Xhieda Kristjani Favur is-Sovranità Divina
“[Għandkom] ixxandru l-glorja taʼ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.”—1 PIETRU 2:9.
1. Liema xiehda effettiva ngħatat dwar Jehovah fiż-żminijiet taʼ qabel il-Kristjanità?
FIŻ-ŻMINIJIET taʼ qabel il-Kristjanità, linja twila taʼ xhieda bil-qlubija xehdu li Jehovah hu l-uniku Alla veru. (Lhud 11:4–12:1) B’saħħithom fil-fidi tagħhom, huma bla biżaʼ obdew il-liġijiet taʼ Jehovah u rrifjutaw li jagħmlu kompromess fi kwistjonijiet taʼ qima. Taw xiehda qawwija favur is-sovranità universali taʼ Jehovah.— Salm 18:22-24; 47:2, 3 [Salm 18:21-23; 47:1, 2] NW.
2. (a) Min hu l-aqwa Xhud taʼ Jehovah? (b) Min ħa post il-ġens taʼ Iżrael bħala xhud taʼ Jehovah? Kif nafu?
2 L-aħħar u l-aqwa xhud taʼ qabel il-Kristjanità kien Ġwanni l-Battista. (Mattew 11:11) Kien ipprivileġġjat f’li jħabbar il-miġja tal-Wieħed Magħżul, u introduċa lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed. (Ġwann 1:29-34) Ġesù hu l-aqwa xhud taʼ Jehovah, “ix-xhud leali u veru.” (Apokalissi 3:14, NW) Minħabba li Iżrael tal-laħam irrifjutaw lil Ġesù, Jehovah irrifjuta lilhom u ħatar ġens ġdid, l-Iżrael spiritwali t’Alla, biex ikun ix-xhud tiegħu. (Isaija 42:8-12; Ġwann 1:11, 12; Galatin 6:16) Pietru kkwota profezija dwar Iżrael u wera li kienet tapplika għall-“Iżrael t’Alla,” il-kongregazzjoni Kristjana, meta qal: “Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru l-glorja taʼ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.”—1 Pietru 2:9; Eżodu 19:5, 6; Isaija 43:21; 60:2.
3. Liema hija r-responsabbiltà primarja taʼ l-Iżrael t’Alla u tal-“kotra kbira”?
3 Kliem Pietru juri li r-responsabbiltà primarja taʼ l-Iżrael t’Alla hija li jagħti xiehda pubblika dwar il-glorja taʼ Jehovah. Fi żmienna dan il-ġens spiritwali ngħaqdet miegħu “kotra kbira” taʼ xhieda li wkoll jigglorifikaw lil Alla pubblikament. Huma jgħajtu b’leħen għoli biex kulħadd jismaʼ: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf.” (Apokalissi 7:9, 10; Isaija 60:8-10) L-Iżrael t’Alla u sħabhom kif jistgħu jwettqu x-xiehda tagħhom? Bil-fidi u l-ubbidjenza tagħhom.
Xhieda Foloz
4. Il-Lhud taʼ żmien Ġesù għala kienu xhieda foloz?
4 Fidi u ubbidjenza jinvolvu li tgħix bi prinċipji taʼ tjieba. L-importanza taʼ dan tidher f’dak li Ġesù qal dwar il-mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmienu. Dawn “fuq il-kattedra taʼ Mosè qagħdu” bħala għalliema tal-Liġi. Huma saħansitra bagħtu missjunarji biex jikkonvertu lil dawk li ma kinux jemmnu. Madankollu, Ġesù qalilhom: “Intom taqsmu l-ibħra u taħartu d-dinja kollha biex iddawru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom!” Dawn ir-reliġjonisti kienu xhieda foloz—arroganti, ipokriti, u bla mħabba. (Mattew 23:1-12, 15) F’okkażjoni minnhom Ġesù qal lil xi Lhud: “Intom ġejjin minn missierkom, li hu x-xitan, u x-xewqat taʼ missierkom tridu tagħmlu.” Għala qal ħaġa bħal din lil membri tal-ġens magħżul t’Alla? Għaliex ma ridux jagħtu kas tal-kliem taʼ l-aqwa Xhud taʼ Jehovah.—Ġwann 8:41, 44, 47.
5. Kif nafu li l-Kristjaneżmu ta xiehda falza dwar Alla?
5 B’mod simili, matul is-sekli li għaddew miż-żmien taʼ Ġesù ’l hawn, mijiet taʼ miljuni fil-Kristjaneżmu sostnew li huma d-dixxipli tiegħu. Madankollu, m’għamlux ir-rieda t’Alla u għalhekk Ġesù ma jirrikonoxxihomx. (Mattew 7:21-23; 1 Korintin 13:1-3) Il-Kristjaneżmu bagħat missjunarji, li ħafna minnhom bla dubju kienu sinċieri. Madankollu, għallmu lin-nies biex iqimu lil alla Trinitarjan li jaħraq lill-midinbin fin-nar taʼ l-infern, u l-biċċa l-kbira mill-ikkonvertiti tagħhom juru ftit li xejn evidenza li huma Kristjani. Per eżempju, il-pajjiż Afrikan taʼ l-Irwanda kien għalqa fertili għall-missjunarji Kattoliċi Rumani. Xorta waħda, Kattoliċi Irwandiżi ngħaqdu b’qalbhom kollha fil-ġlied etniku riċenti f’dak il-pajjiż. Il-frott f’dik l-għalqa missjunarja juri li ma ħax xiehda Kristjana ġenwina mill-Kristjaneżmu.—Mattew 7:15-20.
Ngħixu Bi Prinċipji Divini
6. Kondotta xierqa b’liema modi hija parti vitali mill-għoti taʼ xiehda?
6 Kondotta żbaljata minn dawk li jsostnu li huma Kristjani ġġib tmaqdir fuq “it-triq tal-verità.” (2 Pietru 2:2) Kristjan ġenwin jgħix fi qbil maʼ prinċipji divini. Ma jisraqx, ma jigdibx, ma jqarraqx, jew ma jikkommettix immoralità. (Rumani 2:22) Ċertament li ma joqtolx lill-ġar tiegħu. Irġiel miżżewġin Kristjani jindokraw b’imħabba lill-familji tagħhom. Nisa miżżewġin bir-rispett jappoġġjaw dak l-indokrar. It-tfal huma mħarrġin mill-ġenituri tagħhom u huma b’hekk imħejjijin biex ikunu adulti Kristjani responsabbli. (Efesin 5:21–6:4) Veru, ilkoll kemm aħna imperfetti u nagħmlu żbalji. Imma Kristjan veru jirrispetta l-livelli tal-Bibbja u jagħmel sforz ġenwin biex japplikahom. Dan huwa innotat minn oħrajn u jagħti xiehda mill-aħjar. Xi drabi, dawk li qabel kienu jopponu l-verità osservaw il-kondotta xierqa taʼ xi Kristjan u ġew mirbuħin.—1 Pietru 2:12, 15; 3:1.
7. Kemm huwa importanti li l-Kristjani jħobbu lil xulxin?
7 Ġesù wera aspett vitali taʼ kondotta Kristjana meta qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Id-dinja taʼ Satana hija kkaratterizzata b’“inġustizzja u ħażen, regħba, dnewwa; imtlew bl-għira, qtil, ġlied, qerq, malizzja, tqassis kontra xulxin, għedewwa t’Alla, insolenti, kburin, intefħu bihom infushom, ħolqu l-ħażen, diżubbidjenti għall-ġenituri tagħhom.” (Rumani 1:29, 30) F’ambjent bħal dan, organizzazzjoni dinjija kkaratterizzata bl-imħabba tkun evidenza qawwija taʼ l-ispirtu t’Alla fl-azzjoni—xiehda effettiva. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jifformaw organizzazzjoni bħal din.—1 Pietru 2:17.
Ix-Xhieda Huma Studenti Tal-Bibbja
8, 9. (a) Is-salmista kif kien imsaħħaħ mill-istudju tiegħu tal-Liġi t’Alla u l-meditazzjoni fuqha? (b) Studju tal-Bibbja u meditazzjoni b’liema modi se jsaħħuna biex nibqgħu nagħtu xiehda?
8 Biex jirnexxilu jagħti xiehda mill-aħjar, Kristjan irid ikun jaf u jħobb il-prinċipji divini taʼ Jehovah u verament jobgħod il-korruzzjoni tad-dinja. (Salm 97:10) Id-dinja hija perswassiva f’li tippromwovi l-ħsieb tagħha stess, u l-ispirtu tagħha jistaʼ jkun diffiċli biex tirreżistih. (Efesin 2:1-3; 1 Ġwann 2:15, 16) X’jistaʼ jgħinna nżommu l-attitudni mentali xierqa? Studju regulari u sinjifikanti tal-Bibbja. Il-kittieb taʼ Salm 119 irrepeta ħafna drabi l-imħabba tiegħu għal-Liġi taʼ Jehovah. Qraha u mmedita fuqha kontinwament, “il-jum kollu.” (Salm 119:92, 93, 97-105) Bħala riżultat setaʼ jikteb: “Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu, imma l-liġi tiegħek inħobbha.” Iktar minn hekk, l-imħabba profonda tiegħu qanqlitu biex jaġixxi. Jgħid: “Sebaʼ darbiet kuljum infaħħrek għad-digrieti ġusti tiegħek.”—Salm 119:163, 164.
9 B’mod simili, l-istudju regulari tagħna tal-Kelma t’Alla u l-meditazzjoni fuqha se jmiss lil qalbna u jqanqalna biex ‘infaħħruh’—nagħtu xiehda dwar Jehovah—taʼ spiss, saħansitra “sebaʼ darbiet kuljum.” (Rumani 10:10) F’armonija maʼ dan, il-kittieb taʼ l-ewwel salm jgħid li wieħed li jimmedita regolarment fuq il-kliem taʼ Jehovah “hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma, li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jitbielx; hu jirnexxi f’kulma jagħmel.” (Salm 1:3) L-appostlu Pawlu wkoll wera l-qawwa tal-Kelma t’Alla meta kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbha minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem t’Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.”—2 Timotju 3:16, 17.
10. X’inhu evidenti dwar il-poplu taʼ Jehovah f’dawn l-aħħar jiem?
10 Iż-żjieda mgħaġġla fl-għadd t’adoraturi veri f’dan is-seklu 20 jindika l-barka taʼ Jehovah. Mingħajr ebda dubju, bħala grupp, dawn ix-xhieda taż-żmien modern favur is-sovranità divina kkultivaw imħabba għal-liġi taʼ Jehovah fi qlubhom. Bħas-salmista, huma mqanqlin li jobdu l-liġi Tiegħu u jagħtu xiehda fedelment “lejl u nhar” dwar il-glorja taʼ Jehovah.—Apokalissi 7:15.
Ix-Xogħlijiet Setgħanin Taʼ Jehovah
11, 12. Xi twettaq bil-mirakli li saru minn Ġesù u s-segwaċi tiegħu?
11 Fl-ewwel seklu, spirtu qaddis ta l-qawwa lil xhieda Kristjani leali biex iwettqu l-mirakli, liema ħaġa tat prova qawwija li x-xiehda tagħhom kienet vera. Meta Ġwanni l-Battista kien fil-ħabs, bagħat xi dixxipli biex jistaqsu lil Ġesù: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù ma weġibx iva jew le. Minflok, qal: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar taʼ dak li smajtu u rajtu: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, il-Bxara t-tajba titħabbar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” (Mattew 11:3-6) Dawn ix-xogħlijiet potenti servew bħala xiehda lil Ġwanni li Ġesù kien tabilħaqq “Dak li għandu jiġi.”—Atti 2:22.
12 B’mod simili, xi wħud mis-segwaċi taʼ Ġesù fejqu lill-morda u saħansitra qajmu lill-mejtin. (Atti 5:15, 16; 20:9-12) Dawn il-mirakli kienu bħal xiehda mingħand Alla għan-nom tagħhom. (Lhud 2:4) U xogħlijiet bħal dawn urew il-qawwa li tistaʼ kollox taʼ Jehovah. Per eżempju, huwa veru li Satana, “il-prinċep tad-dinja,” għandu l-mezzi biex jikkaġuna l-mewt. (Ġwann 14:30; Lhud 2:14) Imma meta Pietru qajjem lill-mara leali Dorkas mill-mewt, hu setaʼ biss għamel dan bil-qawwa taʼ Jehovah, ladarba Hu biss jistaʼ jagħti lura l-ħajja.—Salm 16:10; Salm 36:10 [Salm 36:9] NW; Atti 2:25-27; 9:36-43.
13. (a) Il-mirakli tal-Bibbja b’liema mod għadhom jixhdu dwar il-qawwa taʼ Jehovah? (b) It-twettieq tal-profezija kif jilgħab parti ewlenija f’li jagħti prova tad-Divinità taʼ Jehovah?
13 Illum, dawk ix-xogħlijiet mirakolużi m’għadhomx iseħħu. L-iskop tagħhom spiċċa. (1 Korintin 13:8) Minkejja dan, għad għandna r-rekord tagħhom fil-Bibbja, li xehdu dwaru ħafna li raw b’għajnejhom stess. Meta Kristjani llum jiġbdu l-attenzjoni lejn dawn ir-rakkonti storiċi, dawk ix-xogħlijiet għadhom qegħdin jagħtu xiehda effettiva favur il-qawwa taʼ Jehovah. (1 Korintin 15:3-6) Jerġaʼ, lura fi żmien Isaija, Jehovah indika li profezija eżatta hija prova li tispikka li Hu dak Alla veru. (Isaija 46:8-11) Ħafna profeziji spirati b’mod divin qegħdin jitwettqu llum—għadd minnhom fuq il-kongregazzjoni Kristjana. (Isaija 60:8-10; Danjel 12:6-12; Malakija 3:17, 18; Mattew 24:9; Apokalissi 11:1-13) Minbarra li jindika ċar li qegħdin ngħixu fl-“aħħar tad-dinja,” it-twettieq taʼ dawn il-profeziji jivvindika lil Jehovah bħala l-uniku Alla veru.—2 Timotju 3:1.
14. L-istorja moderna tax-Xhieda taʼ Jehovah b’liema modi hija xiehda qawwija li Jehovah hu l-Mulej Sovran?
14 Finalment, Jehovah għadu jagħmel affarijiet kbar, affarijiet taʼ l-għaġeb, għan-nies tiegħu. Id-dawl li dejjem jiżdied fuq il-verità tal-Bibbja huwa dirett mill-ispirtu taʼ Jehovah. (Salm 86:10; Apokalissi 4:5, 6) Iż-żjidiet li jispikkaw irrapportati madwar id-dinja huma evidenza li Jehovah qiegħed ‘ifittex jagħmel dan kollu f’waqtu.’ (Isaija 60:22) Meta faqqgħet persekuzzjoni ħarxa f’pajjiż wara l-ieħor matul l-aħħar jiem, is-sabar kuraġġuż tan-nies taʼ Jehovah kien possibbli minħabba l-appoġġ li jsaħħaħ taʼ l-ispirtu qaddis. Salm 18:2, 3, 18, 19 [Salm 18:1, 2, 17, 18, NW]; 2 Korintin 1:8-10 Iva, l-istorja moderna tax-Xhieda taʼ Jehovah fiha nfisha hija xiehda qawwija li Jehovah hu l-Mulej Sovran.—Żakkarija 4:6.
L-Aħbar Tajba Trid Tiġi Ppridkata
15. Liema xiehda mifruxa kellha tingħata mill-kongregazzjoni Kristjana?
15 Jehovah ħatar lil Iżrael bħala x-xhud tiegħu għall-ġnus. (Isaija 43:10) Madankollu, ftit Iżraeliti biss kienu kkmandati b’mod divin biex imorru u jippridkaw lil uħud m’humiex Iżraeliti, u dan kien normalment sabiex iħabbru l-ġudizzji taʼ Jehovah. (Ġeremija 1:5; Ġona 1:1, 2) Minkejja dan, profeziji fl-Iskrittura Ebrajka jindikaw li Jehovah xi darba kellu jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġnus b’mod estensiv, u dan għamlu permezz taʼ l-Iżrael spiritwali t’Alla. (Isaija 2:2-4; 62:2) Qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.” (Mattew 28:19) Fil-waqt li Ġesù kien ikkonċentra fuq in-“ngħaġ li ntilfu mid-dar taʼ Iżrael,” is-segwaċi tiegħu ntbagħtu lejn “il-ġnus kollha,” saħansitra “sa truf l-art.” (Mattew 15:24; Atti 1:8) Ix-xiehda Kristjana kellha tinstemaʼ mill-bnedmin kollha.
16. Liema inkarigu wettqet il-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu, u sa liema punt?
16 Pawlu wera li dan fehmu tajjeb. Sas-sena 61 E.K., setaʼ jgħid li l-aħbar tajba kienet ‘qiegħda tikber u tagħti l-frott fid-dinja kollha.’ L-aħbar tajba ma kenitx illimitata biss għal ġens wieħed jew setta waħda, bħal dik li kienet tieħu sehem fil-‘qima taʼ l-anġli.’ Minflok, kienet ippridkata bil-miftuħ “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.” (Kolossin 1:6, 23; 2:13, 14, 16-18) B’hekk, l-Iżrael t’Alla fl-ewwel seklu wettaq l-inkarigu tiegħu li ‘jxandar il-glorja taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’
17. Mattew 24:14 kif għadu qiegħed jiġi mwettaq bil-kbir?
17 Xorta waħda, dak ix-xogħol taʼ pridkar fl-ewwel seklu kien biss dehra bil-quddiem taʼ dak li kellu jitwettaq matul l-aħħar jiem. Billi ħares ’il quddiem speċjalment lejn żmienna, Ġesù qal: “Din il-Bxara t-tajba tas-Saltna tixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xiehda. Imbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14; Mark 13:10) Twettqet din il-profezija? Tabilħaqq li twettqet. Minn bidu żgħir fl-1919, l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba issa estenda għal iktar minn 230 pajjiż. Ix-xiehda qiegħda tinstemaʼ fit-Tramuntana ffriżata u fit-tropiċi sħan u umdin. Kontinenti kbar qegħdin jingħataw xiehda, u gżejjer remoti qegħdin jiġu mfittxijin sabiex l-abitanti tagħhom jistgħu jieħdu xiehda. Saħansitra f’nofs taʼ taqlib kbir, bħall-gwerra fil-Bożnja u Ħerzegovina, l-aħbar tajba tibqaʼ tiġi ppridkata. Bħal fl-ewwel seklu, ix-xiehda qiegħda tagħti l-frott “fid-dinja kollha.” L-aħbar tajba hija mħabbra fil-beraħ “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.” Ir-riżultat? L-ewwel, l-uħud li kien baqaʼ taʼ l-Iżrael t’Alla nġabru “minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens.” It-tieni, il-miljuni tal-“kotra kbira” bdew jiddaħħlu minn “kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” (Apokalissi 5:9; 7:9) Mattew 24:14 ikompli jitwettaq bil-kbir.
18. Liema huma xi affarijiet li qegħdin jiġu mwettqin mill-ippridkar dinji taʼ l-aħbar tajba?
18 L-ippridkar dinji taʼ l-aħbar tajba jgħin biex jagħti prova li l-preżenza rjali taʼ Ġesù bdiet. (Mattew 24:3) Jerġaʼ, huwa l-mezz ewlieni li bih “il-ħsad taʼ l-art” qiegħed jiġi maħsud, peress li jidderieġi lin-nies lejn l-unika tama vera għall-umanità, is-Saltna taʼ Jehovah. (Apokalissi 14:15, 16) Ladarba l-Kristjani ġenwini biss jieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba, dan ix-xogħol importanti jgħin biex jiddistingwi lill-Kristjani veri minn dawk foloz. (Malakija 3:18) B’dan il-mod, jirriżulta fis-salvazzjoni taʼ dawk li jippridkaw kif ukoll taʼ dawk li jwieġbu. (1 Timotju 4:16) L-iktar importanti, l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba jġib tifħir u unur lil Alla Jehovah, il-wieħed li kkmanda li għandu jsir, li jappoġġja lil dawk li jagħmluh, u li jġiegħlu jagħti l-frott.—2 Korintin 4:7.
19. Il-Kristjani kollha liema determinazzjoni huma nkuraġġiti li jkollhom hekk kif jidħlu fis-sena ġdida taʼ servizz?
19 Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Pawlu ġie mqanqal biex jgħid: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju.” (1 Korintin 9:16) Il-Kristjani llum iħossuhom l-istess. Huwa privileġġ grandjuż u responsabbiltà kbira li nkunu “ħaddiema m’Alla,” inxerrdu d-dawl tal-verità f’din id-dinja mudlama. (1 Korintin 3:9; Isaija 60:2, 3) Ix-xogħol li kellu bidu żgħir fl-1919 laħaq issa proporzjonijiet taʼ l-għaġeb. Kważi ħames miljun Kristjan qegħdin jagħtu xiehda favur is-sovranità divina hekk kif iqattgħu iktar minn biljun siegħa fis-sena biex iġibu l-messaġġ taʼ salvazzjoni lil oħrajn. X’ferħ li jkollok parti f’dan ix-xogħol taʼ taqdis taʼ l-isem taʼ Jehovah! Hekk kif nidħlu fis-sena taʼ servizz 1996, ejjew inkunu determinati li ma nmajnawx. Minflok, iżjed minn qatt qabel se nagħtu kas il-kliem taʼ Pawlu lil Timotju: “Ippriedka l-kelma, kun qiegħed tagħmel dan b’urġenza.” (2 Timotju 4:2, NW) Hekk kif nagħmlu dan, nitolbu bi qlubna kollha li Jehovah jibqaʼ jbierek l-isforzi tagħna. (w95 9/1)
Tiftakar Int?
◻ Min ħa post Iżrael bħala x-“xhud” taʼ Jehovah għall-ġnus?
◻ Kondotta Kristjana kif tikkontribwixxi għall-għoti taʼ xiehda?
◻ Studju tal-Bibbja u meditazzjoni fuqha għala huma essenzjali għax-Xhud Kristjan?
◻ L-istorja moderna tax-Xhieda taʼ Jehovah b’liema mod
isservi bħala evidenza li Jehovah hu dak Alla veru?
◻ X’jitwettaq bl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba?
[Stampi f’paġna 29]
Mhux talli m’hijiex restritta, imma talli l-aħbar tajba qiegħda issa tiġi ddikjara-ta “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet”