Se Tkun Int Salvat Meta Alla Jaġixxi?
“Kieku dawk il-jiem ma tqassrux, ħadd mill-bnedmin ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin dawk il-jiem tqassru.”—MATTEW 24:22.
1, 2. (a) Għala huwa normali li nkunu interessati fil-futur tagħna? (b) Interess naturali setaʼ kien involut f’liema mistoqsijiet vitali?
KEMM int interessat fik innifsek? Ħafna llum huma interessati żżejjed fihom infushom, billi saru egoċentriċi. Madankollu, il-Bibbja ma tikkundannax interess xieraq f’dak li jeffettwana. (Efesin 5:33) Dak jinkludi li nkunu interessati fil-futur tagħna. Mela jkun normali li int tkun trid taf x’għandu l-futur għalik. Interessat int?
2 Nistgħu nkunu żguri li l-appostli taʼ Ġesù kellhom interess bħal dan fil-futur tagħhom. (Mattew 19:27) X’aktarx li dak kien fattur meta erbgħa minnhom kienu maʼ Ġesù fuq l-Għolja taż-Żebbuġ. Huma staqsew: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dan kollu jkun wasal?” (Mark 13:4) Ġesù ma injorax interess naturali fil-futur—l-interess tagħhom u tagħna. Darba wara l-oħra enfasizza kif is-segwaċi tiegħu kellhom jiġu effettwati u x’kellu jkun ir-riżultat finali.
3. Aħna għala norbtu t-tweġiba taʼ Ġesù maʼ żmienna?
3 Ir-risposta taʼ Ġesù fformat profezija bi twettiq ewlieni fi żmienna. Dan nistgħu narawh mill-gwerer dinjin u konflitti oħrajn fis-seklu tagħna, it-terremoti li jtemmu ħesrem numru bla għadd taʼ ħajjiet, l-iskarsezzi taʼ l-ikel li jġibu mard u mewt, u l-pesti—mill-influwenza Spanjola li nfirxet maʼ kullimkien fl-1918 sal-flaġell kurrenti taʼ l-AIDS. Madankollu, ħafna mir-risposta taʼ Ġesù kellu wkoll twettiq li kien iwassal għal, u jinkludi, il-qerda taʼ Ġerusalemm mir-Rumani fis-sena 70 E.K. Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Ibżgħu għal raskom! Għad jagħtukom f’idejn il-qrati, isawtukom fis-sinagogi, u titilgħu quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom.”—Mark 13:9.
Dak Li Bassar Ġesù, u Dak Li Seħħ
4. Liema huma xi twissijiet inklużi fit-tweġiba taʼ Ġesù?
4 Ġesù mhux sempliċement bassar kif oħrajn kellhom jittrattaw lid-dixxipli tiegħu. Hu fetħilhom għajnejhom dwar kif huma nfushom kellhom jaġixxu. Per eżempju: “Meta mbagħad taraw il-profanazzjoni u l-ħerba fit-tempju fejn ma għandhiex tkun—ħa jifhem min jaqra!—ħa jaħirbu mbagħad lejn il-għoljiet dawk li jkunu fil-Lhudija.” (Mark 13:14) Ir-rakkont parallel f’Luqa 21:20 jgħid: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti.” Dak kif wera li kien eżatt fl-ewwel każ?
5. Xi ġralhom il-Lhud fil-Ġudea fis-sena 66 E.K.?
5 The International Standard Bible Encyclopedia (1982) tgħidilna: “Il-Lhud kienu dejjem iżjed reżistenti taħt il-kontroll Ruman u l-prokuraturi kienu dejjem iżjed vjolenti, krudili, u diżonesti. Irvell fl-apert faqqaʼ fis-sena 66 A.D. . . . Il-gwerra bdiet meta ż-Żeloti ħatfu lil Masada u mbagħad, taħt Menaħem, immarċjaw għal Ġerusalemm. Fl-istess waqt Lhud fil-belt taʼ Ċesarija li kienet taħt gvernatur ġew immassakrati, u l-aħbar dwar din l-atroċità nfirxet mal-pajjiż kollu. Muniti ġodda kienu mmarkati Sena 1 sa Sena 5 tar-rewwixta.”
