti lin-​nies messaġġ taʼ paċi u ġustizzja veri​—l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.” M’ilux wisq Pedro, li issa qed jaqdi bħala anzjan tax-​Xhieda taʼ Jehovah, żar dawk l-​istess kwartieri tal-​pulizija li darba kien bi ħsiebu jeqred. Din id-​darba hu mar bil-​ħsieb li jippriedka messaġġ taʼ paċi lill-​familji li jgħixu hemm.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu dawn il-​bidliet għax jixxennqu għal dinja taʼ tjieba. (2 Pietru 3:13) Għalkemm jemmnu b’għajnejhom magħluqin fil-​wegħda t’Alla li se jwettaq dan, huma jirrealizzaw li huwa wkoll l-​obbligu tagħhom li jgħixu fi qbil mal-​ġustizzja. Il-​Bibbja ma tħallilna l-​ebda dubju li Alla jistenna li aħna nagħmlu l-​parti tagħna.

Niżirgħu Żrieragħ taʼ Tjieba

Veru, meta nħabbtu wiċċna maʼ l-​inġustizzja, għandna mnejn ikollna aptit ngħajtu: “Fejn hu Alla tal-​ġustizzja?” Din kienet l-​għajta tal-​Lhud fi żmien Malakija. (Malakija 2:17) Ħadu bis-​serjetà Alla t-​tgergir tagħhom? Għall-​kuntrarju, dan ‘dejqu’ għax, fost affarijiet oħrajn, huma stess kienu qegħdin jittrattaw bil-​qerq man-​nisa tagħhom li kienu xjaħu, u jiddivorzjawhom fuq l-​iċken ħaġa. Jehovah esprima t-​tħassib tiegħu dwar ‘in-​nisa taʼ żgħożithom, li huma kienu qarrqu bihom, għad li kienu l-​imseħbin tagħhom u n-​nisa li magħhom intrabtu.’—Malakija 2:14.

Nistgħu b’wiċċna minn quddiem ingergru dwar l-​inġustizzja jekk aħna stess naġixxu b’mod inġust? Mill-​banda l-​oħra, jekk nipprovaw nimitaw lil Ġesù billi neliminaw il-​preġudizzju u r-​razziżmu minn ġewwa qlubna, billi nkunu imparzjali u nħobbu lil kulħadd, u billi ma nroddux deni b’deni, nuru li aħna verament inħobbu l-​ġustizzja.

Jekk irridu naħsdu l-​ġustizzja, il-​Bibbja tħeġġiġna biex ‘niżirgħu l-​ġustizzja.’ (Ħosegħa 10:12) Tidher kemm tidher żgħira, kull rebħa persunali fuq l-​inġustizzja hija importanti. Bħalma kiteb Martin Luther King, Jr. fil-​Letter From Birmingham Jail, “l-​inġustizzja f’post wieħed hija taʼ theddida għall-​ġustizzja kullimkien.” Dawk li ‘jfittxu l-​ġustizzja’ huma dawk in-​nies li Alla jagħżel biex jirtu d-​dinja ġdida kollha tjieba tiegħu li ġejja dalwaqt.—Sofonija 2:3.

Aħna ma nistgħux nibnu t-​tama tagħna għall-​ġustizzja fuq il-​pedament mhux sod tal-​wegħdi umani, però nistgħu noqogħdu fuq il-​kelma tal-​Ħallieq tagħna taʼ mħabba. Kien għalhekk li Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jibqgħu jitolbu ħalli tiġi s-​Saltna t’Alla. (Mattew 6:9, 10) Ġesù, is-​Sultan maħtur taʼ dik is-​Saltna, se “jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva.”—Salm 72:12, 13.

Biċ-ċar, l-​inġustizzja m’hijiex se tibqaʼ għal dejjem. Il-​ħakma taʼ Kristu fuq l-​art kollha se tirbaħ l-​inġustizzja għal dejjem, bħalma jassigurana Alla permezz tal-​profeta tiegħu Ġeremija: “Ara, għad jiġu jiem, oraklu tal-​Mulej, meta nġib . . . l-​ġid li wegħedthom. F’dawk il-​jiem u f’dak iż-​żmien intallaʼ min-​nisel taʼ David rimja tas-​sewwa, bniedem li jagħmel il-​ġustizzja u s-​sewwa fil-​pajjiż.”—Ġeremija 33:14, 15.

[Nota taʼ taħt]

a L-isem ġie ssostitwit.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja