Ħarba Lejn is-Salvezza Qabel it-“Tribulazzjoni l-Kbira”
“Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, . . . ħa jaħirbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija.”—LUQA 21:20, 21.
1. Ħarba għala hija urġenti għal dawk li għadhom parti mid-dinja?
GĦAL dawk kollha li huma parti mid-dinja taʼ Satana, ħarba hija urġenti. Jekk iridu jiġu skansati meta s-sistema preżenti t’affarijiet tinkines minn fuq l-art, huma għandhom juru evidenza konvinċenti li ħadu l-waqfa tagħhom fiż-żgur fuq in-naħa taʼ Jehovah u li m’għadhomx iżjed jagħmlu parti mid-dinja li tagħha Satana hu l-ħakkiem.—Ġakbu 4:4; 1 Ġwann 2:17.
2, 3. Liema mistoqsijiet f’konnessjoni mal-kliem taʼ Ġesù ddokumentat f’Mattew 24:15-22 sejrin niddiskutu?
2 Fil-profezija kbira tiegħu dwar il-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet, Ġesù enfasizza l-ħtieġa vitali għal ħarba bħal din. Aħna taʼ spiss niddiskutu dak li hu ddokumentat f’Mattew 24:4-14; madankollu, dak li jiġi wara m’huwiex inqas importanti. Ninkuraġġuk tiftaħ il-Bibbja tiegħek issa u taqra versi 15 sa 22 (NW).
3 Xi tfisser dik il-profezija? Fl-ewwel seklu, x’kienet “[i]l-ħaġa moqżieża li tikkaġuna ħerba”? X’kien jindika li din tkun “f’post qaddis”? Taʼ liema sinjifikat huwa dak l-iżvilupp għalina?
“Ħalli L-Qarrej Juża D-Dixxerniment”
4. (a) Danjel 9:27 x’qal li kellu jsegwi wara li l-Lhud jiċħdu lill-Messija? (b) Meta rrefera għal dan, evidentement, Ġesù għala qal, “Ħalli l-qarrej juża d-dixxerniment”?
4 Innota li f’Mattew 24:15 Ġesù rrefera għal dak li kien miktub fil-ktieb taʼ Danjel. F’kapitlu 9 taʼ dak il-ktieb hemm profezija li bassret il-miġja tal-Messija u l-ġudizzju li kellu jiġi esegwit fuq il-ġens Lhudi talli m’aċċettahx. L-aħħar parti taʼ vers 27 (NW) tgħid: “U fuq il-ġewnaħ t’affarijiet moqżieża se jkun hemm il-wieħed li qiegħed jikkaġuna ħerba.” Tradizzjoni bikrija Lhudija applikat dik il-parti tal-profezija taʼ Danjel għall-ipprofanar tat-tempju taʼ Jehovah f’Ġerusalemm minn Antijoku IV fit-tieni seklu Q.E.K. Imma Ġesù wissa: “Ħalli l-qarrej juża d-dixxerniment.” Id-desakrazzjoni tat-tempju minn Antijoku IV, għalkemm ċertament moqżieża, ma rriżultatx f’ħerba—taʼ Ġerusalemm, tat-tempju, jew tal-ġens Lhudi. Mela Ġesù evidentement kien qiegħed iwissi lis-semmiegħa tiegħu li t-twettiq taʼ dan ma kienx fil-passat imma kien għad irid jiġi.
5. (a) Paragun taʼ rakkonti tal-Vanġelu kif jgħinna nidentifikaw il-“ħaġa moqżieża” taʼ l-ewwel seklu? (b) Sestjus Gallus għala ħa b’għaġla truppi Rumani lejn Ġerusalemm fis-sena 66 E.K.?
