LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 8/1 pp. 3-7
  • Tfigħ taʼ Dawl Fuq il-Preżenza taʼ Kristu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tfigħ taʼ Dawl Fuq il-Preżenza taʼ Kristu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​“Preżenza tal-​Mulej Tagħna”
  • Is-​Sinjal
  • Attività Anġelika
  • Irxoxt għas-​Sema
  • Ippridkar mad-​Dinja Kollha
  • Ibqaʼ Nadif u Bla Ħtija
  • Il-Miġja taʼ Ġesù jew il-Preżenza taʼ Ġesù—Liema?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Il-Preżenza tal-Messija u l-Ħakma Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Il-Preżenza taʼ Kristu—Xi Tfisser Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Meta Se Tiġi s-Saltna t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 8/1 pp. 3-7

Tfigħ taʼ Dawl Fuq il-Preżenza taʼ Kristu

“Meta Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu, . . . hu se jifred lin-​nies wieħed mill-​ieħor.”​—MATTEW 25:​31, 32.

1. Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu kif interpretaw il-​kliem f’Mattew 24:3?

TLETT ijiem qabel il-​mewt taʼ Ġesù, erbgħa mid-​dixxipli tiegħu avviċinawh u staqsew b’ħerqa: “Għidilna, meta se jkunu dawn l-​affarijiet? u x’se jkun is-​sinjal tal-​miġja [Grieg, pa·rou·siʹa] tiegħek, u tat-​tmiem tad-​dinja?” Għal sekli sħaħ il-​kleru u l-​kittieba tal-​Kristjaneżmu interpretaw dan il-​kliem li ntqal lil Ġesù f’​Mattew 24:3 (King James Version) bħala li jfisser li hu kellu jerġaʼ jkun viżibbli fil-​laħam biex ikun jidher mill-​umanità kollha. Għalhekk, huma għallmu li r-​ritorn taʼ Kristu kellu jkun b’wirja kbira u pompa viżibbli. Huma jirreferu għalih bħala t-​tieni miġja taʼ Kristu. Imma huma korretti dawn l-​assunzjonijiet?

2, 3. (a) It-​2 Volum taʼ Studies in the Scriptures liema distinzjoni għamel bejn il-​kelmiet “miġja” u “preżenza”? (b) In-​nies taʼ Jehovah x’ġew li fehmu rigward it-​tifsira tal-​pa·rou·siʹa taʼ Kristu?

2 Sal-​1889, il-​midlukin taʼ Jehovah, bħala dawk li jġorru d-​dawl fis-​seklu 19, kienu diġà rċevew korrezzjoni dwar il-​kwistjoni tar-​ritorn taʼ Kristu. Fit-​2 Volum taʼ Studies in the Scriptures, paġni 158 sa 161, Charles T. Russell, l-​ewwel president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society, kiteb: “Parousia . . . tissinjifika preżenza, u qatt m’għandha tiġi tradotta miġja, bħal fil-​Bibbja Ingliża komuni . . . L-​‘Emphatic Diaglott,’ traduzzjoni ferm taʼ valur tat-​Testment il-​Ġdid, tittraduċi parousia b’mod xieraq, preżenza . . . , mhux dik taʼ miġja, bħal li qiegħed fit-​triq, imma preżenza, bħal li wara l-​wasla [Ġesù] jgħid, ‘Bħall-​jiem taʼ Noè, hekk ukoll se tkun il-​parousia [preżenza] taʼ Bin il-​bniedem.’ Innota li l-​paragun m’huwiex bejn il-​miġja taʼ Noè u l-​miġja tal-​Mulej tagħna . . . Il-​kuntrast, allura, hu bejn iż-​żmien tal-​preżenza taʼ Noè fost in-​nies ‘qabel il-​għarqa,’ u ż-​żmien tal-​preżenza taʼ Kristu fid-​dinja, fit-​tieni avvent tiegħu, ‘qabel in-​nar’​—l-​inkwiet estrem taʼ Jum il-​Mulej [Jehovah] li bih din l-​era tintemm.”—Mattew 24:37.

3 Mela n-​nies taʼ Jehovah tas-​seklu 19 fehmu b’mod korrett li l-​pa·rou·siʹa taʼ Kristu kellha tkun waħda inviżibbli. Fehmu wkoll li t-​tmiem taʼ Żminijiet il-​Ġentili kellu jseħħ fil-​ħarifa tal-​1914. Hekk kif it-​tidwil spiritwali mexa ’l quddiem, huma iktar tard fehmu li Ġesù Kristu kien imqiegħed fuq it-​tron fis-​sema bħala Sultan tas-​Saltna f’dik l-​istess sena, 1914.—Proverbji 4:18; Danjel 7:13, 14; Luqa 21:24; Rivelazzjoni 11:15.

Il-​“Preżenza tal-​Mulej Tagħna”

4. “Il-​preżenza tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu” tirreferi għal liema ħaġa?

4 Fi żmienna, allura, xi tfisser l-​espressjoni Biblika “l-​preżenza tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu?” (1 Tessalonkin 5:23) Awtorità waħda tikkummenta li l-​kelma “preżenza,” pa·rou·siʹa, “saret il-​kelma uffiċċjali għal żjara taʼ persuna taʼ pożizzjoni għolja, speċ[jalment] taʼ slaten u imperaturi li jżuru lil xi provinċja.” Mela din l-​espressjoni tirreferi għall-​preżenza rjali tal-​Mulej Ġesù Kristu bħala Sultan, minn u wara l-​1914, wara t-​tqegħid tiegħu fuq it-​tron fis-​sema. Huwa preżenti b’mod inviżibbli biex ‘imur irażżan f’nofs il-​għedewwa tiegħu,’ billi jaħkem attivament bħala Sultan biex iwettaq dan il-​kmand profetiku. (Salm 110:2) Għal xi 79 sena, il-​bnedmin fuq l-​art ilhom issa jesperjenzaw l-​effetti tal-​preżenza rjali u inviżibbli taʼ Kristu.

5. Liema żviluppi taʼ matul il-​pa·rou·siʹa se jiġu diskussi fit-​tliet artikli taʼ studju taʼ din ir-​rivista?

5 F’dan is-​serje taʼ tliet artikli, sejrin nirrevedu l-​evidenzi impressjonanti tat-​twettieq tas-​Saltna taʼ Kristu matul dan il-​perijodu. L-​ewwel, se nippreżentaw bosta profeziji Bibliċi li bassru ġrajjiet li diġà seħħew jew li saħansitra qegħdin jiġru issa. It-​tieni, se niddeskrivu x-​xogħol kbir li qiegħed jitwettaq mill-​klassi tal-​irsir fidil u diskret li Ġesù qiegħed juża matul dan il-​perijodu kollu tal-​preżenza rjali tiegħu. (Mattew 24:45-47) It-​tielet artiklu se jiddeskrivilna l-​konklużjoni grandjuża, il-​perijodu tat-​“tribulazzjoni l-​kbira.” Dak hu ż-​żmien meta Ġesù jiġi bħala l-​Esekutur taʼ Jehovah biex jeqred lil dawk li m’humiex twajbin u biex jeħles lit-​twajbin. (Mattew 24:21, 29-31) Dak iż-​żmien tal-​qerda hu deskritt mill-​appostlu Pawlu bħala li jġib “lilkom li ssofru t-​tribulazzjoni, serħan flimkien magħna fir-​rivelazzjoni tal-​Mulej Ġesù mis-​sema mal-​anġli setgħana tiegħu f’nar iħeġġeġ, fil-​waqt li jġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-​aħbar tajba dwar il-​Mulej tagħna Ġesù.”—2 Tessalonkin 1:7, 8.

Is-​Sinjal

6. Liema sinjal kompost hu deskritt f’​Mattew kapitli 24 u 25?

6 Dsatax-il mitt sena ilu, id-​dixxipli taʼ Ġesù li kienu qegħdin iġorru d-​dawl talbuh sinjal, jew evidenza, tal-​preżenza futura tiegħu fil-​qawwa tas-​Saltna. It-​tweġiba tiegħu, miktuba f’kapitli 24 u 25 taʼ Mattew, tipprovdi sinjal kompost, li l-​elementi kollha tiegħu qegħdin issa jitwettqu fuq skala internazzjonali. It-​twettieq taʼ dak is-​sinjal jimmarka żmien taʼ niket u taʼ prova kbira. Ġesù wissa: “Attenti li ħadd ma jiżżvijakom; għax ħafna se jiġu fuq il-​bażi taʼ ismi, jgħidu, ‘Jiena l-​Kristu,’ u se jiżżvijaw lil ħafna. Sejrin tisimgħu bi gwerer u b’rapporti taʼ gwerer; araw li ma titwerwrux. Għax dawn l-​affarijiet iridu jiġru, imma għadu mhux it-​tmiem.”—Mattew 24:4-6.

7. Liema fatturi tas-​sinjal rajna aħna jitwettqu mill-​1914 ’il hawn?

7 Ġesù pprofetizza wkoll li kellu jkun hemm gwerer fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Fit-​twettieq, tnejn minnhom ġew klassifikati bħala gwerer dinjin, waħda mill-​1914 sal-​1918 u t-​tieni mill-​1939 sal-​1945. Iktar minn hekk, hu qal li kellu jkun hemm nuqqasijiet taʼ ikel u terremoti f’post wara ieħor. Il-​Kristjani ġenwini kellhom jiġu ppersegwitati b’mod aħrax. Fi qbil mal-​profezija, ix-​Xhieda taʼ Jehovah, dawk li jġorru d-​dawl illum, ġarrbu persekuzzjoni fit-​tmenin sena li għaddew waqt li ppridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla “fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mattew 24:7-14) Kull Yearbook of Jehovah’s Witnesses iżid mal-​evidenza li dawn l-​aspetti tas-​sinjal qegħdin jitwettqu.

8, 9. (a) Il-​preżenza rjali taʼ Ġesù x’tinvolvi? (b) Il-​profezija taʼ Ġesù rigward Kristijiet foloz x’tindika dwar il-​post u l-​manjiera tal-​preżenza tiegħu?

8 Ladarba l-​istat taʼ sultan taʼ Ġesù jħaddan lill-​art kollha, il-​qima vera qiegħda tespandi mal-​kontinenti kollha. Il-​preżenza (pa·rou·siʹa) rjali tiegħu hija żmien taʼ spezzjoni globali. (1 Pietru 2:12) Imma se jkun hemm belt kapitali, jew ċentru, fejn Ġesù jistaʼ jiġi kkonsultat? Ġesù wieġeb dan billi bassar li fl-​istennija tal-​preżenza tiegħu, kellhom iqumu Kristijiet foloz. Hu wissa: “Jekk in-​nies igħidulkom, ‘Ħares! [Kristu] qiegħed fix-​xagħri,’ toħorġux; ‘Ħares! Qiegħed fil-​kmamar taʼ ġewwa,’ temmnuhiex. Għax sewwa sew bħalma s-​sajjetta toħroġ mill-​partijiet tal-​Lvant u tiddi fuq il-​partijiet tal-​Punent, hekk se tkun il-​preżenza [pa·rou·siʹa] taʼ Bin il-​bniedem.”—Mattew 24:24, 26, 27.

9 Aħjar minn kwalunkwe wieħed ieħor fuq l-​art, Ġesù, “Bin il-​bniedem,” kien jaf fejn kellu jkun ippostjat meta l-​preżenza tiegħu tkun attwalment bdiet. Ma kellux jippostja lilu nnifsu hawn jew hemm jew f’xi post partikulari fuq l-​art. Ma kellux jidher f’xi post iżolat, “fix-​xagħri,” sabiex dawk li jfittxu lill-​Messija setgħu jikkonsultaw miegħu hemm barra lil hinn mill-​osservazzjoni mill-​awtoritajiet governattivi tal-​pajjiż, u fejn segwaċi setgħu jitħarrġu taħt it-​tmexxija tiegħu, billi jħejju biex jagħtu daqqa politika u jaħtruh bħala l-​Ħakkiem Messjaniku tad-​dinja. Lanqas ma kien se jaħbi lilu nnifsu f’xi “kmamar taʼ ġewwa,” billi l-​post tiegħu jkun magħruf biss minn ftit magħżulin, biex hemmhekk, mingħajr ma jkun osservat u mingħajr ma jindunaw bih, hu jkun jistaʼ jikkonfoffa u jagħmel pjanijiet sigrieti maʼ wħud kompliċi biex jegħleb lill-​gvernijiet tad-​dinja u jagħmel lilu nnifsu midluk bħala l-​Messija mwiegħed. Le!

10. Sajjetti taʼ verità Biblika kif leħħew b’mod globali?

10 Għall-​kuntrarju, ma kellu jkun hemm xejn x’wieħed jaħbi dwar li Ġesù ġie bħala Sultan, biex jagħti bidu għall-​preżenza rjali tiegħu. Bħalma bassar Ġesù, fuq skala globali, sajjetti taʼ verità tal-​Bibbja jkomplu jleħħu maʼ nħawi kbar ħafna mill-​partijiet tal-​Lvant sal-​partijiet tal-​Punent. Verament, bħala dawk li jġorru d-​dawl illum, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jagħtu prova li huma “dawl tal-​ġnus, biex is-​salvazzjoni [taʼ Jehovah] tistaʼ tiġi li tkun sal-​estremità tal-​art.”—Isaija 49:6.

Attività Anġelika

11. (a) Qtajja taʼ anġli b’liema mod huma wżati biex jixħtu dawl dwar is-​Saltna? (b) Meta u f’liema grupp inġabru l-​membri tal-​klassi tal-​qamħ?

11 Testi oħra relatati mal-​preżenza taʼ Ġesù jiddeskrivuh bħala li hu akkumpanjat minn, jew ‘qiegħed jibgħat,’ qtajja anġeliċi. (Mattew 16:27; 24:31) Fit-​tixbieha tal-​qamħ u tal-​ħaxix ħażin, Ġesù stqarr li “l-​għalqa hija d-​dinja” u li “l-​ħsad huwa konklużjoni taʼ sistema taʼ affarijiet, u l-​ħassada huma anġli.” Dan ma jfissirx, madankollu, li matul il-​preżenza tiegħu fil-​qawwa u l-​glorja tas-​Saltna, hu juża biss messaġġiera anġeliċi fuq missjonijiet tal-​art. Billi bdew mill-​1919, l-​anġli taħt id-​direzzjoni taʼ Ġesù sseparaw lill-​klassi tal-​qamħ taʼ wħud midlukin u mnisslin bl-​ispirtu fuq l-​art, li kienu mxerrdin mill-​ġrajjiet tal-​Ewwel Gwerra Dinjija, u dawn ġew imħejjijin għal iktar attività f’isem is-​Sultan. (Mattew 13:38-43) Fis-​snin Għoxrin eluf oħra taʼ bnedmin ħadu l-​waqfa tagħhom favur is-​Saltna stabbilita t’Alla u kienu midlukin bl-​ispirtu t’Alla. Dawn l-​uħud midlukin ġew miżjudin b’mod effettiv mal-​għadd tal-​fdal oriġinali. B’mod kollettiv, dawn jiffurmaw il-​klassi tal-​irsir fidil u diskret għal żmienna.

12. L-​anġli pparteċipaw f’liema tindif, u b’liema riżultat għall-​art?

12 Eżempju ieħor taʼ parteċipazzjoni anġelika matul il-​preżenza taʼ Ġesù wara t-​tqegħid tiegħu fuq it-​tron fis-​sena 1914 huwa miktub f’​Rivelazzjoni 12:​7-9: “Mikiel [Ġesù Kristu] u l-​anġli tiegħu tqabdu mad-​dragun, u d-​dragun u l-​anġli tiegħu tqabdu imma ma għelibx, lanqas ma nstab post għalihom iżjed fis-​sema. Mela ġie mixħut ’l isfel id-​dragun il-​kbir, is-​serpent oriġinali, dak imsejjaħ Xitan u Satana, li qiegħed jiżżvija lill-​art abitata kollha; ġie mixħut ’l isfel lejn l-​art, u l-​anġli tiegħu ġew mixħutin ’l isfel miegħu.” B’hekk, is-​smewwiet taʼ fuq issa ġew imnaddfin, b’mod li l-​qasam tal-​art biss tas-​Saltna għad irid jiġi mnaddaf għalkollox għat-​taqdis taʼ isem Jehovah. F’din is-​sena tal-​1993, it-​twissija divina tkompli tapplika: “Gwaj għall-​art . . . għaliex ix-​Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, għax jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.”—Rivelazzjoni 12:12.

Irxoxt għas-​Sema

13, 14. (a) L-​Iskrittura x’tindika li kien qed jissokta jiġri mill-​1918 ’il quddiem? (b) Pawlu u Ġwanni x’jirrivelaw rigward il-​fdal tal-​midlukin illum?

13 Ġrajja oħra tal-​għaġeb matul il-​preżenza taʼ Kristu hija l-​bidu tal-​irxoxt għas-​sema. L-​appostlu Pawlu indika li dawk il-​midlukin li kien ilhom reqdin fl-​oqbra tagħhom kellhom ikunu l-​ewwel li jintgħamlu ħajjin u jgħixu maʼ Kristu Ġesù fil-​qasam tal-​ispirti. Matul is-​snin ġiet ippreżentata evidenza biex turi li dan jidher li ġara mill-​1918 ’il quddiem. Pawlu jikteb: “Fil-​Kristu lkoll se jintgħamlu ħajjin. Imma kull wieħed fil-​grad tiegħu: Kristu l-​ewwel frott, wara dan dawk li jappartjenu lill-​Kristu matul il-​preżenza [pa·rou·siʹa] tiegħu.” (1 Korintin 15:22, 23) L-​irxoxt tal-​uħud midlukin matul il-​preżenza taʼ Kristu hu kkonfermat fl-​1 Tessalonkin 4:​15-17: “Dan hu li ngħidulkom bil-​kelma taʼ Jehovah, li aħna l-​ħajjin li nkunu qegħdin ingħixu sal-​preżenza [pa·rou·siʹa] tal-​Mulej b’ebda mod m’aħna se niġu qabel dawk li raqdu fil-​mewt . . . Dawk li huma mejtin f’għaqda maʼ Kristu se jqumu l-​ewwel. Wara dan aħna l-​ħajjin li għadna ngħixu sejrin, flimkien magħhom, ninqabdu lil hinn fis-​sħab biex niltaqgħu mal-​Mulej fl-​ajru.” Hemm 144,000 li jappartjenu lill-​Kristu bħala wħud midlukin li eventwalment se jirċievu dan ir-​rigal meraviljuż.—Rivelazzjoni 14:1.

14 Bħalma juri Pawlu, dawk mill-​fdal midlukin li huma ħajjin illum ma jidħlux fis-​Saltna qabel dawk il-​martri u dixxipli bikrin leali midlukin Kristjani. L-​appostlu Ġwanni jkompli jiddeskrivi lil dawk mill-​midlukin li jmutu llum kif ġej: “Henjin huma l-​mejtin li jmutu f’għaqda mal-​Mulej minn dan iż-​żmien ’il quddiem. Iva, igħid l-​ispirtu, ħallihom jistrieħu minn ħidmiethom, għax l-​affarijiet li għamlu jmorru dritt magħhom,” jiġifieri, fl-​eżistenza rxoxtata tagħhom. (Rivelazzjoni 14:13) U Pawlu jgħid: “Ħares! ingħidilkom sigriet sagru: Aħna mhux kollha se norqdu fil-​mewt, imma kollha se nitbiddlu, f’mument, f’ħakka t’għajn, matul l-​aħħar trumbetta. Għax it-​trumbetta se tinstemaʼ, u l-​mejtin se jiġu mqajmin inkorruttibbli, u aħna se ninbidlu.” (1 Korintin 15:​51, 52) X’miraklu tal-​għaġeb hu dak!

15, 16. (a) Ġesù ta liema tixbieha f’​Luqa 19:​11-15, u għal liema raġuni? (b) Din il-​profezija kif qiegħda sseħħ?

15 Darba minnhom, meta Ġesù kien qiegħed jippriedka lil grupp taʼ segwaċi tiegħu dwar is-​Saltna t’Alla, uża tixbieha biex igħinhom jikkorreġu l-​ideat żballjati tagħhom. Ir-​rakkont jaqra: “Kienu qegħdin jimmaġinaw li s-​saltna t’Alla kienet se turi lilha nfisha minnufih. Għalhekk hu qal: ‘Ċertu raġel taʼ twelid nobbli vvjaġġa lejn art imbiegħda biex jassigura poter taʼ sultan għalih innifsu u biex jiġi lura. Billi sejjaħ lil għaxra mill-​irsiera tiegħu hu tahom għaxar miniet u qalilhom, “Innegozjaw sakemm niġi.” . . . Eventwalment meta ġie lura wara li kien assigura l-​poter taʼ sultan, hu kkmanda li jiġu msejħin quddiemu dawn l-​irsiera li lilhom kien ta l-​flus tal-​fidda, sabiex jaċċerta x’kie nu qalgħu huma bl-​attività taʼ negozju.’”—Luqa 19:11-15.

16 Ġesù kien dak ir-​“raġel” li mar fis-​sema, l-​“art imbiegħda” fejn kellu jirċievi saltna. Dik is-​Saltna kisibha fl-​1914. Malajr wara dan, Kristu bħala Sultan għamel il-​kontijiet maʼ dawk li kienu jgħidu li huma s-​segwaċi tiegħu biex jara x’kienu għamlu f’li jieħdu ħsieb l-​interessi tas-​Saltna fdati lilhom. Ftit uħud leali ntgħażlu biex jirċievu l-​prosit tas-​sid: “Prosit, irsir tajjeb! Minħabba li fi kwistjoni żgħira ħafna int tajt prova li int leali, żomm awtorità fuq għaxart ibliet.” (Luqa 19:17) Dan il-​perijodu tal-​preżenza taʼ Kristu kien jinvolvi attività kontinwa u intensa taʼ ppridkar tas-​Saltna, inkluż l-​iddikjarar tal-​ġudizzji t’Alla kontra dawk mill-​agħar, u l-​indokrar taʼ dan ix-​xogħol ġie inkluż fl-​awtorità li ġiet fdata lill-​“irsir tajjeb.”

Ippridkar mad-​Dinja Kollha

17. Liema ferħ jimmarka lill-​pa·rou·siʹa?

17 X’kellu jiġri iktar matul dan il-​perijodu taʼ pa·rou·siʹa? Kellu jkun żmien taʼ ferħ kbir fix-​xogħol tal-​ippridkar u f’li wieħed igħin lil uħud ġodda biex iħejju biex jibqgħu ħajjin u jgħaddu mit-​tribulazzjoni kbira li ġejja. Dawk tal-​“folla kbira,” li jgħinu lill-​fdal, isiru “ittri taʼ rakkomandazzjoni.” (Rivelazzjoni 7:9; 2 Korintin 3:1-3) Pawlu jsemmi l-​ferħ taʼ dan ix-​xogħol tal-​ħsad meta jgħid: “Għax x’inhi t-​tama jew il-​hena jew il-​kuruna taʼ ferħ tagħna—ara, mhix fil-​fatt intom?—quddiem il-​Mulej tagħna Ġesù fil-​preżenza [pa·rou·siʹa] tiegħu?”—1 Tessalonkin 2:19.

Ibqaʼ Nadif u Bla Ħtija

18. (a) Liema talba taʼ Pawlu għandha referenza għall-​pa·rou·siʹa? (b) Liema spirtu rridu nuru lkoll kemm aħna matul dan iż-​żmien, u b’liema modi?

18 Pawlu talab ukoll għat-​taqdis taʼ dawk ħajjin matul dan iż-​żmien tal-​preżenza taʼ Kristu: “Jalla dak Alla nnifsu taʼ paċi jqaddiskom kompletament. U b’moħħ f’loku f’kull ħaġa jalla l-​ispirtu u r-​ruħ u l-​ġisem tagħkom l-​aħwa jiġu ppreservati b’manjiera taʼ mingħajr ħtija fil-​preżenza [pa·rou·siʹa] tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.” (1 Tessalonkin 5:23) Iva, illum, kemm jekk aħna mill-​fdal midlukin u kemm jekk aħna min-​numru kbir tan-​ngħaġ l-​oħra, l-​ispirtu taʼ koperazzjoni jorbotna lealment flimkien biex inkunu nistgħu nkomplu nkunu nodfa u bla ħtija f’dan iż-​żmien uniku. Bl-​istess mod, għandna bżonn neżerċitaw il-​paċenzja. Ġakbu kiteb: “Eżerċitaw il-​paċenzja, għalhekk, l-​aħwa, sal-​preżenza [pa·rou·siʹa] tal-​Mulej. . . . Agħmlu lil qlubkom sodi, għaliex il-​preżenza [pa·rou·siʹa] tal-​Mulej resqet qrib.”—Ġakbu 5:​7, 8.

19. Pietru ta liema twissija rigward il-​pa·rou·siʹa, u kif għandna nwieġbu?

19 L-​appostlu Pietru wkoll kellu xi ħaġa x’igħid lilna li aħna ħajjin f’dan il-​perijodu preżenti. Hu wissiena kontra dawk li jwaqqgħu għaċ-​ċajt, li minnhom hemm ħafna fil-​partijiet kollha tad-​dinja. Pietru jgħid: “Tafu dan l-​ewwel, li fl-​aħħar jiem se jiġu dawk li jwaqqgħu għaċ-​ċajt bit-​twaqqigħ għaċ-​ċajt tagħhom, jissoktaw skond ix-​xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-​preżenza [pa·rou·siʹa] mwiegħda tiegħu? Ħeqq, minn dak in-​nhar li missirijietna tal-​qedem raqdu fil-​mewt, l-​affarijiet kollha qegħdin ikomplu eżatt bħal mill-​bidu tal-​ħolqien.’” (2 Pietru 3:​3, 4) Minkejja l-​prevalenza taʼ dawk li jwaqqgħu għaċ-​ċajt matul il-​preżenza taʼ Kristu, in-​nies taʼ Jehovah ikomplu jiddu bħala d-​dawl tad-​dinja, għas-​salvazzjoni taʼ ħafna.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ In-​nies taʼ Jehovah kif ġew imdawlin b’mod progressiv rigward il-​pa·rou·siʹa?

◻ Mattew 24:​4-8 kif kien qiegħed iseħħ?

◻ L-​anġli kif kienu qegħdin jikkoperaw maʼ Kristu fuq it-​tron?

◻ Liema miraklu tal-​għaġeb jidher li jakkumpanja lill-​pa·rou·siʹa?

◻ Liema ferħ jiġi mġarrab matul dan iż-​żmien, u min jieħu sehem minnu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja