“Dan Jeħtieġ li Jiġri”
“Ġesù weġibhom: ‘. . . Dan jeħtieġ li jiġri, imma għadu m’huwiex it-tmiem.’”—MATTEW 24:4-6.
1. Liema suġġett għandu jiddomina l-interess tagħna fih?
BLA dubju int interessat f’ħajtek u fil-futur tiegħek. Allura għandek tkun interessat ukoll f’suġġett li ġibed l-attenzjoni taʼ C. T. Russell lura fl-1877. Russell, li iktar tard stabbilixxa l-Watch Tower Society, kiteb The Object and Manner of Our Lord’s Return (L-Objettiv u l-Manjiera tar-Ritorn tal-Mulej Tagħna). Dan il-ktejjeb taʼ 64 paġna ttratta s-suġġett tar-ritorn taʼ Ġesù, jew il-miġja futura tiegħu. (Ġwann 14:3) Darba waħda meta kien fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, l-appostli staqsewh dwar dan ir-ritorn: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja [jew, “preżenza,” NW] tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?”—Mattew 24:3.
2. Għala hemm tant opinjonijiet li xejn ma jaqblu dwar dak li bassar Ġesù?
2 Tafha int ir-risposta taʼ Ġesù, u tifhimha? Din tinsab fi tlieta mill-Vanġeli. Il-professur D. A. Carson jistqarr: “Ftit huma l-kapitli tal-Bibbja li qajmu tant nuqqas taʼ qbil fost l-interpreti daqs kemm qanqlu Mattew 24 u l-paralleli tiegħu f’Mark 13 u f’Luqa 21.” Imbagħad hu jagħti l-opinjoni tiegħu—opinjoni oħra mill-ħafna opinjonijiet umani li xejn ma jaqblu. F’dan l-aħħar seklu jew ftit iktar, ħafna opinjonijiet bħal dawn irriflettew nuqqas taʼ fidi. Dawk li esprimewhom sostnew li Ġesù qatt ma qal dak li naqraw fil-Vanġeli, li kliemu ġie iktar tard korrott, jew li t-tbassira tiegħu falliet—opinjonijiet imsawrin mill-kritika iktar għolja. Kummentatur wieħed saħansitra qies il-Vanġelu taʼ Mark ‘fid-dawl tal-lenti taʼ filosofija Buddista Mahayana’!
3. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif jaħsbuha dwar il-profezija taʼ Ġesù?
3 B’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw li l-Bibbja hija awtentika u taʼ min jorbot fuqha, inkluż dak li Ġesù qal lill-erbaʼ appostli li kienu miegħu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ tlett ijiem qabel ma miet. Minn żmien C. T. Russell ’l hawn, il-poplu t’Alla kiseb b’mod progressiv fehma iktar ċara tal-profezija li Ġesù ta dakinhar. F’dawn l-aħħar ftit snin, It-Torri taʼ l-Għassa ċċara saħansitra iktar il-ħarsa tagħhom rigward din il-profezija. Daħħaltha f’qalbek din l-informazzjoni, u qiegħed int tara l-impatt tagħha fuq ħajtek?a Ejja nirreveduha.
Twettiq Traġiku fuq l-Għatba
4. X’setgħet kienet ir-raġuni għala l-appostli staqsew lil Ġesù dwar il-futur?
4 L-appostli kienu jafu li Ġesù kien il-Messija. Għalhekk, meta semgħuh isemmi l-mewt, l-irxoxt, u r-ritorn tiegħu, x’aktarx li bdew jgħidu bejnhom u bejn ruħhom, ‘Jekk Ġesù jmut u jitlaqna, kif jistaʼ jwettaq l-affarijiet meraviljużi li l-Messija mistenni li jwettaq?’ Barra minn hekk, Ġesù tkellem dwar it-tmiem taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha. L-appostli għandhom mnejn ħasbu, ‘Meta u kif se jiġri dan?’ Fl-isforz tagħhom biex jipprovaw jifhmu dawn l-affarijiet, l-appostli staqsew: “Għidilna dan meta għad jiġri u x’se jkun is-sinjal li dan kollu jkun wasal!”—Mark 13:4; Mattew 16:21, 27, 28; 23:37–24:2.
5. Dak li qal Ġesù kif kellu twettiq fl-ewwel seklu?
5 Ġesù bassar li kien se jkun hemm gwerer, ġuħ, pesti, terremoti, mibegħda u persekuzzjoni taʼ Kristjani, messijiet foloz, u xandir estensiv taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. Imbagħad kellu jiġi t-tmiem. (Mattew 24:4-14; Mark 13:5-13; Luqa 21:8-19) Ġesù dan qalu kmieni fis-sena 33 E.K. Matul l-għexur taʼ snin taʼ wara, id-dixxipli attenti tiegħu setgħu jindunaw li l-affarijiet imbassrin bdew fil-fatt iseħħu b’mod sinjifikanti. Iva, l-istorja tagħti prova li s-sinjal kellu twettiq f’dak iż-żmien, u dan wassal għall-konklużjoni tas-sistema Lhudija t’affarijiet f’idejn ir-Rumani bejn is-snin 66 u 70 E.K. Dan kif ġara?
6. Xi żviluppa bejn ir-Rumani u l-Lhud fis-sena 66 E.K.?
6 Matul is-sajf sħun Lhudi tas-sena 66 E.K., xi Żelaturi Lhud mexxew attakk fuq għassiesa Rumani ġewwa fortizza qrib it-tempju taʼ Ġerusalemm, u dan qanqal il-vjolenza f’parti oħra tal-pajjiż. Fil-pubblikazzjoni History of the Jews, il-Professur Heinrich Graetz jirrakkonta: “Ċestju Gallu, li dmiru bħala l-Gvernatur tas-Sirja kien li jżomm fl-għoli l-unur taʼ l-armata Rumana, . . . ma setax jibqaʼ jara r-ribelljoni tinfirex madwaru mingħajr ma jagħmel ebda sforz biex ixejjen il-progress tagħha. Hu ġabar il-leġjuni tiegħu, u l-prinċpijiet ġirien bagħtu minn jeddhom lit-truppi tagħhom.” Din l-armata taʼ 30,000 ruħ dawret lil Ġerusalemm. Wara li damu ftit jiġġieldu, il-Lhud irtiraw wara s-swar taʼ ħdejn it-tempju. “Matul il-ħamest ijiem taʼ wara r-Rumani attakkaw is-swar, imma dejjem ġew sforzati jirtiraw minħabba l-missili tal-Ġudeani. Kien biss fis-sitt jum li rnexxielhom iħaffru mina taħt parti mis-sur tat-tramuntana quddiem it-Tempju.”
7. Id-dixxipli taʼ Ġesù għala setgħu jqisu l-affarijiet b’mod differenti mill-biċċa l-kbira tal-Lhud?
7 Immaġina ftit kemm baqgħu konfużi l-Lhud, minħabba li kienu mdorrijin jaħsbu li Alla kien se jipproteġi lilhom u lill-belt qaddisa tagħhom! Iżda d-dixxipli taʼ Ġesù kienu ġew imwissijin minn qabel li kien hemm gwaj kbir maħżun għal Ġerusalemm. Ġesù kien bassar: “Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra.” (Luqa 19:43, 44) Imma kien dan se jirriżulta f’mewt għall-Kristjani li kienu ġewwa Ġerusalemm fis-sena 66 E.K.?
8. Ġesù liema traġedja bassar, u min kienu “l-maħturin” li minħabba fihom il-jiem kellhom jitqassru?
8 Meta wieġeb lill-appostli fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bassar: “Dawk il-jiem ikunu taʼ dwejjaq li mill-bidu tad-dinja li ħalaq Alla sa llum għadu qatt ma kien hawn bħalhom u anqas ikun hawn. U kieku dawk il-jiem il-Mulej ma qassarhomx, ħadd mill-bnedmin ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin li għażel huwa qassarhom dawk il-jiem.” (Mark 13:19, 20; Mattew 24:21, 22) Għalhekk, il-jiem kellhom jitqassru u “l-maħturin” jiġu salvati. Min kienu dawn? Żgur li mhux il-Lhud ribellużi li sostnew li kienu jqimu lil Jehovah imma li kienu ċaħdu lil Ibnu. (Ġwann 19:1-7; Atti 2:22, 23, 36) Il-maħturin veri lura f’dak iż-żmien kienu dawk il-Lhud u oħrajn li ma kinux Lhud li eżerċitaw fidi f’Ġesù bħala l-Messija u Salvatur. Alla kien għażilhom lil dawn, u f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., kien ifformahom f’ġens spiritwali ġdid, l-“Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16; Luqa 18:7; Atti 10:34-45; 1 Pietru 2:9.
9, 10. Il-jiem taʼ l-attakk mir-Rumani kif ‘tqassru,’ u b’liema riżultat?
9 Il-jiem veru ‘tqassru’, u kienu dawk il-maħturin u midlukin salvati? Il-Professur Graetz jissuġġerixxi: “[Ċestju Gallu] ma rax li kien għaqli li jkompli t-taqbida kontra entużjasti erojċi u jidħol għal kampanja twila f’dak l-istaġun, meta x-xita tal-ħarifa kienet waslet biex tibda . . . u setaʼ jkun diffiċli biex l-armata tirċievi l-provvisti. Minħabba f’hekk, probabbilment ħaseb li jkun iktar prudenti jekk jirtira.” Kien x’kien li Ċestju Gallu kellu f’moħħu, l-armata Rumana rtirat mill-belt, b’telfiet konsiderevoli imposti mil-Lhud li kienu qed isusu warajhom.
10 Dik l-irtirata Rumana ħabta u sabta għamlitha possibbli biex “bnedmin”—id-dixxipli taʼ Ġesù li kienu fil-periklu ġewwa Ġerusalemm—isalvaw. L-istorja tgħid li meta ġiethom din l-opportunità, il-Kristjani ħarbu minn dak ir-reġjun. X’turija taʼ l-abbiltà li Alla għandu biex ikun jaf minn qabel x’hemm fil-futur u biex jiżgura s-sopravivenza taʼ l-adoraturi tiegħu! Però, xi ngħidu għal-Lhud li ma kinux jemmnu u li baqgħu f’Ġerusalemm u fil-Lhudija?
Il-Kontemporanji Kellhom Jarawha
11. Ġesù x’qal dwar “dan in-nisel [“ġenerazzjoni,” NW]”?
11 Bosta Lhud ħassew li s-sistema taʼ qima li kellhom, li kienet iċċentrata fuq it-tempju, kellha tibqaʼ għal żmien indefinit. Imma Ġesù qal: “Tgħallmu . . . mis-siġra tat-tin. Meta l-fergħa tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan kollu, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew, ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel [“ġenerazzjoni,” NW] sa ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.” (Korsiv tagħna.)—Mattew 24:32-35.
12, 13. Id-dixxipli, kif kellhom jifhmuha r-referenza taʼ Ġesù għal “din il-ġenerazzjoni”?
12 Fis-snin li wasslu sas-sena 66 E.K., il-Kristjani kellhom ikunu diġà raw ħafna mill-partijiet preliminari tas-sinjal kompost jitwettqu—gwerer, ġuħ, saħansitra xandir estensiv taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. (Atti 11:28; Kolossin 1:23) Meta, iżda, kellu jiġi t-tmiem? Ġesù x’ried ifisser meta qal: ‘Dan in-nisel [“ġenerazzjoni,” NW] [Grieg, ge·ne·aʹ] ma jgħaddix’? Ġesù, lill-massa kontemporanja taʼ Lhud li jopponu, inkluż il-mexxejja reliġjużi, taʼ spiss sejħilhom “nisel [“ġenerazzjoni,” NW] ħażin u infidil.” (Mattew 11:16; 12:39, 45; 16:4; 17:17; 23:36) Għalhekk meta, fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, hu reġaʼ tkellem dwar “din il-ġenerazzjoni,” evidentement ma riedx ifisser ir-razza kollha kemm hi taʼ Lhud li eżistew matul l-istorja; lanqas ma ried ifisser is-segwaċi tiegħu, avolja dawn kienu “ġens maħtur.” (1 Pietru 2:9) Lanqas ma kien Ġesù qed jgħid li “din il-ġenerazzjoni” hija perijodu taʼ żmien.
13 Pjuttost, Ġesù kellu f’moħħu l-avversarji Lhud li f’dak iż-żmien kellhom iġarrbu t-twettiq tas-sinjal li kien tahom. Rigward ir-referenza għal “dan in-nisel [“ġenerazzjoni,” NW] f’Luqa 21:32, il-Professur Joel B. Green jinnota: “Fit-Tielet Vanġelu, ‘din il-ġenerazzjoni’ (u frażijiet relatati) issinjifikat regolarment kategorija taʼ nies li jirreżistu l-iskop t’Alla. . . . [Din tirreferi] għal nies li b’ras iebsa jagħtu darhom lill-iskop divin.”b
14. Dik il-“ġenerazzjoni” x’esperjenzat, imma kif kien hemm riżultat differenti għall-Kristjani?
14 Il-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ avversarji Lhud li setgħu josservaw is-sinjal waqt li kien qed jitwettaq kellha wkoll tesperjenza t-tmiem. (Mattew 24:6, 13, 14) U dan għamluh! Fis-sena 70 E.K., l-armata Rumana rritornat, immexxija minn Titu, bin l-Imperatur Vespasjanu. Is-sofferenza tal-Lhud li kienu għal darb’oħra bblokkati fil-belt ma titwemminx.c Ġużeppi Flavju, wieħed li ra b’għajnejh stess, jirrapporta li sakemm ir-Rumani ġarrfu l-belt, madwar 1,100,000 Lhudi kienu mietu u madwar 100,000 ittieħdu lsiera, u l-biċċa l-kbira minn dawn kellhom fi żmien qasir imutu b’mod orribbli bil-ġuħ jew fl-areni Rumani. Verament li t-tribulazzjoni taʼ bejn is-snin 66 u 70 E.K. kienet l-akbar li Ġerusalemm u s-sistema Lhudija qatt kienu esperjenzaw jew qatt kellhom jesperjenzaw. Kemm kien differenti r-riżultat għall-Kristjani li kienu taw kas it-twissija profetika taʼ Ġesù u kienu telqu minn Ġerusalemm wara t-tluq taʼ l-armati Rumani fis-sena 66 E.K.! Il-Kristjani midlukin u “maħturin” kienu ‘salvati,’ jew protetti, fis-sena 70 E.K.—Mattew 24:16, 22.
Twettiq Ieħor għad Irid Iseħħ
15. Kif nistgħu nkunu żguri li l-profezija taʼ Ġesù kellu jkollha twettiq akbar wara s-sena 70 E.K.?
15 Madankollu, dan ma kienx il-final. Iktar kmieni, Ġesù kien indika li wara li l-belt kellha tinqered, hu kellu jiġi f’isem Jehovah. (Mattew 23:38, 39; 24:2) Imbagħad dan iċċarah iktar permezz tal-profezija li hu ta fuq l-Għolja taż-Żebbuġ. Billi semma d-“diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira” li ġejja, hu qal li wara din kellhom jidhru Kristijiet foloz, u Ġerusalemm kellha tintrifes mill-ġnus għal perijodu estiż. (Mattew 24:21, 23-28; Luqa 21:24) Huwa possibbli li twettiq ieħor, akbar kien għad irid iseħħ? Il-fatti juru li iva. Meta nqabblu Apokalissi 6:2-8 (miktub wara t-tribulazzjoni fuq Ġerusalemm fis-sena 70 E.K.) maʼ Mattew 24:6-8 u Luqa 21:10, 11, naraw li l-gwerer, in-nuqqas taʼ ikel, u l-pesti fuq skala akbar għad iridu jseħħu. Dan it-twettiq akbar tal-kliem taʼ Ġesù ilu jseħħ minn mindu faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914.
16-18. X’qed nistennew li għad irid jiġri?
16 Għal għexur taʼ snin issa, ix-Xhieda taʼ Jehovah għallmu li t-twettiq kurrenti tas-sinjal jagħti prova li “t-tribulazzjoni kbira” għad trid tiġi. Il-“ġenerazzjoni” mill-agħar preżenti se tara dik it-tribulazzjoni. Milli jidher se jerġaʼ jkun hemm fażi li tagħti bidu (attakk fuq ir-reliġjon falza kollha), sewwa sew bħalma l-attakk minn Gallu fis-sena 66 E.K. ta bidu għat-tribulazzjoni fuq Ġerusalemm.d Imbagħad, wara intervall taʼ tul mhux speċifikat, se jiġi t-tmiem—qerda fuq skala dinjija, li hija parallela maʼ dik fis-sena 70 E.K.
17 Waqt li rrefera għat-tribulazzjoni preċiż quddiemna, Ġesù qal: “Minnufih, wara d-diqa [“tribulazzjoni,” NW] taʼ dawk il-jiem [il-qerda tar-reliġjon falza], ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-sema jitheżhżu. Mbagħad jidher fis-sema s-sinjal taʼ Bin il-bniedem, il-popli kollha taʼ l-art jibdew jagħtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira.”—Mattew 24:29, 30.
18 Għaldaqstant, Ġesù nnifsu jgħid li “wara d-diqa [“tribulazzjoni,” NW] taʼ dawk il-jiem,” se jkun hemm fenomeni ċelestjali taʼ xi sura jew oħra. (Qabbel Ġoel 3:1-5 [Ġoel 2:28-32, NW]; Ġoel 4:15 [Ġoel 3:15, NW].) Dan tant se jaħsad u jixxokkja lill-bnedmin diżubbidjenti li se “jibdew jagħtu fuq sidirhom.” Bosta se jkollhom “ruħhom ħierġa bil-biżaʼ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja.” Imma dan ma japplikax għall-Kristjani veri! Dawn ‘se jerfgħu rashom, għaliex il-fidwa tagħhom qed toqrob.’—Luqa 21:25, 26, 28.
Il-Ġudizzju Quddiemna!
19. Kif nistgħu nistabbilixxu meta se titwettaq il-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż?
19 Innota li Mattew 24:29-31 ibassar li (1) Bin il-bniedem jasal, (2) din il-miġja se tkun bi glorja kbira, (3) l-anġli se jkunu miegħu, u (4) it-tribujiet kollha taʼ l-art se jarawh. Ġesù jirrepeti dawn l-aspetti fil-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż. (Mattew 25:31-46) Għaldaqstant, nistgħu nikkonkludu li din il-parabbola tittratta maż-żmien taʼ wara li jfaqqaʼ l-bidu tat-tribulazzjoni, meta Ġesù se jasal maʼ l-anġli tiegħu u joqgħod bil-qegħda fuq it-tron biex jiġġudika. (Ġwann 5:22; Atti 17:31; qabbel l-1 Slaten 7:7; Danjel 7:10, 13, 14, 22, 26; Mattew 19:28.) Min se jiġi ġġudikat, u b’liema riżultat? Il-parabbola turi li Ġesù se jitfaʼ l-attenzjoni fuq il-ġnus kollha, bħallikieku kienu miġburin preċiż quddiem it-tron ċelestjali tiegħu.
20, 21. (a) X’se jiġrilhom in-nagħaġ tal-parabbola taʼ Ġesù? (b) Il-mogħoż x’se jġarrbu fil-futur?
20 Irġiel u nisa bħal nagħaġ se jiġu sseparati għal fuq in-naħa tal-lemin taʼ favur taʼ Ġesù. Għala? Għaliex huma wżaw l-opportunitajiet li kellhom biex jagħmlu l-ġid lil ħutu—il-Kristjani midlukin, li se jkollhom sehem maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema. (Danjel 7:27; Lhud 2:9–3:1) Fi qbil mal-parabbola, miljuni taʼ Kristjani bħal nagħaġ irrikonoxxew lill-aħwa spiritwali taʼ Ġesù u ilhom jaħdmu b’appoġġ magħhom. B’riżultat taʼ dan, il-membri tal-“folla kbira” għandhom it-tama bbażata fuq il-Bibbja li jgħaddu ħajjin mit-“tribulazzjoni kbira” u mbagħad jgħixu għal dejjem fil-Ġenna, il-qasam tas-Saltna t’Alla fuq l-art.—Apokalissi 7:9, 14; 21:3, 4; Ġwann 10:16.
21 X’riżultat differenti se jkollhom il-mogħoż! Huma deskritti f’Mattew 24:30 bħala li “jibdew jagħtu fuq sidirhom” meta jiġi Ġesù. U bir-raġun, għax dawn ikunu bnew rekord taʼ kemm irrifjutaw l-aħbar tajba tas-Saltna, taʼ kemm opponew lid-dixxipli taʼ Ġesù, u taʼ kemm ippreferew id-dinja li qegħda tgħaddi. (Mattew 10:16-18; 1 Ġwann 2:15-17) Huwa Ġesù—u mhux xi ħadd mid-dixxipli tiegħu fuq l-art—li jiddetermina min huma l-mogħoż. Hu jgħid dwarhom: “U dawn imorru fit-tbatija [“qtugħ,” NW] taʼ dejjem.”—Mattew 25:46.
22. Liema partijiet mill-profezija taʼ Ġesù jixraq li nkomplu nikkunsidraw?
22 Il-progress tagħna f’li nifhmu l-profezija f’Mattew kapitli 24 u 25 kien eċċitanti. Madankollu, hemm parti mill-profezija taʼ Ġesù li jixraq li nerġgħu nagħtuha l-attenzjoni tagħna—‘il-profanazzjoni u l-ħerba li qegħdin fil-post imqaddes.’ Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex jużaw id-dixxerniment rigward dan u biex ikunu lesti li jieħdu azzjoni. (Mattew 24:15, 16) X’inhuma dawn il-“profanazzjoni u l-ħerba”? Meta jkunu f’post imqaddes? U l-prospetti preżenti u futuri tagħna tal-ħajja kif inhuma involuti? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dan.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artikli taʼ studju fil-ħarġiet tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Marzu, 1994; l-1 taʼ Novembru, 1995; u l-1 taʼ Settembru, 1996.
b L-istudjuż Britanniku G. R. Beasley-Murray jagħmel din l-osservazzjoni: “Il-frażi ‘din il-ġenerazzjoni’ m’għandhiex għalfejn tqanqal diffikultà għall-interpreti. Filwaqt li nammettu li genea bil-Grieg iżjed bikri kienet tfisser twelid, nisel, u għalhekk razza, . . . fis-[Settanta Griega] din spiss ittraduċiet it-terminu Ebrajk dôr, li jfisser era, era taʼ l-umanità, jew ġenerazzjoni fis-sens taʼ kontemporanji. . . . Fi kliem attribwit lil Ġesù it-terminu jidher li għandu konnotazzjoni doppja: minn banda jfisser dejjem il-kontemporanji tiegħu, u mill-banda l-oħra dejjem jagħti x’jifhem kritika impliċita.”
c Fil-pubblikazzjoni History of the Jews, il-Professur Graetz jgħid li r-Rumani xi minn daqqiet sammru 500 priġunier maz-zokk tat-tortura kull ġurnata. Lil xi Lhud oħrajn li nqabdu qatgħulhom idejhom barra u wara ntbagħtu lura lejn il-belt. Liema kundizzjonijiet kien hemm fil-belt? “Il-flus saru bla valur, għax ma setgħux jixtru x’jieklu bihom. In-nies kienu jitqatlu fit-toroq fuq ikel li kien verament iqażżek, fuq xi ftit tiben, fuq xi biċċa ġilda, jew fuq it-tilqit li kien jintefaʼ lill-klieb. . . . In-numru taʼ iġsma mhux midfunin, li kien qed jiżdied rapidament, ġegħlu l-arja soffokanti sajfija issir velenuża, u l-poplu safaʼ vittma tal-mard, tal-ġuħ, u tax-xabla.”
d L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dan l-aspett tat-tribulazzjoni futura.
Tiftakar Int?
◻ Mattew 24:4-14 liema twettiq kellu fl-ewwel seklu?
◻ Fi żmien l-appostli, il-jiem kif tqassru u bnedmin ġew salvati, bħalma ġie mbassar f’Mattew 24:21, 22?
◻ X’ikkaratterizza l-“ġenerazzjoni” msemmija f’Mattew 24:34?
◻ Kif nafu li l-profezija mogħtija fuq l-Għolja taż-Żebbuġ kellu jkollha twettiq ieħor u akbar?
◻ Il-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż meta u kif se titwettaq?
[Stampa f’paġna 12]
Dettall fuq l-Arkata taʼ Titu f’Ruma, li turi l-priża mill-qerda taʼ Ġerusalemm
[Sors]
Soprintendenza Archeologica di Roma