‘Henjin Huma Dawk li Ssaportew’
1. Mill-1914 ’il hawn, liema sitwazzjoni fuq l-art wettqet Mattew 24:3-8, u liema stqarrijiet rigward il-Lega tal-Ġnus u l-Ġnus Magħquda fallew?
FIL-KTIEB tiegħu The Present Age, Robert Nisbet jitkellem dwar “il-Gwerra tal-Ħamsa u Sebgħin Sena li kompliet tistaʼ tgħid bla waqfien mill-1914.” Iva, ‘gwerer u rapporti taʼ gwerer,’ inklużi gwerer dinjin—dak hu li ħabbar Ġesù Kristu għal dan iż-żmien tat-tmiem. (Mattew 24:3-8) Il-Lega tan-Nazzjonijiet inħolqot fl-1920 “biex tippreveni l-gwerra għal dejjem.” Kemm falliet b’mod miżerabbli! Il-Ġnus Magħquda ġiet organizzata fl-1945 “biex issalva ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu mill-flaġell tal-gwerra.” Iżda l-ktieb taʼ Max Harrelson Fires All Around the Horizon jirrakkonta: “Bil-kemm kien hemm jum wieħed minn mindu ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija meta ma kienx hemm xi ġlied x’imkien.”
2. Xi nies x’jistaqsu rigward il-kundizzjonijiet tad-dinja, iżda x’mistoqsijiet għandna nistaqsu?
2 It-terroriżmu u l-vjolenza, il-korruzzjoni u l-faqar, drogi u pestilenzi—dawn kollha jżidu mal-istampa tal-biki. Xi nies jistgħu jistaqsu: ‘L-umanità kif tistaʼ tkompli tissaporti dawn il-kundizzjonijiet taʼ nkwiet?’ Iktar importanti, iżda, għandna nistaqsu: ‘Alla kif qed jissaporti l-ħerba tal-ħolqien tiegħu fuq l-art? Kemm se jdum iktar iħalli lil irġiel mill-agħar jirrovinaw l-art u jitfgħu tmaqdir fuq l-isem prezzjuż tiegħu?’
3. (a) X’mistoqsija staqsa l-profeta Isaija, u għala? (b) Xi tweġiba ta Jehovah, u dan x’jindika għal żmienna?
3 Il-profeta Isaija qajjem mistoqsija simili. Hu ġie mqabbad jiddikjara lin-nies taʼ pajjiżu messaġġ mingħand Jehovah. Iżda hu ġie mwissi bil-quddiem li huma ma kinux se jagħtu kas la tiegħu u lanqas taʼ Dak Alla li bagħtu. Għalhekk Isaija staqsa: “Kemm żmien, O Jehovah?” Iva, kemm kien se jdum jippriedka Isaija lil dan il-poplu rasu iebsa, u kemm kien se jdum Jehovah jissaportihom b’mod inġurjuż jirrifjutaw li jagħtu kas tal-messaġġ tiegħu? Jehovah wieġeb: “Sakemm l-ibliet attwalment jitfarrku f’rovini, biex ikunu mingħajr abitant, u d-djar ikunu mingħajr bniedem, u l-art infisha tkun irvinata f’ħerba.” (Isaija 6:8-11) Bl-istess mod illum, Alla jissaporti tmaqdir bħal dan saż-żmien maħtur tiegħu biex jesegwixxi ġudizzju fuq dinja li fiha l-ħati ewlieni kien il-Kristjaneżmu mhux lejali.
4. X’kien ir-riżultat tas-sabar taʼ Ġob, u x’garanzija jagħtina dan illum?
4 Jehovah ilu jissaporti l-isfidi taʼ stmerrija taʼ Satana. Xi 3,600 sena ilu, il-lejali Ġob ukoll issaporta, billi wieġeb għall-isfida taʼ Satana li hu ma setax iżomm l-integrità taħt prova. Kemm ferraħ qalb Jehovah dan! (Ġob 2:6-10; 27:5; Proverbji 27:11) Bħalma stqarr iktar tard Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm: “Ħares! Aħna nippronunzjaw henjin lil dawk li ssaportew. Intom smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu t-tmiem li tah Jehovah, illi Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni u ħanin.” Bl-istess mod, dawk li jissaportu maʼ Jehovah illum huma aċċertati minn riżultat hieni.—Ġakbu 5:11.
5. Ġesù kif wera li kien meħtieġ is-sabar mill-poplu t’Alla llum, u waqt li jagħmlu liema xogħol se jkollhom bżonn tas-sabar?
5 Ġesù wera ċar li kien se jkun meħtieġ is-sabar mill-poplu t’Alla fi żmienna. Meta bassar is-sinjal “tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet,” hu qal: “Dak li jissaporti sat-tmiem hu dak li se jsalva.” Tissaporti f’liema ħaġa? Il-kliem taʼ Ġesù li jiġi preċiż wara jwieġeb: “U din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata mal-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha.” (Mattew 24:3, 13, 14) Imbagħad biss ‘se jiġi t-tmiem.’—Ara wkoll Mark 13:10, 13; Luqa 21:17-19.
Għala Jehovah Jissaporti
6. Jehovah għala huwa eżempju li jispikka tas-sabar, u x’inhi raġuni waħda għala ssaporta hekk?
6 L-appostlu Pawlu jispjega li “Alla, għalkemm għandu r-rieda li juri l-korla tiegħu u li jagħmel il-qawwa tiegħu magħrufa, ittollera b’ħafna sabar fit-tul lil reċipjenti tal-korla li jixirqilhom il-qerda.” (Rumani 9:22) Jehovah għala ssaporta l-eżistenza kontinwa tal-ħżiena, dawn ir-reċipjenti tal-korla? Raġuni waħda hi din: biex juri li ħakma umana, indipendenti mill-Ħallieq tal-bniedem, hija ddestinata li tfalli. (Ġeremija 10:23) Dalwaqt, is-sovranità t’Alla se tiġi vvindikata hekk kif hu jagħti prova li hu biss jistaʼ jġib il-paċi, armonija, u kuntentizza lill-familja umana, permezz tal-ħakma tas-Saltna taʼ Ġesù.—Salm 37:9-11; 45:1, 6, 7.
7. Għal liema raġuni oħra ssaporta Jehovah u liema benefiċċju ġab dan għal miljuni taʼ nies mill-1930 ’il hawn?
7 Iktar minn hekk, Jehovah issaporta “sabiex jagħmel magħrufin ir-rikkezzi tal-glorja tiegħu fuq reċipjenti tal-ħniena.” (Rumani 9:23) Dawn ir-reċipjenti tal-ħniena huma wħud midlukin li żammew l-integrità li huma “mixtrijin minn fost il-bnedmin” biex jirrenjaw maʼ Ġesù Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema. L-issiġillar tal-144,000 kompla minn żmien l-appostli. Issa qed joqrob lejn it-tmiem. (Rivelazzjoni 7:3. 14:1, 4) U ħares! Mill-1930 ’il hawn is-sabar kontinwu taʼ Jehovah ippermetta l-ġbir taʼ miljuni taʼ oħrajn, “folla kbira . . . mill-ġnus kollha,” li jifirħu fil-prospett li jinħelsu fit-tribulazzjoni finali biex jirtu ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art. (Rivelazzjoni 7:4, 9, 10, 13-17) Int wieħed minn dik il-folla kbira? Jekk iva, m’intix ferħan li Jehovah issaporta l-preżenza taʼ reċipjenti tal-korla sa issa? Madankollu, int trid tkompli tissaporti, bħalma ssaporta Jehovah.
Is-Sabar Ippremjat
8. Għala lkoll kemm aħna għandna bżonn nissaportu, u liema eżempju taʼ sabar għandna nikkonsidraw mill-qrib?
8 Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nissaportu jekk irridu nirċievu l-wegħdiet. Wara li stqarr din il-verità bażika f’Ebrej 10:36, l-appostlu Pawlu jiddeskrivi fid-dettal il-fidi taʼ kwalità eċċellenti u s-sabar taʼ “sħaba [kbira] taʼ xhieda” taż-żminijiet tal-qedem. Imbagħad hu jammonina biex “niġru bis-sabar it-tiġrija li hi mqiegħda quddiemna, hekk kif aħna nħarsu fissi lejn l-Aġent Ewlieni u Dak li Jipperfezzjona l-fidi tagħna, Ġesù. Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu,” Ġesù ssaporta f’servizz b’qalbu kollha, billi qatt ma neħħa minn quddiem għajnejh il-premju. Kemm isaħħaħna l-eżempju tiegħu biex aħna wkoll nissaportu!—Ebrej 12:1, 2.
9. X’irriżulta minn eżempji taʼ sabar taż-żmien modern?
9 Eżempji taʼ sabar taż-żmien modern ukoll huma kotrana. Int forsi taf, jew kont taf, lil xi aħwa rġiel u nisa li kienu jispikkaw minħabba s-sabar tagħhom. Kemm tqanqalna l-fedeltà tagħhom! U kull sena, hekk kif ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrapportaw l-attività dinjija tagħhom lill-Watch Tower Society jaslu iktar rakkonti eċċitanti taʼ sabar u taʼ żamma taʼ integrità. Dawn jenfasizzaw ix-xogħol grandjuż li twettaq matul l-1989 hekk kif dawn ix-Xhieda ‘żiedu mal-fidi tagħhom is-sabar.’—2 Pietru 1:5, 6.
L-Iktar Sena Grandjuża Tagħna
10. (a) Kemm artijiet u gruppi taʼ gżejjer ħadu sehem fl-ippridkar tal-aħbar tajba tas-Saltna fl-1989, u kemm ħadu sehem f’dan ix-xogħol? (b) Kemm pijunieri rrapportaw fl-ogħla xahar, u x’kien il-għadd totali taʼ sigħat imqattgħin fis-servizz tal-għalqa?
10 Ir-rapport tas-servizz tal-1989 juri li 212 artijiet u gruppi taʼ gżejjer ħadu sehem f’li jippridkaw is-Saltna li ġejja taʼ Jehovah. Għażiż qarrej tat-Torri tal-Għassa, kont int ipprivileġġat bħala wieħed mit-3,787,188 li ħadu sehem f’dan ix-xogħol grandjuż? Kont int wieħed mit-808,184 li rrapportaw bħala pijunieri fix-xahar l-iktar għoli għal dak is-servizz? Kulma kkontribwejt lejn il-għadd totali globali tal-1989 taʼ 835,426,538 sigħat mqattgħin fis-servizz tal-għalqa, għandek għalfejn tkun hieni.—Salm 104:33, 34; Filippin 4:4.
11. (a) Liema attendenza għall-Mafkar tat-22 taʼ Marzu 1989 hija kawża għall-ferħ, u għala? (b) Kemm ġew imgħammdin?
11 Ifraħ, ukoll, f’dak it-total splendidu taʼ 9,479,O64 li attendew, fit-22 taʼ Marzu tas-sena l-oħra, għaċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù! Dan jindika potenzjal taʼ 5,691,876 xandara oħra tas-Saltna, jekk dawn l-uħud bħal ngħaġ li għandhom interess jistgħu b’imħabba jiġu kondotti għal ġol-maqjel tan-ngħaġ, biex ikollhom sehem regulari f’li jaqdu lil Jehovah. Nistgħu ngħinuhom f’dan? (Ġwann l0:16; Rivelazzjoni 7: 9, 15) Ħafna diġà qed iwieġbu, kif indikat mit-total grandjuż taʼ 263,855 Xhieda ġodda mgħammdin matul is-sena taʼ servizz 1989.
12. Liema huma xi fatturi (a) rigward il-fabbriki tal-Watch Tower Society? (b) rigward tqassim taʼ rivisti u abbonamenti?
12 Il-għatx għall-pubblikazzjonijiet—Bibbji, kotba, “brochures,” rivisti—kien bla tmiem. Per eżempju, il-fabbriki tal-Watchtower fi New York użaw xi 15,000 tunnellati taʼ karta fl-istampar taʼ 35,811,000 Bibbji u kotba, żjieda taʼ l01 fil-mija fuq l-1988. Fabbriki kbar oħra tal-Watch Tower Society , b’mod notevoli fil-Ġermanja, l-Italja, u l-Ġappun, ħadmu sigħat żejda, biex jappoġġaw lill-“irsir fidil u għaqli” f’li jqassam “l-ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.” (Mattew 24:46) Matul April u Mejju, tqassim mill-abjar b’mod eċċezzjonali taʼ rivisti u abbonamenti ġie rrapportat f’għadd taʼ pajjiżi, b’enfasi speċjali fuq id-distribuzzjoni tal-ħarġiet tat-Torri tal-Għassa dwar “Babilonja l-Kbira.” (Rivelazzjoni 17:5) Bla dubju, f’dan ix-xahar taʼ April, pijunieri awżiljarji u Xhieda oħra se joħorgu fi qtajja fil-għalqa tad-dinja f’dik li se terġaʼ tkun l-ifjen kampanja tagħna taʼ għoti taʼ xiehda għas-sena taʼ servizz 1990.—Qabbel Isaija 40:31; Rumani 12:11, 12.
13. X’ġara dan l-aħħar fl-Ungerija u fil-Polonja?
13 Ix-xogħol tagħna fl-Ungerija u fil-Polonja ġie legalizzat dan l-aħħar. Aħna grati lejn l-awtoritajiet f’dawn l-artijiet li huma issa juru din il-konsiderazzjoni għax-Xhieda taʼ Jehovah. F’dan ir-rigward, it-talb tal-fratellanza dinjija ġie mismugħ, “sabiex aħna nistgħu nibqgħu ngħaddu ħajja ħiemda u kwieta bid-devozzjoni sħiħa lejn Alla u bis-serjetà.”−1 Timotew 2:1, 2.
14. Semmi xi punti memorabbli mill-konvenzjonijiet Distrettwali “Devozzjoni lejn Alla” fil-Polonja.
14 “Devozzjoni lejn Alla”! Iva, il-konvenzjonijiet Distrettwali “Devozzjoni lejn Alla” setgħu jinżammu saħansitra fil-Polonja, fi tliet postijiet, matul Awissu! Kemm laqgħuna b’mod meraviljuż il-91,024 ħutna Pollakki! (Ebrej 13:1, 2, 16) Qisu b’xi miraklu, għaxriet taʼ eluf taʼ aħwa—Ċekoslovakki, Ġermaniżi, Russi, u oħrajn—akkwistaw il-viża biex imorru bix-xarabank, bil-ferrovija, u saħansitra bil-mixi. Eluf oħra ġew bl-ajru mill-Amerka, l-Ewropa tal-Punent, u minn pajjiżi tant ’il bogħod bħall-gżejjer tal-Paċifiku u l-Ġappun. L-istadji enormi, li nġabu xummiema minn ħutna, bil-kemm kienu biżżejjed biex jakkomodaw 65,710 f’Chorzów, 40,442 f’Poznan, u 60,366 ġewwa Varsavja—attendenza grandjuża totali taʼ 166,518! F’kull ċentru l-ispettaklu tal-magħmudija qanqal dmugħ taʼ emozzjoni taʼ ferħ. F’Poznan, kandidat taʼ 9 snin u ieħor taʼ 90 sena ġew imgħammdin, u t-total taʼ 6,093 imgħammdin fit-tliet konvenzjonijiet kien jinkludi ħafna “teenagers”, li ħafna minnhom minn pajjiżi fejn intqal li r-reliġjon se tmut max-xjuħ. Mhux hekk il-vera reliġjon ibbażata fuq il-Kelma t’Alla! (Qabbel Salmi 148:12, 13; Atti 2:41; 4:4.) Kemm ġie ppremjat b’mod tal-għaġeb is-sabar taʼ ħutna fl-Ewropa tal-Lvant!
Fedeltà Kontinwa Taħt Prova
15. Ix-Xhieda fil-Libanu kif urew sabar u sodizza, u b’liema riżultati mill-aħjar?
15 Bħall-appostlu Pawlu, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma mistennija li juru s-sabar taħt ħafna ċirkustanzi varjati. (2 Korintin 11:24-27) Fil-Libanu l-gwerra ċivili għaddejja bla waqfien. Ħutna kif qed jirreaġixxu? B’sodizza u determinazzjoni. Is-sena 1989 rat ħafna sparar u bombardjar, iżda saħansitra fejn dawn kienu l-iktar qawwija, l-aħwa kienu determinati li ma jnaqqsux fix-xogħol. Kongregazzjoni f’Bejrut tirrapporta: “Gruppi regulari għas-servizz tal-għalqa ġew organizzati f’kull lejla tal-ġimgħa. Minkejja kundizzjonijiet diffiċli taʼ sigurtà, l-aħwa ma ġewx skuraġġiti. Aħna lħaqna iżjed territorju minn qatt qabel. F’April kellna quċċata fil-għadd taʼ pijunieri. Inbdew studji tal-Bibbja ġodda, u iżjed rivisti u kotba tqassmu.”
16. Ħutna fil-Kolumbja kif urew sabar billi ħadu l-aħbar tajba fi bliet fejn ma kienx hemm Xhieda?
16 Il-Kolumbja kienet fl-aħbarijiet minħabba t-traffikar tad-drogi u l-vjolenza. Iżda s-sabar lejali taʼ Kristjani hemm ukoll huwa aħbar. Dan l-aħħar, pijunieri speċjali temporanji ntbagħtu f’31 bliet taʼ għaxart elef jew iktar abitanti fejn ma kien hemm ebda Xhieda. F’belt minnhom, meta persuni li bdew jieħdu nteress indunaw li l-pijunieri kienu se jdumu hemm biss għal ftit xhur, huma talbu lill-pijunieri biex jibqgħu hemm. F’oħra, 18-il persuna li wrew interess iffirmaw ittra taʼ apprezzament għall-għajnuna spiritwali mogħtija matul iż-żjara taʼ tliet xhur tal-pijunieri u talbu għal iktar għajnuna. “Dan hu xogħol serju,” qalu. M’hemmx għalfejn ngħidu, fiż-żewġ każi saru arranġamenti biex jibqaʼ jiġi kkultivat l-interess. Li tiżviluppa dan it-territorju ’l bogħod jitlob sabar, iżda x-xogħol iebes tal-pijunieri li jagħmlu dan jiġi mbierek bil-kotra.
17, 18. (a) Taħt liema ċirkustanzi ssaportew ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Italja? (b) Ix-Xhieda kif marru minkejja t-tixrid taʼ gideb dwarhom?
17 Fl-Italja, ix-Xhieda taʼ Jehovah jiffaċċjaw oppożizzjoni qawwija mill-kleru, iżda bis-saħħa taʼ Jehovah huma ssaportew. F’diversi parroċċi, il-kleru qassmu “stickers” biex jitwaħħlu mal-bibien tad-djar tan-nies tal-parroċċa tagħhom li jgħidu lix-Xhieda taʼ Jehovah biex ma jċemplux il-qanpiena tal-bieb. Ħafna qassisin qabbdu lil xi tfal subien biex iwaħħlu dawn l-“stickers” mal-bibien kollha taʼ post partikulari—saħansitra fid-djar tal-familji tax-Xhieda! Ix-Xhieda, madankollu, ma jiġux skuraġġiti faċilment, u taʼ spiss jużaw l-“istickers” biex jibdew konverżazzjoni. Iktar minn hekk l-istampa u t-televiżjoni nazzjonali taw importanza kbira lil din il-kwistjoni, billi kkundannaw l-intolleranza reliġjuża murija u billi enfasizzaw li tattiċi bħal dawn huma verament sinjal taʼ djufija min-naħa tal-knisja. Wieħed professur tal-università tant ġie offiż bil-kontroversja tal-“istickers” kontra x-Xhieda li hu abbona fil-Watchtower u l-Awake!
18 Il-Knisja Kattolika fl-Italja saħansitra tuża l-apostati biex jifirxu gideb dwar il-poplu t’Alla, iżda dan ma jirnexxix lanqas għaliex il-172,382 pubblikaturi huma magħrufin ħafna u rrispettati. Wieħed raġel qal lil xi Xhieda li żaruh li hu kien qara affarijiet ħżiena dwarna f’letteratura miktuba minn ex-Xhieda. Hu kien jopponi ħafna, għalhekk, meta ħuh sar wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Wara ftit, iżda, hu nnota x’effett tajjeb kellha fuq ħuh il-bidla fir-reliġjon li hu kien għamel. Hu ħaseb: ‘Kif jistaʼ jkun li xi ħaġa tant ħażina tipproduċi riżultati hekk tajbin?’ Għaldaqstant, hu talab għal studju tal-Bibbja max-Xhieda li ġew iżuruh.—Qabbel Kolossin 3:8-10.
Negħlbu l-Indifferenza
19, 20. (a) X’sitwazzjoni rrikjediet is-sabar min-naħa taʼ Xhieda fil-Finlandja, u x’inhu verament sinjifikanti rigward stħarriġ mill-knisja? (b) Liema esperjenza turi l-importanza tas-sabar f’li nippridkaw l-aħbar tajba?
19 F’pajjiżi fejn ix-Xhieda jżuru n-nies taʼ sikwit, hemm taʼ spiss indifferenza mifruxa għall-aħbar tajba. Dan hu ċertament il-każ fil-Finlandja. Il-knisja f’dak il-pajjiż ik-konduċiet stħarriġ u sabet li 70 fil-mija tal-popolazzjoni ma jiħdux gost bix-Xhieda jżuruhom. Madankollu, 30 fil-mija ma joġġezzjonawx bil-qawwa, u minn dawn, 4 fil-mija qalu li huma fil-fatt jogħġbuhom ix-Xhieda taʼ Jehovah. Din hi figura sinjifikanti. Erbgħa fil-mija tal-popolazzjoni tal-Finlandja tirrappreżenta 200,000 ruħ. Qabbel dak mal-figura tal-pubblikaturi fil-preżent taʼ 17,303!
20 Wieħed pubblikatur li kien fis-servizz kellu l-attenzjoni tiegħu miġbuda lejn dan l-istħarriġ u ġie mistoqsi: “Ma tafx li 70 fil-mija minna nqisukom bħala mhux mixtieqa? Għala tibqgħu tiġu wara l-bibien tagħna?” Il-pubblikatur wieġeb: “Iva, iżda dak l-istess studju wera li 4 fil-mija minnkom għandhom grazzja magħna. Aħna qed nippruvaw insibu lil dawk in-nies. Anki li kieku kienu biss 1 fil-mija, aħna xorta waħda konna mmorru minn dar għal dar nippruvaw infittxuhom.” Ir-raġel ħasibha ftit u qal: “Huwa l-messaġġ tagħkom daqshekk importanti għalihom?” Il-pubblikatur wieġeb billi staqsa: “Tixtieq tisimgħu?” Ma damx ir-raġel ma beda juri nteress fl-aħbar tajba.
X’Għandu Maħżun il-Futur
21. (a) Liema xorta taʼ ġlieda rridu niġġieldu f’din is-sistema, u għala? (b) X’nistgħu forsi jkollna nissaportu, u minn xiex tiżgurana l-profezija taʼ Ħabakkuk?
21 Xi ngħidu għalina Ikoll illum? Determinati aħna li nissaportu maʼ Jehovah u Kristu Ġesù dritt sat-tmiem? Jistaʼ m’għadx baqaʼ wisq, iżda aħna rridu nissaportu! Fis-sistema taʼ Satana, aħna rridu niġġieldu ġlieda iebsa għall-fidi, hekk kif l-immoralità, il-korruzzjoni, u l-mibgħeda tad-dinja jdawruna fuq kull naħa. (Ġuda 3, 20, 21) Forsi jkollna nissaportu xi persekuzzjoni taʼ xi għamla jew oħra. Saħansitra issa eluf minn ħutna qed isofru f’ħabsijiet, u xi wħud jiġu msawtin b’mod krudil. Dawn huma grati għat-talb tagħna. (2 Tessalonkin 3:1, 2) Dalwaqt ferm, is-sistema preżenti ma tkunx iżjed! Kif stqarr Ħabakkuk: “Il-viżjon hi għal żmien maħtur, u tibqaʼ tilheġ lejn it-tmiem, u mhux se tgħid gidba. Anki jekk għandha tittardja, ibqaʼ fi stennija għaliha; għax hi se sseħħ bla ma tonqos. Mhix se tkun tard.”—Ħabakkuk 2: 3.
22. Liema riżultat nistgħu bil-fiduċja nistennew jekk neżerċitaw il-paċenzja tal-profeti u s-sabar taʼ Ġob?
22 Id-dixxiplu Ġakbu b’imħabba jgħidilna: “Ħuti, ħudu bħala mudell taʼ li tissaportu l-ħażen u li teżerċitaw il-paċenzja lill-profeti, li tkellmu f’isem Jehovah.” Aħna llum li nitkellmu f’isem Jehovah nistgħu nkunu nies li jżommu l-integrità matul provi ħorox, bħalma kienu Isaija, Ġeremija, Danjel, u oħrajn. Bħal Ġob, aħna nistgħu nissaportu. Kemm ġie ppremjat b’mod tal-għaġeb għas-sabar tiegħu! Il-ħniena u l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah se jġibulna premjijiet simili—jekk nissaportu sat-tmiem. U jalla l-kliem taʼ Ġakbu jitwettaq għal kull wieħed minna: “Ħares! Aħna nippronunzjawhom henjin lil dawk li ssaportew.”−Ġakbu 5:10, 11; Ġob 42:10-13.
Kif Se Twieġeb?
◻ Liema ħtieġa għal sabar enfasizza Ġesù?
◻ Għal liema raġunijiet issaporta Jehovah?
◻ Liema huma xi punti notevoli fix-xogħol grandjuż imwettaq matul l-1989?
◻ Is-sabar taʼ ħutna fil-Polonja kif ġie ppremjat?
◻ Ix-Xhieda fil-Libanu, fil-Kolumbja, u fl-Italja kif urew fedeltà taħt prova?