LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 7/15 pp. 3-8
  • “Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IT-​TRIBULAZZJONI L-​KBIRA META TIBDA?
  • ĠESÙ META JIĠĠUDIKA N-​NAGĦAĠ U L-​MOGĦOŻ?
  • ĠESÙ META JASAL, JEW JIĠI?
  • Is-Saltna t’Alla teqred l-għedewwa tagħha
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Liema Futur għan-Ngħaġ u l-Mogħoż?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • “Dan Jeħtieġ li Jiġri”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Għidilna, Meta Se Jkunu Dawn l-Affarijiet?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 7/15 pp. 3-8

“Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?”

“X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” —MT. 24:3.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Liema xebh hemm bejn iż-​żewġ twettiqiet tal-​profezija taʼ Ġesù dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira?

  • Il-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż kif teffettwa l-​mod kif inqisu x-​xogħol tal-​ippritkar?

  • F’​Mattew kapitli 24 u 25, Ġesù għal liema żmien irrefera meta tkellem dwar il-​miġja tiegħu?

1. Bħall-​appostli, x’aħna ħerqanin li nsiru nafu?

IL-​MINISTERU taʼ Ġesù fuq l-​art kien riesaq lejn tmiemu, u d-​dixxipli tiegħu kienu ħerqanin li jsiru jafu x’kien se jiġri fil-​futur. Allura ftit jiem qabel mewtu, erbgħa mill-​appostli tiegħu saqsewh: “Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” (Mt. 24:3; Mk. 13:3) Ġesù wieġeb permezz taʼ profezija dettaljata, miktuba f’​Mattew kapitli 24 u 25. F’din il-​profezija, Ġesù bassar ħafna ġrajjiet, u dak li qal għandu tifsir profond għalina għaliex aħna wkoll irridu nkunu nafu x’se jiġri fil-​futur.

2. (a) Matul is-​snin, stinkajna biex ikollna fehma iktar ċara taʼ xiex? (b) Liema tliet mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Matul is-​snin, il-​qaddejja taʼ Ġeħova bit-​talb studjaw il-​profezija taʼ Ġesù dwar l-​aħħar jiem. Huma stinkaw biex ikollhom fehma iktar ċara dwar meta se jitwettaq kliem Ġesù. Dan l-​artiklu se jwieġeb dawn it-​tliet mistoqsijiet: It-​“tribulazzjoni kbira” meta tibda? Ġesù meta jiġġudika “n-​nagħaġ” u “l-​mogħoż”? Ġesù meta “jasal,” jew jiġi?—Mt. 24:21; 25:31-​33.

IT-​TRIBULAZZJONI L-​KBIRA META TIBDA?

3. Fil-​passat, x’konna nemmnu dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira?

3 Fil-​passat, aħna ħsibna li t-​tribulazzjoni l-​kbira bdiet fl-​1914 bl-​Ewwel Gwerra Dinjija. Ħsibna li Ġeħova ‘qassar’ il-​gwerra fl-​1918 biex il-​fdal tal-​midlukin fuq l-​art ikunu jistgħu jippritkaw l-​aħbar tajba lill-​ġnus kollha. (Mt. 24:21, 22) Wara li jitlesta dan ix-​xogħol tal-​ippritkar, aħna stennejna li d-​dinja taʼ Satana kienet se tinqered. B’hekk, ħsibna li t-​tribulazzjoni l-​kbira kien se jkollha tliet fażijiet. Kellha tibda fl-​1914, kellha titwaqqaf fl-​1918, u kellha tispiċċa f’Armageddon.

4. X’sirna nifhmu dwar il-​profezija taʼ Ġesù?

4 Madankollu, hekk kif eżaminajna iktar il-​profezija taʼ Ġesù, fhimna li parti mill-​profezija dwar l-​aħħar jiem għandha żewġ twettiqiet. (Mt. 24:4-​22) Kien hemm l-​ewwel twettiq fil-​Lhudija fl-​ewwel seklu E.K., u kellu jkun hemm twettiq mad-​dinja kollha fi żmienna. Allura kellna bżonn inbiddlu l-​fehma tagħna taʼ partijiet oħrajn tal-​profezija.a

5. (a) X’beda fl-​1914? (b) Dan il-​perijodu taʼ wġigħ jaqbel maʼ liema perijodu taʼ żmien fl-​ewwel seklu E.K.?

5 Fhimna wkoll li l-​ewwel parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira ma bdietx fl-​1914. Għala le? Għax il-​profezija tal-​Bibbja turi li t-​tribulazzjoni l-​kbira mhix se tibda bi gwerra fost il-​ġnus, imma b’attakk fuq ir-​reliġjon falza. B’hekk, il-​gwerra li bdiet fl-​1914 ma kinitx il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira, imma “l-​bidu taʼ l-​uġigħ, bħall-​uġigħ tal-​ħlas.” (Mt. 24:8) Dan “l-​uġigħ tal-​ħlas” jaqbel maʼ dak li seħħ f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija mis-​sena 33 E.K. sas-​sena 66 E.K.

6. Kif se nkunu nafu li bdiet it-​tribulazzjoni l-​kbira?

6 Kif se nkunu nafu li bdiet it-​tribulazzjoni l-​kbira? Ġesù bassar: “Meta taraw wieqfa f’post qaddis il-​ħaġa moqżieża li ġġib ħerba u li tkellem dwarha l-​profeta Danjel (ħa juża moħħu l-​qarrej), imbagħad dawk li jkunu fil-​Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji.” (Mt. 24:15, 16) Fl-​ewwel twettiq, ‘il-​waqfa f’post qaddis’ seħħet fis-​sena 66 E.K. meta l-​armata Rumana (“il-​ħaġa moqżieża”) attakkat lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha (post qaddis f’għajnejn il-​Lhud). Fit-​twettiq akbar, ‘il-​waqfa’ se sseħħ meta l-​Ġnus Magħquda (“il-​ħaġa moqżieża” taʼ żmienna) tattakka lill-​Kristjaneżmu (li hu qaddis f’għajnejn is-​segwaċi tiegħu) u lill-​kumplament taʼ Babilonja l-​Kbira. L-​istess attakk hu deskritt f’​Rivelazzjoni 17:16-​18. Din il-​ġrajja se tkun il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira.

7. (a) Il-​Kristjani midlukin kif ‘ġew salvati’ fl-​ewwel seklu? (b) X’nistgħu nistennew li se jiġri fil-​futur?

7 Ġesù bassar ukoll: “Dawk il-​jiem jitqassru.” Fl-​ewwel twettiq, dan seħħ fis-​sena 66 E.K. meta l-​armata Rumana ‘qassret’ l-​attakk tagħha. Imbagħad, il-​Kristjani midlukin f’Ġerusalemm u l-​Lhudija ħarbu biex ‘jiġu salvati.’ (Aqra Mattew 24:22; Mal. 3:17) Allura, x’nistgħu nistennew li se jiġri matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li riesqa? Ġeħova se ‘jqassar’ l-​attakk tal-​Ġnus Magħquda fuq ir-​reliġjon falza, u b’hekk ma jħallix lir-​reliġjon vera tinqered flimkien maʼ dik falza. Dan se jaċċerta li l-​poplu t’Alla se jiġi salvat.

8. (a) Liema ġrajjiet se jseħħu wara li tgħaddi l-​ewwel parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira? (b) Milli jidher, l-​aħħar membru tal-​144,000 meta se jirċievi l-​premju tiegħu fis-​sema? (Ara n-​nota fl-​aħħar.)

8 X’se jiġri wara li tgħaddi l-​ewwel parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira? Ġesù spjega li se jseħħu diversi ġrajjiet qabel ma tibda Armageddon. Dawn il-​ġrajjiet huma msemmijin f’​Eżekjel 38:14-​16 u Mattew 24:29-​31. (Aqra.)b Wara dan, aħna se ngħaddu minn Armageddon, il-​quċċata tat-​tribulazzjoni l-​kbira, li taqbel mal-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. (Mal. 4:1) Bil-​battalja t’Armageddon bħala l-​quċċata tagħha, din it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja se tkun unika—ġrajja “li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa.” (Mt. 24:21) Meta din tgħaddi, se tibda l-​Ħakma Millennjali taʼ Kristu.

9. Il-​profezija taʼ Ġesù dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira kif teffettwana?

9 Din il-​profezija dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira ssaħħaħna. Għala? Għax tassigurana li jkunu xi jkunu t-​tbatijiet li niffaċċjaw, il-​poplu taʼ Ġeħova, bħala grupp, se jgħaddi mit-​tribulazzjoni l-​kbira. (Riv. 7:9, 14) Fuq kollox, aħna nifirħu għax f’Armageddon, Ġeħova se juri li għandu d-​dritt li jaħkem u li hu l-​aqwa Ħakkiem, u se jqaddes l-​isem qaddis tiegħu.—Salm 83:18; Eżek. 38:23.

ĠESÙ META JIĠĠUDIKA N-​NAGĦAĠ U L-​MOGĦOŻ?

10. Fil-​passat, x’kienet il-​fehma tagħna dwar iż-​żmien tal-​ġudizzju tan-​nagħaġ u l-​mogħoż?

10 Parti oħra mill-​profezija taʼ Ġesù kienet it-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż. Ġesù meta jiġġudika n-​nagħaġ u l-​mogħoż? (Mt. 25:31-​46) Fil-​passat konna naħsbu li Ġesù kien qed jiġġudika n-​nies bħala nagħaġ jew mogħoż mill-​1914 ’il quddiem. Aħna ħsibna li dawk li m’aċċettawx il-​messaġġ tas-​Saltna u li mietu qabel il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira kienu se jmutu bħala mogħoż—mingħajr it-​tama taʼ rxoxt.

11. Għala ma jistax ikun li l-​ġudizzju tan-​nies bħala nagħaġ jew mogħoż beda fl-​1914?

11 Fl-​1995, It-​Torri tal-​Għassa ta spjegazzjoni ġdida taʼ Mattew 25:31, li jgħid: “Meta Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu, u l-​anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu.” It-​Torri tal-​Għassa qal li Ġesù sar Sultan tas-​Saltna t’Alla fl-​1914, imma hu ma qagħadx “bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu” bħala Mħallef tal-​“ġnus kollha.” (Mt. 25:32; qabbel Danjel 7:13.) Madankollu, il-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż tiddeskrivi lil Ġesù primarjament bħala Mħallef. (Aqra Mattew 25:31-​34, 41, 46.) Ladarba Ġesù ma kienx l-​Imħallef tal-​ġnus kollha fl-​1914, il-​ġudizzju tiegħu taʼ nies bħala nagħaġ jew mogħoż ma setax beda dik is-​sena.c Allura, Ġesù meta se jibda jiġġudika lill-​ġnus kollha?

12. (a) Ġesù meta se jaġixxi bħala Mħallef tal-​ġnus kollha għall-​ewwel darba? (b) Liema ġrajjiet huma deskritti f’​Mattew 24:30, 31 u Mattew 25:31-​33, 46?

12 Il-​profezija taʼ Ġesù dwar l-​aħħar jiem tirrivela li hu se jaġixxi bħala Mħallef tal-​ġnus kollha proprju għall-​ewwel darba wara l-​qerda tar-​reliġjon falza. Bħalma ssemma f’paragrafu 8, ftit mill-​ġrajjiet li se jseħħu matul dak iż-​żmien huma miktubin f’​Mattew 24:30, 31. Meta teżamina dawn il-​versi, se tinnota li Ġesù hemmhekk ibassar ġrajjiet li huma simili għal dawk li jsemmi fil-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż. Pereżempju, Bin il-​bniedem jiġi bil-​glorja u bl-​anġli miegħu; jinġabru t-​tribujiet u l-​ġnus kollha; dawk ġudikati li huma nagħaġ ‘jgħollu rashom’ għaliex hemm tistenniehom il-​“ħajja taʼ dejjem.”d Dawk ġudikati li huma mogħoż “jibku u jħabbtu fuq sidirhom,” għax jirrealizzaw li quddiemhom hemm il-​“qtugħ taʼ dejjem,” jiġifieri, il-​qerda.—Mt. 25:31-​33, 46.

13. (a) Ġesù meta se jiġġudika lin-​nies bħala nagħaġ jew mogħoż? (b) Din il-​fehma kif teffettwa l-​mod kif inqisu l-​ministeru tagħna?

13 Allura, x’nistgħu nikkonkludu? Ġesù se jiġġudika n-​nies tal-​ġnus kollha bħala li huma nagħaġ jew mogħoż meta jiġi matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Imbagħad, f’Armageddon, il-​quċċata tat-​tribulazzjoni l-​kbira, dawk li huma bħal mogħoż se ‘jinqatgħu,’ jiġifieri, se jinqerdu għal dejjem. Din il-​fehma kif teffettwa l-​mod kif inqisu l-​ministeru tagħna? Tgħinna naraw kemm hu importanti x-​xogħol tal-​ippritkar tagħna. Sakemm tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, in-​nies għad għandhom ċans ibiddlu l-​mod kif jaħsbu u jibdew jimxu fit-​triq imħarbta “li tieħu għall-​ħajja.” (Mt. 7:13, 14) Huwa minnu li xi nies issa għandhom mnejn juru attitudni li forsi ġġegħelna naħsbu li huma nagħaġ jew mogħoż. Minkejja dan, għandna niftakru li l-​aħħar ġudizzju taʼ min hu nagħġa u min hu mogħża se jsir waqt it-​tribulazzjoni l-​kbira. Għalhekk, għandna raġunijiet tajbin biex inkomplu nagħtu lil kemm jistaʼ jkun nies l-​opportunità li jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna u jwieġbu għalih.

Sakemm tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, in-​nies għad għandhom iċ-​ċans li jbiddlu l-​mod kif jaħsbu (Ara paragrafu 13)

ĠESÙ META JASAL, JEW JIĠI?

14, 15. Liema erbaʼ referenzi Skritturali japplikaw għall-​miġja taʼ Kristu fil-​futur bħala Mħallef?

14 Hekk kif inkomplu neżaminaw il-​profezija taʼ Ġesù, se jkun hemm bżonn li nbiddlu l-​fehma tagħna dwar iż-​żmien taʼ ġrajjiet importanti oħra fil-​profezija taʼ Ġesù? Il-​profezija nfisha tagħtina t-​tweġiba. Ejja naraw kif.

15 Fil-​parti tal-​profezija tiegħu li hi miktuba f’​Mattew 24:29–25:46, Ġesù jiffoka primarjament fuq dak li se jiġri matul dawn l-​aħħar jiem u matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li riesqa. Hemmhekk, Ġesù jirreferi tmien darbiet għall-​‘miġja,’ jew wasla, tiegħu.e Rigward it-​tribulazzjoni l-​kbira, hu jgħid: “Jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema.” “Ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom.” “F’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-​bniedem.” U fil-​parabbola tan-​nagħaġ u l-​mogħoż, Ġesù jgħid: “Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu.” (Mt. 24:30, 42, 44; 25:31) Kull waħda minn dawn l-​erbaʼ referenzi tapplika għall-​miġja taʼ Kristu fil-​futur bħala Mħallef. Fejn insibuhom l-​erbaʼ referenzi l-​oħra fil-​profezija taʼ Ġesù?

16. F’liema skritturi oħrajn hija msemmija l-​miġja taʼ Ġesù?

16 Rigward l-​ilsir leali u għaqli, Ġesù jgħid: “Hieni hu dak l-​ilsir li sidu, meta jasal, [“jiġi,” Għaqda Biblika Maltija] isibu jagħmel hekk!” Fil-​parabbola tal-​verġnijiet, Ġesù jgħid: “Huma u sejrin jixtru, wasal [“ġie,” Kingdom Interlinear] l-​għarus.” Fil-​parabbola tat-​talenti, Ġesù jirrakkonta: “Wara żmien twil ġie sid dawk l-​ilsiera.” Fl-​istess parabbola, is-​sid jgħid: “Meta nasal [“xħin niġi,” Kingdom Interlinear] kont nieħu bl-​imgħax dak li hu tiegħi.” (Mt. 24:46; 25:10, 19, 27) Għal liema żmien jirreferu dawn l-​erbaʼ referenzi dwar il-​miġja taʼ Ġesù?

17. X’għedna dwar il-​wasla msemmija f’​Mattew 24:46?

17 Fil-​passat, fil-​pubblikazzjonijiet tagħna għedna li dawn l-​aħħar erbaʼ referenzi japplikaw għall-​wasla, jew miġja, taʼ Ġesù fl-​1918. Pereżempju, ikkunsidra dak li qal Ġesù dwar “l-​ilsir leali u għaqli.” (Aqra Mattew 24:45-​47.) Aħna fhimna li l-​‘wasla’ msemmija f’vers 46 kienet konnessa maż-​żmien meta Ġesù ġie biex jispezzjona l-​kundizzjoni spiritwali tal-​midlukin fl-​1918 u li l-​ħatra tal-​ilsir fuq kulma għandu s-​Sid seħħet fl-​1919. (Mal. 3:1) Madankollu, hemm bżonn li naġġustaw il-​fehma tagħna dwar iż-​żmien meta kienu se jseħħu ċerti ġrajjiet imbassrin minn Ġesù. Għala?

18. Konsiderazzjoni tal-​profezija taʼ Ġesù kollha kemm hi twassalna għal liema konklużjoni dwar il-​miġja taʼ Ġesù?

18 Fil-​versi taʼ qabel Mattew 24:46, il-​kelma “ġej” dejjem tirreferi għaż-​żmien meta Ġesù jiġi biex jiddikjara u jagħmel ġudizzju matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. (Mt. 24:46, 30, 42, 44) Ukoll, bħalma rajna f’paragrafu 12, il-​‘wasla’ taʼ Ġesù msemmija f’​Mattew 25:31 tirreferi għal dan l-​istess żmien taʼ ġudizzju fil-​futur. Allura hu raġunevoli li nikkonkludu li l-​wasla taʼ Ġesù biex jaħtar lill-​ilsir leali fuq kulma għandu, imsemmija f’​Mattew 24:46, 47, tapplika wkoll għall-​miġja tiegħu fil-​futur, matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.f Tabilħaqq, konsiderazzjoni tal-​profezija taʼ Ġesù kollha kemm hi tagħmilha ċara li kull waħda minn dawn it-​tmien referenzi għall-​miġja tiegħu tapplika għaż-​żmien taʼ ġudizzju fil-​futur matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.

19. Liema aġġustamenti fil-​fehma tagħna kkunsidrajna, u liema mistoqsijiet se jitwieġbu fl-​artikli li ġejjin?

19 Bħala reviżjoni, x’tgħallimna? Weġibna tliet mistoqsijiet dwar meta għandhom iseħħu ċerti ġrajjiet. L-​ewwel ikkunsidrajna li t-​tribulazzjoni l-​kbira ma bdietx fl-​1914 imma se tibda meta l-​Ġnus Magħquda tattakka lil Babilonja l-​Kbira. Imbagħad, irrivedejna għala l-​ġudizzju taʼ Ġesù tan-​nagħaġ u l-​mogħoż ma bediex fl-​1914 imma se jseħħ matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Fl-​aħħar, eżaminajna għala l-​wasla taʼ Ġesù biex jaħtar l-​ilsir leali fuq kulma għandu ma seħħitx fl-​1919 imma se sseħħ matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Allura t-​tliet ġrajjiet imsemmijin fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu se jseħħu matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Din il-​ħarsa aġġustata kif teffettwa iktar il-​fehma tagħna tat-​tixbiha tal-​ilsir leali? Ukoll, kif teffettwa l-​fehma tagħna taʼ parabboli, jew tixbihat, oħrajn taʼ Ġesù li qed jitwettqu f’dan iż-​żmien tat-​tmiem? Dawn il-​mistoqsijiet importanti se jitwieġbu fl-​artikli li ġejjin.

a Paragrafu 4: Għal iktar informazzjoni, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu, 1994, paġni 6-​18 u tal-​1 taʼ Mejju, 1999, paġni 8-​20.

b Paragrafu 8: Waħda mill-​ġrajjiet imsemmijin f’dawn il-​versi hi ‘l-​ġbir flimkien tal-​magħżulin.’ (Mt. 24:31) Għalhekk, jidher li l-​midlukin kollha li jkunu għadhom fuq l-​art se jittieħdu fis-​sema qabel ma tfaqqaʼ l-​battalja t’Armageddon. Dan jaġġusta dak li ntqal fuq dan is-​suġġett fil-​“Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fit-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 t’Awwissu, 1990, paġna 30.

c Paragrafu 11: Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru, 1995, paġni 12-​22.

d Paragrafu 12: Ara r-​rakkont simili f’​Luqa 21:28.

e Paragrafu 15: Il-​kliem “ġej” u “jasal” hu traduzzjoni taʼ forom tal-​istess verb Grieg, erkomaj.

f Paragrafu 18: Bħalma rajna, il-​kelma Griega tradotta “meta jasal” f’​Mattew 24:46 hija forma tal-​istess verb Grieg li hu tradott “ġej” f’​Mattew 24:30, 42, 44.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja