Mistoqsijiet mill-Qarrejja
“It-Torri Taʼ L-Għassa” taʼ l-1 taʼ Settembru, 1996, qal: “Fil-parti finali tat-tribulazzjoni, ‘laħam’ li jkun ħarab għal fuq in-naħa taʼ Jehovah se jiġi salvat.” Qiegħed dan jissuġġerixxi li wara l-ewwel fażi tat-tribulazzjoni l-kbira, ħafna wħud ġodda se jiġu fuq in-naħa t’Alla?
Dak ma kienx il-punt li kien qiegħed jintgħamel.
Il-kliem taʼ Ġesù misjub f’Mattew 24:22 se jiġi primarjament imwettaq fil-futur minn salvazzjoni permezz taʼ l-ewwel parti tat-tribulazzjoni l-kbira li ġejja, l-attakk fuq ir-reliġjon. L-artiklu qal: “Ftakar li ‘laħam,’ kemm tal-fdal midlukin u kemm tal-‘kotra kbira,’ diġà se jkun ġie salvat meta Babilonja l-Kbira tispiċċa malajr u kompletament fl-ewwel parti tat-tribulazzjoni.”
Uħud leali bħal dawn ma se jkunu fl-ebda periklu meta Ġesù u l-armata tiegħu tas-sema jaġixxu fil-parti finali tat-tribulazzjoni. Imma min se jgħaddi b’dan il-mod dik il-fażi tat-tribulazzjoni? Apokalissi 7:9, 14 juri li folla kbira li għandhom tama għall-art se jibqgħu ħajjin. Xi ngħidu għall-Kristjani midlukin bl-ispirtu? “Questions From Readers” (Mistoqsijiet Mill-Qarrejja) f’The Watchtower tal-15 t’Awissu, 1990, iddiskuta għala ma nistgħux inkunu dommatiċi dwar meta l-fdal taʼ wħud midlukin se jiġu meħudin lejn is-sema. Għalhekk l-artiklu riċenti (l-1 taʼ Settembru, 1996) ħalla l-kwistjoni miftuħa, billi għamel il-kumment ġenerali: “Bl-istess mod fil-parti finali tat-tribulazzjoni, ‘laħam’ li jkun ħarab għal fuq in-naħa taʼ Jehovah se jiġi salvat.”
Inkwantu għal jekk xi wħud ġodda jkunux jistgħu jitgħallmu l-verità u jiġu fuq in-naħa t’Alla wara li tibda t-tribulazzjoni l-kbira, innota l-kliem taʼ Ġesù iddokumentat f’Mattew 24:29-31. Wara li tfaqqaʼ t-tribulazzjoni, se jfeġġ is-sinjal taʼ Bin il-bniedem. Ġesù qal li t-tribujiet kollha taʼ l-art se jsawtu lilhom infushom u jilmentaw. Hu xejn ma qal dwar li n-nies jintebħu bis-sitwazzjoni, jindmu, imorru fuq in-naħa t’Alla, u jsiru dixxipli veri.
B’mod simili, fil-parabbola tan-ngħaġ u l-mogħoż, Bin il-bniedem ifeġġ u b’ġudizzju jifred in-nies fuq il-bażi taʼ dak li kienu għamlu jew dak li m’għamlux fil-passat. Ġesù ma qal xejn dwar nies li kienu ilhom juru attributi bħal tal-mogħoż u li f’daqqa waħda jikkonvertu u jsiru bħal ngħaġ. Hu jiġi biex jiġġudika fuq il-bażi taʼ dak li n-nies diġà taw prova li huma.—Mattew 25:31-46.
Madankollu, hawn ukoll, m’hemm l-ebda raġuni li nkunu dommatiċi fuq dan il-punt. In-nies t’Alla, kemm dawk midlukin u kemm dawk tal-folla l-kbira, jafu x’għandhom jagħmlu issa—jippridkaw u jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; Mark 13:10) Issa stess huwa ż-żmien għalina biex nieħdu bis-serjetà din l-eżortazzjoni: “Ladarba qegħdin naħdmu flimkien maʼ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid: ‘Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek.’ Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!”—2 Korintin 6:1, 2.
(w97 2/15)