Il-Miġja taʼ Ġesù jew il-Preżenza taʼ Ġesù—Liema?
“X’se jkun is-sinjal tal-miġja [“preżenza,” New World Translation] tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?”—MATTEW 24:3.
1. Il-mistoqsijiet liema rwol kellhom fil-ministeru taʼ Ġesù?
IS-SENGĦA kbira li biha Ġesù poġġa mistoqsijiet lis-semmiegħa tiegħu ġagħlithom jaħsbu, saħansitra jikkunsidraw affarijiet minn perspettivi ġodda. (Mark 12:35-37; Luqa 6:9; 9:20; 20:3, 4) Nistgħu nkunu grati li hu wieġeb ukoll il-mistoqsijiet. It-tweġibiet tiegħu jilluminaw veritajiet li kieku ma konniex nkunu nafuhom jew nifhmuhom.—Mark 7:17-23; 9:11-13; 10:10-12; 12:18-27.
2. Għal liema mistoqsija għandna nagħtu l-attenzjoni tagħna issa?
2 F’Mattew 24:3, insibu waħda mill-iktar mistoqsijiet importanti li Ġesù qatt wieġeb. Bit-tmiem tal-ħajja tiegħu fuq l-art fil-qrib, Ġesù kien għadu kif wissa li t-tempju taʼ Ġerusalemm kellu jiġi meqrud, billi jimmarka t-tmiem tas-sistema Lhudija. Ir-rakkont taʼ Mattew iżid: “Kif kien qiegħed fuq il-Għolja taż-Żebbuġ, id-dixxipli resqu jistaqsuh rasu u rashom: ‘Għidilna, dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja [“preżenza,” NW] tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?’”—Mattew 24:3.
3, 4. Liema differenza sinjifikanti hemm fil-mod kif il-Bibbji jittraduċu kelma importanti f’Mattew 24:3?
3 Miljuni taʼ qarrejja tal-Bibbja tħassbu, ‘Id-dixxipli għala staqsew dik il-mistoqsija, u r-risposta taʼ Ġesù kif għandha teffettwani?’ Fir-risposta tiegħu Ġesù tkellem dwar id-dehra tal-weraq li turi li s-sajf huwa “fil-qrib.” (Mattew 24:32, 33) Għalhekk, ħafna knejjes jgħallmu li l-appostli kienu qegħdin jistaqsu għal sinjal tal-“miġja” taʼ Ġesù, is-sinjal li jagħti prova li r-ritorn tiegħu kien imminenti. Huma jemmnu li l-“miġja” se tkun il-waqt meta hu jieħu lill-Kristjani lejn is-sema u mbagħad iġib it-tmiem tad-dinja. Temmen int li dan huwa korrett?
4 Minflok il-kelma “miġja,” xi verżjonijiet tal-Bibbja, inkluża n-New World Translation of the Holy Scriptures, jużaw il-kelma “preżenza.” Jistaʼ jkun li dak li d-dixxipli staqsew dwaru u dak li Ġesù qal b’risposta huma differenti minn dak li huwa mgħallem fil-knejjes? X’ġie verament mistoqsi? U Ġesù liema tweġiba ta?
X’Kienu Qegħdin Jistaqsu?
5, 6. X’nistgħu nikkonkludu dwar dak li kienu qegħdin jaħsbu l-appostli meta staqsew il-mistoqsija li naqraw f’Mattew 24:3?
5 Meta nqisu dak li Ġesù qal dwar it-tempju, id-dixxipli x’aktarx li kienu qegħdin jaħsbu dwar l-arranġament Lhudi meta huma staqsew għal ‘sinjal tal-miġja [jew, “preżenza”] u t-tmiem tad-dinja [litteralment, “era”].’—Qabbel “dinja” fl-1 Korintin 10:11, Karm Żammit u f’Galatin 1:4.
6 S’issa l-appostli kellhom biss fehma limitata tat-tagħlim taʼ Ġesù. Huma qabel kienu immaġinaw li “s-Saltna taʼ Alla kienet se tidher minnufih.” (Luqa 19:11; Mattew 16:21-23; Mark 10:35-40) U saħansitra wara d-diskussjoni fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, imma qabel ma ġew midlukin bl-ispirtu qaddis, huma staqsew jekk Ġesù kienx qiegħed jirrestawra s-Saltna lil Israel dak in-nhar.—Atti 1:6.
7. L-appostli għala staqsew lil Ġesù dwar l-irwol futur tiegħu?
7 Madankollu, huma kienu jafu li hu kellu jitlaq, għax ftit qabel kien qal: “Ftit ieħor baqagħlu magħkom id-dawl. Mela ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dawl.” (Ġwann 12:35; Luqa 19:12-27) Mela x’aktarx li bir-raġun setgħu ħasbu, ‘Jekk Ġesù se jitlaq, kif se nagħrfu r-ritorn tiegħu?’ Meta deher bħala l-Messija, il-biċċa l-kbira m’għarfuhx. U iktar minn sena wara, baqgħu jippersistu mistoqsijiet dwar jekk kellux iwettaq dak kollu li l-Messija kellu jagħmel. (Mattew 11:2, 3) Mela l-appostli kellhom għalfejn jistaqsu dwar il-futur. Imma, għal darb’oħra, kienu huma qegħdin jistaqsu għal sinjal li hu kellu jiġi dalwaqt jew għal xi ħaġa differenti?
8. L-appostli b’liema lingwa x’aktarx kienu qegħdin ikellmuh lil Ġesù?
8 Immaġina li kont għasfur li qiegħed tismaʼ l-konversazzjoni fuq l-Għolja taż-Żebbuġ. (Qabbel Koħelet 10:20.) X’aktarx li kont tismaʼ lil Ġesù u l-appostli jitkellmu bl-Ebrajk. (Mark 14:70; Ġwann 5:2; 19:17, 20; Atti 21:40) Madankollu, x’aktarx li huma kienu jafu wkoll il-lingwa Griega.
Dak li Kiteb Mattew—Bil-Grieg
9. Fuq hiex huma bbażati l-biċċa l-kbira tat-traduzzjonijiet moderni taʼ Mattew?
9 Sorsi lura fit-tieni seklu E.K. jindikaw li Mattew għall-ewwel kiteb il-Vanġelu tiegħu bl-Ebrajk. Evidentement hu iktar tard kitbu bil-Grieg. Bosta manuskritti bil-Grieg baqgħu sħaħ sa żmienna u servew bħala bażi għat-traduzzjoni tal-Vanġelu tiegħu fil-lingwi moderni. Mattew x’kiteb bil-Grieg dwar dik il-konversazzjoni fuq l-Għolja taż-Żebbuġ? X’kiteb dwar il-“miġja” jew “preżenza” li d-dixxipli staqsew dwarha u li Ġesù kkummenta fuqha?
10. (a) Liema kelma Griega għal “ġie” uża taʼ spiss Mattew, u liema tifsiriet jistaʼ jkollha? (b) Liema kelma Griega oħra hija taʼ interess?
10 Fl-ewwel 23 kapitlu taʼ Mattew, għal iktar minn 80 darba nsibu verb komuni Grieg għal “ġie,” li huwa erʹkho·mai. Dan spiss iġorr il-ħsieb taʼ li wieħed jersaq lejn jew iqarreb, bħal fi Ġwann 1:47: “Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh.” (Korsiv tagħna.) Skond kif ikun se jintuża, il-verb erʹkho·mai jistaʼ jfisser “jasal,” “imur,” “jiġi,” “jilħaq,” jew “ikun fi triqtu.” (Mattew 2:8, 11; 8:28; Ġwann 4:25, 27, 45; 20:4, 8; Atti 8:40; 13:51) Imma f’Mattew 24:3, 27, 37, 39, Mattew uża kelma differenti, nom li ma jinstab imkien ieħor fil-Vanġeli: pa·rou·siʹa. Ladarba Alla nebbaħ il-kitba tal-Bibbja, għala qanqal lil Mattew biex jagħżel din il-kelma Griega f’dawn il-versi meta kiteb il-Vanġelu bil-Grieg? Dan x’ifisser, u għala għandna nkunu rridu nafu?
11. (a) X’inhu s-sens taʼ pa·rou·siʹa? (b) Eżempji mill-kitba taʼ Josefus kif jikkonfermaw il-fehma tagħna taʼ pa·rou·siʹa? (Ara n-nota taʼ taħt.)
11 B’mod ċar, pa·rou·siʹa tfisser “preżenza.” L-Expository Dictionary of New Testament Words taʼ Vine jgħid: “PAROUSIA, . . . litt[eralment], preżenza, para, maʼ, u ousia, li wieħed ikun (minn eimi, biex tkun), tindika kemm wasla u kemm preżenza konsegwenti maʼ. Per eżempju, f’ittra miktuba fuq il-papiru waħda sinjura titkellem dwar in-neċessità tal-parousia tagħha f’ċertu post sabiex tieħu ħsieb taʼ xi affarijiet relatati mal-propjetà tagħha.” Dizzjunarji oħrajn jispjegaw li pa·rou·siʹa tindika ‘żjara taʼ ħakkiem.’ Għalhekk, m’huwiex sempliċement il-mument tal-wasla, imma preżenza li testendi mill-wasla ’l hemm. Interessanti, dak huwa kif il-kittieb Lhudi taʼ l-istorja Josefus, kontemporanju taʼ l-appostli, uża pa·rou·siʹa.a
12. Il-Bibbja nfisha kif tgħinna biex nikkonfermaw it-tifsira taʼ pa·rou·siʹa?
12 It-tifsira “preżenza” toħroġ b’mod ċar fil-letteratura antika, madankollu l-Kristjani huma interessati b’mod partikulari fil-mod kif il-Kelma t’Alla tuża pa·rou·siʹa. It-tweġiba hija l-istess—preżenza. Dan aħna narawh minn eżempji fl-ittri taʼ Pawlu. Per eżempju, hu kiteb lill-Filippin: “Bil-mod li dejjem obdejtu, mhux matul il-preżenza tiegħi biss, imma issa ferm iktar fil-pront matul l-assenza tiegħi, ibqgħu aħdmu s-salvazzjoni tagħkom stess.” Hu tkellem ukoll dwar li joqgħod magħhom sabiex huma jkunu jistgħu jithennew ferm “permezz tal-preżenza [pa·rou·siʹa] [tiegħu] għal darb’oħra magħ[hom].” (Filippin 1:25, 26; 2:12, NW) L-Għaqda Biblika tgħid “meta nerġaʼ niġi għandkom.” Verżjonijiet oħrajn jgħidu “meta nerġaʼ nkun magħkom” (Jerusalem Bible; New English Bible); u “meta għal darb’oħra jkollkom lili fostkom.” (Twentieth Century New Testament) Fit-2 Korintin 10:10, 11 [NW], Pawlu għamel kuntrast bejn il-“preżenza tiegħu fil-persuna” u ‘meta [hu] ma kienx magħhom.’ F’dawn l-eżempji hu b’mod ċar ma kienx qiegħed jitkellem dwar l-avviċinar jew il-wasla tiegħu; hu uża pa·rou·siʹa fis-sens taʼ li jkun preżenti.b (Qabbel 1 Korintin 16:17.) Xi ngħidu, iżda, dwar ir-referenzi għal pa·rou·siʹa taʼ Ġesù? Huma dawn fis-sens tal-“miġja” tiegħu, jew jindikaw preżenza fit-tul?
13, 14. (a) Għala rridu nikkonkludu li pa·rou·siʹa testendi għal xi żmien? (b) X’irid jingħad dwar it-tul tal-pa·rou·siʹa taʼ Ġesù?
13 Kristjani midlukin bl-ispirtu fi żmien Pawlu kienu interessati fil-pa·rou·siʹa taʼ Ġesù. Imma Pawlu wissiehom biex ma ‘jħawdux rashom malajr.’ L-ewwel irid jidher “ir-raġel taʼ l-illegalità,” li wera li hu l-kleru tal-Kristjaneżmu. Pawlu kiteb li “il-preżenza tal-wieħed illegali hija skond l-operazzjoni taʼ Satana b’kull xogħol taʼ qawwa u sinjali giddibin.” (2 Tessalonkin 2:2, 3, 9, NW) Ovvjament, il-pa·rou·siʹa, jew preżenza, tar-“raġel taʼ l-illegalità” ma kinitx biss xi wasla momentarja; kellha testendi għal xi żmien, li matulu kellhom isiru sinjali giddibin. Għala huwa dan sinjifikanti?
14 Ikkunsidra l-vers immedjatament qabel dak: “Jinkixef il-Ħażin [“wieħed illegali,” NW], u l-Mulej Ġesù joqtlu b’nifs fommu u jeqirdu bid-dija tal-preżenza tiegħu.” (Korsiv tagħna.) Sewwa sew bħalma l-preżenza tar-“raġel taʼ l-illegalità” kellha tkun matul perijodu taʼ żmien, il-preżenza taʼ Ġesù kellha testendi għal xi żmien u kellha tilħaq il-quċċata fil-qerda taʼ dak il-wieħed illegali “ikkundannat għat-telfien.”—2 Tessalonikin 2:8.
Aspetti Tal-Lingwa Ebrajka
15, 16. (a) Liema kelma partikulari hija wżata f’ħafna traduzzjonijiet taʼ Mattew għall-Ebrajk? (b) Bohʼ kif inhi wżata fl-Iskrittura?
15 Bħalma ġie indikat, Mattew evidentement kiteb il-Vanġelu tiegħu l-ewwel bil-lingwa Ebrajka. Mela, liema kelma Ebrajka uża f’Mattew 24:3, 27, 37, 39? Verżjonijiet taʼ Mattew tradotti fl-Ebrajk modern għandhom il-forma tal-verb bohʼ, kemm fil-mistoqsija taʼ l-appostli u kemm fir-risposta taʼ Ġesù. Dan jistaʼ jwassal għal siltiet li jinqraw: “X’se jkun is-sinjal tal-[bohʼ] tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?” u, “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-[bohʼ] taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:3, 37) Xi tfisser il-kelma bohʼ?
16 Għalkemm għandu diversi tifsiriet, il-verb Ebrajk bohʼ bażikament ifisser “ġie.” It-Theological Dictionary of the Old Testament jgħid: ‘Billi jidher 2,532 darba, bohʼ huwa wieħed mill-iktar verbi wżati spiss fl-Iskrittura Ebrajka u huwa verb primarju wżat biex wieħed jesprimi moviment.’ (Ġenesi 7:1, 13; Eżodu 12:25; 28:35; 2 Samwel 19:31 [2 Samwel 19:30, NW]; 2 Slaten 10:21; Salm 65:3 [Salm 65:2, NW]; Isaija 1:23; Eżekjel 11:16; Danjel 9:13; Għamos 8:11) Kieku Ġesù u l-appostli wżaw kelma b’tant varjetà taʼ tifsiriet, is-sens għandu mnejn ikun dibattibbli, imma hekk għamlu?
17. (a) Traduzzjonijiet moderni bl-Ebrajk taʼ Mattew għala għandhom mnejn ma jindikawx neċessarjament dak li qalu Ġesù u l-appostli? (b) Fejn iktar nistgħu nsibu ħjiel dwar liema kelma għandhom mnejn użaw Ġesù u l-appostli, u dan is-sors għal liema raġuni oħra huwa taʼ interess għalina? (Ara n-nota taʼ taħt.)
17 Żomm f’moħħok li verżjonijiet moderni bl-Ebrajk huma traduzzjonijiet li għandhom mnejn ma jippreżentawx eżattament dak li kiteb Mattew bl-Ebrajk. Il-fatt hu li faċilment Ġesù setaʼ uża kelma oħra minflok bohʼ, kelma li kellha l-istess sens taʼ pa·rou·siʹa. Dan narawh mill-ktieb Hebrew Gospel of Matthew, taʼ l-1995 tal-Professur George Howard. Il-ktieb iffoka fuq polemika tas-seklu 14 kontra l-Kristjanità mit-tabib Lhudi Shem-Tob ben Isaac Ibn Shaprut. Dak id-dokument ippreżenta test Ebrajk tal-Vanġelu taʼ Mattew. Hemm evidenza li minflok ma ġie tradott mil-Latin jew mill-Grieg fi żmien Shem-Tob, dan it-test taʼ Mattew kien qadim ferm u kien oriġinalment kompost bl-Ebrajk.c Dan b’hekk għandu mnejn iġibna eqreb għal dak li ntqal fuq l-Għolja taż-Żebbuġ.
18. Shem-Tob liema kelma Ebrajka interessanti juża, u xi tfisser?
18 F’Mattew 24:3, 27, 39, il-Mattew taʼ Shem-Tob ma jużax il-verb bohʼ. Minflok, juża n-nom relatat bi·ʼahʹ. Dak in-nom jidher fl-Iskrittura Ebrajka f’Eżekjel 8:5 biss, fejn ifisser “Daħla.” Minflok ma tesprimi l-azzjoni taʼ miġja, bi·ʼahʹ hemmhekk tirreferi għall-entratura taʼ bini; meta int tkun fid-daħla jew fil-bieb, int qiegħed fil-bini. Ukoll, dokumenti reliġjużi mhux Bibliċi fost ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet taʼ spiss jużaw bi·ʼahʹ rigward il-wasla jew bidu taʼ inkarigi tal-qassisin. (Ara 1 Kronaki 24:3-19; Luqa 1:5, 8, 23.) U traduzzjoni taʼ l-1986 għall-Ebrajk tal-Pexitta antika Sirjaka (jew, Aramajka) tuża bi·ʼahʹ f’Mattew 24:3, 27, 37, 39. Mela hemm evidenza li fl-antik in-nom bi·ʼahʹ għandu mnejn kellu sens li kien xi daqsxejn differenti mill-verb bohʼ użat fil-Bibbja. Dan għala huwa taʼ interess?
19. Jekk Ġesù u l-appostli użaw bi·ʼahʹ, x’nistgħu nikkonkludu?
19 L-appostli fil-mistoqsija tagħhom u Ġesù fir-risposta tiegħu għandhom mnejn użaw in-nom bi·ʼahʹ. Avolja l-appostli kellhom f’moħħhom sempliċement l-idea tal-wasla futura taʼ Ġesù, Kristu għandu mnejn uża bi·ʼahʹ biex jinkludi iktar minn dak li huma kienu qegħdin jaħsbu. Ġesù setaʼ kien qiegħed jipponta lejn il-wasla tiegħu biex jibda inkarigu ġdid; il-wasla tiegħu kellha tkun il-bidu taʼ l-irwol ġdid tiegħu. Dan kellu jaqbel mas-sens taʼ pa·rou·siʹa, li Mattew uża wara dan. Użu bħal dan taʼ bi·ʼahʹ kellu, m’għandniex xi ngħidu, jappoġġja dak li x-Xhieda taʼ Jehovah ilhom tant jgħallmu, li s-“sinjal” kompost li Ġesù ta kellu jirrifletti li hu kien preżenti.
Nistennew Il-Quċċata Tal-Preżenza Tiegħu
20, 21. X’nistgħu nitgħallmu mill-kumment taʼ Ġesù dwar żmien Noè?
20 L-istudju tagħna dwar il-preżenza taʼ Ġesù għandu jkollu influwenza diretta fuq ħajjitna u fuq l-istennijiet tagħna. Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jibqgħu attenti. Hu pprovda sinjal sabiex il-preżenza tiegħu tkun tistaʼ tingħaraf, għalkemm il-biċċa l-kbira ma kinux se jagħtu kas: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja [“preżenza,” NW] taʼ Bin il-Bniedem. Għax kif fiż-żmien taʼ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, iżewġu u jiżżewġu, sa dak in-nhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja [“preżenza,” NW] taʼ Bin il-Bniedem.”—Mattew 24:37-39.
21 Fi żmien Noè, il-biċċa l-kbira tan-nies taʼ dik il-ġenerazzjoni sempliċement baqgħu għaddejjin bl-affarijiet normali tagħhom. Ġesù bassar li l-istess kellu jiġri fil-“miġja [“preżenza,” NW] taʼ Bin il-Bniedem.” In-nies taʼ madwar Noè għandu mnejn ħassew li xejn ma kien se jiġri. Int taf x’ġara. Dawk il-jiem, li koprew medda taʼ żmien, wasslu għal quċċata, “wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd.” Luqa jippreżenta rakkont simili li fih Ġesù qabbel “żmien Noè” maʼ “żmien Bin il-Bniedem.” Ġesù widdeb: “Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-Bniedem.”—Luqa 17:26-30.
22. Għala għandna aħna nkunu interessati b’mod partikulari fil-profezija taʼ Ġesù f’Mattew kapitlu 24?
22 Dan kollu jieħu tifsira speċjali għalina għaliex qegħdin ngħixu fi żmien meta qegħdin nagħrfu l-ġrajjiet li Ġesù bassar—gwerer, terremoti, pesti, nuqqas taʼ ikel, u persekuzzjoni tad-dixxipli tiegħu. (Mattew 24:7-9; Luqa 21:10-12) Dawn ilhom evidenti sa mill-konflitt li biddel l-istorja msejjaħ b’mod sinjifikanti l-Ewwel Gwerra Dinjija, għalkemm il-biċċa l-kbira tan-nies iqisu dawn bħala partijiet normali taʼ l-istorja. Kristjani veri, madankollu, jieħdu s-sens tat-tifsira taʼ dawn il-ġrajjiet importanti, preċiż bħalma nies attenti jifhmu mill-weraq taʼ siġra tat-tin li s-sajf huwa qrib. Ġesù ta parir: “Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna taʼ Alla hi fil-qrib.”—Luqa 21:31.
23. Il-kliem taʼ Ġesù f’Mattew kapitlu 24 għal min għandu tifsira speċjali, u għala?
23 Ġesù mmira l-parti l-kbira tar-risposta tiegħu taʼ fuq l-Għolja taż-Żebbuġ għas-segwaċi tiegħu. Huma kienu dawk li ħadu sehem fix-xogħol li jsalva l-ħajja taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar it-tajba fl-art kollha qabel ma kellu jiġi t-tmiem. Huma kellhom ikunu dawk li setgħu jindunaw bil-“profanazzjoni u l-ħerba fit-tempju.” Huma kellhom ikunu dawk li jwieġbu billi “jaħarbu” qabel it-tribulazzjoni l-kbira. U huma kellhom ikunu dawk li jkunu effettwati b’mod partikulari bil-kliem l-ieħor: “Kieku dawk il-jiem ma tqassrux, ħadd mill-bnedmin ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin dawk il-jiem tqassru.” (Mattew 24:9, 14-22) Imma x’ifisser eżatt dak il-kliem li jqanqal il-ħsieb, u għala jistaʼ jingħad li jipprovdi bażi għalina biex ikollna iktar hena, fiduċja, u żelu issa? L-istudju li jmiss taʼ Mattew 24:22 se jipprovdi t-tweġibiet. (w96 8/15)
[Noti taʼ taħt]
a Eżempji minn Josefus: Fil-Muntanja Sinaj sajjetti u ragħad “iddikjaraw li Alla kien hemm preżenti [pa·rou·siʹa].” Il-manifestazzjoni mirakoluża fit-tabernaklu “wriet il-preżenza [pa·rou·siʹa] t’Alla.” Billi lill-qaddej t’Eliżew urieh il-karrijiet imdawrin miegħu, Alla “wera lill-qaddej tiegħu l-qawwa u l-preżenza [pa·rou·siʹa] tiegħu.” Meta l-uffiċjal Ruman Petronjus ipprova jikkalma lil-Lhud, Josefus sostna li ‘Alla tassew li wera l-preżenza [pa·rou·siʹa] tiegħu lil Petronjus’ billi bagħat ix-xita. Josefus m’applikax il-kelma pa·rou·siʹa għal sempliċi avviċinar jew wasla momentarja. Kienet tfisser preżenza fit-tul, u saħansitra inviżibbli. (Eżodu 20:18-21; 25:22; Levitiku 16:2; 2 Slaten 6:15-17)—Qabbel Antiquities of the Jews, it-3 Ktieb, kapitlu 5, paragrafu 2 [80]; kapitlu 8, paragrafu 5 [202]; id-9 Ktieb, kapitlu 4, paragrafu 3 [55]; it-18-il Ktieb, kapitlu 8, paragrafu 6 [284].
b F’A Critical Lexicon and Concordance to the English and Greek New Testament, E. W. Bullinger juri li pa·rou·siʹa tfisser ‘li wieħed ikun jew isir preżenti, għalhekk, preżenza, wasla; miġja li tinkludi l-idea taʼ li wieħed jgħammar b’mod permanenti minn dik il-miġja ’l quddiem.’
c Evidenza waħda hija li dan fih l-espressjoni Ebrajka “L-Isem,” miktub jew imqassar, 19-il darba. Il-professur Howard jikteb: “Il-qari taʼ l-Isem Divin f’dokument Kristjan ikkwotat minn polemist Lhudi huwa rimarkevoli. Li kieku din kienet traduzzjoni Ebrajka taʼ dokument Kristjan Grieg jew Latin, wieħed kieku jistenna li jsib adonai [Mulej] fit-test, mhux simbolu għall-isem divin li ma jistax jitlissen, YHWH. . . . Il-fatt li hu żied l-isem li ma jistax jitlissen huwa inspjegabbli. L-evidenza tissuġġerixxi bil-qawwa li Shem-Tob irċieva l-kopja tiegħu taʼ Mattew bl-Isem Divin li diġà kien fit-test u li probabbilment hu ppreservah flok ma rriskja li jsir ħati li neħħieh.” In-New World Translation of the Holy Scriptures—With References tuża l-Mattew taʼ Shem-Tob (J2) bħala appoġġ għall-użu taʼ l-isem divin fl-Iskrittura Griega Kristjana.
Kif Twieġeb Int?
◻ Għala huwa importanti li tara d-differenza taʼ bejn kif xi Bibbji jittraduċu Mattew 24:3?
◻ X’inhi t-tifsira taʼ pa·rou·siʹa, u dan għala jikkonċernana?
◻ Liema parallel possibbli għandu mnejn jeżisti f’Mattew 24:3 fil-Grieg u fl-Ebrajk?
◻ Liema fattur rigward iż-żmien għandna bżonn inkunu nafu biex nifhmu Mattew kapitlu 24?
[Stampa f’paġna 5]
L-Għolja taż-Żebbuġ, li tħares għal fuq Ġerusalemm