LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 12/1 pp. 4-7
  • L-Isem li Jwassal għall-Fidi Vera

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Isem li Jwassal għall-Fidi Vera
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dak li Jirrappreżenta Isem Ġesù
  • Fidi f’Ġesù jew f’Ċesari?
  • Nimitaw lill-​Kristjani Bikrin Illum
  • X’Ifisser li Npoġġu Fidi f’Isem Ġesù
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Kemm Hu Importanti Isem Ġeħova Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • L-isem t’Alla
    Stenbaħ!—2017
  • Kemm Hu Importanti Isem Ġeħova għal Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 12/1 pp. 4-7

L-​Isem li Jwassal għall-​Fidi Vera

“INTOM ma temmnux f’Ġesù u fid-​demm taʼ fidwa tiegħu,” qalet waħda mara lil wieħed Xhud taʼ Jehovah. Wieħed raġel iddikjara: “Intom issejħu lilkom infuskom Xhieda taʼ Jehovah, imma jien xhud taʼ Ġesù.”

L-opinjoni li x-​Xhieda taʼ Jehovah ma jemmnux f’Ġesù jew li ma jagħtuhx prominenza biżżejjed hija komuni ħafna. Iżda x’inhuma l-​fatti?

Huwa veru li x-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom sentimenti profondi għall-​isem t’Alla, Jehovah.a Itamar, Xhud mill-​Brażil, jiftakar: “Il-​punt taʼ bidla f’ħajti wasal meta tgħallimt l-​isem t’Alla. Meta qrajtu għall-​ewwel darba, kien bħallikieku qomt minn raqda fonda. L-​isem Jehovah ġabni f’sensija u qanqalni; laqatni fl-​iktar parti ġewwinija tiegħi.” Minkejja dan, hu jżid: “Qalbi tfur bl-​imħabba lejn Ġesù wkoll.”

Iva, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrikonoxxu li biex jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem, iridu jpoġġu fidi “fl-​isem taʼ l-​Iben taʼ Alla,” Ġesù. (1 Ġwann 5:13) Imma xi tfisser l-​espressjoni ‘fl-​isem taʼ Ġesù’?

Dak li Jirrappreżenta Isem Ġesù

L-​Iskrittura Griega Kristjana, jew it-​“Testment il-​Ġdid”, hija miżgħuda bl-​espressjoni “fl-​isem taʼ Ġesù” u oħrajn simili. Fil-​fatt, il-​kelma “isem” użata b’referenza għall-​irwol taʼ Ġesù tidher iktar minn 80 darba, xi 30 darba fil-​ktieb taʼ l-​Atti biss. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu għammdu fl-​isem taʼ Ġesù, fejqu f’ismu, għallmu f’ismu, sejħu ismu, sofrew minħabba ismu u faħħru ismu bil-​kbir.—Atti 2:38; 3:16; 5:28; 9:14, 16; 19:17.

Skond dizzjunarju wieħed tal-​Bibbja, il-​kelma Griega għal “isem” hija wżata taʼ spiss fil-​Bibbja “għal dak kollu li jimplika isem, għall-​awtorità, karattru, grad, maestà, poter, eċċellenza, eċċ., għal dak kollu li l-​isem jinkludi.” Għaldaqstant, isem Ġesù jirrappreżenta l-​awtorità eżekuttiva, maestuża u vasta li Alla Jehovah fdalu. Ġesù nnifsu stqarr: “Lili ngħatat kull setgħa fis-​sema u fl-​art.” (Mattew 28:18) Wara li Pietru u Ġwanni kienu fejqu raġel zopp, il-​mexxejja reliġjużi Lhud staqsew: “Intom b’liema qawwa jew f’isem min għamiltuh dan?” Pietru mbagħad bi qlubija esprima l-​fidi tiegħu fl-​awtorità u l-​poter irrappreżentati mill-​isem taʼ Ġesù meta għamel magħruf li “jekk dan ir-​raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-​saħħa taʼ l-​isem taʼ Ġesù Kristu taʼ Nazaret.”—Atti 3:1-10; 4:5-10.

Fidi f’Ġesù jew f’Ċesari?

Madankollu, li wieħed jgħid li għandu fidi bħal din f’isem Ġesù ma kienx se jkun daqshekk faċli. Bħalma kien bassar Ġesù, lid-​dixxipli tiegħu ‘l-​ġnus kollha kellhom isiru jobogħduhom minħabba f’ismu.’ (Mattew 24:9) Għala? Għaliex isem Ġesù jirrappreżenta l-​pożizzjoni tiegħu bħala l-​Mexxej maħtur t’Alla, is-​Sultan tas-​slaten, li lejh il-​ġnus kollha għandhom imilu b’sottomissjoni, ħaġa li m’humiex lesti jew ma jridux jagħmluha.—Salm 2:1-7.

Il-mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù wkoll ma ridux imilu b’sottomissjoni lejn Ġesù. Stqarrew: “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari,” u b’hekk ċaħdu lill-​Iben t’Alla. (Ġwann 19:13-15) Minflok, huma poġġew il-​fidi tagħhom fl-​isem​—il-​poter u l-​awtorità—​taʼ Ċesari u l-​gvern imperjali tiegħu. Saħansitra ddeċidew li Ġesù kellu jmut sabiex huma setgħu jibqgħu jżommu l-​pożizzjoni u l-​istatus tagħhom.—Ġwann 11:47-53.

Fis-sekli taʼ wara l-​mewt taʼ Ġesù, ħafna minn dawk li kienu jsostnu li kienu Kristjani adottaw attitudni simili għal dik tal-​mexxejja Lhud. Dawn l-​hekk imsejħin Kristjani poġġew il-​fidi tagħhom fil-​poter u l-​awtorità taʼ l-​Istat u involvew ruħhom fil-​konflitti tiegħu. Per eżempju, fis-​seklu 11, wara li l-​knisja kienet ġabret flimkien il-​gwerriera inattivi u organizzathom f’militia Christi, jew kavallieri Kristjani, “ir-​responsabbiltà għat-​tmexxija taʼ gwerer ġusti ġiet imneħħija minn fuq spallejn il-​potenzi sekulari tal-​Kristjaneżmu u, minflok, tgħabbiet biha l-​knisja bil-​kavallieri Kristjani bħala l-​aġenti tagħha.” (The Oxford History of Christianity) Ir-​rakkont iżid li ċerti dikjarazzjonijiet papali wasslu lill-​maġġuranza taʼ dawk li ġġieldu fil-​kruċjati biex jemmnu li, billi ħadu sehem fil-​kruċjati, “kienu għamlu kuntratt m’Alla u kienu assiguraw posthom fil-​Ġenna.”

Xi wħud għandhom mnejn jargumentaw illi huwa possibbli li tkun leali lejn Ġesù u fl-​istess ħin tipparteċipa f’affarijiet politiċi, kif ukoll fil-​gwerer tal-​ġnus. Għandhom mnejn iħossu li huwa d-​dover tal-​Kristjani li jikkumbattu l-​ħażen kulfejn dan jistaʼ jinstab, u dan jinkludi li jirrikorru għall-​gwerra jekk dan ikun neċessarju. Imma l-​ewwel Kristjani kellhom din il-​ħarsa?

“Il-​Kristjani l-​iktar bikrin ma kinux jaqdu fil-​forzi armati,” jgħid artiklu fir-​rivista The Christian Century. Dan jispjega li sas-​snin taʼ bejn il-​170 u l-​180 E.K., m’hemm ebda evidenza li l-​Kristjani kienu jaqdu fl-​armata. L-​artiklu mbagħad iżid: “Kien biss gradwalment li l-​Kristjani bdew jabbandunaw l-​oppożizzjoni tagħhom lejn is-​servizz militari.”

X’kienu l-​konsegwenzi? “Forsi xejn ma għen biex jiskredita l-​Kristjanità iktar mid-​drawwa tal-​Kristjani li jieħdu waqfa li m’hi xejn differenti minn dik taʼ wħud li m’humiex Kristjani rigward il-​parteċipazzjoni fil-​gwerra,” jinnota l-​artiklu f’The Christian Century. “Il-​fatt li l-​Kristjani minn banda jiddefendu l-​fidi tas-​Salvatur kollu ħlewwa fil-​waqt li mill-​banda l-​oħra jappoġġaw bil-​ħeġġa kollha gwerer reliġjużi jew nazzjonalistiċi għamlilha ħafna ħsara lill-​fidi.”

Nimitaw lill-​Kristjani Bikrin Illum

Huwa possibbli għall-​Kristjani llum li jimitaw l-​eżempju eċċellenti tal-​Kristjani bikrin? Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’dan is-​seklu wrew li huwa possibbli. Waqt li kien qed jitkellem dwarhom, l-​editur tal-​Holocaust Educational Digest innota: “Ebda Xhud taʼ Jehovah ma qatt se jmur għall-​gwerra. . . . Kieku fid-​dinja kulmin kellu l-​poter f’idejh kien taʼ din il-​fidi, [it-Tieni Gwerra Dinjija] qatt ma kienet isseħħ.”

L-istess jistaʼ jingħad dwar konflitti reġjonali iktar reċenti, bħal dak li baqbaq fl-​Irlanda taʼ Fuq. Xi snin ilu, wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah kien qed jippriedka minn dar għal dar f’naħa fejn joqogħdu l-​Protestanti fil-​belt taʼ Belfast. Wieħed inkwilin, wara li sar jaf li x-​Xhud qabel kien Kattoliku, staqsa: “Meta kont Kattoliku, kont tappoġġaha l-​IRA [l-Armata Repubblikana Irlandiża]?” Ix-​Xhud irrealizza li r-​raġel setaʼ jsir vjolenti, għax kien inżamm taħt arrest wara li nqabad armat b’pistola fi triqtu biex joqtol lil wieħed Kattoliku, u kien għadu kif inħeles. Għalhekk, ix-​Xhud wieġeb: “Jien m’iniex Kattoliku issa. Jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Bħala Kristjan veru, qatt ma se nasal biex noqtol lil xi ħadd għal ebda gvern jew bniedem.” Kif samaʼ dan, l-​inkwilin ħadlu b’idu u qal: “Il-​qtil kollu huwa ħażin. Intom qegħdin tagħmlu xogħol tajjeb. Taqtgħux qalbkom.”

X’Ifisser li Npoġġu Fidi f’Isem Ġesù

Madankollu, li npoġġu fidi f’isem Ġesù jfisser iktar milli sempliċement ma niħdux sehem fil-​gwerra. Ifisser li nobdu l-​kmandamenti kollha taʼ Kristu. Wara kollox, Ġesù stqarr: “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom,” u wieħed mill-​kmandamenti tiegħu hu li ‘nħobbu lil xulxin.’ (Ġwann 15:14, 17) L-​imħabba tfittex li tagħmel il-​ġid lil oħrajn. Din twarrab għalkollox kull preġudizzju razzjali, reliġjuż, u soċjali. Ġesù wera kif.

Il-Lhud fi żmien Ġesù kienu jobogħduhom lis-​Samaritani. B’kuntrast, Ġesù tkellem maʼ mara Samaritana, u bħala riżultat, hi u ħafna oħrajn poġġew fidi f’ismu. (Ġwann 4:39) Ġesù stqarr ukoll li d-​dixxipli tiegħu kellhom ikunu xhieda tiegħu “f’Ġerusalemm, fil-​Lhudija kollha u s-​Samarija u sa truf l-​art.” (Atti 1:8) Il-​messaġġ tiegħu li jagħti l-​ħajja ma kienx għal-​Lhud biss. Għaldaqstant, Pietru ngħata l-​istruzzjoni biex iżur liċ-​ċenturjun Ruman Kornelju. Għalkemm kien kontra l-​liġi għal xi ħadd Lhudi li jżur lil xi ħadd taʼ razza oħra, Alla wera lil Pietru li ‘ebda bniedem ma kellu jsejjaħlu profan jew imniġġes.’—Atti 10:28.

Billi jimitaw lil Ġesù, ix-​Xhieda taʼ Jehovah minn qalbhom jgħinu lin-​nies kollha​—ikun xi jkun l-​isfond razzjali, reliġjuż, jew ekonomiku tagħhom—​biex jitgħallmu dwar is-​salvazzjoni li tiġi permezz taʼ isem Ġesù. Fidi f’isem Ġesù tqanqalhom biex ‘jistqarru b’fommhom li Ġesù hu l-​Mulej.’ (Rumani 10:8, 9) Inħeġġuk biex taċċetta l-​għajnuna tagħhom sabiex int ukoll tkun tistaʼ titgħallem tpoġġi fidi f’isem Ġesù.

L-isem taʼ Ġesù għandu verament jispira sentimenti taʼ unur, rispett, u ubbidjenza. L-​appostlu Pawlu stqarr: “Fl-​isem taʼ Ġesù​—fis-​sema, fl-​art u f’qiegħ l-​art—​il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom, u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-​Mulej, għall-​glorja taʼ Alla l-​Missier’.” (Filippin 2:10, 11) Avolja l-​maġġuranza taʼ l-​abitanti taʼ l-​art jistgħu ma jkunux lesti li jissottomettu ruħhom għall-​ħakma taʼ Ġesù, il-​Bibbja turi li ż-​żmien hu qrib meta n-​nies kollha se jkollhom jagħmlu hekk jew inkella jinqerdu. (2 Tessalonikin 1:6-9) Għaldaqstant, issa huwa ż-​żmien biex inpoġġu fidi f’isem Ġesù billi nżommu l-​kmandamenti tiegħu kollha.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni, ara l-​browxer The Divine Name That Will Endure Forever, paġni 28-31, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., 1984.

[Stampa f’paġna 6]

Miljuni qatlu u nqatlu f’isem Ġesù

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù ma kellu ebda preġudizzju razzjali. Int għandek?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja