STUDJU 36
Tema Żviluppata
KELLIEMA tal-esperjenza jafu x’valur għandha tema. Meta jkunu qed jippreparaw taħdita, it-tema tgħinhom jiffokaw l-attenzjoni fuq aspett iktar speċifiku u jaħsbu iktar fil-fond dwaru. Ir-riżultat hu li minflok ma jitkellmu fuq fuq dwar ħafna punti, huma jiżviluppaw il-materjal tagħhom b’tali mod li hu iktar taʼ benefiċċju għall-udjenza tagħhom. Meta kull wieħed mill-punti prinċipali jkun marbut direttament mat-tema u jgħin biex tiġi żviluppata, l-udjenza wkoll tiġi megħjuna tiftakar dawk il-punti u tifhem l-importanza tagħhom.
Għalkemm jistaʼ jingħad li t-tema tiegħek hija s-suġġett li titkellem dwaru, se ssib li l-kwalità tat-taħditiet tiegħek se titjieb jekk tħares lejn it-tema bħala dik li se tagħtik il-ħarsa partikulari li permezz tagħha se tiżviluppa s-suġġett tiegħek. Is-Saltna, il-Bibbja, u l-irxoxt huma suġġetti ġenerali. Hemm diversi temi li jistgħu jiġu żviluppati dwar dawn is-suġġetti. Hawn għandek xi eżempji: “Is-Saltna, Gvern Reali,” “Is-Saltna taʼ Alla Se Tagħmel l-Art Ġenna,” “Il-Bibbja Hi Mnebbħa Minn Alla,” “Il-Bibbja Hi Gwida Prattika Għal Żmienna,” “It-Tama tal-Irxoxt Tgħinna Nibqgħu Sodi Meta Niffaċċjaw il-Persekuzzjoni,” u “L-Irxoxt Jagħti Tama lil Min Tilef lil Xi Ħadd fil-Mewt.” Dawn it-temi kollha jeħtieġu li jiġu żviluppati minn angoli differenti għalkollox.
B’konsistenza mat-tema li tispikka fil-Bibbja, matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù Kristu fl-ippritkar enfasizza t-tema: “Qorbot is-saltna tas-smewwiet.” (Mt. 4:17) Kif ġiet żviluppata dik it-tema? Fl-erbaʼ Evanġelji ssir referenza għal dik is-Saltna iktar minn 110 darbiet. Imma Ġesù għamel iktar milli sempliċement uża t-terminu “Saltna” ripetutament. Kemm b’dak li għallem u kemm bil-mirakli li wettaq, Ġesù wera ċar li hu, il-wieħed li kien preżenti, kien Bin Alla, il-Messija, il-wieħed li Ġeħova kien se jagħtih is-Saltna. Ġesù wera wkoll li permezz tiegħu t-triq kienet qed tinfetaħ għal oħrajn biex ikollhom sehem f’din is-Saltna. Hu identifika l-kwalitajiet li jridu jintwerew minn dawk li kienu se jingħataw dan il-privileġġ. Permezz tat-tagħlim tiegħu u l-għemejjel setgħanin li wettaq, hu wera ċar x’kienet se tfisser is-Saltna taʼ Alla fil-ħajja tan-nies u semma li l-fatt li keċċa d-demonji permezz tal-ispirtu taʼ Alla kien evidenza li ‘s-saltna t’Alla tassew laħqet’ lis-semmiegħa tiegħu. (Lq. 11:20) Kien rigward din is-Saltna li Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jagħtu xhieda.—Mt. 10:7; 24:14.
Kif Tuża Tema Adattata. Mhuwiex meħtieġ minnek li tiżviluppa tema bl-istess mod li tiżviluppaha l-Bibbja, imma huwa daqstant importanti li jkollok tema adattata.
Jekk l-għażla tat-tema titħalla f’idejk, l-ewwel ikkunsidra l-mira tal-preżentazzjoni tiegħek. Imbagħad meta tagħżel il-punti prinċipali li se jifformaw l-outline tiegħek, kun ċert li dawn tassew jappoġġaw it-tema li għażilt.
Jekk tingħata t-tema, eżamina sew dak li turik li hu l-mod kif għandu jiġi żviluppat il-materjal tiegħek. Jistaʼ jkun meħtieġ daqsxejn sforz biex tifhem il-valur u l-potenzjal taʼ tema bħal din. Jekk se tkun qed tagħżel il-materjal li bih se tiżviluppa t-tema li ġejt inkarigat biha, agħżel bir-reqqa ħalli tibqaʼ tiffoka fuq it-tema. Mill-banda l-oħra, jekk il-materjal ikun provdut, xorta jkollok bżonn tanalizza kif se tużah fi qbil mat-tema. Għandek bżonn ukoll tikkunsidra għala l-materjal hu importanti għall-udjenza tiegħek u x’għandha tkun il-mira tiegħek meta tagħti t-taħdita. Dan se jgħinek tiddeċiedi x’għandek tenfasizza fl-għoti tat-taħdita tiegħek.
Kif Tenfasizza t-Tema. Biex tagħti enfasi xierqa lit-tema, trid tpoġġi l-pedament meta tagħżel u torganizza l-materjal tiegħek. Jekk tuża biss dak li jappoġġa t-tema tiegħek u ssegwi l-prinċipji involuti fit-tħejjija taʼ outline tajjeb, kważi awtomatikament se tenfasizza t-tema.
Ir-ripetizzjoni tistaʼ tgħinek issaħħaħ it-tema. Ejja nieħdu pereżempju kanzunetta taʼ mħabba. Matul il-kanzunetta, il-kantant jesprimi t-tema, jiġifieri, l-imħabba li jħoss lejn il-persuna li jammira. Forsi jirripeti din it-tema b’diversi modi. Jistaʼ juża diversi forom tal-kelma “mħabba.” Ukoll, għandu mnejn juża kliem sinonimu, metafori, lingwa poetika, jew tixbihat oħrajn. Xorta waħda, il-kanzunetta tiffoka fuq l-istess tema. Dan hu l-mod kif għandek tuża t-tema taʼ taħdita. Bħall-ħsieb dwar l-imħabba li jfiġġ il-ħin kollu matul il-kanzunetta tistaʼ tirripeti kliem prinċipali mit-tema matul it-taħdita tiegħek. Biex tvarja tistaʼ tuża kliem sinonimu taʼ dan il-kliem prinċipali jew terġaʼ tgħid it-tema fi kliem ieħor.
Dawn il-prinċipji ma japplikawx biss għal taħditiet minn fuq il-platform imma wkoll għal diskussjonijiet fil-ministeru tal-għalqa. Konversazzjoni kemxejn qasira se tibqaʼ iktar f’moħħ l-individwu jekk it-tema tkun tispikka. Dak li jkun se jiftakar iktar malajr l-istruzzjoni li tingħata fi studju tal-Bibbja jekk tkun ġiet enfasizzata t-tema. L-isforz li tagħmel biex tagħżel u tiżviluppa temi adattati se jikkontribwixxi bil-kbir biex int tkun iktar effettiv bħala kelliemi u għalliem tal-Kelma taʼ Alla.