Naqdu Bħala Sajjieda tal-Bnedmin
“Ġesù qal lil Xmun: ‘Ieqaf milli tkun beżgħan. Minn issa ’l quddiem int se taqbad nies ħajjin.”—LUQA 5:10.
1, 2. (a) Is-sajd liema parti kellu fl-istorja tal-bniedem? (b) Liema xorta ġdida taʼ sajd kienet introdotta kważi 2,000 sena ilu?
GĦAL eluf taʼ snin, l-umanità stadet għall-ikel fl-ibħra, fil-għadajjar, u fix-xmajjar tal-art. Il-ħut min-Nil kien parti importanti mid-dieta fl-Eġittu tal-qedem. Meta l-ilmijiet tan-Nil ġew mibdulin f’demm fi żmien Mosè, l-Eġizzjani batew mhux biss minħabba li rriżulta nuqqas taʼ ilma imma wkoll għaliex il-ħut miet, u effettwa l-provista tal-ikel tagħhom. Iktar tard, f’Sinaj, meta Jehovah ta l-Liġi lil Iżrael, hu qalilhom li ċertu ħut setgħu jikluh imma li ieħor kien mhux nadif, ma riedx jittiekel. Dan indika li l-Iżraeliti kellhom jieklu l-ħut meta ġew fl-Art Imwiegħda, u għalhekk xi wħud minnhom kellhom ikunu sajjieda.—Eżodu 7:20, 21; Levitiku 11:9-12.
2 Madankollu, kważi 2,000 sena ilu, xorta oħra taʼ sajd ġie introdott lill-umanità. Dan kien xorta taʼ sajd spiritwali li jibbenefika mhux biss lis-sajjieda imma wkoll lill-ħut! Din ix-xorta taʼ sajd għadha qed tiġi pprattikata llum, b’benefiċċji immensi għal miljuni mad-dinja kollha.
“Taqbad Nies Ħajjin”
3, 4. Liema żewġ sajjieda wrew interess kbir f’Ġesù Kristu?
3 Fis-sena 29 E.K., Ġesù, Dak li kellu jintroduċi din il-forma ġdida taʼ sajd, kien imgħammed fix-xmara Ġordan minn Ġwanni l-Għammied. Ftit gimgħat wara, Ġwanni ppreżenta lil Ġesù lil tnejn mid-dixxipli tiegħu u qal: “Ara, il-Haruf t’Alla!” Wieħed minn dawn id-dixxiplu, li kien jismu Indrì, malajr qal lil ħuh Xmun Pietru: “Sibna lill-Messija”! Taʼ interess, kemm Indrì u kemm Xmun kellhom is-sengħa taʼ sajjieda. —Ġwann 1:35, 36, 40, 41; Mattew 4:18.
4 Xi żmien iktar tard mhux ħażin, Ġesù kien qed jippriedka lill-folol maʼ ġenb il-Baħar tal-Galilija, mhux ’il bogħod minfejn kienu jgħixu Pietru u Indrì. Kien qed igħid lin-nies: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet resqet fil-qrib.” (Mattew 4:13, 17) Nistgħu nimmaġinaw li Pietru u Indrì kienu ħerqanin biex jisimgħu l-messaġġ tiegħu. X’aktarx, iżda, li huma ma rrealizzawx li Ġesù kien wasal biex igħidilhom xi ħaġa li kellha tbiddel il-ħajjiet tagħhom għal dejjem. Iktar minn hekk, dak li Ġesù kellu jgħid u jagħmel fil-preżenza tagħhom għandu tifsira importanti għalina lkoll illum.
5. Pietru s-sajjied kif kellu l-ħila jkun taʼ servizz għal Ġesù?
5 Naqraw: “Darba minnhom meta l-folla kienet qed tross fuqu u tismaʼ l-kelma t’Alla, hu kien qiegħed ħdejn il-għadira taʼ Ġenneżaret. U ra żewġ dgħajjes ankrati max-xatt tal-għadira, imma s-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qed jaħslu x-xbieki tagħhom.” (Luqa 5:1, 2) Lura f’dak iż-żmien, sajjieda professjonali kienu spiss jaħdmu bil-lejl, u dawn l-irġiel kienu qed inaddfu x-xbieki tagħhom wara li qattgħu l-lejl jistadu. Ġesù ddeċieda li juża waħda mid-dgħajjes tagħhom sabiex jippriedka b’mod iktar effettiv lill-folla. “Billi telaʼ fuq waħda middgħajjes, li kienet taʼ Xmun, hu talbu jaqlaʼ naqra ’l barra mill-art. Imbagħad qagħad bil-qiegħda, u mid-dgħajsa beda jgħallem lill-folol.”−Luqa 5:3.
6, 7. Ġesù wettaq liema miraklu li jinvolvi s-sajd, u dan wassal għal liema stqarrija dwar is-sajd?
6 Innota li Ġesù kellu xi ħaġa iktar f’moħħu milli jgħallem lill-folol: “Meta waqaf jitkellem, hu qal lil Xmun: ‘Iġbed ’il barra safejn hu fond, u itfgħu x-xbieki tagħkom għal qabda.’” Ftakar, dawn is-sajjieda kienu diġà ħadmu l-lejl kollu. Mhux taʼ b’xejn li Pietru jwieġeb: “Għalliem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn, imma għall-istedina tiegħek jien se nniżżel ix-xbieki.” X’ġara meta għamlu dan? “Huma qabdu kotra kbira taʼ ħut. Fil-fatt, ix-xbieki tagħhom bdew jinqasmu. Mela huma talbu lil sħabhom fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu u jgħinuhom; u huma hekk għamlu, u mlew iż-żewġ dgħajjes, tant li dawn bdew jegħrqu.”−Luqa 5:4-7.
7 Ġesù kien wettaq miraklu. Dik il-parti tal-baħar kienet vojta mill-ħut il-lejl kollu; issa kienet miżgħuda bil-ħut. Dan il-miraklu kellu effett qawwi fuq Pietru. “Xmun Pietru xteħet f’riġlejn Ġesù, igħid: ‘Itlaq minn ħdejja, għaliex jien raġel midneb, Mulej.’ Għax bil-qabda ħut li kienu tellgħu hu u dawk kollha li kienu miegħu baqgħu mbellhin, kif ukoll ġralhom kemm Ġakbu u kemm Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu qed jaqsmu maʼ Xmun.” Ġesù kkalma lil Pietru u mbagħad qal il-kliem li kellu jbiddel il-ħajja taʼ Pietru. “Ieqaf milli tkun beżgħan. Minn issa ’l quddiem int se taqbad nies ħajjin.”−Luqa 5:8-10.
Sajjieda tal-Bnedmin
8. Erbaʼ sajjieda professjonali kif wieġbu għall-istedina biex ‘jaqbdu bnedmin ħajjin’?
8 Ġesù b’hekk qabbel lill-bnedmin mal-ħut, u hu stieden lil dan is-sajjied umli biex jieqaf min-negozju sekulari tiegħu u jaqbad forma ferm iktar kbira taʼ sajd—jaqbad bnedmin ħajjin. Pietru, u ħuh Indri, aċċettaw l-istedina. “Billi mill-ewwel telqu x-xbieki, huma segwew lilu.” (Mattew 4:18-20) Ġesù mbagħad sejjaħ lil Ġakbu u lil Ġwanni, li kienu fid-dgħajsa tagħhom isewwu x-xbieki tagħhom. Hu stieden lil dawn ukoll biex isiru sajjieda tal-bnedmin. Kif wieġbu huma? “Billi mill-ewwel telqu d-dgħajsa u lil missierhom huma segwew lilu.” (Mattew 4:21, 22) Ġesù kien tas-sengħa bħala sajjied tal-erwieħ. F’din l-okkażjoni hu qabad erbaʼ rġiel ħajjin.
9, 10. Pietru u sħabu liema fidi wrew, u kif ġew imħarrġin fis-sajd spiritwali?
9 Sajjied professjonali jaqlaʼ l-għixien billi jbigħ il-ħut li jaqbad, imma sajjied spiritwali ma jistax jagħmel hekk. Għalhekk, dawn id-dixxipli wrew fidi kbira meta abbandunaw kollox biex imorru wara Ġesù. Ma kellhom ebda dubju, madankollu, li s-sajd spiritwali tagħhom kellu jkun suċċess. Ġesù kellu l-ħila li jagħmel ilmijiet mhux produttivi jsiru miżgħudin b’ħut litterali. Bl-istess mod, meta huma tefgħu x-xbieki tagħhom fl-ilmijiet tal-ġens Iżraelit, id-dixxipli setgħu jkunu ċerti li, bil-għajnuna t’Alla, huma kienu se jaqbdu bnedmin ħajjin. Ix-xogħol taʼ sajd spiritwali li beda lura f’dak iż-żmien għadu sejjer, u Jehovah għadu qed jagħti ħsad sinjur.
10 Għal iktar minn sentejn, dawk id-dixxipli ġew imħarrġin minn Ġesù f’li jistadu għall-bnedmin. Minn żmien għal żmien hu tahom struzzjonijiet bir-reqqa u bagħathom qablu biex jippridkaw. (Mattew 10:1-7; Luqa 10:1-11) Meta Ġesù kien ittradut u maqtul, id-dixxipli baqgħu mbellhin. Imma kienet tfisser il-mewt taʼ Ġesù li ma kellux ikun hemm iktar sajd għall-bnedmin? Dak li ġara malajr ta t-tweġiba.
Sajd fil-Baħar tal-Umanità
11, 12. Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù wettaq liema miraklu li kellu x’jaqsam mas-sajd?
11 Ftit wara l-mewt taʼ Ġesù barra Ġerusalemm u l-irxoxt tiegħu, id-dixxipli marru lura lejn il-Galilija. Darba waħda sebaʼ minnhom kienu flimkien ħdejn il-Baħar tal-Galilija. Pietru qal li kien sejjer jistad, u l-oħrajn issieħbu miegħu. Bħas-soltu, huma stadu bil-lejl. Fil-fatt, reġgħu tefgħu x-xibka tagħhom fil-baħar il-lejl kollu mingħajr ma qabdu xejn. Imbagħad mal-għodwa, figura li dehret waqfet fuq ix-xatt sejħitilhom min-naħa l-oħra: “Tfal żgħar, m’għandkomx x’tieklu, hux hekk?” Id-dixxipli għajtu lura: “Le!” Mela dak li kien bil-wieqfa fuq ix-xatt qalilhom: “‘Itfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u se ssibu xi ftit.’ Imbagħad huma tefgħuha, imma ma kellhomx iktar il-ħila jtellgħuha minħabba fil-kotra tal-ħut.” —Ġwann 21:5, 6.
12 X’esperjenza li tiskantak! X’aktarx li d-dixxipli ftakru fil-miraklu iktar bikri li kien jinvolvi s-sajd, u tal-inqas wieħed minnhom intebaħ min kien il-figura taʼ fuq ix-xatt. “Dak id-dixxiplu li lilu Ġesù kien iħobb qal lil Pietru: ‘Huwa l-Mulej!’ B’hekk Xmun Pietru, malli semaʼ li kien il-Mulej, ħażżem madwaru l-libsa taʼ fuq tiegħu, għax kien għarwien, u ntefaʼ l-baħar. Imma d-dixxipli l-oħra ġew fid-dgħajsa ż-żgħira, għax ma kinux ’il bogħod mill-art, xi tliet mitt pied biss ’il bogħod.”−Ġwann 21:7, 8.
13. Wara t-tlugħ taʼ Ġesù fis-sema, liema programm taʼ sajd internazzjonali nbeda?
13 Dan il-miraklu x’indika? Li x-xogħol taʼ sajd għall-bnedmin ma kienx spiċċa. Dan il-fatt ġie enfasizzat meta Ġesù ssokta jgħid tliet darbiet lil Pietru—u permezz tiegħu lid-dixxipli kollha—biex jitmaʼ lin-ngħaġ taʼ Ġesù. (Ġwann 21:15-17) Iva, kien ġej programm taʼ ikel spiritwali. Qabel il-mewt tiegħu, hu kien ipprofetizza: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha.” (Mattew 24:14) Issa kien iż-żmien biex jibda t-twettieq tal-ewwel seklu taʼ dik il-profezija. Id-dixxipli tiegħu kienu waslu biex iniżżlu x-xbieki tagħhom fil-baħar tal-umanità, u x-xbieki ma kellhomx jitilgħu vojta.—Mattew 28:19, 20.
14. Is-sajd tas-segwaċi taʼ Ġesù b’liema mod kien imbierek fis-snin taʼ qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm?
14 Qabel ma telaʼ lejn it-tron taʼ Missieru fis-sema, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Intom se tirċievu qawwa meta l-ispirtu qaddis jasal fuqkom, u se tkunu xhieda tiegħi kemm f’Ġerusalemm u kemm fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u sal-iktar parti ’l bogħod tal-art.” (Atti 1:8) Meta spirtu qaddis ġie msawwab fuq id-dixxipli nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., beda x-xogħol internazzjonali kbir taʼ sajd spiritwali. Nhar Pentekoste biss, tlett elef ruħ inqabdu ħajjin, u malajr wara “l-għadd tal-irġiel sar madwar ħamest elef.” (Atti 2:41; 4:4) Iż-żjieda kompliet. Ir-rakkont igħidilna: “Dawk li emmnu fil-Mulej baqgħu jiżdiedu, kotriet kemm taʼ rġiel u kemm taʼ nisa.” (Atti 5:14) Malajr, xi Samaritani wieġbu għall-aħbar tajba, u ftit wara hekk għamlu xi Ġentili m’humiex ċirkonċiżi. (Atti 8:4-8; 10:24, 44-48) Xi 27 sena wara Pentekoste, l-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani Kolossin li l-aħbar tajba kienet ġiet “ippridkata fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kolossin 1:23) Biċ-ċar, id-dixxipli taʼ Ġesù kienu stadew ’il bogħod mill-ilmijiet tal-Galilija. Huma kienu tefgħu x-xbieki tagħhom fost il-Lhud imxerrdin madwar l-Imperu Ruman, kif ukoll fl-ibħra li mid-dehra ma kinux promettenti tal-popli li ma kinux Lhud. U x-xbieki tagħhom telgħu mimlijin. Għall-ħtiġijiet tal-Kristjani tal-ewwel seklu, il-profezija taʼ Ġesù f’Mattew 24:14 ġiet imwettqa qabel ma Ġerusalemm ġiet meqruda fis-sena 70 E.K.
Sajd għall-Bnedmin f’“Jum il-Mulej”
15. Fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni, liema xogħol ieħor taʼ sajd kien ipprofetizzat, u meta kellu jsir?
15 Madankollu, iktar affarijiet kellhom jiġru. Qrib it-tmiem tal-ewwel seklu, Jehovah ta lill-aħħar appostlu li baqaʼ ħaj, Ġwanni, rivelazzjoni taʼ affarijiet li kellhom jiġru matul “jum il-Mulej.” (Rivelazzjoni 1:1, 10) Karatteristika waħda li tispikka kellha tkun ix-xandir tal-aħbar tajba mad-dinja kollha. Naqraw: “Jien rajt anġlu ieħor itir f’nofs sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem x’jiddikjara bħala bxajjar taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6) Taħt direzzjoni anġelika l-qaddejja t’Alla kellhom jippridkaw l-aħbar tajba litteralment fl-art abitata kollha, mhux biss ġewwa l-Imperu Ruman. Xogħol globali taʼ sajd għall-erwieħ kellu jiġi mwettaq, u żmienna ra twettieq taʼ dik il-viżjoni.
16, 17. Ix-xogħol taʼ sajd spiritwali taʼ dan l-aħħar meta beda, u Jehovah kif bierku?
16 Kif kien is-sajd matul dan is-seklu 20? Għall-bidu, is-sajjieda kienu komparattivament ftit. Wara li spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija, kien hemm biss madwar erbat elef predikatur attiv tal-aħbar tajba, irġiel u nisa żelużi li l-biċċa l-kbira minnhom kienu tal-midlukin. Huma tefgħu x-xbieki tagħhom kulfejn Jehovah fetaħ it-triq, u ħafna erwieħ inqabdu ħajjin. Wara t-tieni gwerra dinjija, Jehovah fetaħ ilmijiet ġodda għas-sajd. Missjunarji li kienu attendew il-Watchtower Bible School taʼ Gilead kienu fuq quddiem fix-xogħol f’ħafna artijiet. Pajjiżi bħalma huma l-Ġappun, l-Italja, u Spanja, li fil-bidu setgħu dehru li huma vojta mhux ħażin, eventwalment taw ħsad sinjur taʼ erwieħ. Dan l-aħħar sirna nafu wkoll kemm kien taʼ suċċess is-sajd fl-Ewropa tal-Lvant.
17 Illum, f’ħafna pajjiżi x-xbieki kważi qed jinqasmu. Minħabba l-ħsad kbir tal-erwieħ kien hemm bżonn l-organizzar taʼ kongregazzjonijiet u circuits ġodda. Biex jakkomodaw lil dawn, Kingdom Halls u Swali tal-Assembleat ġodda qed jinbnew il-ħin kollu. Iktar anzjani u qaddejja ministerjali huma meħtieġa biex jieħdu ħsieb iż-żjieda. Xogħol setgħani nbeda minn dawk l-uħud leali lura fl-1919. B’mod litterali, Isaija 60:22 ġie mwettaq.‘Il-wieħed ċkejken sar elf,’ hekk kif dawk l-erbat elef sajjied saru iktar minn erbaʼ miljuni llum. U t-tmiem għadu ma wasalx.
18. Kif nistgħu aħna nimitaw l-eżempju mill-aħjar taʼ sajjieda spiritwali tal-bnedmin tal-ewwel seklu?
18 X’ifisser dan kollu għalina bħala individwi? L-iskrittura tgħid li meta Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni kienu mistednin biex isiru sajjieda tal-bnedmin, “huma . . . abbandunaw kollox u segwew [lil Ġesù].” (Luqa 5:11) X’eżempju mill-aħjar taʼ fidi u dedikazzjoni! Nistgħu aħna nikkultivaw l-istess spirtu taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna, l-istess dispożizjoni li naqdu lil Jehovah hi x’inhi l-ispiża? Miljuni sħaħ wieġbu li jistgħu. Fl-ewwel seklu, id-dixxipli stadew għall-bnedmin kulfejn ippermetta Jehovah. Kemm jekk kien fost il-Lhud u kemm jekk kien fost il-Ġentili, huma stadew mingħajr riżerva. Ejjew aħna wkoll nippridkaw lil kulħadd mingħajr xkiel jew preġudizzju.
19. X’għandna nagħmlu jekk l-ilmijiet fejn qegħdin nistadu ma jidhrux li huma produttivi?
19 X’jiġri, iżda, jekk it-territorju tiegħek fil-preżent jidher li mhux produttiv? Tiskuraġġix ruħek. Ftakar, Ġesù mela x-xbieki tad-dixxipli wara li kienu stadew il-lejl kollu mingħajr riżultat. L-istess jistaʼ jiġri b’mod spiritwali. Fl-Irlanda, per eżempju, Xhieda leali ħadmu għal snin sħaħ b’riżultati kemmxejn limitati. Iżda, dan l-aħħar dak inbidel. In-1991 Yearbook of Jehovah’s Witnesses jirrapporta li sat-tmiem tas-sena taʼ servizz 1990, l-Irlanda kienet gawdiet sensiela taʼ 29 quċċata! Forsi t-territorju tiegħek xi darba se jipproduċi bl-istess mod. Sakemm jippermetti Jehovah, kompli stad!
20. Meta għandna nieħdu seħem f’li nistadu għall-bnedmin?
20 Fl-Iżrael, is-sajjieda marru jistadu bil-lejl, meta kulħadd kien sħun u komdu fis-sodda. Huma ħarġu, mhux meta kien konvenjenti għalihom, imma meta setgħu jaqbdu l-iktar ħut. Aħna wkoll għandna nistudjaw it-territorju tagħna sabiex immorru nistadu, bħal li kieku, meta l-maġġoranza tan-nies ikunu d-dar u lesti li jilqgħuk. Dan jistaʼ jkun fil-għaxijiet, fil-weekends, jew f’xi ħin ieħor. Hu meta hu, ejjew nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insibu nies taʼ qalbhom sewwa.
21. X’għandna niftakru jekk it-territorju tagħna jinħadem spiss?
21 X’jiġri jekk it-territorju tagħna jinħadem taʼ spiss? Sajjieda professjonali fid-dinja spiss jilmentaw li fejn jistadu huma sar iżżejjed sajd fih. Imma jistaʼ fejn nistadu spiritwalment aħna jsir iżżejjed sajd fih? Assolutament le! Bosta territorji jagħtu żjieda saħansitra meta jinħadmu taʼ spiss. Xi wħud jipproduċu aħjar minħabba li jiġu maħdumin sewwa. Madankollu, meta żjajjar fid-djar isiru spiss, kun iktar ċert li tieħu nota tan-not-at-homes kollha u li tikkuntattjahom iktar tard. Tgħallem varjetà taʼ suġġetti għal konversazzjoni. Żomm f’moħħok li xi ħadd se jerġaʼ żjur dal-waqt, u għalhekk iddumx iż-żejjed jew, bla ma trid, tirrita lill-inkwilin. U żviluppa s-sengħa tiegħek fi street work u fil-għoti taʼ xiehda informali. Itfaʼ x-xbieki spiritwali tiegħek f’kull okkażjoni u b’kull mod possibbli.
22. Liema privileġġ grandjuż ingawdu aħna f’dan iż-żmien?
22 Ftakar, f’dan is-sajd jibbenefikaw kemm is-sajjieda u kemm il-ħut. Jekk dawk li lilhom naqbdu jipperseveraw, jistgħu jgħixu għal dejjem. Pawlu inkuraġġixxa lil Timotew: “Ibqaʼ maʼ dawn l-affarijiet, għax billi tagħmel dan int se ssalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotew 4:16) Kien Ġesù li l-ewwel ħarreġ lid-dixxipli tiegħu fis-sajd spiritwali, u dan ix-xogħol għadu jsir taħt id-direzzjoni tiegħu. (Qabbel Rivelazzjoni 14:14-16) Xi privileġġ grandjuż għandna li naħdmu taħtu biex inwettquh! Ejjew nibqgħu nitfgħu x-xbieki tagħna sakemm jippermettih Jehovah. Liema xogħol akbar jistaʼ possibilment ikun hemm minn dak taʼ li naqbdu erwieħ ħajjin?
Tistaʼ Tiftakar?
◻ Ġesù liema xogħol ħarreġ lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu?
◻ Ġesù kif wera li x-xogħol taʼ sold spiritwali ma kienx intemm bil-mewt tiegħu?
◻ Jehovah b’liema mod bierek ix-xogħol taʼ sajd spiritwali fl-ewwel seklu?
◻ Liema ħsad sinjur taʼ ħut ġie maqbud fix-xibka matul “jum il-Mulej”?
◻ Kif nistgħu aħna bħala individwi jkollna saħansitra iktar suċċess bħala sajjieda tal-bnedmin?