6. Ir-rewwixta Lhudija pproduċiet liema rispons Ruman?
6 It-Tnax-il Leġjun Ruman taħt Ċestjus Gallus immarċja mis-Sirja, ħarbat il-Galilija u l-Ġudea, u mbagħad attakka lill-kapitali, saħansitra okkupa s-sezzjoni taʼ fuq taʼ “Ġerusalemm il-belt qaddisa.” (Neħemija 11:1; Mattew 4:5; 5:35; 27:53) Billi jiġbor fil-qosor l-iżviluppi, il-volum The Roman Siege of Jerusalem jgħid: “Għal ħamest ijiem ir-Rumani pprovaw jixxabbtu mas-swar, waqt li ġew miżmumin lura għal darba wara l-oħra. Fl-aħħar id-difensuri, megħlubin mix-xita taʼ missili, ċedew. Billi fformaw testudo—it-tattika li jissiġillaw it-tarki tagħhom fuq irjushom biex jipproteġu lilhom infushom—is-suldati Rumani ħaffru mina minn taħt il-ħajt u pprovaw jagħtu n-nar lill-bieb. Paniku terribbli ħakem lid-difensuri.” Il-Kristjani ġewwa l-belt setgħu jiftakru l-kliem taʼ Ġesù u jagħrfu li ħaġa mistmerra kienet wieqfa f’post qaddis.a Imma bil-belt iċċirkondata, dawn il-Kristjani kif setgħu jaħarbu, bħalma kien wissa Ġesù?
7. Meta l-vittorja kienet kważi f’idejhom fis-sena 66 E.K., ir-Rumani x’għamlu?
7 L-istudjuż taʼ l-istorja Flavjus Josefus jirrakkonta: “Ċestjus [Gallus], li ma kien konxju la tad-disperazzjoni taʼ l-assedjati u lanqas tas-sentimenti tan-nies, f’daqqa waħda ordna lill-irġiel tiegħu biex iwaqqfu l-attakk, abbanduna kull tama għalkemm ma kien sofra ebda telfa, u minkejja li ma kien hemm ebda raġuni rtira mill-Belt.” (The Jewish War, II, 540 [xix, 7]) Gallus għala rtira? Kienet x’kienet ir-raġuni, l-irtirata tiegħu ppermettiet lill-Kristjani biex jobdu l-kmand taʼ Ġesù u jaħarbu lejn il-muntanji u lejn is-sigurtà.
8. X’kienet it-tieni fażi taʼ l-isforz Ruman kontra Ġerusalemm, u dawk li baqgħu ħajjin x’esperjenzaw?
8 L-ubbidjenza salvatilhom ħajjithom. F’qasir żmien ir-Rumani aġixxew biex itemmu l-irvell. Il-kampanja taħt il-Ġeneral Titus laħqet il-quċċata tagħha f’assedju fuq Ġerusalemm minn April s’Awissu tas-sena 70 E.K. Jaqbdek il-bard meta taqra d-deskrizzjoni taʼ Josefus dwar kemm sofrew il-Lhud. Minbarra dawk maqtulin fil-ġlied mar-Rumani, Lhud oħrajn ġew maqtulin minn gruppi taʼ Lhud rivali, u l-ġuħ wassal għall-kannibaliżmu. Saż-żmien tal-vittorja Rumana, 1,100,000 Lhudi kienu mietu.b Mis-sebgħa u disgħin elf li baqgħu ħajjin, xi wħud ġew mogħtijin il-mewt mill-ewwel; oħrajn ittieħdu rsiera. Josefus jgħid: “Dawk ’il fuq minn sbatax-il sena tpoġġew fil-ktajjen u ntbagħtu għal xogħol iebes fl-Eġittu, fil-waqt li għadd kbir ġew ippreżentati minn Titus lill-provinċji biex jinqerdu fit-teatri bis-sejf jew mill-bhejjem salvaġġi.” Saħansitra waqt li seħħ dan il-proċess, 11,000 priġunier mietu bil-ġuħ.
9. Il-Kristjani għala m’esperjenzawx it-tmiem li esperjenzaw il-Lhud, imma liema mistoqsijiet jibqaʼ?
9 Il-Kristjani setgħu jkunu grati li obdew it-twissija tal-Mulej u ħarbu mill-belt qabel ma l-armata Rumana rritornat. B’hekk huma ġew salvati minn parti minn dik li Ġesù sejjaħ ‘diqa kbira li mill-bidu tad-dinja kien għadu qatt ma kien hemm bħalha u anqas ikun hemm’ fuq Ġerusalemm. (Mattew 24:21) Ġesù żied: “U kieku dawk il-jiem ma tqassrux, ħadd mill-bnedmin (“laħam,” NW) ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin dawk il-jiem tqassru.” (Mattew 24:22) X’kien ifisser dan f’dak iż-żmien, u x’ifisser issa?
10. Qabel kif spjegajna Mattew 24:22?
10 Fil-passat kien spjegat li l-‘laħam li kellu jkun salvat’ kien jirreferi għal Lhud li baqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni fuq Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. Il-Kristjani kienu ħarbu, u għalhekk Alla setaʼ jħalli lir-Rumani jġibu qerda mgħaġġla. Fi kliem ieħor, minħabba l-fatt li l-“maħturin” kienu ’l barra mill-periklu, il-jiem tat-tribulazzjoni setgħu jitqassru, billi b’hekk jippermettu lil xi “laħam” Lhudi li jiġi salvat. Kien maħsub li l-Lhud li baqgħu ħajjin kienu jiffiguraw bil-quddiem lil dawk li kellhom jibqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni l-kbira li ġejja fi żmienna.—Apokalissi 7:14.
11. Għala jidher li l-ispjegazzjoni taʼ Mattew 24:22 għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid?
11 Imma hija dik l-ispjegazzjoni fi qbil maʼ dak li seħħ fis-sena 70 E.K.? Ġesù qal li l-“laħam” uman kellu jiġi ‘salvat’ mit-tribulazzjoni. Tuża int il-kelma ‘salvat’ biex tiddeskrivi lis-97,000 li baqgħu ħajjin, meta tqis li eluf minnhom malajr mietu bil-ġuħ jew ġew maqtulin f’xi teatru? Josefus jgħid dwar teatru wieħed, f’Ċesarija: “L-għadd taʼ dawk li mietu f’taqbid maʼ bhejjem salvaġġi jew f’li jiġġieldu kontra xulxin jew billi ġew maħruqin ħajjin jaqbeż l-2,500.” Għalkemm ma mitux fl-assedju, ċertament li huma ma ġewx ‘salvati.’ U kien Ġesù se jikkunsidrahom bħala li huma simili għal uħud hienja li jsalvaw mid-“diqa kbira” li ġejja?
Laħam Salvat—Kif?
12. Min kienu l-“magħżulin” taʼ l-ewwel seklu li Alla kien interessat fihom?
12 Sas-sena 70 E.K., Alla ma baqax iqis lil-Lhud naturali bħala l-poplu magħżul tiegħu. Ġesù wera li Alla kien irrifjuta lil dak il-ġens u kien se jħalli lill-belt kapitali, lit-tempju, u lis-sistema taʼ qima tiegħu jintemmu. (Mattew 23:37–24:2) Alla għażel ġens ġdid, Israel spiritwali. (Atti 15:14; Rumani 2:28, 29; Galatin 6:16) Kien kompost minn irġiel u nisa magħżulin mill-ġnus kollha u midlukin bl-ispirtu qaddis. (Mattew 22:14; Ġwann 15:19; Atti 10:1, 2, 34, 35, 44, 45) Xi snin qabel l-attakk minn Ċestjus Gallus, Pietru kiteb lil dawk “magħżulin minn qabel skond il-ħsieb taʼ Alla, il-Missier; imqaddsin bl-Ispirtu s-Santu.” Dawn l-uħud midlukin bl-ispirtu kienu “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis.” (1 Pietru 1:1, 2; 2:9) Alla kellu jieħu lil uħud magħżulin bħal dawn fis-sema biex isaltnu maʼ Ġesù.—Kolossin 1:1, 2; 3:12; Titu 1:1; Apokalissi 17:14.
13. Il-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 24:22 liema sens setaʼ kellu?
13 Dan l-identifikar tal-magħżulin huwa t’għajnuna, ladarba Ġesù bassar li l-jiem taʼ tribulazzjoni kellhom jitqassru “minħabba l-maħturin (“magħżulin,” NW).” Il-kelma Griega tradotta “minħabba” tistaʼ wkoll tiġi tradotta “għall-benefiċċju taʼ.” (Mark 2:27; Ġwann 12:30; 1 Korintin 8:11; 9:10, 23; 11:9; 2 Timotju 2:10; Apokalissi 2:3) Mela Ġesù setaʼ kien qiegħed jgħid, ‘Li kieku dawk il-jiem ma jitqassrux, ebda laħam ma se jsalva; imma għall-benefiċċju tal-magħżulin dawk il-jiem se jitqassru.’c (Mattew 24:22) Seħħet xi ħaġa li bbenefikat jew kienet ‘għall-benefiċċju’ tal-magħżulin Kristjani maqbudin ġewwa Ġerusalemm?
14. “Laħam” kif ġie salvat meta l-armata Rumana rtirat bla mistenni minn Ġerusalemm fis-sena 66 E.K.?
14 Ftakar li fis-sena 66 E.K., ir-Rumani qasmu l-pajjiż, okkupaw in-naħa taʼ fuq taʼ Ġerusalemm, u bdew iħaffru mina minn taħt is-swar. Josefus jikkummenta: “Li kieku ppersevera bl-assedju ftit ieħor kien jikkonkwista l-Belt f’daqqa waħda.” Staqsi lilek innifsek, ‘L-armata Rumana setgħana għala kellha tabbanduna f’daqqa waħda l-kampanja u “minkejja li ma kien hemm ebda raġuni” tirtira’? Rupert Furneaux, speċjalista f’li jinterpreta l-istorja militari, jikkummenta: “L-ebda studjuż taʼ l-istorja ma rnexxielu jipprovdi raġuni addattata għad-deċiżjoni stramba u diżastruża taʼ Gallus.” Kienet x’kienet ir-raġuni, l-effett kien li t-tribulazzjoni ġiet imqassra. Ir-Rumani rtiraw, bil-Lhud fl-attakk għal warajhom. Xi ngħidu dwar il-Kristjani “magħżulin” u midlukin li kienu ġew maqbudin ġewwa? Il-waqfien taʼ l-assedju kien ifisser li kienu ġew salvati minn kwalunkwe tbiċċir li kien taʼ theddida matul it-tribulazzjoni. Għaldaqstant, dawk il-Kristjani li bbenefikaw mit-tqassir tat-tribulazzjoni fis-sena 66 E.K. kienu l-“laħam” salvat imsemmi f’Mattew 24:22.
X’Għandu Maħżun Il-Futur Tiegħek?
15. Għala taħseb li Mattew kapitlu 24 għandu jkun taʼ interess partikulari fi żmienna?
15 Xi ħadd jistaʼ jistaqsi, ‘Għala għandi nkun interessat b’mod speċjali f’din il-fehma ċċarata tal-kliem taʼ Ġesù?’ Sewwa, hemm raġuni abbundanti biex nikkonkludu li l-profezija taʼ Ġesù kellu jkollha twettiq akbar, ’l hinn minn dak li ġara qabel u inkluża s-sena 70 E.K.d (Qabbel Mattew 24:7; Luqa 21:10, 11; Apokalissi 6:2-8.) Għal għaxriet taʼ snin, ix-Xhieda taʼ Jehovah ippridkaw li t-twettiq ewlieni li qiegħed iseħħ fi żmienna jagħti prova li nistgħu nistennew “diqa kbira” fuq skala kbira fil-futur qarib. Matulha, kif se jitwettaq il-kliem profetiku f’Mattew 24:22?
16. Apokalissi liema fatt inkuraġġanti jipprovdi dwar it-tribulazzjoni kbira li riesqa?
16 Madwar għoxrin sena wara t-tribulazzjoni fuq Ġerusalemm, l-appostlu Ġwanni kiteb il-ktieb taʼ l-Apokalissi. Dan ikkonferma li tribulazzjoni kbira kienet għadha trid tiġi. U, billi aħna interessati f’dak li jeffettwana personalment, għandu mnejn iserrħilna rasna li nkunu nafu li l-Apokalissi jiżgurana profetikament li laħam uman se jibqaʼ ħaj f’din it-tribulazzjoni kbira li ġejja. Ġwanni bassar “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Dawn min huma? Leħen mis-sema jwieġeb: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir.” (Apokalissi 7:9, 14) Iva, huma se jibqgħu ħajjin! Apokalissi joffrilna wkoll dehen fuq kif se jiżviluppaw l-affarijiet fit-tribulazzjoni kbira li ġejja u fuq kif se jitwettaq Mattew 24:22.
17. Il-fażi li biha tibda t-tribulazzjoni l-kbira se tinkludi liema ħaġa?
17 Il-fażi li biha tibda din it-tribulazzjoni se tkun attakk fuq prostituta simbolika msejħa “Babel il-Kbira.” (Apokalissi 14:8; 17:1, 2) Hija tirrappreżenta l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, bil-Kristjaneżmu li huwa l-iktar ħati. Skond il-kliem t’Apokalissi 17:16-18, Alla se jpoġġi l-idea f’qalb l-element politiku biex jattakka lil din il-prostituta simbolika.e Aħseb dwar kif dan jistaʼ jidher għall-“magħżulin” u midlukin t’Alla, u għal sħabhom, il-“kotra kbira.” Hekk kif javanza dan l-attakk qerriedi fuq ir-reliġjon, għandu mnejn jidher li se jelimina lill-organizzazzjonijiet reliġjużi kollha, inkluż il-poplu taʼ Jehovah.
18. Għala jistaʼ jidher li ebda “laħam” m’hu se jsalva matul il-parti li biha tibda t-tribulazzjoni l-kbira?
18 Dan huwa fejn il-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 24:22 se jitwettaq fuq skala kbira. Sewwa sew bħalma l-magħżulin f’Ġerusalemm dehru li kienu f’riskju, il-qaddejja taʼ Jehovah jistgħu jidhru li se jkunu fil-periklu li jiġu eliminati matul l-attakk fuq ir-reliġjon, bħal li kieku dak l-attakk kellu jeqred il-“laħam” kollu tal-poplu t’Alla. Madankollu, ejjew inżommu f’moħħna dak li ġara lura fis-sena 66 E.K. It-tribulazzjoni kkaġunata mir-Rumani ġiet imqassra, biex b’hekk tat lill-magħżulin u midlukin t’Alla opportunità biżżejjed biex jaħarbu u jibqgħu ħajjin. B’hekk, nistgħu nkunu żguri li l-attakk distruttiv fuq ir-reliġjon ma jitħalliex joqtol lill-kongregazzjoni globali t’adoraturi veri. Dan se jseħħ malajr, bħal li kieku “f’jum wieħed.” B’xi mod, iżda, dan se jitqassar, ma jitħalliex iwettaq għalkollox l-oġġettiv tiegħu, sabiex il-poplu t’Alla jkun jistaʼ jiġi ‘salvat.’—Apokalissi 18:8.
19. (a) Wara l-ewwel parti tat-tribulazzjoni l-kbira, x’se jkun evidenti? (b) Dan għal liema ħaġa se jwassal?
19 Elementi oħrajn taʼ l-organizzazzjoni taʼ fuq l-art taʼ Satana x-Xitan wara dan se jkomplu għal xi żmien, billi jibku t-telfa taʼ trattar mal-maħbuba antika reliġjuża tagħhom. (Apokalissi 18:9-19) F’xi punt, huma se jinnotaw li l-veri qaddejja t’Alla għadhom hawn, “jgħammru b’moħħhom mistrieħ: nies bla swar” u jidhru bħala priża faċli. X’sorpriża hemm maħżuna! Billi jwieġeb għal aggressjoni reali jew mhedda kontra l-qaddejja tiegħu, Alla se jqum f’ġudizzju għall-għedewwa tiegħu fil-parti finali tat-tribulazzjoni l-kbira.—Eżekjel 38:10-12, 14, 18-23.
20. It-tieni fażi tat-tribulazzjoni l-kbira għala mhix se tpoġġi lill-poplu t’Alla fil-periklu?
20 Din it-tieni fażi tat-tribulazzjoni l-kbira se tkun parallel maʼ dak li ġara lil Ġerusalemm u lill-abitanti tagħha fit-tieni attakk mir-Rumani fis-sena 70 E.K. Se tagħti prova li tkun “diqa kbira li mill-bidu tad-dinja għadu qatt ma kien [hemm] bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Aħna nistgħu nkunu żguri, iżda, li l-magħżulin t’Alla u sħabhom m’humiex se jkunu fiż-żona tal-periklu, f’riskju li jinqatlu. Insomma, ma jkunux ħarbu lejn post ġeografiku wieħed. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Ġerusalemm setgħu jaħarbu minn dik il-belt għar-reġjun muntanjuż, bħalma kien Pella fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan. Fil-futur, madankollu, ix-Xhieda leali t’Alla se jkunu jinsabu mal-globu kollu, u għalhekk is-salvezza u l-protezzjoni m’humiex se jkunu bbażati fuq xi post ġeografiku.
21. Min se jiġġieled fil-battalja finali, u b’liema riżultat?
21 Il-qerda mhix se tkun mill-forzi taʼ Ruma jew minn xi aġenzija umana oħra. Minflok, il-ktieb taʼ l-Apokalissi jiddeskrivi l-forzi esekuzzjonali bħala li huma mis-sema. Iva, dik il-parti finali tat-tribulazzjoni l-kbira se titwettaq, mhux minn xi armata umana, imma mill-“Verb taʼ Alla,” is-Sultan Ġesù Kristu, assistit mill-‘eżerċti li huma fis-sema,’ inklużi Kristjani midlukin irxoxtati. Is-“Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien” se jwettaq esekuzzjoni bil-wisq iżjed kompleta minn dik li għamlu r-Rumani fis-sena 70 E.K. Din se telimina lill-opponenti umani kollha t’Alla—slaten, kmandanti militari, nies ħielsa u rsiera, kbar u żgħar. Saħansitra organizzazzjonijiet umani tad-dinja taʼ Satana se jsibu tmiemhom.—Apokalissi 2:26, 27; 17:14; 19:11-21; 1 Ġwann 5:19.
22. F’liema sens ieħor “laħam” se jiġi salvat?
22 Ftakar li “laħam,” kemm tal-fdal midlukin u kemm tal-“kotra kbira,” diġà se jkun ġie salvat meta Babilonja l-Kbira tispiċċa malajr u kompletament fl-ewwel parti tat-tribulazzjoni. Bl-istess mod fil-parti finali tat-tribulazzjoni, “laħam” li jkun ħarab għal fuq in-naħa taʼ Jehovah se jiġi salvat. Kemm se jkun taʼ kuntrast dan mat-tmiem tal-Lhud ribellużi fis-sena 70 E.K.!
23. Il-“laħam” li se jibqaʼ ħaj lejn liema ħaġa jistaʼ jħares ’il quddiem?
23 Billi taħseb dwar il-possibiltajiet għall-futur tiegħek stess u dak tal-maħbubin tiegħek, innota dak li huwa mwiegħed f’Apokalissi 7:16, 17: “Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet taʼ l-egħjun tal-ħajja. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” Ċertament, dak hu verament li tkun ‘salvat’ f’sens taʼ l-għaġeb u dejjiemi. (w96 8/15)
[Noti taʼ taħt]
a Ara It-Torri Taʼ L-Għassa taʼ l-1 taʼ Ġunju, 1996, paġni 27-32.
b Josefus jgħid: “Meta Titus daħal kien mgħaġġeb bis-saħħa tal-belt . . . Hu esklama b’leħen għoli: ‘Alla kien fuq in-naħa tagħna; hu Alla li niżżel lil-Lhud minn dawn il-fortizzi; għax x’setgħu jagħmlu jdejn jew strumenti umani kontra torrijiet bħal dawn?’”
c Taʼ interess, it-test taʼ Shem-Tob taʼ Mattew 24:22 juża l-kelma Ebrajka ‛a·vurʹ, li tfisser “għall-benefiċċju taʼ, minħabba, sabiex.”—Ara l-artiklu taʼ qabel, paġna 8.
d Ara It-Torri Taʼ L-Għassa taʼ l-1 taʼ Marzu, 1994, paġni 9 u 10, u t-tabella f’paġni 12 u 13, li tpoġġi f’kolonni paralleli t-tweġiba profetika taʼ Ġesù misjuba f’Mattew kapitlu 24, Mark kapitlu 13, u Luqa kapitlu 21.
e Ara Revelation—Its Grand Climax At Hand!, paġni 235-58, ippubblikat fl-1988 mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Kif Twieġeb Int?
◻ Liema żewġ fażijiet kien hemm fl-attakk taʼ l-armata Rumana fuq Ġerusalemm?
◻ Għala m’huwiex probabbli li s-97,000 Lhudi li baqgħu ħajjin fis-sena 70 E.K. kienu jifformaw il-“laħam” imsemmi f’Mattew 24:22?
◻ Il-jiem tat-tribulazzjoni taʼ Ġerusalemm kif kienu mqassra, u “laħam” kif kien b’hekk salvat?
◻ Fit-tribulazzjoni kbira li riesqa, il-jiem kif se jitqassru u “laħam” kif se jkun salvat?
[Stampa f’paġna 11]
Munita Lhudija maħruġa wara l-irvell. Il-kliem bil-Lhudi jgħid “Is-Sena tnejn,” li jfisser is-sena 67 E.K., it-tieni sena taʼ l-awtonomija tagħhom
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 12]
Munita Rumana maħruġa fis-sena 71 E.K. Fuq ix-xellug hemm Ruman armat; fuq il-lemin Lhudija bil-vistu. Il-kliem “IVDAEA CAPTA” jfisser “Ġudea fil-Jasar”
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.