LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 3/8 pp. 18-19
  • Il-Pixxi San Pietru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Pixxi San Pietru
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Baħar Mimli Ħut
  • X’Ħuta Qabad Pietru?
  • Ġliba Ħut
    Stenbaħ!—2012
  • Fuq xatt il-Baħar tal-Galilija
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Ħdejn il-Baħar tal-Galilija
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Ġesù jerġaʼ jidher lid-dixxipli tiegħu
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 3/8 pp. 18-19

Il-​Pixxi San Pietru

JEKK tmur tiekol f’restorant maġenb il-​Baħar tal-​Galilija fl-​Iżrael, għandu mnejn tqumlek il-​kurżità malli tara “Pixxi San Pietru” fuq il-​menù. Forsi l-​wejter jgħidlek li din hija waħda mill-​iktar ikliet popolari, speċjalment mat-​turisti. Din il-​ħuta tinżillek għasel meta tkun għadha kif ġiet moqlija. Imma din x’għandha x’taqsam maʼ l-​appostlu Pietru?

It-tweġiba nsibuha fi ġrajja deskritta fil-​Bibbja f’Mattew 17:​24-27. Hemmhekk insibu li Pietru, waqt li kien qiegħed iżur il-​belt taʼ Kafarnahum ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija, ġie mistoqsi jekk Ġesù kienx iħallas it-​taxxa tat-​tempju. Iktar tard, Ġesù spjegalu li hu, bħala l-​Iben t’Alla, ma kienx obbligat iħallasha din it-​taxxa. Imma biex ma jfixkel lil ħadd, qabbad lil Pietru jmur il-​baħar, jitfaʼ x-​xlief, u l-​ewwel ħuta li jtallaʼ jaqbadha u bil-​munita li jsib f’ħalqha jħallas it-​taxxa.

L-isem “pixxi San Pietru” huwa meħud minn din il-​ġrajja li tniżżlet fil-​Bibbja. Imma Pietru x’tip taʼ ħuta qabad?

Baħar Mimli Ħut

Fil-​Baħar tal-​Galilija hemm kważi 20 speċi differenti taʼ ħut. Imma huwa maħsub li madwar 10 biss setgħu kienu t-​tip li qabad Pietru. Fil-​kummerċ, dawn l-​għaxra jinqasmu fi tliet gruppi importanti.

L-akbar grupp jissejjaħ il-​musht, li bl-​Għarbi jfisser “moxt.” Ir-​raġuni hija li l-​ħames speċijiet taʼ dan il-​grupp għandhom ix-​xewka taʼ daharhom qisha moxt. Varjetà waħda mill-​musht tikber madwar 45 ċentimetru u tiżen xi żewġ kilogrammi.

It-tieni grupp huwa s-​sardina taʼ Kinneret (il-Baħar tal-​Galilija), li tixbah lil aringa żgħira. Fl-​aqwa taʼ l-​istaġun tas-​sardin jinqabdu ħafna tunnellati kull lejl, u dawn jammontaw għal madwar elf tunnellata kull sena. Din is-​sardina ilha tiġi preservata fis-​salmura minn żmien l-​antik.

It-tielet grupp huwa l-​biny, magħruf ukoll bħala barbju. It-​tliet speċijiet f’dan il-​grupp għandhom bħal mustaċċi fil-​ġnub taʼ ħalqhom, u għalhekk jissejħu bl-​isem Semitiku biny, li jfisser “xagħar.” Din il-​ħuta tiekol molluski, bebbux, u ħut żgħir. Il-​barbju taʼ rasu twila jikber mal-​75 ċentimetru u jiżen iktar minn 7 kilogrammi. Il-​barbji huma ħut imlaħħmin sew, u jittieklu ħafna fis-​Sabat u l-​festi tal-​Lhud.

Ħuta li m’hijiex inkluża fit-​tliet gruppi importanti fil-​kummerċ hija l-​catfish, l-​akbar ħuta fil-​Baħar tal-​Galilija. Din tikber sa 1.20 metru u tiżen madwar 11-il kilogramma. Imma l-​catfish m’għandhiex qxur, u għalhekk ma kinitx nadifa skond il-​Liġi Mosajka. (Levitiku 11:​9-12). Għaldaqstant il-​Lhud ma jikluhiex, u għandu mnejn li ma kinitx it-​tip taʼ ħuta li qabad Pietru.

X’Ħuta Qabad Pietru?

Fil-​fatt, il-​musht hija l-​ħuta li ġeneralment tissejjaħ “pixxi San Pietru,” u hekk tiġi servuta fir-​restoranti ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija. Peress li għandha ftit xewk, huwa faċli biex tissajjar u tittiekel. Imma hija din tassew il-​ħuta li qabad Pietru?

Mendel Nun, sajjied li ilu jgħix fix-​xatt tal-​Baħar tal-​Galilija għal iktar minn 50 sena, huwa bniedem rispettat għall-​esperjenza kbira li għandu rigward il-​ħut li jinqabad hemmhekk. Hu josserva: “Il-​musht tiekol il-​plankton u ma tagħmilx għal ikel ieħor. Għaldaqstant tinqabad bix-​xibka u mhux bix-​xlief.” Allura ma tantx tidher li kienet din il-​ħuta li qabad Pietru. Is-​sardina hija ħuta oħra li ma tantx hemm probabbiltà li kienet hi, għax hija żgħira wisq biex tikkwalifika bħala pixxi San Pietru.

Għaldaqstant jibqaʼ biss il-​barbju u xi wħud jgħidu li lilu jixraq l-​iktar l-​isem “pixxi San Pietru.” Nun innota: “Is-​sajjieda fil-​[Baħar tal-​Galilija], sa minn żmien żemżem, kienu jużaw xlief imsannar bis-​sardin biex jistadu għall-​barbju, li huwa predatur u ħuta tal-​qiegħ.” Hu jikkonkludi li “Pietru x’aktarx li qabad barbju.”

Allura, il-​musht għala jservuha bħala “pixxi San Pietru”? Nun iwieġeb: “Spjegazzjoni waħda biss jistaʼ jkun hemm għala tħawdu l-​ismijiet. Hekk kien jaqbel għat-​turiżmu! . . . Hekk kif bdew jiġu l-​pellegrini minn reġjuni mbiegħda, m’hemmx dubju li kien jidher tajjeb għan-​negozju li l-​isem “pixxi San Pietru” jingħata lill-​musht li kienet tiġi servuta fil-​ħwienet taʼ l-​ikel tal-​bidu li kien hemm max-​xatt tal-​lag. L-​iktar ħuta popolari u faċli biex tissajjar kisbet l-​iktar isem li kien jimxi fis-​suq.”

Filwaqt li ma nistgħux ngħidu b’ċertezza assoluta liema kienet dik il-​ħuta li qabad Pietru, tkun liema tkun il-​ħuta li jservuk bħala “pixxi San Pietru”, x’aktarx li se tkun ikla verament tajba.

[Stampa f’paġna 19]

“Musht”

[Stampa f’paġna 19]

Barbju

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 19]

Garo Nalbandian

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja