LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Għoti taʼ Xiehda “lill-Ġnus Kollha”
    It-Torri tal-Għassa—1994 | Settembru 1
    • Għoti taʼ Xiehda “lill-Ġnus Kollha”

      “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna se tkun ippridkata fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-​tmiem.”—MATTEW 24:14.

      1. Il-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’​Mattew 24:14 għala żgur li kien taʼ sorpriża għas-​segwaċi tiegħu?

      X’SORPRIŻA bil-​fors li kien il-​kliem taʼ Ġesù t’hawn fuq għad-​dixxipli Lhud tiegħu! L-​istess idea li Lhud imqaddsin imorru jitkellmu maʼ Ġentili ‘mhux indaf,’ “nies tal-​ġnus,” kienet stramba għal Lhudi, saħansitra offensiva.a Iva, Lhudi taʼ l-​affari tiegħu lanqas biss kien jgħaddilu minn moħħu li jidħol f’dar tal-​Ġentili! Dawk id-​dixxipli Lhud kien għad baqgħalhom ħafna x’jitgħallmu dwar Ġesù, l-​imħabba tiegħu, u l-​inkarigu tiegħu. U kien għad baqgħalhom ħafna x’jitgħallmu dwar l-​imparzjalità taʼ Jehovah.—Atti 10:28, 34, 35, 45.

      2. (a) Kemm kien u għadu estensiv il-​ministeru tax-​Xhieda? (b) Liema tliet fatturi bażiċi kkontribwew għall-​progress tax-​Xhieda?

      2 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ippridkaw l-​aħbar tajba fost il-​ġnus, inkluż Iżrael tal-​lum, u qegħdin jipproklamawha issa f’iktar ġnus minn qatt qabel. Fl-​1994 ’il fuq minn erbaʼ miljuni u nofs Xhieda qegħdin jippridkaw f’madwar 230 pajjiż. Qegħdin jikkonduċu madwar erbaʼ miljuni u nofs studji tal-​Bibbja fid-​djar maʼ nies li juru interess. Dan qed isir minkejja preġudizzju mifrux mad-​dinja kollha, taʼ spiss ibbażat fuq nuqqas taʼ għarfien dwar it-​tagħlim u l-​motivi tax-​Xhieda. Kif intqal dwar il-​Kristjani bikrin, hekk jistaʼ jingħad dwarhom: “Verament inkwantu għal din is-​setta huwa magħruf lilna li kullimkien jitkellmu kontra tagħha.” (Atti 28:22) Allura lil liema ħaġa nistgħu nattribwixxu s-​suċċess fil-​ministeru tagħhom? Hemm minn taʼ l-​inqas tliet fatturi li jikkontribwixxu għall-​progress tagħhom​—li jsegwu t-​tmexxija taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah, li jimitaw il-​metodi prattiċi taʼ Kristu, u li jużaw l-​istrumenti addattati għal komunikazzjoni effettiva.

      L-​Ispirtu Taʼ Jehovah u L-​Aħbar Tajba

      3. Għala ma nistgħux niftaħru b’dak li ġie mwettaq?

      3 Jiftaħru x-​Xhieda taʼ Jehovah bis-​suċċess tagħhom, bħal li kieku dan kien dovut għal xi abbiltajiet speċjali li jistgħu jkollhom? Le, għax japplika l-​kliem taʼ Ġesù: “Meta tkunu għamiltu l-​affarijiet kollha li ġejtu mqabbdin tagħmlu, għidu, ‘Aħna rsiera li m’aħna tajbin għalxejn. Dak li għamilna huwa dak li kellna nagħmlu.’” Bħala Kristjani ddedikati u mgħammdin, ix-​Xhieda taʼ Jehovah aċċettaw volontarjament ir-​responsabbiltà li jaqdu lil Alla, huma x’inhuma ċ-​ċirkostanzi persunali tagħhom. Għal xi wħud, dak ifisser servizz full-time bħala missjunarji jew bħala voluntieri f’uffiċċji tal-​fergħat u ġo faċilitajiet għall-​istampar taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani. Għal oħrajn volontà Kristjana bħal din twassalhom għal xogħol taʼ kostruzzjoni fuq bini reliġjuż, għal ippridkar full-time bħala ministri pijunieri, jew għal ippridkar part-time bħala pubblikaturi taʼ l-​aħbar tajba f’kongregazzjonijiet lokali. Ħadd minna ma jistaʼ bix-​xieraq jiftaħar dwar li nagħmlu d-​dover tagħna, “dak li kellna nagħmlu.”—Luqa 17:10; 1 Korintin 9:16.

      4. L-​oppożizzjoni dinjija għall-​ministeru Kristjan kif ġiet megħluba?

      4 Kwalunkwe suċċess li għandna jistaʼ jiġi attribwit lill-​ispirtu, jew forza attiva, taʼ Jehovah. Huwa validu daqstant li tgħid illum daqs kemm kien fi żmien il-​profeta Żakkarija: “Din hija l-​kelma taʼ Jehovah lil Żerubbabel, billi jgħid, ‘Mhux b’forza militari, lanqas bil-​qawwa, imma bl-​ispirtu tiegħi,’ Jehovah taʼ l-​armati qal.” B’hekk, oppożizzjoni dinjija għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tax-​Xhieda ġiet megħluba, mhux bi sforz uman, imma bid-​direzzjoni u l-​protezzjoni taʼ Jehovah.—Żakkarija 4:6.

      5. Jehovah liema rwol għandu f’li jifrex il-​messaġġ tas-​Saltna?

      5 Rigward dawk li jwieġbu għall-​messaġġ tas-​Saltna, Ġesù qal: “Huwa miktub fil-​Profeti, ‘U huma lkoll se jkunu mgħallmin minn Jehovah.’ Kulmin samaʼ mill-​Missier u tgħallem jiġi għandi. . . . Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jkunx ġie mogħti lilu mill-​Missier.” (Ġwann 6:45, 65) Jehovah jistaʼ jaqra l-​qlub u l-​imħuħ, u jaf lil dawk li probabbli jwieġbu għall-​imħabba tiegħu saħansitra għalkemm forsi jkunu għadhom ma jafuhx. Juża wkoll l-​anġli tiegħu biex jidderieġu dan il-​ministeru uniku. Kien għalhekk li f’viżjoni Ġwanni ra parteċipazzjoni anġelika u kiteb: “Rajt anġlu ieħor itir f’nofs sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem x’jiddikjara bħala bxajjar taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-​art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.”—Rivelazzjoni 14:6.

      Konxji Taʼ Bżonn Spiritwali

      6. Liema attitudni bażika hija meħtieġa biex persuna taċċetta l-​aħbar tajba?

      6 Fattur ieħor f’li Jehovah jagħti lil persuna opportunità li taċċetta l-​aħbar tajba huwa dak li esprima Ġesù: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, ladarba s-​saltna tas-​smewwiet tappartjeni lilhom.” (Mattew 5:3) Wieħed sodisfatt bih innifsu jew wieħed li mhux ifittex il-​verità mhux se jkun konxju taʼ bżonn spiritwali. Hu jew hi jaħseb biss f’termini materjali, tal-​laħam. Il-​kompjaċenza tibni ħajt. Għalhekk, meta ħafna li niltaqgħu magħhom minn dar għal dar jirrifjutaw il-​messaġġ, irridu nikkunsidraw ir-​raġunijiet differenti kollha li n-​nies jistgħu jkollhom għar-​reazzjoni tagħhom.

      7. Ħafna għala ma jweġbux għall-​verità?

      7 Ħafna jirrifjutaw li jisimgħu għaliex b’mod stinat iżommu mar-​reliġjon li wirtu u ma jkunux lesti li jiddiskutu. Oħrajn inġibdu lejn reliġjon li taqbel mal-​personalità tagħhom​—xi wħud iridu l-​mistiċiżmu, oħrajn iwieġbu għal emozzjonaliżmu, jerġaʼ oħrajn ifittxu klabb soċjali fil-​knisja tagħhom. Ħafna llum għażlu stil taʼ ħajja li huwa f’konflitt mal-​livelli t’Alla. Forsi jgħixu ħajja immorali, li hija r-​raġuni tagħhom għala jgħidu, “M’inix interessat.” Jerġaʼ oħrajn, li jistgħu jsostnu li huma edukati u xjentifiċi, jirrifjutaw il-​Bibbja bħala li hija wisq simplistika.—1 Korintin 6:9-11; 2 Korintin 4:3, 4.

      8. Iċ-​ċaħda għala m’għandhiex tnaqqas iż-​żelu tagħna? (Ġwann 15:18-20)

      8 Għandha ċ-​ċaħda mill-​maġġoranza tnaqqas il-​fidi u ż-​żelu tagħna fil-​ministeru li jsalva l-​ħajja? Nistgħu niġu mfarrġin mill-​kliem taʼ Pawlu lir-​Rumani: “X’inhu, allura, l-​każ? Jekk xi wħud m’esprimewx fidi, sejjer in-​nuqqas taʼ fidi tagħhom forsi jagħmel il-​fedeltà t’Alla bla effett? Jalla dak qatt ma jiġri! Imma ħa jkun Alla misjub veru, għalkemm kull bniedem jinstab giddieb, saħansitra bħalma huwa miktub: ‘Biex tistaʼ tiġi pprovat twajjeb fi kliemek u tistaʼ tirbaħ meta tkun qiegħed tiġi ġġudikat.’”—Rumani 3:3, 4.

      9, 10. X’evidenza hemm li l-​oppożizzjoni ġiet megħluba f’ħafna pajjiżi?

      9 Aħna nistgħu nieħdu inkuraġġiment mill-​ħafna eżempji madwar id-​dinja taʼ pajjiżi li kienu dehru li huma bla rispons għall-​aħħar, u madankollu, maż-​żmien, taw prova li huma eżattament l-​oppost. Jehovah u l-​anġli kienu jafu li kien hemm uħud taʼ qalb tajba li kellhom jinstabu—imma x-​Xhieda taʼ Jehovah kellhom ikunu persistenti u jissaportu fil-​ministeru tagħhom. Ħu, per eżempju, xi pajjiżi fejn il-​Kattoliċiżmu deher li jippreżenta ostaklu li ma jistax jintgħeleb xi 50 sena ilu​—l-​Arġentina, il-​Brażil, l-​Irlanda, l-​Italja, il-​Kolumbja, il-​Messiku, il-​Portugall, u Spanja. Ix-​Xhieda kienu ftit fin-​numru lura fl-​1943, 126,000 biss mad-​dinja kollha, bi 72,000 minn dawn fl-​Istati Uniti. L-​injoranza u l-​preġudizzju li kienu jikkonfrontaw lix-​Xhieda deheru bħal ħajt tal-​ġebel li ma setax jiġi ppenetrat. Madankollu, illum xi ftit mill-​iktar riżultati taʼ suċċess fl-​ippridkar inkisbu f’dawn il-​pajjiżi. L-​istess huwa veru dwar ħafna pajjiżi li qabel kienu Komunisti. Fl-​1993 il-​magħmudija taʼ 7,402 f’konvenzjoni fi Kiev, l-​Ukrajna, tagħti evidenza taʼ dan.

      10 X’metodi wżaw ix-​Xhieda sabiex jikkomunikaw l-​aħbar tajba lill-​ġirien tagħhom? Użaw huma tixħim materjali biex iħajru lin-​nies jikkonvertu, li huwa dak li xi wħud allegaw? Żaru huma biss lill-​fqar u lil nies mingħajr skola, kif sostnew oħrajn?

      Metodi Taʼ Suċċess Biex Tixxandar L-​Aħbar Tajba

      11. X’eżempju mill-​aħjar ħalla Ġesù fil-​ministeru tiegħu? (Ara Ġwann 4:6-26.)

      11 Ġesù u d-​dixxipli tiegħu stabbilew il-​mudell li x-​Xhieda għadhom isegwu sal-​lum fix-​xogħol tagħhom taʼ trawwim taʼ dixxipli. Ġesù mar kulfejn kien hemm in-​nies, għonja jew fqar​—fid-​djar, f’postijiet pubbliċi, fejn l-​għadajjar, fejn il-​muntanji, saħansitra fis-​sinagogi.—Mattew 5:1, 2; 8:14; Mark 1:16; Luqa 4:15.

      12, 13. (a) Pawlu kif ipprovda mudell għall-​Kristjani? (b) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif segwew l-​eżempju taʼ Pawlu?

      12 Rigward il-​ministeru tiegħu stess, l-​appostlu Pawlu setaʼ b’mod xieraq jgħid: “Intom tafu sewwa kif sa mill-​ewwel jum stess li rfist fid-​distrett taʼ l-​Asja kont magħkom il-​ħin kollu, nitjassar għall-​Mulej . . . , waqt li ma żammejtx lura milli ngħidilkom kwalunkwe waħda mill-​affarijiet li kienu taʼ profitt lanqas milli ngħallimkom pubblikament u minn dar għal dar.”—Atti 20:18-20.

      13 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin mad-​dinja kollha għal li jsegwu l-​mudell appostoliku, il-​ministeru minn dar għal dar. Minflok ma jikkonċentraw fuq ministeru bit-​TV li jiswa l-​flus, huwa fqir fil-​kontenut, u impersonali, ix-​Xhieda jmorru għand in-​nies, għonja u fqar, u jiltaqgħu magħhom wiċċ imb’wiċċ. Ifittxu li jidħlu f’konversazzjoni dwar Alla u l-​Kelma tiegħu.b Ma jipprovawx jagħmlu Kristjani tar-​ross, billi jagħtu affarijiet materjali b’xejn. Lil dawk li jridu jirraġunaw, juruhom li l-​unika soluzzjoni vera għall-​problemi taʼ l-​umanità hija ħakma permezz tas-​Saltna t’Alla, li se tbiddel il-​kundizzjonijiet fuq l-​art tagħna għall-​aħjar.—Isaija 65:17, 21-25; 2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1-4.

      14. (a) Ħafna missjunarji u pijunieri kif qiegħdu pedament solidu? (b) X’nitgħallmu mill-​esperjenza tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġappun?

      14 Biex jitwettaq ix-​xogħol fl-​akbar għadd taʼ pajjiżi possibbli, missjunarji u pijunieri stabbilew pożizzjoni avanzata f’ħafna ġnus. Qiegħdu pedament, u mbagħad ix-​Xhieda lokali ħadu t-​tmexxija. B’hekk, ma kienx hemm bżonn taʼ għadd kbir taʼ Xhieda barranin biex l-​ippridkar jibqaʼ sejjer u biex jinżamm organizzat tajjeb. Eżempju wieħed li jispikka huwa dak tal-​Ġappun. Lura fis-​sena 1949, fil-​biċċa l-​kbira missjunarji Awstralasjani u Britanniċi marru hemm, studjaw il-​lingwa, addattaw għall-​kundizzjonijiet x’aktarx primittivi taʼ dik l-​era taʼ wara l-​gwerra, u bdew jagħtu xiehda minn dar għal dar. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, ix-​Xhieda kienu ġew ipprojbiti u ppersegwitati fil-​Ġappun. Mela meta waslu l-​missjunarji sabu biss għadd żgħir ħafna taʼ Xhieda Ġappuniżi attivi. Imma llum żdiedu għal iktar minn 187,000 f’iktar minn 3,000 kongregazzjoni! X’kien is-​sigriet tas-​suċċess bikri tagħhom? Wieħed missjunarju b’iktar minn 25 sena taʼ servizz hemm qal: “Kien l-​iktar importanti li nitgħallmu nidħlu f’konversazzjoni man-​nies. Billi nkunu nafu l-​lingwa tagħhom, stajna nħossuna parti minnhom, li nifhmu u napprezzaw il-​mod taʼ ħajja tagħhom. Ridna nuru li konna nħobbuhom lill-​Ġappuniżi. B’umiltà pprovajna nsiru parti mill-​komunità lokali mingħajr, m’għandniex xi ngħidu, ma nagħmlu kompromess tal-​valuri Kristjani tagħna.”

      Kondotta Kristjana Wkoll Xiehda

      15. Ix-​Xhieda kif urew kondotta Kristjana?

      15 Madankollu, in-​nies ma weġbux biss għal messaġġ mill-​Bibbja. Huma raw ukoll il-​Kristjanità fl-​azzjoni. Osservaw l-​imħabba, l-​armonija, u l-​unità tax-​Xhieda saħansitra taħt l-​iktar sitwazzjonijiet taʼ prova, bħalma huma l-​gwerer ċivili, il-​ġlied bejn tribujiet, u l-​mibgħeda etnika. Ix-​Xhieda żammew waqfa ċara taʼ newtralità Kristjana fil-​konflitti kollha u wettqu l-​kliem taʼ Ġesù: “Qiegħed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien, li intom ukoll tħobbu lil xulxin. B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-​imħabba fostkom.”—Ġwann 13:34, 35.

      16. Liema esperjenza turi mħabba Kristjana prattika?

      16 Imħabba għall-​proxxmu ġiet murija fil-​każ taʼ raġel anzjan li kiteb lil gazzetta lokali dwar “Is-​Sinjur u s-​Sinjura Minn Tagħna.” Hu spjega li l-​ġirien tiegħu kienu qalbhom tajba miegħu meta martu kienet qiegħda tmut. “Minn mindu ħallietna . . . kienu meraviljużi,” kiteb hu. “Minn dak in-​nhar ’l hawn ‘addottawni’ . . . , billi jagħmlu kull xorta taʼ qadi u jagħtu l-​għajnuna biex jissolvew il-​problemi taʼ pensjonant taʼ 74 sena. Dak li jagħmel dan saħansitra iżjed mhux tas-​soltu huwa l-​fatt li huma suwed, jien abjad. Huma Xhieda taʼ Jehovah, jien Kattoliku nofs kedda.”

      17. Liema korsa għandna nevitaw?

      17 Din l-​esperjenza turi li aħna nistgħu nagħtu xiehda b’ħafna modi, inkluża l-​kondotta tagħna taʼ kuljum. Fil-​fatt, jekk il-​kondotta tagħna ma tkunx bħal taʼ Kristu, il-​ministeru tagħna jkun bħal tal-​Fariżej, mingħajr effett. Aħna ma rridux inkunu bħal dawk li Ġesù ddeskriva: “L-​affarijiet kollha li jgħidulkom, agħmlu u osservaw, imma tagħmlux skond l-​għemejjel tagħhom, għax huma jgħidu imma ma jagħmlux.”—Mattew 22:37-39; 23:3.

      Il-​Klassi Taʼ L-​Irsir Tipprovdi L-​Istrumenti Xierqa

      18. Il-​letteratura dwar il-​Bibbja kif tfornina biex ngħinu lil nies taʼ qalb onesta?

      18 Fattur vitali ieħor fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba lill-​ġnus kollha kien id-​disponibbiltà taʼ letteratura biblika prodotta mill-​Watch Tower Bible and Tract Society. Aħna għandna kotba, fuljetti, kotba żgħar u rivisti li jistgħu jissodisfaw kważi lil kull min jistaqsi b’mod sinċier. Jekk niltaqgħu maʼ Musulman, Ħindu, Buddist, Tawist, jew Lhudi, nistgħu nużaw il-​ktieb Mankind’s Search for God jew varjetà taʼ fuljetti jew kotba żgħar biex nibdew konversazzjoni u possibilment studju tal-​Bibbja. Jekk xi evoluzzjonist jistaqsi dwar il-​ħolqien, nistgħu nużaw il-​ktieb Life​—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? Jekk persuna żagħżugħa tistaqsi, ‘X’inhuwa l-​iskop tal-​ħajja?’ nistgħu nirreferuha għall-​ktieb Questions Young People Ask​—Answers That Work. Jekk xi ħadd hu effettwat b’mod profond bi problemi persunali​—dipressjoni, għejja, stupru, divorzju—​għandna rivisti li ttrattaw b’mod prattiku maʼ suġġetti bħal dawn. Verament, il-​klassi taʼ l-​irsir fidil li Ġesù bassar li se tkun qiegħda tipprovdi “ikel fiż-​żmien xieraq” qiegħda twettaq l-​irwol tagħha.—Mattew 24:45-47.

      19, 20. Ix-​xogħol tas-​Saltna kif ħa spinta fl-​Albanija?

      19 Imma biex jintlaħqu l-​ġnus, kien neċessarju li din il-​letteratura tiġi pprodotta f’ħafna ilsna. Kif kien possibbli li tiġi tradotta l-​Bibbja u letteratura Skritturali f’iktar minn 200 lingwa? Konsiderazzjoni qasira taʼ eżempju wieħed, l-​Albanija, turi kif il-​klassi taʼ l-​irsir fidil u diskret setgħet tippromwovi l-​aħbar tajba minkejja diffikultajiet kbar u mingħajr Pentekoste modern biex jagħti aċċess immedjat għal-​lingwi.—Atti 2:1-11.

      20 Ftit snin ilu biss, l-​Albanija kienet għadha titqies bħala l-​uniku pajjiż Komunist verament ateu. Ir-​rivista National Geographic stqarret fl-​1980: “L-​Albanija tipprojbixxi [r-reliġjon], billi pproklamat lilha nfisha fl-​1967 ‘l-​ewwel stat ateu fid-​dinja.’ . . . Il-​ġenerazzjoni ġdida taʼ l-​Albanija taf biss l-​ateiżmu.” Issa li l-​Komuniżmu batta, l-​Albaniżi li jirrikonoxxu l-​bżonn spiritwali tagħhom qegħdin jirrispondu għall-​ippridkar li qiegħed isir mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Tim żgħir taʼ tradutturi li jikkonsisti minn Xhieda żgħażagħ b’għarfien tat-​Taljan u l-​Ingliż kien ifformat f’Tirana fl-​1992. Aħwa rġiel ikkwalifikati fuq żjara minn artijiet oħrajn għallmuhom kif jużaw il-​kompjuter laptop biex jikkomponu kitba bl-​Albaniż. Huma bdew billi ttraduċew fuljetti u r-​rivista It-​Torri Taʼ L-​Għassa. Hekk kif jiksbu esperjenza, jaħdmu fuq traduzzjoni taʼ pubblikazzjonijiet taʼ valur oħrajn dwar il-​Bibbja. Fil-​preżent hemm xi 200 Xhieda attivi f’dak il-​pajjiż ċkejken (popolazzjoni 3,262,000), u 1,984 attendew il-​Mafkar fl-​1994.

      Ilkoll Kemm Aħna Għandna Responsabbiltà

      21. F’liema xorta taʼ perijodu qegħdin ngħixu?

      21 Ġrajjiet dinjin qegħdin jilħqu quċċata. Biż-​żjieda fil-​kriminalità u l-​vjolenza, it-​tbiċċir u l-​istupru fi gwerer lokali, il-​moralità laxka prevalenti u l-​frott tagħha taʼ mard trażmess sesswalment, in-​nuqqas taʼ rispett lejn awtorità leġittima, id-​dinja tidher li qiegħda ssir anarkika, li ma tistax tiġi ggvernata. Ninsabu f’perijodu parallel maż-​żminijiet taʼ qabel id-​Dilluvju deskritt f’Ġenesi: “Jehovah ra li l-​ħażen tal-​bniedem kien kotran fl-​art u kull xaqliba tal-​ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-​ħin kollu. U Jehovah ħassu ddispjaċut li kien għamel lill-​bnedmin fl-​art, u ħassu mweġġaʼ f’qalbu.”—Ġenesi 6:5, 6; Mattew 24:37-39.

      22. Liema responsabbiltà Kristjana għandhom ix-​Xhieda taʼ Jehovah kollha?

      22 Sewwa sew bħal fi żmien Noè, Jehovah se jieħu azzjoni. Imma fil-​ġustizzja u l-​imħabba tiegħu, irid l-​aħbar tajba u l-​messaġġ tat-​twissija jiġu ppridkati l-​ewwel lill-​ġnus kollha. (Mark 13:10) F’dan ir-​rigward ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom responsabbiltà​—li jsibu lil dawk li jixirqilhom il-​paċi t’Alla u li jgħallmuhom il-​mogħdijiet tiegħu taʼ paċi. Dalwaqt, fiż-​żmien imwaqqaf t’Alla, il-​ħatra taʼ l-​ippridkar se titlesta b’suċċess. “[I]mbagħad se jiġi t-​tmiem.”—Mattew 10:12, 13; 24:14; 28:19, 20. (w94 8/15)

      [Noti taʼ taħt]

      a Għal iktar informazzjoni fuq il-​Ġentili, ara s-​suġġett “Nations” (Ġnus) fl-​Insight on the Scriptures, it-​II Volum, paġni 472-4, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

      b Għal suġġerimenti prattiċi dwar il-​ministeru Kristjan, ara It-​Torri Taʼ L-​Għassa, 15 taʼ Novembru, 1984, paġna 10, “Kif Insiru Ministri Effettivi,” u paġna 16, “Ministeru Effettiv Iwassal Għal Iktar Dixxipli.”

  • Għoti taʼ Xiehda “lill-Ġnus Kollha”
    It-Torri tal-Għassa—1994 | Settembru 1
    • [Kaxxa f’paġna 18]

      PAJJIŻ XHIEDA ATTIVI FL-​1943 FL-​1993

      Arġentina 374 102,043

      Brażil 430 366,297

      Ċili 72 44,668

      Filippini It-​II Gwerra Dinjija​—ebda dokument 116,576

      Franza It-​II Gwerra Dinjija​—ebda dokument 122,254

      Irlanda 150? 4,224

      Italja It-​II Gwerra Dinjija​—ebda dokument 201,440

      Kolumbja ?? 60,854

      Messiku 1565 380,201

      Perù Ebda dokument taʼ attività 45,363

      Polonja It-​II Gwerra Dinjija​—ebda dokument 113,551

      Portugall Ebda dokument taʼ attività 41,842

      Spanja Ebda dokument taʼ attività 97,595

      Urugwaj 22 9,144

      Venezwela Ebda dokument taʼ attività 64,081

      [Stampa f’paġna 16]

      Ix-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jiżdiedu f’ħafna pajjiżi Kattoliċi, bħalma hija Spanja

      [Stampi f’paġna 17]

      Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma attivi fi ġnus madwar il-​globu

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja