LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 7/15 pp. 9-15
  • “Qorob il-ħelsien tagħkom”!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Qorob il-ħelsien tagħkom”!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​BIDU TAT-​TRIBULAZZJONI L-​KBIRA
  • ŻMIEN TAʼ PROVA U ĠUDIZZJU
  • JIDDU FIS-​SALTNA
  • Is-Saltna t’Alla teqred l-għedewwa tagħha
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Ibqaʼ leali matul it-“tribulazzjoni kbira”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • X’inhi t-​tribulazzjoni l-​kbira?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • “Għidilna, Dan Meta Se Jseħħ?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 7/15 pp. 9-15
Familja Kristjana fl-ewwel seklu jħarsu minn fuq il-bejt hekk kif is-sur taʼ barra tat-tempju jiġġarraf

“Qorob il-​ħelsien tagħkom”!

“Qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-​ħelsien tagħkom.”—LUQA 21:28.

GĦANJIET: 133, 43

INT KIF TWIEĠEB?

  • Liema ġrajjiet simili għal dawk fis-​sena 66 WK se nesperjenzaw dalwaqt?

  • Liema żmien taʼ prova se jkun hemm wara li tinqered “Babilonja l-​Kbira”?

  • Mattew 24:31 jirreferi għal liema xogħol taʼ ġbir?

1. Liema ġrajjiet seħħew fis-​sena 66 WK? (Ara l-​ewwel stampa.)

IMMAĠINA li kont Kristjan li qed jgħix f’Ġerusalemm fis-​sena 66 WK. Kienu qed jiġru ħafna affarijiet f’dan iż-​żmien. Uffiċjal Ruman jismu Floru kien seraq 17-​il talent mit-​teżor tat-​tempju. Il-​Lhud mill-​ewwel irrabjaw ferm. Qatlu ħafna suldati Rumani u ddikjaraw li huma indipendenti minn Ruma. Imma Ruma ma kinitx se tħallihom jgħadduha lixxa. Fi żmien tliet xhur, 30,000 suldat immexxijin minn Ċestju Gallu kienu dawru lil Ġerusalemm. Ir-​ribelli Lhud inħbew fit-​tempju, imma s-​suldati Rumani eventwalment waslu ħdejn is-​sur taʼ barra tat-​tempju u pprovaw iwaqqgħuh. Kull min kien fil-​belt beda jippanikja. Kif kont tħossok hekk kif tara dan kollu jiżvolġi quddiem għajnejk?

2. Il-​Kristjani x’kellhom jagħmlu meta raw is-​suldati Rumani jdawru l-​belt tagħhom, u dan kif kien possibbli?

2 Int tiftakar li snin qabel, Ġesù kien wissa lid-​dixxipli tiegħu dwar din il-​ġrajja u kien ta dawn l-​istruzzjonijiet: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-​kampijiet taʼ l-​armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-​ħerba tagħha. Imbagħad dawk li jkunu fil-​Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-​muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha, u dawk li jkunu fil-​kampanja ħa ma jidħlux fiha.” (Luqa 21:20, 21) Imma kif se jkun possibbli għalik li tobdi l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù biex titlaq minn Ġerusalemm meta hemm is-​suldati madwar il-​belt? Imbagħad, tiġri xi ħaġa tal-​għaġeb. L-​armata Rumana titlaq minn Ġerusalemm ħabta u sabta! Bħalma kien qal Ġesù, l-​attakk ‘tqassar’ għax twaqqaf għal ftit. (Mattew 24:22) Issa li kienet telqet l-​armata, kellek l-​opportunità li tobdi lil Ġesù billi minnufih taħrab lejn il-​muntanji flimkien mal-​Kristjani leali l-​oħra kollha.a (Ara n-​nota taʼ taħt.) Iktar tard, fis-​sena 70 WK, armata Rumana oħra tirritorna Ġerusalemm. Din id-​darba, teqred lill-​belt. Imma peress li int obdejt l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù, salvajt.

3. Il-​Kristjani liema sitwazzjoni simili se jesperjenzaw dalwaqt, u x’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 It-​twissija u l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù japplikaw ukoll għal żmienna. Fi żmien tassew qasir, se nsibu ruħna f’sitwazzjoni simili. Ġesù uża l-​ġrajjiet fl-​ewwel seklu biex jispjega x’kien se jiġri meta f’daqqa waħda tibda t-​‘tribulazzjoni l-​kbira.’ (Mattew 24:3, 21, 29) Bħalma kien hemm Kristjani leali li salvaw mill-​qerda taʼ Ġerusalemm, hekk ukoll se jkun hemm “folla kbira” li se ssalva mid-​diżastru globali li riesaq. (Aqra Rivelazzjoni 7:9, 13, 14.) Hu importanti ħafna li nifhmu dak li tgħidilna l-​Bibbja dwar dawn il-​ġrajjiet futuri. Għala? Għax hemm ħajjitna fin-​nofs. Għalhekk, ejja niddiskutu kif dawn il-​ġrajjiet se jeffettwawna persunalment.

IL-​BIDU TAT-​TRIBULAZZJONI L-​KBIRA

4. Kif se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira?

4 Kif se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira? Bil-​qerda tar-​reliġjon falza. Fil-​Bibbja, ir-​reliġjon falza tiġi msejħa “Babilonja l-​Kbira, omm il-​prostituti.” (Rivelazzjoni 17:5-​7) Ir-​reliġjon falza għala tiġi msejħa prostituta? Għax il-​kleru tagħha ma kienx leali lejn Alla. Minflok m’appoġġa b’lealtà lil Ġesù u s-​Saltna tiegħu, il-​kleru appoġġa l-​gvernijiet umani u injora t-​tagħlim tal-​Bibbja ħalli jkollu iktar poter. Il-​qima tal-​kleru mhix bħall-​qima nadifa tal-​midlukin. (2 Korintin 11:2; Ġakbu 1:27; Rivelazzjoni 14:4) Imma min se jeqred lil Babilonja l-​Kbira? Ġeħova se jġiegħel lill-​“għaxart iqrun” tal-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat . . . iwettqu l-​ħsieb tiegħu.” Il-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat” tirrappreżenta l-​Ġnus Magħquda, u “l-​għaxart iqrun” jirrappreżentaw il-​qawwiet politiċi kollha li jappoġġawha.—Aqra Rivelazzjoni 17:3, 16-18.

5, 6. Għala ngħidu li l-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira ma tfissirx il-​mewt tal-​membri kollha tagħha?

5 Se jinqatlu l-​membri kollha tar-​reliġjon falza meta Babilonja l-​Kbira tiġi meqruda? Le. Ġeħova nebbaħ lill-​profeta Żakkarija biex jikteb dwar x’se jiġri. F’dak iż-​żmien, xi ħadd li darba kien parti mir-​reliġjon falza se jgħid: “‘M’iniex profeta. Jien raġel li qed naħdem l-​art, għax bniedem xtrani bi lsir sa minn żgħożiti ’l quddiem.’ U jintqallu, ‘X’inhuma dawn il-​feriti li għandek bejn spallejk?’ U hu se jkollu jgħid, ‘Indrabt bihom fid-​dar taʼ dawk li jħobbuni bil-​kbir.’” (Żakkarija 13:4-​6) Allura anke l-​mexxejja reliġjużi se jagħmlu tabirruħhom li mhumiex reliġjużi u se jgħidu li qatt ma kienu parti minn dawn ir-​reliġjonijiet foloz.

6 X’se jiġri lin-​nies t’Alla matul dak iż-​żmien? Ġesù jispjega: “Fil-​fatt, kieku dawk il-​jiem ma jitqassrux, ebda bniedem ma jiġi salvat; imma minħabba l-​magħżulin dawk il-​jiem jitqassru.” (Mattew 24:22) Fis-​sena 66 WK, it-​tribulazzjoni f’Ġerusalemm ‘tqassret.’ Dan ta ċans biex “il-​magħżulin,” jew, il-​Kristjani midlukin, jaħarbu. B’mod simili, l-​ewwel parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira se ‘titqassar’ minħabba “l-​magħżulin.” Il-​qawwiet politiċi, jew, “l-​għaxart iqrun,” mhux se jitħallew jeqirdu lin-​nies t’Alla. Minflok, se jkun hemm perijodu qasir taʼ kalmezza wara li jispiċċa l-​ewwel attakk, jiġifieri wara l-​qerda tar-​reliġjonijiet foloz kollha.

ŻMIEN TAʼ PROVA U ĠUDIZZJU

7, 8. (a) Liema opportunità se jkun hemm wara l-​qerda tar-​reliġjon falza? (b) In-​nies t’Alla kif se jkunu differenti min-​nies l-​oħra kollha f’dak iż-​żmien?

7 X’se jiġri wara l-​qerda tar-​reliġjon falza? Se jkun iż-​żmien biex nuru x’verament hemm ġo qalbna. F’dak iż-​żmien, il-​biċċa l-​kbira mill-​bnedmin se jipprovaw jiksbu l-​protezzjoni u l-​għajnuna mingħand organizzazzjonijiet umani, “il-​blat tal-​muntanji.” (Rivelazzjoni 6:15-​17) Imma n-​nies taʼ Ġeħova se jduru lejh għall-​protezzjoni. Meta l-​attakk ‘tqassar’ fl-​ewwel seklu, dan ma kienx iż-​żmien biex il-​Lhud kollha f’daqqa waħda jaqilbu r-​reliġjon u jsiru Kristjani. Minflok, kien iż-​żmien biex dawk li ġa kienu Kristjani jaħarbu minn Ġerusalemm bħalma kien qalilhom Ġesù. B’mod simili fil-​futur, meta l-​attakk kontra Babilonja l-​Kbira ‘jitqassar,’ ma nistgħux nistennew li ħafna nies f’daqqa waħda se jikkonvertu għall-​Kristjanità vera. Minflok, dan se jkun opportunità għall-​aduraturi veri kollha biex juru biċ-​ċar li jħobbu lil Ġeħova u biex jappoġġaw lill-​midlukin.—Mattew 25:34-​40.

Se jkollna opportunità biex nuru biċ-​ċar li nħobbu lil Ġeħova u biex nappoġġaw lill-​midlukin

8 Ma nafux eżatt x’se jiġri matul dak iż-​żmien taʼ prova. Madanakollu, nistennew li l-​ħajja mhix se tkun faċli u li se jkollna bżonn nagħmlu sagrifiċċji. Fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani kellhom jitilqu djarhom u jissaportu d-​diffikultajiet sabiex isalvaw. (Marku 13:15-​18) Għandna nsaqsu lilna nfusna: ‘Lest jien li nħalli warajja l-​affarijiet materjali? Lest li nagħmel kulma hemm bżonn ħalli nibqaʼ leali lejn Ġeħova?’ Aħseb ftit! F’dak iż-​żmien, se nkunu l-​uniċi nies li jkunu qed jaqdu lill-​Alla tagħna jiġri x’jiġri, bħalma għamel il-​profeta Danjel.—Danjel 6:10, 11.

Se jkun wasal żmien “it-​tmiem”!

9, 10. (a) In-​nies t’Alla liema messaġġ se jxandru matul it-​tribulazzjoni l-​kbira? (b) L-​għedewwa tan-​nies t’Alla kif se jirreaġixxu?

9 Mhux se jkun il-​waqt li nippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna” matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Se jkun għadda ż-​żmien biex inxandru dan il-​messaġġ. Se jkun wasal żmien “it-​tmiem”! (Mattew 24:14) In-​nies t’Alla bil-​qlubija se jxandru messaġġ qawwi taʼ ġudizzju li se jeffettwa lin-​nies kollha. Il-​messaġġ jistaʼ jkun li d-​dinja mill-​agħar taʼ Satana waslet biex tinqered għalkollox. Il-​Bibbja tqabbel dan il-​messaġġ maʼ silġ meta tgħid: “Silġ oħxon b’kull silġa tiżen madwar talent niżel mis-​sema fuq il-​bnedmin, u l-​bnedmin dgħaw b’Alla minħabba l-​kastig tas-​silġ, għax il-​kastig kien kbir b’mod mhux tas-​soltu.”—Rivelazzjoni 16:21.

10 L-​għedewwa tagħna se jisimgħu dan il-​messaġġ qawwi. Ġeħova nebbaħ lill-​profeta Eżekjel biex jispjega kif grupp taʼ ġnus, li fil-​Bibbja jissejjaħ Gog taʼ Magog, se jirreaġixxi: “Hekk qal il-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘U jiġri dakinhar li f’qalbek jiġuk xi ħsibijiet, u int taħseb fi pjan taʼ ħsara; u tgħid: “Se nitlaʼ kontra l-​pajjiż li jinsab fil-​kampanja miftuħa. Nidħol fuq dawk li qegħdin fil-​kwiet, li jgħammru fis-​sigurtà, ilkoll jgħammru mingħajr swar, u lanqas biss għandhom staneg u bibien.” Dan se tagħmlu biex taħtaf priża kbira u biex tisraq ħafna, sabiex terfaʼ idek fuq postijiet imħarbtin li ġew mgħammrin mill-​ġdid u fuq poplu miġbur mill-​ġnus, wieħed li qed jiġmaʼ għana u proprjetà, dawk li qed jgħammru fiċ-​ċentru taʼ l-​art.’” (Eżekjel 38:10-​12) F’sens spiritwali, in-​nies t’Alla se jispikkaw bħala li huma differenti min-​nies l-​oħra kollha, bħallikieku qed “jgħammru fiċ-​ċentru taʼ l-​art.” Meta jaraw dan, il-​ġnus mhux se jkunu kapaċi jżommu lura iktar. Iva, se jkunu ħerqanin biex jattakkaw lill-​midlukin taʼ Ġeħova u lil dawk li jappoġġawhom.

11. (a) Xi rridu niftakru dwar l-​ordni taʼ kif se jiġru l-​affarijiet matul it-​tribulazzjoni l-​kbira? (b) In-​nies kif se jirreaġixxu meta jaraw is-​sinjali?

11 Imbagħad x’se jiġri? Il-​Bibbja ma tgħidilniex l-​ordni eżatt taʼ kif se jiġru l-​affarijiet, imma xi ġrajjiet probabbli se jiġru fl-​istess ħin. Fil-​profezija tiegħu dwar il-​konklużjoni taʼ din is-​sistema, Ġesù qal: “Ikun hemm sinjali fix-​xemx u l-​qamar u l-​kwiekeb, u fuq l-​art diqa tal-​ġnus, li ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-​għajat u t-​taqlib tal-​baħar, waqt li n-​nies iħosshom ħażin bil-​biżaʼ u bl-​istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-​art abitata; għax il-​qawwiet tas-​smewwiet jitheżżu. U mbagħad jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fi sħaba b’qawwa u glorja kbira.” (Luqa 21:25-​27; aqra Marku 13:24-26.) Se jinkludi t-​twettiq taʼ din il-​profezija sinjali tal-​biżaʼ u ġrajjiet fis-​sema? Ma nafux, irridu nistennew u mbagħad insiru nafu. Però, dak li nafu hu li meta l-​għedewwa t’Alla jaraw dawn is-​sinjali se jitwerwru u jippanikjaw.

Il-Kristjani jiffaċċjaw it-tribulazzjoni l-kbira b’attitudni pożittiva u bil-fiduċja li se jinħelsu

Nistgħu nkunu fiduċjużi għax nafu li se nsalvaw! (Ara paragrafi 12, 13)

12, 13. (a) X’se jiġri meta Ġesù jiġi “b’qawwa u glorja kbira”? (b) Il-​qaddejja t’Alla kif se jirreaġixxu f’dak iż-​żmien?

12 X’se jiġri meta Ġesù jiġi “b’qawwa u glorja kbira”? Hu se jippremja lil dawk li huma leali u jikkastiga lil dawk li mhumiex. (Mattew 24:46, 47, 50, 51; 25:19, 28-​30) Ġesù uża tixbiha biex jispjega dan b’iktar dettall. Hu qal: “Meta Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu, u l-​anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu. U l-​ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-​nies, wieħed mill-​ieħor, bħalma ragħaj jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż. U jpoġġi lin-​nagħaġ fuq il-​lemin tiegħu u l-​mogħoż fuq ix-​xellug.” (Mattew 25:31-​33) X’se jiġri min-​nagħaġ u l-​mogħoż? Se jiġu ġġudikati. Il-​mogħoż, jew l-​uħud żleali, se “jmorru fil-​qtugħ taʼ dejjem.” Imma n-​nagħaġ, jew l-​uħud leali, se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem.—Mattew 25:46.

13 Il-​mogħoż kif se jirreaġixxu meta jindunaw li se jinqerdu? Se “jibku u jħabbtu fuq sidirhom.” (Mattew 24:30) Imma l-​midlukin u dawk li jappoġġawhom kif se jirreaġixxu? Se jagħmlu dak li qal Ġesù: “Malli jibdew iseħħu dawn l-​affarijiet, qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-​ħelsien tagħkom.”—Luqa 21:28.

JIDDU FIS-​SALTNA

14, 15. Liema xogħol taʼ ġbir se jkun hemm wara li jibda l-​attakk taʼ Gog taʼ Magog, u dan kif se jiġri?

14 X’se jiġri wara li Gog taʼ Magog jibda jattakka n-​nies t’Alla? Il-​Bibbja tgħid li Bin il-​bniedem se “jibgħat lill-​anġli u jiġbor flimkien lill-​magħżulin tiegħu mill-​erbat irjieħ, minn tarf l-​art sa tarf is-​sema.” (Marku 13:27; Mattew 24:31) Dan ix-​xogħol taʼ ġbir ma jirreferix għall-​ewwel immarkar bis-​siġill tal-​Kristjani, li beda f’Pentekoste tas-​sena 33 WK. U lanqas ma jirreferi għall-​aħħar immarkar bis-​siġill tal-​midlukin li għad hawn fuq l-​art. (Mattew 13:37, 38) Dan l-​immarkar bis-​siġill se jsir eżatt qabel ma tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. (Rivelazzjoni 7:1-​4) Allura, x’inhu dan ix-​xogħol taʼ ġbir? Hu ż-​żmien meta l-​midlukin li jkun għad hawn fuq l-​art jirċievu l-​premju tagħhom u jitilgħu fis-​sema. (1 Tessalonikin 4:15-​17; Rivelazzjoni 14:1) Din il-​ġrajja se sseħħ xi żmien wara li jibda l-​attakk taʼ Gog taʼ Magog. (Eżekjel 38:11) Imbagħad, bħalma qal Ġesù, “in-​nies sewwa jiddu bħax-​xemx fis-​saltna taʼ Missierhom.”—Mattew 13:43.b (Ara n-​nota taʼ taħt.)

15 Ħafna nies fil-​Kristjaneżmu jemmnu li l-​Kristjani se jittieħdu fis-​sema f’ġisem uman. Ukoll, jaħsbu li se jaraw lil Ġesù jirritorna b’mod viżibbli biex imexxi l-​art. Iżda, il-​Bibbja turi b’mod ċar li Ġesù se jirritorna b’mod inviżibbli meta tgħid: “Jidher fis-​sema s-​sinjal taʼ Bin il-​bniedem” u, Ġesù se jiġi “fuq is-​sħab tas-​sema.” (Mattew 24:30) Il-​Bibbja tgħid ukoll li “l-​laħam u d-​demm ma jistgħux jirtu s-​saltna t’Alla.” Għalhekk, dawk li jittieħdu fis-​sema jridu l-​ewwel ‘jitbiddlu, f’mument, f’ħakka t’għajn, matul l-​aħħar trumbetta.’c (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Aqra l-​1 Korintin 15:50-​53.) Il-​midlukin leali li jkun għad hawn fuq l-​art se jinġabru flimkien f’daqqa.

16, 17. Xi jrid jiġri qabel iż-​żwieġ tal-​Ħaruf?

16 Ladarba l-​144,000 kollha jkunu fis-​sema, jistgħu jinbdew l-​aħħar preparazzjonijiet għat-​tieġ tal-​Ħaruf. (Rivelazzjoni 19:9) Imma trid tiġri xi ħaġ’oħra qabel din il-​ġrajja eċċitanti. Tinsiex li Gog se jattakka lin-​nies t’Alla waqt li l-​fdal tal-​midlukin ikunu għadhom hawn fuq l-​art. (Eżekjel 38:16) In-​nies t’Alla kif se jirreaġixxu? Se jobdu dawn l-​istruzzjonijiet: “Ma jkollkomx għalfejn tiġġieldu din id-​darba. Ħudu postkom, tiċċaqalqux u araw is-​salvazzjoni minn Ġeħova għan-​nom tagħkom. . . . Tibżgħux u titwerwrux.” (2 Kronaki 20:17) Xi żmien wara li jibda l-​attakk taʼ Gog, dawk kollha mill-​midlukin li jkun għad hawn fuq l-​art se jittieħdu fis-​sema. Imbagħad Rivelazzjoni 17:14 jgħidilna dwar ir-​reazzjoni fis-​sema għall-​attakk taʼ Gog. L-​għedewwa tan-​nies t’Alla se “jitqabdu mal-​Ħaruf, imma, peress li hu Sid tas-​sidien u Sultan tas-​slaten, il-​Ħaruf jirbħilhom. Anki dawk li huma msejħin u magħżulin u leali miegħu jirbħulhom.” B’hekk, Ġesù, flimkien mal-​144,000 sultan midluk fis-​sema, se jeħles lin-​nies t’Alla hawn fuq l-​art.

17 Dan se jwassal għall-​gwerra t’Armageddon, li se ġġib glorja lill-​isem qaddis taʼ Ġeħova. (Rivelazzjoni 16:16) Dawk kollha li jiġu ġġudikati bħala li huma mogħoż, jew bħala li huma żleali, se jinqerdu. Mhux se jkun hemm iktar ħażen fuq l-​art, u l-​‘folla l-​kbira’ se tgħaddi ħajja minn Armageddon. Fl-​aħħar, jistaʼ jseħħ it-​tmiem eċċitanti tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni—iż-​żwieġ tal-​Ħaruf! (Rivelazzjoni 21:1-​4)d (Ara n-​nota taʼ taħt.) Dawk kollha fuq l-​art li jibqgħu ħajjin se jgawdu l-​approvazzjoni t’Alla u se jesperjenzaw l-​imħabba u l-​ġenerożità kbira tiegħu. Għandna sebaʼ mitt sena biex jasal dak iż-​żmien. Kemm se nieħdu pjaċir b’din il-​festa tat-​tieġ!—Aqra t-​2 Pietru 3:13.

18. Meta nqisu l-​ġrajjiet eċċitanti li dalwaqt se nesperjenzaw, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

18 Meta nqisu dawn il-​ġrajjiet eċċitanti li dalwaqt se nesperjenzaw, kull wieħed u waħda minna x’għandu jagħmel issa? Ġeħova nebbaħ lill-​appostlu Pietru biex jikteb: “Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-​mod, oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova . . . B’hekk, maħbubin, ladarba qed tistennew dawn l-​affarijiet, agħmlu l-​almu tagħkom biex fl-​aħħar isibkom bla tebgħa u bla difett u fil-​paċi.” (2 Pietru 3:11, 12, 14) Għaldaqstant, ejja nkunu determinati li nżommu l-​qima tagħna nadifa, mingħajr ebda konnessjoni mar-​reliġjon falza, u nappoġġaw lis-​Sultan tal-​Paċi, Ġesù Kristu.

a Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April 2012, paġni 25-​26.

b Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013, paġni 13-​14.

c L-​iġsma fiżiċi tal-​midlukin li jkunu ħajjin f’dak iż-​żmien mhux se jittieħdu fis-​sema. (1 Korintin 15:48, 49) X’aktarx li ġisimhom se jisparixxi bl-​istess mod kif sparixxa taʼ Ġesù.

d Salm 45 ukoll jagħti xi dettalji tal-​ordni kif se jseħħu l-​ġrajjiet. L-​ewwel, is-​Sultan jiġġieled il-​gwerra, u mbagħad ikun hemm iż-​żwieġ.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Iż-​żwieġ tal-​Ħaruf: Kemm il-​Ħaruf u kemm l-​Għarus jirreferu għal Ġesù Kristu. L-​għarusa tirreferi għall-​grupp kollu tal-​Kristjani midlukin meta jkunu fis-​sema. Iż-​żwieġ jirreferi għal meta Ġesù jingħaqad mal-​uħud midlukin irxoxtati kollha ħalli jkunu jistgħu jaħdmu flimkien. Iż-​żwieġ se jseħħ fis-​sema wara l-​gwerra t’Alla t’Armageddon

  • Gog taʼ Magog: Grupp taʼ ġnus li se jingħaqdu flimkien biex jattakkaw in-​nies t’Alla matul it-​tribulazzjoni l-​kbira

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja