“X’Se Jkun is-Sinjal tal-Preżenza Tiegħek?”
“Meta se jkunu dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħeku tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet?”—MATTEW 24:3.
1, 2. X’juri li n-nies huma interessati fil-futur?
IL-MAĠĠORANZA tan-nies huma interessati fil-futur. Jinteressak lilek? Fil-ktieb tiegħu Future Shock, il-Professur Alvin Toffler innota “ż-żjieda f’daqqa waħda taʼ organizzazzjonijiet iddedikati għall-istudju dwar il-futur.” Hu żied: ‘Rajna l-ħolqien taʼ gruppi taʼ speċjalisti ffokati fuq il-futur; id-dehra taʼ ġurnali futuristi fl-Ingilterra, fi Franza, fl-Italja, fil-Ġermanja, u fl-Istati Uniti; iż-żjieda fil-korsijiet taʼ l-università f’dak li hu tbassir.’ Toffler ikkonkluda: “M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistaʼ jkun ‘jaf’ il-futur f’xi sens assolut.”
2 Il-ktieb Signs of Things to Come igħid: “Il-qari tal-pala taʼ l-id, il-ħars fil-ballun tal-kristall, l-astroloġija, il-qari tal-kartolini tarot, l-I Ching huma kollha metodi taʼ ftit jew wisq komplessità biex jagħtuna xi idea taʼ x’jistaʼ jkun hemm maħżun fil-futur partikulari tagħna.” Imma minflok ma nduru lejn metodi tal-bniedem, ikun aħjar għalina li nħarsu lejn sors li diġà ġie pprovat—Jehovah.
3. Għala huwa xieraq li nħarsu lejn Alla għal għarfien dwar il-futur?
3 Il-veru Alla stqarr: “Sewwa sew bħalma stħajjilt jien, hekk irid jiġri; u sewwa sew bħalma tajt parir jien, dak hu li se jseħħ.” (Isaija 14:24, 27; 42:9) Iva, Jehovah kien kapaċi jagħti parir lill-umanità dwar x’se jiġri, billi taʼ spiss uża lil bnedmin bħala kelliema. Wieħed minn dawn il-profeti kiteb: “Jehovah ma se jagħmel xejn jekk ma jkunx kixef il-ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.”—Amos 3:7, 8; 2 Pietru 1:20, 21.
4, 5. (a) Ġesù għala jistaʼ jkun taʼ għajnuna rigward il-futur? (b) L-appostli tiegħu għamlu liema mistoqsija li tinkludi iżjed minn aspett wieħed?
4 Ġesù Kristu kien il-profeta taʼ quddiemnett t’Alla. (Ebrej 1:1, 2) Ejjew niffokaw fuq waħda mill-profeziji prinċipali taʼ Ġesù li tbassar affarijiet li qegħdin jiġru madwarna issa. Din il-profezija toffrilna wkoll dehen f’dak li dalwaqt iseħħ hekk kif is-sistema preżenti mill-agħar tintemm u Alla jġib minflokha ġenna taʼ l-art.
5 Ġesù ta prova li hu kien profeta. (Mark 6:4; Luqa 13:33; 24:19; Ġwann 4:19; 6:14; 9:17) B’hekk, nistgħu nifhmu għala l-appostli tiegħu, bil-qiegħda miegħu fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ li kienet tħares fuq Ġerusalemm, staqsewh dwar il-futur: “Meta se jkunu dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet?”—Mattew 24:3; Mark 13:4.
6. X’inhi r-relazzjoni bejn Mattew 24, Mark 13, u Luqa 21; u x’mistoqsija għandha tinteressana b’mod profond?
6 Int se ssib il-mistoqsija tagħhom u t-tweġiba taʼ Ġesù f’Mattew kapitlu 24, Mark kapitlu 13, u Luqa kapitlu 21.a F’ħafna aspetti r-rakkonti jikkomplimentaw lil xulxin, imma m’humiex identiċi. Per eżempju, Luqa biss isemmi ‘l-pesti f’post wieħed wara l-ieħor.’ (Luqa 21:10, 11; Mattew 24:7; Mark 13:8) Loġikament, għandna nistaqsu, Kien Ġesù qiegħed ibassar ġrajjiet li kellhom x’jaqsmu biss mal-ħajja tas-semmiegħa tiegħu, jew kien qed jinkludi wkoll lil żmienna u dak li għandu maħżun il-futur għalina?
L-Appostli Riedu Jkunu Jafu
7. L-appostli staqsew dwar liema ħaġa b’mod partikulari, imma sa fejn kienet tinfirex it-tweġiba taʼ Ġesù?
7 Ftit jiem qabel ma ġie maqtul, Ġesù ddikjara li Alla kien ċaħad lil Ġerusalemm, il-kapitali tal-Lhud. Il-belt u t-tempju grandjuż tagħha kellhom jiġi meqrudin. Xi wħud mill-appostli mbagħad staqsew għal ‘sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù u tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.’ (Mattew 23:37–24:3) Bla dubju kellhom primarjament f’moħħhom is-sistema Lhudija u Ġerusalemm, għax ma kellhomx idea kemm kellha tkun akbar il-firxa taʼ dak li kellu jseħħ fil-futur. Imma meta weġibhom, Ġesù ħares ferm lil hinn minn dak li ġara sa u inkluż is-sena 70 E.K. meta r-Rumani qerdu lil Ġerusalemm.—Luqa 19:11; Atti 1:6, 7.
8. X’kienu xi ftit mill-iżviluppi li bassar Ġesù?
8 Bħalma tistaʼ taqra fit-tliet rakkonti tal-Vanġelu, Ġesù tkellem dwar li ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, nuqqas taʼ ikel, terremoti, dehriet tal-biżaʼ, u sinjali fis-sema. Fis-snin taʼ bejn iż-żmien meta Ġesù ta dak is-sinjal (fis-sena 33 E.K.) u l-ħerba taʼ Ġerusalemm (fis-snin 66-70 E.K.), profeti foloz u Kristijiet foloz kellhom iqumu. Il-Lhud kellhom jippersegwitaw lill-Kristjani, li kienu qegħdin jippridkaw il-messaġġ taʼ Ġesù.
9. Il-profezija taʼ Ġesù kif sabet twettieq fl-ewwel seklu E.K.?
9 Dawn il-fatturi tas-sinjal seħħew attwalment, saħansitra bħalma jikkonferma l-kittieb taʼ l-istorja Flavjus Josefus. Hu jikteb li qabel ma qatt ir-Rumani attakkaw, Messijiet foloz qanqlu rvell. Kien hemm terremoti terribbli fil-Ġudea u f’imkejjen oħrajn. Faqqgħu gwerer f’bosta partijiet taʼ l-Imperu Ruman. Kien hemm ġuħ kbir? Iva, tabilħaqq. (Qabbel Atti 11:27-30.) Xi ngħidu għax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna? Sa madwar is-sena 60 jew 61 E.K., meta nkiteb il-ktieb tal-Kolossin, “it-tama taʼ dik l-aħbar tajba” tas-Saltna t’Alla kienet instemgħet b’mod estensiv fl-Afrika, fl-Asja, u fl-Ewropa.b—Kolossin 1:23.
“IMBAGHAD” It-Tmiem
10. Għala għandna nagħtu kas tal-kelma Griega toʹte, u x’inhu s-sinjifikat tagħha?
10 F’ċerti aspetti tal-profezija tiegħu Ġesù ppreżenta ġrajjiet bħala li se jiġru waħda wara l-oħra. Hu qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata . . . , u mbagħad se iġi t-tmiem.” Bibbji bl-Ingliż spiss jużaw il-kelma “mbagħad” bit-tifsira sempliċi taʼ “għalhekk,” jew “imma.” (Mark 4:15, 17; 13:23) Madankollu, f’Mattew 24:14, il-kelma “mbagħad” hija bbażata fuq l-avverb Grieg to΄te.c Esperti Griegi jispjegaw li to΄te huwa “avverb dimostrattiv taʼ żmien” użat “biex jintroduċi dak li jsegwi maż-żmien” jew “biex jintroduċi ġrajja sussegwenti.” Ġesù b’hekk bassar li kien se jkun hemm ippridkar tas-Saltna u mbagħad (‘wara dak’ jew ‘sussegwentement’) “it-tmiem” kellu jiġi. Liema tmiem?
11. Ġesù kif iffoka fuq ġrajjiet marbutin direttament mal-qerda taʼ Ġerusalemm?
11 Twettieq wieħed tal-profezija taʼ Ġesù jistaʼ jinstab fil-ġrajjiet li kienu jwasslu għat-tmiem tas-sistema Lhudija. Il-gwerer, it-terremoti, in-nuqqas taʼ ikel, u l-affarijiet l-oħrajn, li Ġesù bassar seħħew matul perijodu taʼ tletin sena. Madankollu, billi nibdew b’Mattew 24:15, Mark 13:14, u Luqa 21:20, naqraw dwar ġrajjiet li kienu marbutin direttament maʼ qerda imminenti, meta t-tmiem kien wara l-bieb.—Innota l-linja maqtugħa darba fit-tabella.
12. L-armati Rumani kif kienu involuti fit-twettieq taʼ Mattew 24:15?
12 Bi tweġiba għal irvell Lhudi fis-sena 66 E.K., Rumani taħt Cestius Gallus immarċjaw kontra Ġerusalemm, billi ċċirkondaw lil din il-belt li kienet meqjusa bħala qaddisa mil-Lhud. (Mattew 5:35) Minkejja kontrattakki mil-Lhud, ir-Rumani daħlu b’forza fil-belt. Huma b’hekk bdew ikunu qegħdin ‘weqfin f’post qaddis,’ fi qbil eżatt mat-tbassira taʼ Ġesù f’Mattew 24:15 u f’Mark 13:14. Imbagħad kien hemm żvilupp sorprendenti. Għalkemm kienu ċċirkondaw il-belt, ir-Rumani f’daqqa waħda rtiraw. Il-Kristjani immedjatament għarfu t-twettieq tal-profezija taʼ Ġesù, u l-irtirar tahom iċ-ċans li jaħarbu mill-Ġudea lejn il-muntanji għan-naħa l-oħra tal-Ġordan. L-istorja tgħid li hekk għamlu.
13. Il-Kristjani għala setgħu jagħtu kas tat-twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu?
13 Imma jekk ir-Rumani rtiraw minn madwar Ġerusalemm, għala kien meħtieġ li xi ħadd jaħrab? Il-kliem taʼ Ġesù wera li dak li kien ġara kien ta prova ‘li l-ħerba taʼ Ġerusalemm kienet qrib.’ (Luqa 21:20) Iva, ħerba. Hu bassar ‘tribulazzjoni li bħalha ma ġratx mill-bidu u ma kellhiex terġaʼ sseħħ.’ Madwar tliet snin u nofs wara, fis-sena 70 E.K., Ġerusalemm attwalment esperjenzat “tribulazzjoni kbira” mill-armati Rumani taħt il-Ġeneral Titus. (Mattew 24:21; Mark 13:19) Għala, iżda, kellu Ġesù jiddeskrivi din bħala tribulazzjoni akbar minn kwalunkwe waħda li qatt seħħet qabel jew minn dak in-nhar ’il hawn?
14. Għala nistgħu ngħidu li dak li ġara lil Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. kien “tribulazzjoni kbira” li bħalha ma seħħitx qabel u lanqas ma ġrat minn dak in-nhar ’il hawn?
14 Ġerusalemm kienet ġiet imħarbta mill-Babilonjani fis-sena 607 Q.E.K., u l-belt rat iktar ġlied orribbli fis-seklu preżenti tagħna. Xorta waħda, dak li ġara fis-sena 70 E.K. kien b’mod uniku tribulazzjoni kbira. F’kampanja taʼ madwar ħames xhur, il-gwerriera taʼ Titus għelbu lil-Lhud. Huma qatlu lil xi 1,100,000 minnhom u ħadu kważi 100,000 fil-jasar. Barra minn hekk, ir-Rumani ġarrfu lil Ġerusalemm. Dan ta prova li s-sistema taʼ qima Lhudija approvata qabel iċċentrata madwar it-tempju kienet intemmet b’mod permanenti. (Ebrej 1:2) Iva, il-ġrajjiet tas-sena 70 E.K. setgħu b’mod xieraq jitqiesu bħala ‘tribulazzjoni li bħalha ma seħħitx [fuq dik il-belt, ġens, u sistema] sa mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ sseħħ.’—Mattew 24:21.d
Kif Ipprofetizzat, Iżjed Kellu Jsegwi
15. (a) Ġesù bassar liema xorta taʼ żviluppi li kellhom jiġu wara t-tribulazzjoni fuq Ġerusalemm? (b) Meta nqisu Mattew 24:23-28, x’irridu nikkonkludu dwar it-twettieq tal-profezija taʼ Ġesù?
15 Ġesù, madankollu, ma llimitax it-tbassir tiegħu għat-tribulazzjoni fl-ewwel seklu. Il-Bibbja turi li ħafna affarijiet kienu se jsegwu lil dik it-tribulazzjoni, kif inhu ssuġġerit mill-użu taʼ toʹte, jew “imbagħad,” f’Mattew 24:23 u f’Mark 13:21. X’kellu jiżżviluppa fil-perijodu li jsegwi lis-sena 70 E.K.? Wara t-tribulazzjoni fuq is-sistema Lhudija, iktar Kristijiet foloz u profeti foloz kellhom jidhru. (Qabbel Mark 13:6 maʼ 13:21-23.) L-istorja tikkonferma li individwi bħal dawn dehru matul is-sekli mill-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. ’l hawn, għalkemm ma żvijjawx lil nies li għandhom viżjoni spiritwali akuta u li kienu qegħdin ifittxu “l-preżenza” taʼ Kristu. (Mattew 24:27, 28) Minkejja dan, dawn l-iżviluppi taʼ wara t-tribulazzjoni kbira tas-sena 70 E.K. jifformaw indikazzjoni waħda li Ġesù kien qiegħed iħares lil hinn minn dik it-tribulazzjoni, li kienet biss twettieq inizzjali.
16. Luqa 21:24 iżid liema aspett lill-profezija taʼ Ġesù, u x’sinjifikat għandu dan?
16 Jekk inqabblu Mattew 24:15-28 u Mark 13:14-23 maʼ Luqa 21:20-24, insibu t-tieni indikazzjoni li t-tbassira taʼ Ġesù estendiet lil hinn mill-qerda taʼ Ġerusalemm. Ftakar li kien Luqa biss li semma l-pesti. B’mod simili, hu biss għalaq din is-sezzjoni bil-kliem taʼ Ġesù: “Ġerusalemm se tiġi mirfusa mill-ġnus, sakemm iż-żminijiet maħturin tal-ġnus [“żmien il-Ġentili,” Authorized Version, traduzzjoni taʼ Karm Żammit] jiġu mwettqin.”e (Luqa 21:24) Il-Babilonjani neħħew l-aħħar sultan tal-Lhud fis-sena 607 Q.E.K., u wara dak, Ġerusalemm, li kienet tirrappreżenta lis-Saltna t’Alla, ġiet mirfusa. (2 Slaten 25:1-26; 1 Kronaki 29:23; Eżekjel 21:25-27) F’Luqa 21:24, Ġesù indika li s-sitwazzjoni kellha tippersisti fil-futur sakemm iż-żmien wasal għal Alla biex jistabbilixxi Saltna mill-ġdid.
17. Liema tielet indikazzjoni għandna li l-profezija taʼ Ġesù kellha twassal sal-futur imbiegħed?
17 Hawn issa t-tielet indikazzjoni li Ġesù kien qiegħed jipponta wkoll lejn twettieq fil-bogħod: Skond l-Iskrittura, il-Messija kellu jmut u jiġi rxoxtat, u wara dan kellu joqgħod bil-qiegħda fl-id il-leminija t’Alla sakemm il-Missier jibagħtu ’l quddiem biex irażżan. (Salm 110:1, 2) Ġesù alluda għall-fatt li hu kellu joqgħod bil-qiegħda fuq l-id il-leminija taʼ Missieru. (Mark 14:62) L-appostlu Pawlu kkonferma li Ġesù rxoxtat kien fuq l-id il-leminija taʼ Jehovah jistenna ż-żmien biex isir Sultan u Esekutur t’Alla.—Rumani 8:34; Kolossin 3:1; Ebrej 10:12, 13.
18, 19. Rivelazzjoni 6:2-8 kif għandu x’jaqsam mal-profezija parallela fil-Vanġeli?
18 Għar-rabaʼ indikazzjoni konklussiva li l-profezija taʼ Ġesù dwar il-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet tapplika lil hinn mill-ewwel seklu, nistgħu nduru lejn Rivelazzjoni kapitlu 6. Billi kiteb għaxriet taʼ snin wara s-sena 70 E.K., l-appostlu Ġwanni ddeskriva xena li tqanqal taʼ rġiel attivi fuq iż-żwiemel. (Rivelazzjoni 6:2-8) Din it-titwila profetika ġo “jum il-Mulej”—il-jum tal-preżenza tiegħu—tidentifika s-seklu 20 tagħna bħala żmien taʼ gwerra sinjifikanti (vers 4), nuqqas taʼ ikel mifrux ħafna (versi 5 u 6), u “pesta qattiela” (vers 8). Jidher ċar li dan huwa parallel taʼ dak li Ġesù bassar fil-Vanġeli u jagħti prova li l-profezija tiegħu għandha twettieq akbar f’dan ‘jum il-Mulej.’—Rivelazzjoni 1:10.
19 Nies informati jirrikonoxxu li s-sinjal kompost imbassar f’Mattew 24:7-14 u f’Rivelazzjoni 6:2-8 ilu jidher fi żmienna sa mill-ewwel tifqigħa taʼ gwerra dinjija fl-1914. Ix-Xhieda taʼ Jehovah ħabbru mad-dinja kollha li l-profezija taʼ Ġesù qed ikollha issa t-tieni u l-akbar twettieq, kif huwa evidenti minn gwerer brutali, terremoti qerrieda, ġuħ traġiku, u mardiet li dejjem jiżdiedu bla kontroll. Fuq dan l-aħħar punt, U.S.News & World Report (27 taʼ Lulju, 1992) qal: “L-epidemija taʼ l-AIDS . . . qiegħda twassal lil miljuni taʼ vittmi lejn il-mewt u tistaʼ malajr issir l-iktar pesta li tiswa flus u l-iktar waħda katastrofika fl-istorja. Il-Mewt is-Sewda qatlet madwar 25 miljun ruħ li tant sofrew fis-seklu 14. Imma sas-sena 2000, minn 30 miljun sa 110 miljun ruħ se jkunu qegħdin iġorru l-HIV, il-mikrobu li jikkaġuna l-AIDS, iktar minn madwar 12-il miljun tal-lum. Peress li m’hawnx kura, kollha kemm huma jiffaċċjaw mewta ċerta.”
20. It-twettieq inizzjali taʼ Mattew 24:4-22 x’kellu jkopri, iżda liema twettieq ieħor hu ċar?
20 X’għandna, allura, nikkonkludu dwar il-mod li bih Ġesù wieġeb il-mistoqsija taʼ l-appostli? Il-profezija tiegħu b’mod eżatt bassret ġrajjiet li jwasslu għal u li jinkludu l-qerda taʼ Ġerusalemm, u semmiet xi affarijiet li kellhom isegwu s-sena 70 E.K. Imma l-biċċa l-kbira taʼ dan kien se jkollu twettieq sekondarju u akbar fil-futur, billi jwassal għal tribulazzjoni kbira li kellha ttemm is-sistema taʼ affarijiet preżenti mill-agħar. Dan ifisser li t-tbassira taʼ Ġesù f’Mattew 24:4-22, kif ukoll ir-rakkonti paralleli f’Mark u f’Luqa, ġew imwettqin mis-sena 33 E.K. għal ġot-tribulazzjoni tas-sena 70 E.K. Madankollu, l-istess versi kien se jkollhom twettieq sekondarju, li kien se jinkludi tribulazzjoni akbar fil-futur. Dan it-twettieq akbar huwa magħna; nistgħu narawh kuljum.
Iwassal Għal Liema Ħaġa?
21, 22. Fejn insibu indikazzjoni profetika li iżjed żviluppi kellhom jiġu?
21 Ġesù ma temmx il-profezija tiegħu billi semma l-profeti foloz li jwettqu sinjali qarrieqa matul il-perijodu twil qabel “iż-żminijiet maħturin tal-ġnus jiġu mwettqin.” (Luqa 21:24; Mattew 24:23-26; Mark 13:21-23) Hu ssokta jgħid dwar affarijiet oħrajn li jaħsduk u li kellhom iseħħu, affarijiet osservati maʼ l-art kollha. Dawn kellhom ikunu assoċjati mal-miġja taʼ Bin il-bniedem bil-qawwa u bil-glorja. Mark 13:24-27 jirrappreżenta l-profezija taʼ Ġesù li tkompli:
22 “Imma f’dawk il-jiem, wara dik it-tribulazzjoni, ix-xemx se tiddallam, u l-qamar mhux se jagħti d-dawl tiegħu, u l-kwiekeb se jkunu jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet li huma fis-smewwiet se jiġu mheżhża. U mbagħad se jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħab b’qawwa u glorja kbira. U mbagħad hu se jibgħat lill-anġli u se jiġbor lill-magħżulin tiegħu flimkien mill-erbat irjieħ, mill-estremità taʼ l-art sa l-estremità tas-sema.”
23. Għala nistgħu nfittxu t-twettieq taʼ Mattew 24:29-31 ħafna wara l-ewwel seklu E.K.?
23 Bin il-bniedem, Ġesù Kristu rxoxtat, ma ġiex b’dik il-manjiera spettakulari wara t-tmiem qerriedi tas-sistema Lhudija fis-sena 70 E.K. Ċertament it-tribujiet kollha taʼ l-art ma għarfuhx, bħalma Mattew 24:30 jinnota, lanqas l-anġli tas-sema ma ġabru f’dak iż-żmien lill-Kristjani midlukin kollha mill-art kollha. Mela din il-parti l-oħra tal-profezija stupenda taʼ Ġesù meta kellha titwettaq? Qiegħda din tiġi mwettqa f’dak li qed jiġri madwarna issa, jew qiegħda, minflok, tipprovdi dehen divin għal ġo l-affarijiet li nistgħu nistennew fil-futur qarib? Aħna ċertament li għandna rridu nkunu nafu, għax Luqa jirrapporta t-twissija taʼ Ġesù: “Malli jibdew iseħħu dawn l-affarijiet, qumu dritti u erfgħu rjuskom ’il fuq, għaliex il-ħelsien tagħkom qiegħed joqrob.”—Luqa 21:28. [w94 02/15]
[Noti taʼ taħt]
a Porzjonijiet minn dawn il-kapitli jistgħu jinstabu fit-tabella f’paġni 14 u 15; il-linji maqtugħin jimmarkaw is-sezzjonijiet paralleli.
b Għal kwotazzjonijiet storiċi taʼ dawn il-ġrajjiet, ara The Watchtower tal-15 taʼ Jannar, 1970, paġni 43-5.
c Toʹte tidher ’il fuq minn 80 darba f’Mattew (9 darbiet f’kapitlu 24) u 15-il darba fil-ktieb taʼ Luqa. Mark uża toʹte sitt darbiet biss, imma erbgħa minn dawk involvew “is-sinjal.”
d L-awtur Britanniku Matthew Henry ikkummenta: “Il-qerda taʼ Ġerusalemm mill-Kaldin kienet terribli ferm, imma din għaddietha. Din heddet tbiċċir universali tal-Lhud . . . kollha.”
e Ħafna jaraw fir-rakkont taʼ Luqa bidla fl-enfasi wara Luqa 21:24. Dr. Leon Morris jinnota: “Ġesù jissokta jitkellem dwar żminijiet il-Ġentili. . . . Fl-opinjoni tal-biċċa l-kbira taʼ l-istudjużi l-attenzjoni issa taqaʼ fuq il-miġja taʼ Bin il-bniedem.” Il-Professur R. Ginns jikteb: “Il-Miġja taʼ Bin il-Bniedem—(Mt 24:29-31; Mk 13:24-27). Li jissemmew ‘żminijiet il-Ġentili’ jipprovdi introduzzjoni għal din it-tema; il-ħarsa [taʼ Luqa] tinġarr issa lil hinn mill-ħerba taʼ Ġerusalemm għal ġol-futur.”
Tiftakar Int?
◻ It-tweġiba taʼ Ġesù għall-mistoqsija taʼ Mattew 24:3 kellha liema twettieq li kien iwassal sas-sena 70 E.K.?
◻ L-użu tal-kelma toʹte kif igħinna nifhmu l-profezija taʼ Ġesù?
◻ F’liema sens kien hemm “tribulazzjoni kbira” fl-ewwel seklu li bħalha qatt ma seħħet qabel?
◻ Luqa jirreferi għal liema żewġ aspetti uniċi tal-profezija taʼ Ġesù li jinvolvu lilna llum?
◻ Liema indikazzjonijiet jippontaw lejn it-tieni twettieq li hu akbar tal-profezija taʼ Mattew 24:4-22?
[Stampa f’paġna 8]
It-tribulazzjoni fis-sena 70 E.K. kienet l-akbar waħda li Ġerusalemm u s-sistema Lhudija qatt ġarrbu
[Ċart f’paġna 12, 13]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara publikazzjoni)