LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 5/1 pp. 14-20
  • ‘Ħa Juża d-Dixxerniment Min Jaqra’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ħa Juża d-Dixxerniment Min Jaqra’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Profanazzjoni” fi Żmienna
  • Attakk Futur
  • ‘Naħarbu’​—Kif?
  • Ħarba Lejn is-Salvezza Qabel it-“Tribulazzjoni l-Kbira”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • “Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 5/1 pp. 14-20

‘Ħa Juża d-​Dixxerniment Min Jaqra’

“Meta mbagħad taraw il-​profanazzjoni u l-​ħerba fit-​tempju [“fil-​post imqaddes,” “Saydon”] . . . ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija.”—MATTEW 24:15, 16.

1. Liema riżultat kellha t-​twissija li Ġesù ta kif tinsab f’Luqa 19:43, 44?

IL-​FATT li nkunu avżati bil-​gwaj li riesaq jistaʼ jgħinna nevitawh. (Proverbji 22:3) Mela immaġina s-​sitwazzjoni tal-​Kristjani f’Ġerusalemm wara l-​attakk Ruman fis-​sena 66 E.K. Ġesù kien wissa li l-​belt kellha tiġi ċċirkondata u meqruda. (Luqa 19:43, 44) Il-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud injorawh. Imma d-​dixxipli tiegħu taw kas tat-​twissija tiegħu. B’riżultat taʼ dan, huma ġew salvati mill-​gwaj tas-​sena 70 E.K.

2, 3. Għala għandna nkunu interessati fil-​profezija taʼ Ġesù ddokumentata f’Mattew 24:15-21?

2 Fi profezija li għandha implikazzjonijiet għalina llum, Ġesù indika sinjal kompost li inkluda gwerer, nuqqas taʼ ikel, terremoti, pesti, u persekuzzjoni tal-​Kristjani li jkunu qed jippridkaw dwar is-​Saltna t’Alla. (Mattew 24:4-14; Luqa 21:10-19) Ġesù offra wkoll ħjiel li kellu jgħin lid-​dixxipli tiegħu biex jindunaw li t-​tmiem kien qrib​—‘il-​profanazzjoni u l-​ħerba fil-​post imqaddes.’ (Mattew 24:15) Ejja neżaminaw mill-​ġdid dan il-​kliem mimli tifsir ħalli naraw kif jistaʼ jeffettwalna ħajjitna issa u fil-​futur.

3 Wara li indika x’kien is-​sinjal, Ġesù qal: “Meta mbagħad taraw il-​profanazzjoni u l-​ħerba fit-​tempju [“fil-​post imqaddes,” Saydon] li fuqhom tkellem il-​profeta Danjel – ħa jifhem [“juża d-​dixxerniment,” NW] min jaqra! – ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija; u min ikun fuq il-​bejt, ara li ma jinżilx jieħu xi ħaġa mid-​dar, anqas min ikun fir-​rabaʼ ma għandu jerġaʼ lura biex jieħu l-​mantar tiegħu. Jaħasra għalihom in-​nisa li f’dawk il-​jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Itolbu li l-​ħarba tagħkom ma tiġrix fix-​xitwa jew nhar taʼ Sibt. Għax imbagħad ikun hawn diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira li mill-​bidu tad-​dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.”—Mattew 24:15-21.

4. Liema ħaġa tindika li Mattew 24:​15 kellu twettiq fl-​ewwel seklu?

4 Ir-​rakkonti taʼ Mark u Luqa jipprovdu dettalji li jissupplimentaw. Fejn Mattew juża “fit-​tempju, [“fil-​post imqaddes,” Saydon],” Mark 13:14 jgħid “fit-​tempju fejn ma għandhiex tkun.” Luqa 21:20 iżid il-​kliem taʼ Ġesù: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-​eżerċti, tkunu tafu li l-​qerda tagħha tkun waslet.” Dan jgħinna naraw li l-​ewwel twettiq kien jinvolvi l-​ħbit Ruman fuq Ġerusalemm u t-​tempju tagħha​—post li kien qaddis għal-​Lhud imma ma kienx għadu l-​post qaddis għal Jehovah—​li beda fis-​sena 66 E.K. Il-​ħerba totali seħħet meta r-​Rumani qerdu kemm il-​belt kif ukoll it-​tempju fis-​sena 70 E.K. X’kienet “il-​profanazzjoni” lura f’dak iż-​żmien? U kif kienet “fil-​post imqaddes”? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinu biex jiġi ċċarat it-​twettiq fi żmienna.

5, 6. (a) Dawk li jaqraw Danjel kapitlu 9 għala se jkollhom bżonn id-​dixxerniment? (b) Kif twettqet il-​profezija taʼ Ġesù dwar “il-​profanazzjoni”?

5 Ġesù ħeġġeġ lill-​qarrejja biex jużaw id-​dixxerniment. Qarrejja taʼ xiex? X’aktarx, taʼ Danjel kapitlu 9. Hemmhekk insibu profezija li tindika meta kellu jidher il-​Messija u tbassar li kellu “jiġi maqtugħ” wara tliet snin u nofs. Il-​profezija tgħid: “U fuq il-​ġewnaħ t’affarijiet moqżieża se jkun hemm il-​wieħed li qiegħed jikkaġuna ħerba; u sa qerda għalkollox, l-​istess ħaġa li ttieħdet deċiżjoni dwarha se tmur tferraʼ wkoll fuq il-​wieħed li jinsab ħerba.”—Danjel 9:26, 27, NW; ara wkoll Danjel 11:31; 12:11.

6 Il-​Lhud ħasbu li dan kien japplika għall-​profanazzjoni tat-​tempju minn Antijoku IV madwar 200 sena qabel. Madankollu, Ġesù wera mod ieħor, billi ħeġġeġ id-​dixxerniment minħabba li l-​“profanazzjoni” kienet għad trid tidher u tieqaf f’“post imqaddes.” Huwa evidenti li Ġesù kien qed jirreferi għall-​armata Rumana li kellha tiġi fis-​sena 66 E.K. b’emblemi distintivi. Dawn l-​istandardi, li kienu ilhom jintużaw, kienu tistaʼ tgħid idoli u kienu moqżieża għal-​Lhud.a Iżda, meta kellhom ‘ikunu f’post imqaddes’? Dan ġara meta l-​armata Rumana, bl-​emblemi tagħha, attakkat lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha, li l-​Lhud kienu jikkunsidrawh bħala qaddis. Ir-​Rumani saħansitra bdew iħaffru mina taħt il-​ħajt fl-​inħawi tat-​tempju. Verament, dak li kien ilu meqjus bħala moqżież issa kien qiegħed f’post qaddis!—Isaija 52:1; Mattew 4:5; 27:53; Atti 6:13.

“Profanazzjoni” fi Żmienna

7. Liema profezija taʼ Ġesù qed titwettaq fi żmienna?

7 Mill-​Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn, aħna rajna t-​twettiq akbar tas-​sinjal taʼ Ġesù ddokumentat f’Mattew kapitlu 24. Iżda ftakar kliemu: “Meta mbagħad taraw il-​profanazzjoni u l-​ħerba fit-​tempju [“fil-​post imqaddes,” Saydon], . . . ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija.” (Mattew 24:15, 16) Dan l-​aspett tal-​profezija bilfors irid ikollu twettiq fi żmienna wkoll.

8. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif identifikaw għal snin sħaħ “il-​profanazzjoni” taʼ żmienna?

8 Waqt li wera l-​fiduċja tal-​qaddejja taʼ Jehovah li din il-​profezija se titwettaq, The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1921, iffoka fuqha f’konnessjoni maʼ żviluppi fil-​Lvant Nofsani. Sussegwentement, fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Diċembru, 1929, The Watchtower, f’paġna 374 qal definittivament: “It-​tendenza kollha tal-​Lega tan-​Nazzjonijiet hi li tbiegħed lin-​nies minn Alla u minn Kristu, u minħabba f’hekk hija ħaġa li tagħmel ħerba, il-​prodott taʼ Satana, u abominazzjoni f’għajnejn Alla.” Għalhekk fl-​1919 feġġet “il-​profanazzjoni.” Maż-​żmien, il-​Lega ċediet postha għall-​Ġnus Magħquda. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ilhom ħafna li kixfu lil dawn l-​organizzazzjonijiet bħala li huma moqżieża f’għajnejn Alla.

9, 10. Fehma iktar bikrija tat-​tribulazzjoni l-​kbira kif influwenzat il-​ħarsa tagħna dwar iż-​żmien meta l-​“profanazzjoni” kellha tkun qegħda f’post imqaddes?

9 L-​artiklu taʼ qabel ta fil-​qosor ħarsa ċċarata taʼ ħafna mill-​kontenut taʼ Mattew 24 u 25. Nistgħu bix-​xieraq nistennew li hemm xi kjarifika rigward ‘il-​profanazzjoni fil-​post imqaddes’? Milli jidher, iva. Il-​profezija taʼ Ġesù tagħmel konnessjoni bejn li ‘qegħda fil-​post imqaddes’ maʼ li tfaqqaʼ t-​“tribulazzjoni” mbassra. Għaldaqstant, avolja “il-​profanazzjoni” ilha teżisti, il-​konnessjoni taʼ bejn il-​fatt li ‘qegħda fil-​post imqaddes’ u t-​tribulazzjoni l-​kbira għandha teffettwalna l-​ħsieb tagħna. Kif?

10 Il-​poplu t’Alla darba kien jaħseb li l-​ewwel fażi tat-​tribulazzjoni l-​kbira bdiet fl-​1914 u li l-​parti finali kellha tiġi fil-​battalja t’Armageddon. (Apokalissi 16:14, 16; qabbel The Watchtower taʼ l-​1 t’April, 1939, paġna 110.) Għalhekk, nistgħu nifhmu għala darba kienu jaħsbu li l-​“profanazzjoni” taʼ l-​aħħar żmien bilfors li kienet fil-​post imqaddes ftit wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija.

11, 12. Fl-​1969, liema ħarsa aġġustata dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira ġiet ippreżentata?

11 Madankollu, fis-​snin taʼ wara bdejna naraw l-​affarijiet b’mod differenti. Nhar il-​Ħamis, 10 taʼ Lulju, 1969, fl-​Assemblea Internazzjonali “Paċi fuq l-​Art” li saret fi New York City, F. W. Franz, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society, ta taħdita verament eċċitanti. Waqt li rreveda l-​fehma taʼ qabel tal-​profezija taʼ Ġesù, Ħuna Franz qal: “Ngħatat l-​ispjegazzjoni li ‘t-​tribulazzjoni l-​kbira’ kienet bdiet fl-​1914 E.K. u li ma tħallietx twettaq il-​korsa kollha tagħha f’dak iż-​żmien għar-​raġuni li Alla waqqaf l-​Ewwel Gwerra Dinjija f’Novembru taʼ l-​1918. Minn dakinhar ’l hawn Alla kien qed iħalli intervall għall-​attività tal-​fdal midluk tiegħu taʼ Kristjani magħżulin qabel ma jħalli l-​parti finali tat-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ terġaʼ tibda fil-​battalja t’Armageddon.”

12 Imbagħad ġiet offruta spjegazzjoni aġġustata b’mod sinjifikanti: “Biex tikkorrispondi mal-​ġrajjiet taʼ l-​ewwel seklu, . . . it-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ antitipika ma bdietx fl-​1914 E.K. Pjuttost, dak li seħħ fuq l-​antitip modern taʼ Ġerusalemm bejn l-​1914 u l-​1918 kien sempliċement ‘bidu taʼ tbatija kbira’ . . . It-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ li qatt ma se jerġaʼ jkun hawn bħalha għad trid tiġi, għax din tfisser il-​qerda taʼ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza (inkluż il-​Kristjaneżmu) segwita mill-​‘gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox’ f’Armageddon.” Dan kien ifisser li t-​tribulazzjoni l-​kbira kollha kemm hi kienet għadha trid tiġi.

13. Għala huwa loġiku li tgħid li l-​“profanazzjoni” se tkun ‘qegħda fil-​post imqaddes’ fil-​futur?

13 Dan għandu konnessjoni diretta maʼ li nindunaw meta l-​“profanazzjoni” tkun qegħda f’post imqaddes. Ftakar ftit x’ġara fl-​ewwel seklu. Ir-​Rumani attakkaw lil Ġerusalemm fis-​sena 66 E.K., imma f’daqqa waħda rtiraw, u dan ta ċans lill-​‘bnedmin’ Kristjani biex isalvaw. (Mattew 24:22) Fi qbil maʼ dan, aħna nistennew li t-​tribulazzjoni l-​kbira tibda dalwaqt, imma din se titqassar minħabba l-​maħturin t’Alla. Innota dan il-​punt fundamentali: Fil-​mudell l-​antik, ‘il-​profanazzjoni u l-​ħerba fil-​post imqaddes’ kienu konnessi maʼ l-​attakk Ruman taħt il-​Ġeneral Gallu fis-​sena 66 E.K. Il-​parallel taʼ żmienna taʼ dak l-​attakk​—meta tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira—​għadu ġej. Għalhekk, “il-​profanazzjoni u l-​ħerba,” li eżistew mill-​1919, evidentement għad iridu joqogħdu f’post qaddis.b Dan kif se jiġri? U kif nistgħu nkunu effettwati?

Attakk Futur

14, 15. Apokalissi kapitlu 17 kif jgħinna nifhmu l-​ġrajjiet li se jwasslu għal Armageddon?

14 Il-​ktieb t’Apokalissi jiddeskrivi attakk distruttiv fil-​futur fuq ir-​reliġjon falza. Kapitlu 17 jindika l-​ġudizzju t’Alla kontra “Babilonja l-​Kbira, omm in-​nisa żienja”​—l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Il-​Kristjaneżmu għandu parti ċentrali u jsostni li għandu relazzjoni taʼ patt m’Alla. (Qabbel Ġeremija 7:4.) Ir-​reliġjonijiet foloz, inkluż il-​Kristjaneżmu, ilhom żmien twil ikollhom relazzjonijiet illeċiti mas-​“slaten taʼ l-​art,” imma dan se jintemm billi dawn ir-​reliġjonijiet isiru ħerba. (Apokalissi 17:2, 5) Taħt idejn min se jintemmu?

15 Apokalissi jagħtina stampa taʼ ‘bhima taʼ lewn aħmar dagħmieni’ li teżisti għal xi żmien, tisparixxi, u terġaʼ tirritorna. (Apokalissi 17:3, 8) Din il-​bhima hija appoġġata minn ħakkiema dinjin. Id-​dettalji fornuti fil-​profezija jgħinuna nidentifikaw lil din il-​bhima simbolika bħala l-​organizzazzjoni tal-​paċi li bdiet teżisti fl-​1919 bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet (“il-​profanazzjoni”) u li issa hija l-​Ġnus Magħquda. Apokalissi 17:​16, 17 juri li Alla għad irid ipoġġi fil-​qlub taʼ ċerti ħakkiema umani li huma prominenti f’din il-​“Bhima” biex jagħmlu ħerba mill-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Dan l-​attakk jimmarka l-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira.

16. Liema żviluppi notevoli qed iseħħu li jinvolvu r-​reliġjon?

16 Ladarba l-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira għadu fil-​futur, il-​parti tal-​profezija ‘qegħda fil-​post imqaddes’ għad trid iseħħ? L-​evidenza hekk turi. Waqt li l-​“profanazzjoni” feġġet kmieni f’dan is-​seklu u b’hekk ilha teżisti għal għexur taʼ snin, din se tieħu pożizzjoni b’mod uniku “fil-​post imqaddes” fil-​futur qarib. Bħalma s-​segwaċi taʼ Kristu taʼ l-​ewwel seklu min jaf kemm qagħdu b’sebaʼ għajnejn biex jaraw kif kienet se tiżviluppa l-​parti tal-​profezija ‘qegħda fil-​post imqaddes,’ hekk ukoll jagħmlu l-​Kristjani tal-​lum. Irridu nammettu, se jkollna nistennew it-​twettiq attwali biex inkunu nafu d-​dettalji kollha. Madankollu, huwa notevoli li f’xi pajjiżi diġà qed tinħass antipatija li dejjem qed tiżdied lejn ir-​reliġjon. Xi elementi politiċi, f’alleanza maʼ dawk li qabel kienu Kristjani u li telqu mill-​vera reliġjon, qegħdin jippromwovu ostilità kontra r-​reliġjon in ġenerali u partikolarment kontra l-​Kristjani veri. (Salm 94:20, 21; 1 Timotju 6:20, 21) B’riżultat taʼ dan, il-​qawwiet politiċi saħansitra issa qed “jagħmlu gwerra lill-​Ħaruf,” u bħalma jindika Apokalissi 17:14, din il-​ġlieda se tiħrax. Waqt li ma jistgħux litteralment imiddu idejhom fuq il-​Ħaruf t’Alla​—Ġesù Kristu fl-​istat eżaltat u gglorifikat tiegħu—​huma se jkomplu jiżvogaw l-​oppożizzjoni tagħhom kontra l-​adoraturi veri t’Alla, partikolarment fuq il-​“qaddisin” tiegħu. (Danjel 7:25; qabbel Rumani 8:27; Kolossin 1:2; Apokalissi 12:17.) Aħna għandna l-​assiguranza divina li l-​Ħaruf u dawk li jkunu miegħu se joħorġu rebbiħin.—Apokalissi 19:11-21.

17. Mingħajr ma nkunu dommatiċi, x’nistgħu ngħidu dwar kif “il-​profanazzjoni” se tkun qegħda f’post imqaddes?

17 Nafu li hemm ħerba sħiħa tistenna lir-​reliġjon falza. Babilonja l-​Kbira tinsab “fis-​sakra bid-​demm tal-​qaddisin” u aġixxiet bħala sultana, imma l-​qerda tagħha hija ċerta. L-​influwenza moqżieża li eżerċitat fuq is-​slaten taʼ l-​art se tinbidel b’mod drammatiku hekk kif dik ir-​relazzjoni tinbidel f’waħda taʼ mibegħda vjolenti min-​naħa taʼ “l-​għaxart iqrun u l-​Bhima.” (Apokalissi 17:6, 16; 18:7, 8) Meta l-​“Bhima taʼ lewn aħmar dagħmieni” tattakka lill-​mara żienja reliġjuża, “il-​profanazzjoni” se tkun wieqfa b’mod taʼ theddida fl-​hekk imsejjaħ post imqaddes tal-​Kristjaneżmu.c Hekk se tibda l-​ħerba fuq il-​Kristjaneżmu bla fidi, u li jilgħabha tal-​qaddis.

‘Naħarbu’​—Kif?

18, 19. Liema raġunijiet jingħataw biex juru illi li “jaħarbu lejn l-​għoljiet” ma jfissirx li jibdlu r-​reliġjon?

18 Wara li bassar dwar li ‘l-​profanazzjoni tkun qegħda fil-​post imqaddes,’ Ġesù wissa lil dawk li jindunaw biex jaġixxu. Ried hu jfisser li f’dak l-​istadju daqshekk avanzat​—meta l-​“profanazzjoni” tkun ‘qegħda fil-​post imqaddes’​—se jkun hemm ħafna nies li se jaħarbu mir-​reliġjon falza u jibdew jipprattikaw il-​qima vera? Diffiċli. Ikkunsidra l-​ewwel twettiq. Ġesù qal: “Ħa jaħarbu mbagħad lejn l-​għoljiet dawk li jkunu fil-​Lhudija; u min ikun fuq il-​bejt, ara li ma jinżilx biex jidħol ġewwa jieħu xi ħaġa mid-​dar; anqas min ikun fir-​rabaʼ ma għandu jerġaʼ lura biex jieħu l-​mantar tiegħu. Jaħasra għalihom in-​nisa li f’dawk il-​jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Itolbu li dan kollu ma jiġrix fix-​xitwa.” (Korsiv tagħna.)—Mark 13:14-18.

19 Ġesù ma qalx li dawk biss f’Ġerusalemm kellhom bżonn jaħarbu, bħallikieku l-​punt tiegħu kien li huma kellhom bżonn joħorġu miċ-​ċentru tal-​qima Lhudija; it-​twissija tiegħu lanqas ma semmiet li kellhom jibdlu r-​reliġjon​—li jaħarbu mill-​waħda falza u jidħlu f’dik vera. Id-​dixxipli taʼ Ġesù ċertament ma kellhom bżonn taʼ ebda twissija dwar li jaħarbu minn reliġjon waħda għal ġo l-​oħra; huma diġà kienu saru Kristjani veri. U l-​attakk fis-​sena 66 E.K. ma qanqalx lil dawk li kienu jipprattikaw il-​Ġudaiżmu f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha biex jabbandunaw dik ir-​reliġjon u jaċċettaw il-​Kristjanità. Il-​Professur Heinrich Graetz jgħid li dawk li ġrew wara r-​Rumani reġgħu marru lura lejn il-​belt: “Iż-​Żelaturi, waqt li b’leħen għoli kantaw għanjiet trijonfanti tal-​gwerra, irritornaw lejn Ġerusalemm (fit-8 t’Ottubru), b’qalbhom tħabbat bit-​tama ferriħija taʼ libertà u indipendenza. . . . Ma kienx Alla għenhom bl-​istess mod ħanin li kien għen lil missirijiethom? Qlub iż-​Żelaturi ma kinux beżgħanin dwar il-​futur.”

20. Id-​dixxipli bikrin taʼ Ġesù kif wieġbu għat-​twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu lejn l-​għoljiet?

20 Allura, dak in-​numru komparattivament żgħir taʼ dawk magħżulin lura f’dak iż-​żmien kif aġixxa fuq il-​parir taʼ Ġesù? Billi telqu mil-​Lhudija u ħarbu lejn l-​għoljiet fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan, huma wrew li ma kienu ebda parti mis-​sistema Lhudija, politikament jew reliġjożament. Huma telqu l-​għelieqi u d-​djar, u lanqas saħansitra ma ħadu l-​affarijiet minn ġo djarhom. Fiduċjużi mill-​protezzjoni u l-​appoġġ taʼ Jehovah, huma poġġew il-​qima tiegħu qabel kull ħaġa oħra li setgħet tidher importanti.—Mark 10:29, 30; Luqa 9:57-62.

21. Liema ħaġa m’għandniex nistennew meta tattakka l-​“profanazzjoni”?

21 Ikkunsidra, issa, it-​twettiq akbar. Aħna ilna għal ħafna għexur taʼ snin inħeġġu lin-​nies biex joħorġu mir-​reliġjon falza u jibdew jipprattikaw il-​qima vera. (Apokalissi 18:4, 5) Ħafna miljuni hekk għamlu. Il-​profezija taʼ Ġesù ma tindikax li ladarba tkun faqqgħet it-​tribulazzjoni l-​kbira, se jkun hemm mases taʼ nies li se jduru għall-​qima pura; ċertament li ma kien hemm ebda konverżjoni tal-​massa taʼ Lhud fis-​sena 66 E.K. Madankollu, il-​Kristjani veri se jkollhom inċentiva kbira biex japplikaw it-​twissija taʼ Ġesù u jaħarbu.

22. X’jistaʼ jkun involut f’li napplikaw il-​parir taʼ Ġesù biex naħarbu lejn l-​għoljiet?

22 Fil-​preżent ma jistax ikollna d-​dettalji kollha dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira, imma nistgħu nikkonkludu b’mod loġiku li għalina l-​ħarba li Ġesù tkellem dwarha m’hijiex se tkun f’sens ġeografiku. In-​nies t’Alla diġà qegħdin mal-​globu kollu, tistaʼ tgħid f’kull rokna tiegħu. Nistgħu nkunu żguri, iżda, li meta jkun hemm bżonn li jaħarbu, il-​Kristjani se jkollhom ikomplu jżommu distinzjoni ċara bejnhom u bejn l-​organizzazzjonijiet reliġjużi foloz. Huwa sinjifikanti wkoll li Ġesù wissa dwar li ma mmorrux lura lejn darna biex inġibu ħwejjeġ jew affarijiet oħrajn. (Mattew 24:17, 18) Mela għandu mnejn ikun hemm provi iktar ’il quddiem li jinvolvu kif aħna nqisu l-​affarijiet materjali; huma dawn l-​iktar ħaġa importanti, jew hija iktar importanti s-​salvazzjoni li se tiġi għal kulmin qiegħed fuq in-​naħa t’Alla? Iva, li naħarbu jistaʼ jinvolvi xi tbatijiet u ċaħdiet. Irridu nkunu lesti li nagħmlu dak li jkun hemm bżonn, bħalma għamlu l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu li kienu fl-​istess sitwazzjoni tagħna meta ħarbu mil-​Lhudija għall-​Perija, fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan.

23, 24. (a) Fejn biss se nsibu l-​protezzjoni? (b) Liema effett għandha jkollha fuqna t-​twissija taʼ Ġesù dwar ‘il-​profanazzjoni li qegħda fil-​post imqaddes’?

23 Irridu nkunu ċerti li r-​refuġju tagħna jkompli jkun Jehovah u l-​organizzazzjoni bħal muntanja tiegħu. (2 Samwel 22:2, 3; Salm 18:3 [Salm 18:2, NW]; Danjel 2:35, 44) Huwa hawn li se nsibu l-​protezzjoni! Aħna mhux se nimitaw lill-​mases taʼ bnedmin li se jaħarbu lejn l-​“għerien” u jistaħbew “qalb il-​blat tal-​muntanji”​—l-​organizzazzjonijiet u l-​istituzzjonijiet umani li għandhom mnejn jibqgħu għal perijodu qasir ħafna wara li Babilonja l-​Kbira tintgħamel ħerba. (Apokalissi 6:15; 18:9-11) Veru, iż-​żminijiet għandhom mnejn isiru iktar diffiċli​—bħalma żgur li kienu fis-​sena 66 E.K. għan-​nisa tqal li ħarbu mil-​Lhudija jew għal kulmin kellu jivvjaġġa f’temp kiesaħ u bix-​xita. Imma nistgħu nibqgħu ċerti li Alla se jagħmel is-​sopravivenza possibbli. Ejja saħansitra issa nkomplu nsaħħu l-​mod kif aħna nistrieħu fuq Jehovah u fuq Ibnu, li issa qed isaltan bħala Sultan tas-​Saltna.

24 M’hemm ebda raġuni għala aħna għandna ngħixu fil-​biżaʼ minħabba dak li se jiġri. Ġesù ma riedx li d-​dixxipli tiegħu jkunu beżgħanin lura f’dak iż-​żmien, u ma jridx li aħna noqogħdu nibżgħu, la issa u lanqas fil-​jiem li ġejjin. Hu wissiena minn qabel sabiex inkunu nistgħu nippreparaw qalbna u moħħna. Wara kollox, il-​Kristjani ubbidjenti m’humiex se jiġu kkastigati meta tiġi l-​qerda fuq ir-​reliġjon falza u l-​bqija taʼ din is-​sistema mill-​agħar. Huma se juru dixxerniment u jagħtu kas it-​twissija dwar ‘il-​profanazzjoni fil-​post imqaddes.’ U se jaġixxu b’mod deċiżiv fuq il-​fidi tagħhom li ma titħarrikx. Jalla qatt ma ninsew dak li Ġesù wiegħed: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.”—Mark 13:13.

[Noti taʼ taħt]

a “L-​istandardi Rumani kienu mgħassa b’venerazzjoni reliġjuża fit-​tempji taʼ Ruma; u maʼ kull suċċess militari li kien ikollhom kienet tiżdied ir-​riverenza taʼ dawn in-​nies għall-​emblemi. . . . [Għas-suldati] dawn kienu forsi l-​iktar affarijiet sagri li kienu jeżistu fuq l-​art. Is-​suldat Ruman kien jaħlef fuq l-​emblema tiegħu.”​—The Encyclopædia Britannica, 11th Edition.

b Għandu jiġi nnotat li waqt li t-​twettiq tal-​kliem taʼ Ġesù fis-​snin bejn is-​66 u 70 E.K. jistaʼ jgħinna nifhmu kif dan se jitwettaq fit-​tribulazzjoni l-​kbira, iż-​żewġ twettiqiet ma jistgħux ikunu paralleli b’mod eżatt għaliex it-​twettiqiet iseħħu fi sfondi differenti.

c Ara The Watchtower, tal-​15 taʼ Diċembru, 1975, paġni 741-4.

Tiftakar Int?

◻ “Il-​profanazzjoni u l-​ħerba” kif għamlu d-​dehra tagħhom fl-​ewwel seklu?

◻ Għala huwa raġunevoli li taħseb li l-​“profanazzjoni” taʼ żmienna se toqgħod f’post imqaddes fi żmien fil-​futur?

◻ Liema attakk minn “profanazzjoni” jiġi mbassar f’Apokalissi?

◻ Liema tip taʼ ‘ħarba’ għad tistaʼ tkun meħtieġa min-​naħa tagħna?

[Stampa f’paġna 16]

Babilonja l-​Kbira tissejjaħ “omm in-​nisa żienja”

[Stampa f’paġna 17]

Il-​Bhima taʼ lewn aħmar dagħmieni misjuba f’Apokalissi kapitlu 17 hija l-​“profanazzjoni” li għaliha rrefera Ġesù

[Stampa f’paġna 18]

Il-​Bhima taʼ lewn aħmar dagħmieni se tagħmel attakk li jġib ħerba fuq ir-​reliġjon

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja