Se Tagħti Int Kas it-Twissija t’Alla?
IN-NIES taʼ spiss jinjoraw twissijiet li jsalvaw il-ħajja. Il-biċċa l-kbira mill-abitanti taʼ Pompej għażlu li jinjoraw il-ħsejjes irrabjati tal-Muntanja Vessuvju. Bl-istess manjiera, il-biċċa l-kbira tan-nies illum qegħdin jinjoraw it-twissijiet taʼ katastrofi globali li ġejja. Imma għal dawk li huma lesti li jiffaċċjaw il-fatti, it-twissija hija reali daqs il-leħħiet tas-sajjetti u n-nar li ħareġ mill-Muntanja Vessuvju lura fl-ewwel seklu. Żewġ gwerer dinjin, mijiet taʼ konflitti iżgħar bl-armi, ġuħ, terremoti kbar, pesti, mewġa wara l-oħra taʼ delitti u vjolenza, u kampanja taʼ ppridkar madwar id-dinja kollha flimkien jikkostitwixxu twissija drammatika li s-soċjetà umana qiegħda bil-ħeffa tersaq lejn kriżi katakliżmika.
Il-Bibbja tagħmel din it-tbassira li tolqtok: “Se jkun hemm tribulazzjoni kbira li bħalha ma seħħitx sa mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ sseħħ.” (Mattew 24:21) Kif kien fil-każ tad-diżastru taʼ Pompej, se jkun hemm min jaħrab—“folla kbira, li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila jgħodd, mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha,” se jsalvaw, jiġifieri, “joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira.”—Rivelazzjoni 7:9, 14.
Il-mistoqsija hi, Meta se tiġi din il-qerda? Hemm raġuni interessanti ħafna biex wieħed jemmen li t-tribulazzjoni hija imminenti. Milli jidher b’moħħhom fiż-żmien, id-dixxipli taʼ Ġesù staqsew: “X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet?” (Mattew 24:3) Innota t-tweġiba li ta Ġesù Kristu.
Gwerra—Fattur Prominenti tas-Sinjal Kompost
Ġesù ma bassarx sempliċement ġrajja waħda li tispikka. Minflok, hu tkellem dwar serje taʼ ġrajjiet li, meta teħodhom flimkien, se jikkostitwixxu twissija divina—sinjal kompost tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet. L-ewwel ġrajja mbassra hija deskritta f’Mattew 24:7: “Ġens se jqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” Fi profezija parallela f’Rivelazzjoni 6:4, il-Bibbja bassret li ‘l-paċi kellha tittieħed lil hinn mill-art.’ Dan kien ifisser gwerra fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha.
L-istorja tgħidilna li din il-profezija dwar gwerra globali rat it-twettieq tagħha mis-sena memorabbli tal-1914. Il-ktieb American Adventures igħid rigward is-snin taʼ qabel l-1914: “Bosta Amerikani daħlu fis-seklu l-ġdid mimlijin bit-tama. Dawn kienu ‘s-snin it-tajbin’ u baqgħu sejrin sa inqas mill-ewwel għoxrin sena tas-seklu. . . . Imbagħad, fit-28 taʼ Lulju, 1914, din il-burdata ġiet sfrattata b’kelma waħda: gwerra.” Hekk bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija, li damet mill-1914 sal-1918 u kienet imsejħa minn xi wħud bħala “l-gwerra li ttemm il-gwerer kollha.” Tmienja u għoxrin pajjiż kienu involuti direttament fiha. U jekk tinkludi l-artijiet li qdew bħala d-dipendenti tagħhom, il-pajjiżi involuti fil-glied irrappreżentaw kważi 90 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja f’dak iż-żmien.
L-Ewwel Gwerra Dinjija rat ukoll l-użu taʼ strumenti ġodda u verament qattiela tal-gwerra bħalma huma l-machine gun, il-gass velenuż, flame throwers, tankijiet, ajruplani, u sottomarini. Kważi għaxar miljun suldat ġew maqtulin—iktar mis-suldati kollha fil-gwerer kbar kollha li ġew miġġielda matul il-100 sena taʼ qabel! Madwar 21 miljun ġew feruti. Verament, kienet gwerra globali, li mmarkat l-1914 bħala l-bidu taʼ “l-aħħar jiem.” (2 Timotew 3:1) Madankollu, il-gwerra kienet biss fattur wieħed tas-sinjal taʼ Ġesù.
Fatturi Oħra tas-Sinjal
Ġesù żied: “Se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor. Dawn l-affarijiet kollha huma bidu taʼ weġgħat taʼ hemm.” (Mattew 24:7, 8) Luqa 21:11 iżid “pesti” maʼ dik il-lista. Qabel ma spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-epidemija tal-influwenza Spanjola bdiet tiknes l-art. Eventwalment, qatlet ’il fuq minn 20 miljun, iktar minn dawk kollha li kienu mietu fil-gwerra.
Matul il-gwerra u wara, miljuni taʼ nies oħra mietu bil-ġuħ. It-terremoti wkoll ħallew ħafna vittmi. Fl-1915 ’il fuq minn 30,000 mietu fl-Italja; fl-1920 madwar 200,000 għosfru fiċ-Ċina; fl-1923 kważi 143,000 mietu fil-Ġappun. Xorta waħda, kif indika Ġesù, dan kollu kien biss bidu taʼ weġgħat taʼ hemm. Dizzjunarju wieħed jiddefinixxi l-kelma “weġgħa” bħala “skoss qasir li jinfed bl-uġigħ.” Din id-dinja ilha għaddejja minn skoss taʼ wġigħ għall-ieħor b’intensità u bi frekwenza li dejjem jiżdiedu mill-1914 ’il hawn. Per eżempju, 21 sena biss wara l-Ewwel Gwerra Dinjija ġiet it-tieni gwerra dinjija, li ħasdet 50 miljun vittma u daħħlet lill-umanità fl-era nukleari.
Fi snin riċenti ntqal ħafna dwar jerġaʼ kaġun ieħor taʼ hemm: il-qerda tal-ambjent mill-bniedem. Għalkemm Ġesù ma semmiex speċifikament dan fil-profezija tiegħu, Rivelazzjoni 11:18 jindika li qabel il-qerda li ġejja, il-bniedem se jkun qiegħed ‘jirrovina l-art.’ L-evidenza li dan ir-rovinar qed iseħħ hija abbundanti. Ikkwotat fil-ktieb State of the World 1988, il-konsulent tal-ambjent Norman Myers jagħti dan il-messaġġ li jkexkex: “L-ebda ġenerazzjoni fl-imgħoddi ma ffaċċjat il-prospett taʼ estinzjoni tal-massa f’ħajjitha. L-ebda ġenerazzjoni fil-futur ma se tiffaċċja sfida simili: jekk din il-ġenerazzjoni preżenti tonqos li ssib soluzzjoni għal dan, tkun saret il-ħsara u mhux se jkun hemm ‘it-tieni ċans.’”
Ikkunsidra r-rapport fil-ħarġa tas-17 taʼ Frar, 1992, tar-rivista Newsweek dwar in-nuqqas tal-ozone fl-atmosfera. Alexandra Allen, speċjalista tal-Greenpeace dwar l-ozone, ġiet ikkwotata li wissiet li t-telf tal-ozone “issa jammonta għal theddida għall-futur tal-ħajja kollha fuq l-art.”—Ara l-kaxxa f’din il-paġna għal iktar evidenza tar-rovinar ambjentali tal-art.
Nuqqas taʼ spazju ma jippermettix diskussjoni dettaljata tal-aspetti kollha tal-profezija taʼ Ġesù. (Ara t-tabella f’paġna 5 għal ħarsa fuq fuq taʼ fatturi profetiċi oħrajn.) Fattur wieħed li ma jistax jiġi injorat, iżda, huwa deskritt f’Mattew 24:14: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” Hemm ftit li xejn dubju dwar min qiegħed jagħmel dan ix-xogħol globali taʼ ppridkar. Ix-Xhieda taʼ Jehovah f’229 art qattgħu ’l fuq minn biljun siegħa f’dan ix-xogħol fis-sena 1992 biss. Ix-xogħol tagħhom jikkostitwixxi wieħed mill-iktar provi viżibbli li aħna qegħdin ingħixu fl-aħħar jiem.
Tkunx Imqarraq!
Xi wħud jistgħu jargumentaw, iżda, li dan il-paroli kollu dwar “l-aħħar jiem” huwa sempliċement pessimiżmu. ‘Xi ngħidu dwar it-tmiem tal-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant?’ huma jistaqsu, ‘jew l-isforzi tas-superpotenzi biex iġibu l-paċi? M’hijiex din evidenza li l-affarijiet sejrin għall-aħjar?’ Le. Innota li Ġesù ma qalx li d-dinja kollha se tkun kontinwament involuta fi gwerer, terremoti, u ġuħ matul l-aħħar jiem. Sabiex l-aħbar tajba tiġi mxandra mad-dinja kollha, irid ikun hemm minn tal-inqas xi perijodi taʼ kalma relattiva.
Ftakar, ukoll, li Ġesù qabbel l-aħħar jiem mal-jiem taʼ qabel id-dulluvju taʼ żmien Noè. F’dak iż-żmien in-nies kienu preokkupati b’li jieklu, jixorbu, u jiżżewġu—l-attivitajiet normali tal-ħajja. (Mattew 24:37-39) Dan kien jindika li waqt li l-kundizzjonijiet matul l-aħħar jiem kienu se jkunu taʼ hemm, l-affarijiet ma kinux se jaslu sal-punt fejn l-affarijiet normali tal-ħajja kienu se jkunu impossibbli. Bħal fi żmien Noè, l-maġġoranza vasta tal-umanità tant huma preokkupati bl-affarijiet taʼ kuljum li ma jagħtux kas tas-serjetà taż-żminijiet.
Għalhekk, ikun perikoluż li taqaʼ f’indifferenza minħabba xi żviluppi politiċi li jidhru favorevoli. (Qabbel 1 Tessalonkin 5:3.) L-evidenza tidher ċara li l-profezija taʼ Ġesù qiegħda tiġi mwettqa issa—twissija li l-qerda qiegħda qrib!
Ir-Riżultati Glorjużi
Il-qerda taʼ Pompej ġabet mewt u miżerja. Madankollu, it-tmiem taʼ din is-sistema preżenti se jiftaħ it-triq għall-ħajja taʼ dejjem fuq art ġenna mill-isbaħ. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Il-gvernijiet umani li joħolqu firdiet ma jimlewx iktar lill-art bil-gwerer. Il-bniedem qatt iktar ma se jitriegħed bil-biżaʼ għat-theddida taʼ olokawst nukleari. Dawk il-fabbriki li jarmu kimiċi tossiċi fl-ambjent se jkunu spiċċaw.—Danjel 2:44.
F’dak iż-żmien kulmin ikun ħaj ikun wieħed li jħobb it-tjieba u ħabib sinċier, kompletament ubbidjenti lejn il-ħakma tas-Saltna. (Salm 37:10, 11) L-isptarijiet, il-funerali, u ċ-ċimiterji se jkunu affarijiet tal-imgħoddi. Id-divorzju, is-separazzjoni, id-dipressjoni, u l-abbuż fuq it-tfal ukoll m’humiex se jibqgħu jeżistu.—Isaija 25:8; 65:17.
Trid int issalva f’dawn l-aħħar jiem u tibqaʼ ħaj biex tara d-dinja ġdida u glorjuża t’Alla? Allura ‘ibqaʼ mqajjem, għax ma tafx meta ż-żmien maħtur hu.’ (Mark 13:33) Minkejja dan, il-ġrajjiet dinjin jagħmluha evidenti li ż-żmien maħtur huwa qrib—qrib b’mod perikoluż għal ħafna. M’hemmx ħin x’titlef. Mela, ħu azzjoni li ssalva l-ħajja, u fittex lil dawk li qegħdin jagħtu kas is-sinjal globali tal-aħħar jiem. Dawn tistaʼ tagħrafhom malajr, għax huma biss qegħdin jobdu l-kmand taʼ Ġesù biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna mad-dinja kollha. Flimkien maʼ wħud bħal dawn, jalla tieħu l-passi biex tingħaqad mas-Sultan, Kristu Ġesù, li dwaru jingħad: “F’ismu ġnus se jittamaw.”—Mattew 12:18, 21.
[Kaxxa f’paġna 5]
Erbgħa u Għoxrin Karatteristika tas-Sinjal
1. Gwerer li qatt ma kien hawn bħalhom—Mattew 24:6, 7; Rivelazzjoni 6:4
2. Terremoti—Mattew 24:7; Mark 13:8
3. Nuqqas taʼ ikel—Mattew 24:7; Mark 13:8
4. Pesti—Luqa 21:11; Rivelazzjoni 6:8
5. Żjieda fil-ksur tal-liġi—Mattew 24:12
6. Irrovinar tal-art—Rivelazzjoni 11:18
7. L-imħabba tibred—Mattew 24:12
8. Dehriet tal-biżaʼ—Luqa 21:11
9. Imħabba esaġerata tal-flus—2 Timotew 3:2
10. Diżubbidjenza lejn il-ġenituri—2 Timotew 3:2
11. Iħobbu l-pjaċiri iktar milli lil Alla—2 Timotew 3:4
12. L-imħabba tagħna nfusna tiddomina—2 Timotew 3:2
13. Nuqqas inġenerali taʼ affezzjoni naturali—2 Timotew 3:3
14. Nies li m’humiex lesti li jiftiehmu—2 Timotew 3:3
15. Kontroll fuqhom infushom nieqes f’kull livell tas-soċjetà —2 Timotew 3:3
16. Nuqqas taʼ mħabba lejn it-tjubija mifrux maʼ kullimkien—2 Timotew 3:3
17. Ħafna b’ipokrezija jsostnu li huma Kristjani—2 Timotew 3:5
18. Ikel u xorb eċċessiv minn xi wħud—Luqa 21:34
19. Dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt jirrifjutaw is-sinjal—2 Pietru 3:3, 4
20. Ħafna profeti foloz huma attivi—Mattew 24:5, 11; Mark 13:6
21. L-ippridkar tal-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita t’Alla—Mattew 24:14; Mark 13:10
22. Persekuzzjoni tal-Kristjani veri—Mattew 24:9; Luqa 21:12
23. L-għajta taʼ paċi u sigurtà bħala quċċata tal-aħħar jiem—1 Tessalonkin 5:3
24. In-nies ma jagħtux kas tal-periklu—Mattew 24:39
[Kaxxa f’paġna 6]
Problemi Ambjentali—Sinjal taż-Żminijiet
◻ L-għata protettiva tal-ozone f’latitudnijiet li huma popolati ħafna tal-Emisferu tat-Tramuntana qed tirqaq bil-ħeffa d-doppju taʼ li ħasbu x-xjenzati ftit taʼ snin ilu biss.
◻ Minimu taʼ 140 speċi taʼ pjanti u annimali qed jiġu estinti kull jum.
◻ Livelli atmosferiċi taʼ carbon dioxide li jżomm is-sħana huma issa 26 fil-mija ogħla mill-konċentrazzjoni pre-industrijali, u jkomplu jogħlew.
◻ Wiċċ l-art kien iktar sħun fl-1990 milli qatt kien mindu bdew jinżammu bil-miktub it-temperaturi fin-nofs tas-seklu 19; sitta mis-sebaʼ snin l-iktar sħan iddokumentati seħħew mill-1980 ’il hawn.
◻ Il-foresti qegħdin igħibu b’rata taʼ xi 10,000,000 tomna kull sena, medda taʼ madwar nofs il-Finlandja.
◻ Il-popolazzjoni tad-dinja qiegħda tikber bi 92 miljun persuna fis-sena—bejn wieħed u ieħor daqs li kieku nżidu Messiku ieħor kull sena; minn dan it-total, 88 miljun qed jiżdiedu f’pajjiżi li qegħdin jiżżviluppaw.
◻ Madwar 1.2 biljun ruħ huma neqsin mill-ilma li huwa tajjeb għax-xorb.
[Stampa f’paġna 7]
Wara l-qerda se tiġi d-dinja l-ġdida glorjuża t’Alla