5 X’kienet “[i]l-ħaġa moqżieża” li għaliha kellhom joqogħdu għassa? Huwa notevoli li r-rakkont taʼ Mattew (NW) jgħid: “Meta tilmħu l-ħaġa moqżieża li tikkaġuna ħerba . . . wieqfa f’post qaddis.” Madankollu, ir-rakkont parallel f’Luqa 21:20 jaqra: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti [kkampjati], tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet.” (Korsiv tagħna.) Fis-sena 66 E.K., Kristjani li kienu jgħixu f’Ġerusalemm raw tabilħaqq dak li kien bassar Ġesù. Serje taʼ inċidenti li jinvolvu konflitt bejn il-Lhud u uffiċjali Rumani wasslu biex Ġerusalemm issir qiegħa taħraq taʼ rvell kontra Ruma. Bħala riżultat, faqqgħet vjolenza mal-Ġudea kollha, fis-Samarija, il-Galilija, id-Dekapolis, u l-Feniċja, lejn it-Tramuntana għal ġos-Sirja, u lejn in-Nofs in-Nhar għal ġo l-Eġittu. Sabiex jirrestawra xi miżura taʼ paċi lil dik il-parti taʼ l-Imperu Ruman, Sestjus Gallus ħa b’għaġla forzi militari mis-Sirja lejn Ġerusalemm, li dwarha l-Lhud tkellmu bħala li kienet il-“belt qaddisa” tagħhom.—Neħemija 11:1; Isaija 52:1.
6. Kif kien veru li “ħaġa moqżieża” li setgħet tikkaġuna ħerba kienet “wieqfa f’post qaddis”?
6 Kienet id-drawwa tal-leġjuni Rumani li jġorru standardi, jew bnadar, li kienu jqisuhom bħala sagri imma li l-Lhud kienu jqisuhom bħala idolatrużi. Taʼ interess, il-kelma Ebrajka tradotta “ħaġa moqżieża” fil-ktieb taʼ Danjel hija wżata prinċipalment għal idoli u idolatrija.a (Dewteronomju 29:16 [Dewteronomju 29:17, NW]) Minkejja reżistenza mil-Lhud, il-forzi Rumani bil-bnadar idolatrużi tagħhom ippenetraw ġewwa Ġerusalemm f’Novembru tas-sena 66 E.K. u mbagħad bdew iħaffru mina minn taħt il-ħajt tat-tempju lejn it-Tramuntana. Ma kienx hemm dubju dwar dan—“ħaġa moqżieża” li setgħet tikkaġuna ħerba kompleta lil Ġerusalemm kienet “wieqfa f’post qaddis”! Imma kif setaʼ xi ħadd jaħrab?
Ħarba Kienet Urġenti!
7. L-armata Rumana x’għamlet bla ma kien mistenni?
7 F’daqqa waħda u għall-ebda raġuni apparenti minn ħarsa umana, meta kien donnu li Ġerusalemm setgħet tintrebaħ faċilment, l-armata Rumana irtirat. Ir-rivoluzzjonarji Lhud ġrew wara t-truppi Rumani li kienu qegħdin jirtiraw imma sa Antipatris biss, madwar 30 mil minn Ġerusalemm. Imbagħad reġgħu lura. Meta waslu f’Ġerusalemm, inġabru fit-tempju biex ifasslu l-istrateġija futura tagħhom għall-gwerra. Ġew ingaġġati żgħażagħ biex isaħħu l-fortifikazzjonijiet u biex jaqdu fil-militar. Kienu l-Kristjani se jinqabdu f’dan? Saħansitra li kellhom jevitaw dan, kienu se jibqgħu huma fiż-żona tal-periklu meta l-armati Rumani rritornaw?
8. Il-Kristjani liema azzjoni urġenti ħadu b’ubbidjenza għall-kliem profetiku taʼ Ġesù?
8 Kristjani f’Ġerusalemm u fil-Ġudea kollha malajr aġixxew fuq it-twissija profetika mogħtija minn Ġesù Kristu u ħarbu ’l barra miż-żona tal-periklu. Ħarba kienet urġenti! Fil-ħin erħewlha għal ġor-reġjuni muntanjużi, b’xi wħud li possibilment issetiljaw f’Pella, fil-provinċja taʼ Perea. Dawk li daħħlu f’qalbhom it-twissija taʼ Ġesù ma darux lura bi bluha biex jipprovaw isalvaw il-ġid materjali tagħhom. (Qabbel Luqa 14:33.) Billi telqu taħt dawk iċ-ċirkostanzi, nisa tqal u ommijiet li jreddgħu ċertament li sabu l-vjaġġ wieħed iebes biex jagħmluh bil-mixi. Il-ħarba tagħhom ma kenitx imfixkla minn restrizzjonijiet taʼ jum is-Sabat, u għalkemm ix-xitwa kienet qrib, kienet għadha ma waslitx. Dawk li kienu taw kas tat-twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu bil-għaġla malajr kienu ’l barra minn Ġerusalemm u l-Ġudea qawwijin u sħaħ. Il-ħajjiet tagħhom kienu jiddependu minn dan.—Qabbel Ġakbu 3:17.
9. Il-forzi Rumani wara kemm irritornaw, u b’liema riżultat?
9 Eżatt fis-sena taʼ wara, fis-67 E.K., ir-Rumani ġeddew l-azzjonijiet taʼ gwerra kontra l-Lhud. L-ewwel, ġiet imrażżna l-Galilija. Is-sena taʼ wara, il-Ġudea ġiet imħarbta. Sas-sena 70 E.K., il-forzi Rumani ċċirkondaw lil Ġerusalemm infisha. (Luqa 19:43) Il-ġuħ sar estremament qalil. Dawk maqbudin fil-belt daru għal xulxin. Kulmin ipprova jaħrab ġie mbiċċer. Dak li esperjenzaw kien, bħalma qal Ġesù, “tribulazzjoni kbira.”—Mattew 24:21, NW.
10. Jekk naqraw b’dixxerniment, x’se ninnotaw iktar?
10 Issodisfa għalkollox dan dak li kien bassar Ġesù? Le, kellu jiġi iżjed. Jekk, bħalma wissa Ġesù, naqraw l-Iskrittura b’dixxerniment, m’aħniex se nonqsu li ninnotaw dak li għad irid jiġi. Se naħsbu wkoll serjament dwar l-implikazzjonijiet tiegħu fil-ħajjiet tagħna stess.
Il-“Ħaġa Moqżieża” Taż-Żmien Modern
11. Danjel f’liema żewġ passaġġi oħrajn jirreferi għall-“ħaġa moqżieża,” u liema perijodu taʼ żmien qiegħed jiġi diskuss hemmhekk?
11 Innota li, flimkien maʼ dak li rajna f’Danjel 9:27, hemm, f’Danjel 11:31 u 12:11, iżjed referenzi għall-“ħaġa moqżieża li tikkaġuna ħerba.” Fl-ebda wieħed minn dawn il-każi taʼ l-aħħar ma qiegħda tiġi diskussa l-qerda taʼ Ġerusalemm. Fil-fatt, dak li jintqal f’Danjel 12:11 jidher biss żewġ versi wara referenza għaż-“żmien taʼ l-aħħar.” (Danjel 12:9) Aħna ilna ngħixu f’perijodu taʼ żmien bħal dan mill-1914 ’l hawn. Mela għandna bżonn noqogħdu għassa biex nidentifikaw il-“ħaġa moqżieża li tikkaġuna ħerba” taż-żmien modern u mbagħad inkunu żguri li noħorġu miż-żona tal-periklu.
12, 13. Għala huwa xieraq li tiddeskrivi lil-Lega tan-Nazzjonijiet bħala l-“ħaġa moqżieża” taż-żmien modern?
12 X’inhi dik il-“ħaġa moqżieża” taż-żmien modern? L-evidenza tipponta lejn il-Lega tan-Nazzjonijiet, li bdiet topera fl-1920, ftit wara li d-dinja daħlet fiż-żmien tat-tmiem tagħha. Imma dik kif setgħet tkun “ħaġa moqżieża li tikkaġuna ħerba”?
13 Ftakar, il-kelma Ebrajka għal “ħaġa moqżieża” hija wżata fil-Bibbja prinċipalment b’referenza għal idoli u prattiċi idolatrużi. Kienet il-Lega idolizzata? Tabilħaqq li kienet! Il-kleru poġġieha “f’post qaddis,” u s-segwaċi tagħhom issoktaw jagħtuha devozzjoni appassjonanti. Il-Kunsill Federali tal-Knejjes taʼ Kristu fl-Amerka ddikjara li l-Lega kellha tkun “l-espressjoni politika tas-Saltna t’Alla fuq l-art.” Is-Senat taʼ l-Istati Uniti rċieva dilluvju taʼ ittri minn gruppi reliġjużi biex iħeġġuh jirratifika l-Patt tal-Lega tan-Nazzjonijiet. Il-ġemgħa ġenerali taʼ Battisti, Kongregazzjonalisti, u Presbiterjani fil-Britannja faħħruha bħala “l-uniku strument disponibbli biex tinkiseb [paċi fuq l-art].”—Ara Apokalissi 13:14, 15.
14, 15. Il-Lega u iktar tard il-Ġnus Magħquda b’liema mod irnexxielhom ikunu “f’post qaddis”?
14 Is-Saltna Messjanika t’Alla kienet ġiet stabbilita fis-smewwiet fl-1914, imma l-ġnus issoktaw jiġġieldu għas-sovranità tagħhom stess. (Salm 2:1-6) Meta ġiet proposta l-Lega tan-Nazzjonijiet, il-ġnus li kienu għadhom kif iġġieldu fl-ewwel gwerra dinjija, kif ukoll il-kleru li kien bierek it-truppi tagħhom, kienu diġà wrew li kienu abbandunaw il-liġi t’Alla. Ma kinux qegħdin iħarsu lejn Kristu bħala Sultan. B’hekk assenjaw lil organizzazzjoni umana l-irwol tas-Saltna t’Alla; huma poġġew lil-Lega tan-Nazzjonijiet “f’post qaddis,” post fejn ma kienx jixirqilha.
15 Bħala suċċessura tal-Lega, il-Ġnus Magħquda bdiet teżisti fl-24 t’Ottubru, 1945. Iktar tard, il-papiet taʼ Ruma laqgħu lill-Ġnus Magħquda bħala “t-tama aħħarija għal armonija u paċi” u “l-forum suprem taʼ paċi u ġustizzja.” Iva, il-Lega tan-Nazzjonijiet, flimkien mas-suċċessura tagħha, il-Ġnus Magħquda, verament saru idolu, “ħaġa moqżieża” fil-ħarsa t’Alla u tal-poplu tiegħu.
Taħrab Minn Xiex?
16. Dawk li jħobbu t-tjieba minn liema ħaġa għandhom bżonn jaħarbu llum?
16 Malli ‘jilmħu’ dan, malli jirrikonoxxu x’inhi dik l-organizzazzjoni internazzjonali u kif qiegħda tiġi idolizzata, dawk li jħobbu t-tjieba għandhom bżonn jaħarbu lejn is-salvezza. Jaħarbu ’l barra minn xiex? ’Il barra minn dik li hija l-antitip taż-żmien modern taʼ Ġerusalemm żleali, jiġifieri, il-Kristjaneżmu, u ’l barra minn Babilonja l-Kbira kollha, is-sistema dinjija taʼ reliġjon falza.—Apokalissi 18:4.
17, 18. Il-“ħaġa moqżieża” taż-żmien modern liema ħerba se tikkaġuna?
17 Ftakar, ukoll, li fl-ewwel seklu, meta l-armata Rumana bl-istandardi idolatrużi tagħha daħlet fil-belt qaddisa tal-Lhud, din kienet hemmhekk biex iġġib ħerba lil Ġerusalemm u lis-sistema tagħha taʼ qima. Fi żmienna l-ħerba se tiġi, mhux biss fuq belt waħda, lanqas fuq il-Kristjaneżmu biss, imma fuq is-sistema dinjija kollha kemm hi taʼ reliġjon falza.—Apokalissi 18:5-8.
18 F’Apokalissi 17:16 huwa mbassar li bhima salvaġġa figurattiva lewn l-iskarlat, li tat prova li hija l-Ġnus Magħquda, se ddur fuq Babilonja l-Kbira li hi bħal prostituta u teqridha b’mod vjolenti. Billi juża lingwaġġ grafiku, dan jgħid: “L-għaxart iqrun u l-Bhima li rajt, dawn ikollhom mibgħeda għall-Mara żienja, jagħmluha bħal deżert u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-nar.” X’se jkun ifisser dan huwa tal-biżaʼ li tikkontempla. Se jirriżulta fit-tmiem taʼ kull xorta taʼ reliġjon falza f’kull parti taʼ l-art. Dan tabilħaqq se juri li t-tribulazzjoni l-kbira tkun bdiet.
19. Liema elementi fformaw parti mill-Ġnus Magħquda minn mindu twaqqfet, u dan għala huwa sinjifikanti?
19 Huwa notevoli li minn mindu bdiet topera l-Ġnus Magħquda fl-1945, elementi ateistiċi u antireliġjużi kienu prominenti fis-sħubija tagħha. F’diversi żminijiet mad-dinja kollha, elementi radikali bħal dawn kienu strumentali f’li jikkaġunaw li prattiċi reliġjużi jew jiġu ristretti severament jew ipprojbiti kompletament. Fl-aħħar ftit tas-snin, madankollu, kien hemm tnaqqis f’ħafna postijiet taʼ pressjoni mill-gvern fuq gruppi reliġjużi. Għal xi nies dan għandu mnejn jidher li kwalunkwe periklu għar-reliġjon għadda.
20. Ir-reliġjonijiet tad-dinja liema xorta taʼ reputazzjoni għamlu għalihom infushom?
20 Ir-reliġjonijiet taʼ Babilonja l-Kbira jibqgħu jkunu forza taʼ tħarbit b’mod vjolenti fid-dinja. Titli taʼ gazzetti taʼ spiss jidentifikaw fazzjonijiet li jiggwerraw u gruppi terroristiċi billi jsemmu r-reliġjon li dawn iħaddnu. Pulizija u suldati taʼ kontra l-irvellijiet kellhom jidħlu b’forza f’tempji biex iwaqqfu l-vjolenza bejn fazzjonijiet reliġjużi rivali. Ġemgħat reliġjużi ffinanzjaw rivoluzzjoni politika. Mibgħeda reliġjuża sfrattat sforzi mill-Ġnus Magħquda biex iżżomm relazzjonijiet stabbli bejn gruppi etniċi. F’li jsegwu l-mira taʼ paċi u sigurtà, elementi minn ġewwa l-Ġnus Magħquda kieku jixtiequ jaraw li kwalunkwe influwenza reliġjuża li tfixkilhom tiġi eliminata.
21. (a) Min se jiddetermina meta Babilonja l-Kbira għandha tinqered? (b) X’inhu urġenti li tagħmel qabel dak iż-żmien?
21 Hemm ukoll fattur importanti ieħor x’tikkunsidra. Għalkemm il-qran militarizzati minn ġewwa l-Ġnus Magħquda se jintużaw biex jeqirdu lil Babilonja l-Kbira, dik il-qerda fil-fatt se tkun espressjoni taʼ ġudizzju divin. L-esekuzzjoni taʼ ġudizzju se tiġi fiż-żmien maħtur t’Alla. (Apokalissi 17:17) X’għandna nagħmlu sadattant? “Oħorġu minnha”—oħroġ minn Babilonja l-Kbira—twieġeb il-Bibbja.—Apokalissi 18:4.
22, 23. X’tinvolvi ħarba bħal din?
22 Din il-ħarba lejn salvezza m’hijiex xi ċaqliqa ġeografika, bħalma għamlu Kristjani Lhud meta abbandunaw lil Ġerusalemm. Hija ħarba ’l barra mir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu, iva, ’il barra minn kwalunkwe parti taʼ Babilonja l-Kbira. Tfisser li wieħed jissepara lilu nnifsu kompletament mhux biss minn organizzazzjonijiet reliġjużi foloz imma wkoll mid-drawwiet tagħhom u l-ispirtu li jiġġeneraw. Hija ħarba lejn il-post taʼ salvezza ġewwa l-organizzazzjoni teokratika taʼ Jehovah.—Efesin 5:7-11.
23 Meta l-qaddejja midlukin taʼ Jehovah għall-ewwel darba identifikaw il-ħaġa moqżieża taż-żmien modern, il-Lega tan-Nazzjonijiet, wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, kif irreaġixxew ix-Xhieda? Kienu diġà qatgħu s-sħubijiet tagħhom minn mal-knejjes tal-Kristjaneżmu. Imma bil-mod il-mod irrealizzaw li kienu għadhom iżommu maʼ xi drawwiet u prattiċi tal-Kristjaneżmu, bħalma huma l-użu tas-salib u ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied u festi pagani oħrajn. Meta tgħallmu l-verità dwar dawn l-affarijiet, aġixxew fil-pront. Ħadu bis-serjetà l-parir f’Isaija 52:11: “Itilqu, itilqu, oħorġu minn hemm, tmissu xejn imniġġes. Oħorġu minn ġo nofsha! Tnaddfu, intom li ġġorru tagħmir il-Mulej.”
24. Speċjalment mill-1935 ’l hawn, min ingħaqad fil-ħarba?
24 Speċjalment mill-1935 ’il quddiem, folla li dejjem tikber t’oħrajn, nies li ħaddnu l-prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna, bdew jieħdu azzjoni simili. Huma wkoll ‘lemħu l-ħaġa moqżieża wieqfa f’post qaddis,’ u rrikonoxxew xi tfisser. Wara li ħadu d-deċiżjoni tagħhom li jaħarbu, talbu biex l-ismijiet tagħhom jitneħħew minn reġistri taʼ sħubija t’organizzazzjonijiet li huma parti minn Babilonja l-Kbira.—2 Korintin 6:14-17.
25. X’inhu meħtieġ minn dak li jkun minbarra li jaqtaʼ xi rabtiet li jistaʼ jkollu maʼ reliġjon falza?
25 Madankollu, li taħrab minn Babilonja l-Kbira jinvolvi ferm iżjed milli tabbanduna r-reliġjon falza. Hemm iżjed involut milli tattendi għal xi ftit laqgħat fis-Sala tas-Saltna jew toħroġ tippriedka l-aħbar tajba f’servizz taʼ l-għalqa darba jew tnejn fix-xahar. Wieħed jistaʼ jkun fiżikament barra minn Babilonja l-Kbira, imma ħallieha hu verament warajh? Issepara hu lilu nnifsu mid-dinja li tagħha Babilonja l-Kbira hija parti prominenti? Għadu jżomm maʼ dawk l-affarijiet li jirriflettu l-ispirtu tagħha—spirtu li jinjora l-livelli taʼ tjieba t’Alla? Qiegħed hu jittratta l-immoralità sesswali u l-fedeltà fiż-żwieġ ħafif ħafif? Jenfasizza l-interessi persunali u materjali iżjed mill-interessi spiritwali? Hu ma jridx iħalli lilu nnifsu jiġi mfassal fuq din is-sistema t’affarijiet.—Mattew 6:24; 1 Pietru 4:3, 4.
Tħalli Xejn Ifixkel Il-Ħarba Tiegħek!
26. X’se jgħinna biex mhux sempliċement nibdew il-ħarba imma nispiċċawha b’suċċess?
26 Fil-ħarba tagħna lejn is-salvezza, huwa imperattiv li ma nħarsux b’xenqa lejn l-affarijiet taʼ warajna. (Luqa 9:62) Għandna bżonn inżommu mħuħna u qlubna msammrin sod fuq is-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu. Iddeterminati aħna li nuru l-fidi tagħna billi nfittxu l-ewwel dawn l-affarijiet, b’fiduċja li Jehovah se jbierek korsa leali bħal din? (Mattew 6:31-33) Il-konvinzjonijiet tagħna bbażati Skritturalment għandhom iqanqluna għal dak l-għan hekk kif nistennew bil-ħerqa li jiġu żvelati żviluppi sinjifikanti fuq ix-xena dinjija.
27. Għala huwa importanti li taħseb serjament dwar il-mistoqsijiet li jsiru hawnhekk?
27 L-esekuzzjoni taʼ ġudizzju divin se tibda bil-qerda taʼ Babilonja l-Kbira. Dak l-imperu taʼ reliġjon falza bħal prostituta se jiġi eliminat mill-eżistenza għal dejjem. Dak iż-żmien huwa ferm fil-qrib! X’se tkun il-pożizzjoni tagħna bħala individwi meta jasal dak iż-żmien notevoli? U fil-quċċata tat-tribulazzjoni l-kbira, meta l-bqija tas-sistema mill-agħar taʼ Satana tiġi meqruda, fuq liema naħa se ninstabu? Jekk nieħdu l-azzjoni meħtieġa issa, is-salvezza tagħna hija żgurata. Jehovah jgħidilna: “Min jismaʼ lili jgħix moħħu mistrieħ.” (Proverbji 1:33) Billi nkomplu naqdu lil Jehovah lealment u mimlijin ferħ matul il-konklużjoni taʼ din is-sistema, nistgħu nikkwalifikaw biex naqdu lil Jehovah għal dejjem. (w96 6/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ara Insight on the Scriptures, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., l-ewwel Volum, paġni 634-5.
Tiftakar Int?
◻ X’inhi l-“ħaġa moqżieża” taż-żmien modern?
◻ F’liema sens hija “l-ħaġa moqżieża . . . f’post qaddis”?
◻ X’inhu involut f’ħarba lejn is-salvezza issa?
◻ Azzjoni bħal din għala hi urġenti?
[Stampa f’paġna 29]
Biex jibqgħu ħajjin, is-segwaċi taʼ Ġesù kellhom jaħarbu bla dewmien