LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 11/1 pp. 17-22
  • Liema Futur għan-Ngħaġ u l-Mogħoż?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Liema Futur għan-Ngħaġ u l-Mogħoż?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Personaġġi Fil-​Parabbola
  • Min Huma N-​Ngħaġ u L-​Mogħoż?
  • Liema Futur Għal Kull Grupp?
  • X’Ifisser Dan Għalina?
  • B’lealtà nappoġġaw lil ħut Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Kristu bħala Sultan jiġġudika n-nagħaġ u l-mogħoż
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Folla Kbira t’Adoraturi Veri—Minfejn Ġew?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Kif Se Tieqaf Int Quddiem it-Tron tal-Ġudizzju?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 11/1 pp. 17-22

Liema Futur għan-​Ngħaġ u l-​Mogħoż?

“Hu jifridhom [lin-nies] minn xulxin, bħalma r-​ragħaj jifred in-​ngħaġ mill-​mogħoż.”—MATTEW 25:32.

1, 2. Il-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż għala għandha tinteressana?

ĠESÙ KRISTU ċertament li kien l-aqwa Għalliem fuq l-​art. (Ġwann 7:46) Wieħed mill-​metodi tiegħu taʼ tagħlim kien l-​użu taʼ parabboli, jew tixbihat. (Mattew 13:34, 35) Dawn kienu sempliċi u madankollu qawwijin f’li jwasslu veritajiet spiritwali u profetiċi profondi.

2 Fil-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż, Ġesù pponta lejn żmien fejn hu kien se jaġixxi f’kapaċità speċjali: “Meta jiġi Bin il-​Bniedem fil-​glorja tiegħu u . . . ” (Mattew 25:31) Dan għandu jinteressana għaliex hija t-​tixbieha li biha Ġesù jikkonkludi t-​tweġiba tiegħu għall-​mistoqsija: “X’se jkun is-​sinjal tal-​miġja tiegħek u taʼ tmiem id-​dinja?” (Mattew 24:3) Imma dan x’ifisser għalina?

3. Iktar kmieni fit-​taħdita tiegħu, Ġesù x’qal li kellu jiżviluppa immedjatament wara li tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira?

3 Ġesù bassar żviluppi notevoli li kellhom jiġu “minnufih wara” t-​tfaqqiegħ taʼ tribulazzjoni kbira, żviluppi li qegħdin nistennew. Hu qal li mbagħad “[i]s-sinjal taʼ Bin il-​Bniedem” kellu jidher. Dan se jeffettwa profondament lill-​“popli kollha taʼ l-​art” li se “jaraw lil Bin il-​Bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema b’qawwa u glorja kbira.” Bin il-​bniedem se jkun akkumpanjat mill-​“anġli tiegħu.” (Mattew 24:21, 29-31)a Xi ngħidu dwar il-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż? Bibbji moderni jpoġġuha f’kapitlu 25, imma din hija parti mit-​tweġiba taʼ Ġesù, li tagħti iżjed dettalji dwar il-​miġja tiegħu bi glorja u li tiffoka fuq l-​iġġudikar tiegħu tal-​“ġnus kollha.”—Mattew 25:32.

Personaġġi Fil-​Parabbola

4. Ġesù b’liema mod jissemma fil-​bidu tal-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż, u min iżjed jidħol fl-​istampa?

4 Ġesù jibda l-​parabbola billi jgħid: “Meta jiġi Bin il-​Bniedem.” Int x’aktarx li taf min hu “Bin il-​Bniedem.” Il-​kittieba tal-​Vanġelu taʼ spiss applikaw dik l-​espressjoni għal Ġesù. Saħansitra Ġesù nnifsu għamel dan, billi bla dubju kellu f’moħħu l-​viżjoni taʼ Danjel taʼ “[xi ħadd] bħal iben il-​bniedem” javviċina lill-​Antik fil-​Jiem biex jirċievi “ħakma, ġieħ, u saltna.” (Danjel 7:13, 14; Mattew 26:63, 64; Mark 14:61, 62) Fil-​waqt li Ġesù hu l-​wieħed prinċipali f’din il-​parabbola, hu m’huwiex waħdu. Iktar kmieni f’din it-​taħdita, kif ikkwotata f’Mattew 24:30, 31, hu qal li meta Bin il-​bniedem ‘jiġi b’qawwa u glorja kbira,’ l-​anġli tiegħu se jkollhom irwol vitali. B’mod simili, il-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż turi anġli maʼ Ġesù meta hu ‘joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu’ biex jiġġudika. (Qabbel Mattew 16:27.) Imma l-​Imħallef u l-​anġli tiegħu huma fis-​sema, huma għalhekk bnedmin diskussi fil-​parabbola?

5. Kif nistgħu nidentifikaw lil ‘ħut’ Ġesù?

5 Daqqa t’għajn lejn il-​parabbola tirrivela tliet gruppi li għandna bżonn nidentifikaw. Minbarra n-​ngħaġ u l-​mogħoż, Bin il-​bniedem iżid it-​tielet grupp li l-​identità tiegħu hija ċentrali f’li nidentifikaw lin-​ngħaġ u l-​mogħoż. Ġesù jsejjaħ lil dan it-​tielet grupp ħutu spiritwali. (Mattew 25:40, 45) Huma jridu jkunu adoraturi veri, għaliex Ġesù qal: “Kulmin jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri . . . dak hu ħija, u oħti, u ommi.” (Mattew 12:50; Ġwann 20:17) Iktar għall-​punt, Pawlu kiteb dwar Kristjani li huma parti minn “nisel Abraham” u li huma wlied Alla. Sejjaħ lil dawn ‘ħut’ Ġesù u ‘li għandhom sehem fis-​sejħa tas-​sema.’—Lhud 2:9–3:1; Galatin 3:26, 29.

6. Min huma “l-​iżgħar” minn ħut Ġesù?

6 Ġesù għala semma “l-​iżgħar” minn ħutu? Dak il-​kliem jidwi dak li l-​appostli semgħuh jgħid iktar kmieni. Meta għamel kuntrast bejn Ġwanni l-​Battista, li miet qabel Ġesù u għalhekk kellu tama għall-​art, u dawk li se jiksbu ħajja fis-​sema, Ġesù qal: “Ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-​Battista. U b’danakollu l-​iżgħar wieħed fis-​Saltna tas-​Smewwiet hu akbar minnu.” (Mattew 11:11) Xi wħud li sejrin fis-​sema setgħu kienu prominenti fil-​kongregazzjoni, bħall-​appostli, u oħrajn inqas prominenti, imma kollha huma l-​aħwa spiritwali taʼ Ġesù. (Luqa 16:10; 1 Korintin 15:9; Efesin 3:8; Lhud 8:11) B’hekk, saħansitra jekk xi wħud dehru insinjifikanti fuq l-​art, huma kienu ħutu u kellhom jiġu ttrattati fi qbil maʼ dan.

Min Huma N-​Ngħaġ u L-​Mogħoż?

7, 8. Ġesù x’qal dwar in-​ngħaġ, u għalhekk x’nistgħu nikkonkludu dwarhom?

7 Naqraw rigward l-​iġġudikar tan-​ngħaġ: “[Ġesù] jgħid lil dawk fuq il-​lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-​Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-​ħolqien tad-​dinja. Għax jien kont bil-​ġuħ u tmajtuni, kont bil-​għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-​ħabs u ġejtu żżuruni.’ Imbagħad iweġbuh il-​ġusti, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-​ġuħ u tmajniek, jew bil-​għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-​ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-​Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu maʼ wieħed mill-​iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’”—Mattew 25:34-40.

8 Ovvjament, in-​ngħaġ iġġudikati denji li jkunu fuq in-​naħa tal-​lemin taʼ l-​unur u l-​favur taʼ Ġesù jirrappreżentaw klassi taʼ bnedmin. (Efesin 1:20; Lhud 1:3) X’għamlu huma u meta? Ġesù jgħid li huma b’qalb tajba, b’rispett, u b’ġenerożità tawh ikel, xorb, u lbies, waqt li għenuh meta kien marid jew fil-​ħabs. Meta n-​ngħaġ jgħidu li ma kinux għamlu dan lil Ġesù personalment, hu jindika li huma kienu taw appoġġ lil ħutu spiritwali, il-​fdal taʼ Kristjani midlukin, u għalhekk f’dak is-​sens għamluh lilu.

9. Il-​parabbola għala ma tapplikax matul il-​Millennju?

9 Il-​parabbola ma tapplikax matul il-​Millennju, għaliex il-​midlukin m’humiex se jkunu f’dak iż-​żmien bnedmin isofru ġuħ, għatx, mard, jew priġunerija. Ħafna minnhom, iżda, esperjenzaw affarijiet bħal dawn matul il-​konklużjoni taʼ dis-sistema t’affarijiet. Minn mindu Satana ġie mitfugħ ’l isfel lejn l-​art, huwa għamel lill-​fdal il-​mira speċjali tal-​furja tiegħu, billi ġab fuqhom redikolar, tortura, u mewt.—Apokalissi 12:17.

10, 11. (a) Għala mhux raġonevoli li taħseb li n-​ngħaġ jinkludu lil kulmin jagħmel xi għemil taʼ qalb tajba lil ħut Ġesù? (b) In-​ngħaġ lil min jirrappreżentaw b’mod xieraq?

10 Qiegħed Ġesù jgħid li kulmin jagħmel xi att żgħir taʼ qalb tajba lil wieħed minn ħutu, bħal meta joffri xi biċċa ħobż jew xi tazza ilma, jikkwalifika bħala wieħed minn dawn in-​ngħaġ? Veru, li tagħmel atti taʼ qalb tajba bħal dawn jistaʼ jirrifletti qalb tajba umana, imma tassew, jidher li wisq iżjed huwa involut man-​ngħaġ taʼ din il-​parabbola. Ġesù ċertament li ma kienx qiegħed jirreferi, per eżempju, għal atei jew membri tal-​kleru li b’kumbinazzjoni jagħmlu xi att taʼ qalb tajba lil wieħed minn ħutu. Għall-​kuntrarju, Ġesù darbtejn sejjaħ lin-​ngħaġ “[uħud] ġusti.” (Mattew 25:37, 46) Mela n-​ngħaġ iridu jkunu wħud li matul perijodu taʼ żmien taw l-​għajnuna​—billi appoġġjaw b’mod attiv—​lil ħut Kristu u eżerċitaw fidi sal-​punt li jirċievu waqfa taʼ tjieba quddiem Alla.

11 Matul is-​sekli, ħafna bħal Abraham gawdew waqfa taʼ tjieba. (Ġakbu 2:21-23) Noè, Abraham, u wħud leali oħrajn jgħoddu fost in-​“ngħaġ oħrajn” li se jirtu l-​ħajja fil-​Ġenna taħt is-​Saltna t’Alla. Fi żminijiet riċenti miljuni oħrajn ħaddnu l-​vera qima bħala ngħaġ oħrajn u saru “merħla waħda” mal-​midlukin. (Ġwann 10:16; Apokalissi 7:9) Dawn b’tamiet għall-​art jirrikonoxxu lil ħut Ġesù bħala ambaxxaturi tas-​Saltna u għalhekk għenuhom​—litteralment u spiritwalment. Ġesù jqis bħala li sar lilu dak li n-​ngħaġ l-​oħrajn jagħmlu għal ħutu fuq l-​art. Uħud bħal dawn li jkunu ħajjin meta jiġi biex jiġġudika l-​ġnus se jiġu ġġudikati bħala ngħaġ.

12. In-​ngħaġ għala għandhom mnejn jistaqsu kif kienu wettqu atti taʼ qalb tajba lil Ġesù?

12 Jekk in-​ngħaġ l-​oħrajn qegħdin issa jippridkaw l-​aħbar tajba mal-​midlukin u jgħinuhom, għala se jistaqsu: “Mulej, . . . meta rajniek bil-​ġuħ u tmajniek, jew bil-​għatx u sqejniek?” (Mattew 25:37) Jistaʼ jkun hemm diversi raġunijiet. Din hija parabbola. Permezz tagħha, Ġesù juri t-​tħassib profond tiegħu għal ħutu spiritwali; hu jħoss magħhom, isofri magħhom. Ġesù kien qal iktar kmieni: “Min jilqaʼ lilkom jilqaʼ lili, u min jilqaʼ lili jkun jilqaʼ lil dak li bagħatni.” (Mattew 10:40) F’din it-​tixbieha, Ġesù jestendi l-​prinċipju, billi juri li dak li jsir (tajjeb jew ħażin) lil ħutu jilħaq saħansitra sas-​sema; huwa bħal li kieku sar lilu fis-​sema. Ukoll, Ġesù hawnhekk jenfasizza l-​livell taʼ Jehovah għall-​iġġudikar, billi jagħmilha ċara li l-​ġudizzju t’Alla, kemm jekk favorevoli jew taʼ kundanna, huwa validu u ġust. Il-​mogħoż ma jistgħux iġibu l-​iskuża, ‘Sewwa, mhux li kieku rajna lilek direttament.’

13. Uħud bħal mogħoż għala għandhom mnejn jindirizzaw lil Ġesù bħala “Mulej”?

13 Ladarba napprezzaw meta huwa li l-​ġudizzju muri f’din il-​parabbola jingħata, aħna jkollna dehra iktar ċara min huma l-​mogħoż. It-​twettieq huwa meta “jidher fis-​sema s-​sinjal taʼ Bin il-​Bniedem, [u mbagħad] il-​popli kollha taʼ l-​art jibdew jagħtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-​Bniedem ġej . . . b’qawwa u glorja kbira.” (Mattew 24:29, 30) Uħud li jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni fuq Babilonja l-​Kbira u li ttrattaw lil ħut is-​Sultan b’disprezz għandhom mnejn issa b’mod iddisprat jindirizzaw lill-​Imħallef bħala “Mulej,” billi jittamaw li jsalvaw ħajjiethom.—Mattew 7:22, 23; qabbel Apokalissi 6:15-17.

14. Ġesù fuq liema bażi se jiġġudika lin-​ngħaġ u l-​mogħoż?

14 Il-​ġudizzju taʼ Ġesù m’huwiex se jkun ibbażat fuq stqarrijiet iddisprati minn nies li kienu jmorru l-​knisja, atei, jew oħrajn. (2 Tessalonkin 1:8) Minflok, l-​imħallef se jirrevedi l-​kundizzjoni tal-​qalb u l-​azzjonijiet tal-​passat taʼ nies lejn saħansitra “wieħed minn dawn l-​iżgħar [minn ħutu].” Nammettu, l-​għadd taʼ Kristjani midlukin li baqaʼ fuq l-​art qiegħed jonqos. Madankollu, dment li l-​midlukin, li jifformaw “l-​irsir leali u diskret,” ikomplu jipprovdu ikel spiritwali u direzzjoni, ngħaġ prospettivi għandhom opportunità li jagħmlu l-​ġid lill-​klassi taʼ l-​irsir, sewwa sew bħalma għamlet il-​‘kotra kbira minn kull ġens u tribù u poplu.’—Apokalissi 7:9, 14.

15. (a) Ħafna kif urew li huma bħal mogħoż? (b) Għala għandna nevitaw li nistqarru jekk xi ħadd huwiex nagħġa jew mogħża?

15 Ħut Kristu u l-​miljuni taʼ ngħaġ oħrajn magħqudin magħhom bħala merħla waħda kif ġew ittrattati? Ħafna nies għandhom mnejn m’attakkawx personalment lir-​rappreżentanti taʼ Kristu, imma lanqas ma ttrattaw lin-​nies tiegħu b’imħabba. Billi jippreferu lid-​dinja mill-​agħar, uħud bħal mogħoż jirrifjutaw il-​messaġġ tas-​Saltna, kemm jekk jisimgħuh direttament jew indirettament. (1 Ġwann 2:15-17) M’għandniex xi ngħidu, fl-​analiżi finali, Ġesù hu l-​wieħed li hu maħtur biex jagħmel ħaqq. M’huwiex għalina li niddeterminaw min huma ngħaġ u min huma mogħoż.—Mark 2:8; Luqa 5:22; Ġwann 2:24, 25; Rumani 14:10-12; 1 Korintin 4:5.

Liema Futur Għal Kull Grupp?

16, 17. In-​ngħaġ liema futur se jkollhom?

16 Ġesù ta l-​ġudizzju tiegħu fuq in-​ngħaġ: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-​Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-​ħolqien tad-​dinja.” Xi stedina kordjali​—“Ejjew”! Għal liema ħaġa? Għal ħajja taʼ dejjem, bħalma esprima fil-​qosor: “Il-​ġusti [se jidħlu] fil-​ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:34, 46.

17 Fil-​parabbola tat-​talenti, Ġesù wera dak li huwa meħtieġ minn dawk li se jaħkmu miegħu fis-​sema, imma f’din il-​parabbola juri dak li huwa mistenni mis-​sudditi tas-​Saltna. (Mattew 25:14-23) Bla tlaqliq, minħabba l-​appoġġ tagħhom b’qalbhom kollha lil ħut Ġesù, in-​ngħaġ jirtu post fil-​qasam taʼ l-​art tas-​Saltna tiegħu. Huma se jgawdu ħajja fuq art magħmula ġenna​—prospett li Alla ħejja għalihom “sa mill-​ħolqien tad-​dinja” taʼ bnedmin li huma suġġetti għall-​fidwa.—Luqa 11:50, 51.

18, 19. (a) Ġesù se jagħmel liema ħaqq fuq il-​mogħoż? (b) Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​mogħoż m’humiex se jiffaċċjaw sofferenza eterna?

18 X’kuntrast huwa l-​ġudizzju esegwit fuq il-​mogħoż! “Imbagħad jgħid ukoll lil dawk taʼ fuq ix-​xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-​nar taʼ dejjem li tħejja għax-​xitan u għall-​anġli sħabu. Għax jien kont bil-​ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-​għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-​ħabs u ma ġejtux iżżuruni!’ Imbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-​ġuħ, jew bil-​għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-​ħabs u aħna ma waqafniex miegħek?’ Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li m’għamiltux maʼ wieħed minn dawn iż-​żgħar, anqas miegħi m’għamiltuh.’”—Mattew 25:41-45.

19 Studenti tal-​Bibbja jafu li dan ma jistax ifisser li erwieħ immortali taʼ wħud bħal mogħoż se jsofru f’xi nar etern. Le, għax il-​bnedmin huma erwieħ; ma jippossjedux erwieħ immortali. (Ġenesi 2:7; Koħelet 9:5, 10; Eżekjel 18:4, KŻ) Billi ssentenzja lill-​mogħoż għal “nar taʼ dejjem,” l-​Imħallef irid ifisser qerda mingħajr xi tama futura, li se jkun ukoll it-​tmiem permanenti għax-​Xitan u d-​demonji tiegħu. (Apokalissi 20:10, 14) Għaldaqstant, l-​Imħallef taʼ Jehovah jistabbilixxi ġudizzji opposti. Hu jgħid lin-​ngħaġ, “Ejjew”; lill-​mogħoż, “Morru minn quddiemi.” In-​ngħaġ se jirtu “ħajja taʼ dejjem.” Il-​mogħoż se jirċievu “kastig taʼ dejjem.”—Mattew 25:46, KŻ.b

X’Ifisser Dan Għalina?

20, 21. (a) Il-​Kristjani għandhom liema xogħol importanti x’jagħmlu? (b) Liema frid qiegħed iseħħ issa? (ċ) X’se tkun is-​sitwazzjoni tan-​nies meta l-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż tibda titwettaq?

20 L-​erbaʼ appostli li semgħu t-​tweġiba taʼ Ġesù dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu u l-​konklużjoni tas-​sistema kellhom wisq x’jikkunsidraw. Kellhom bżonn jibqgħu mqajmin u għassa. (Mattew 24:42) Kellhom bżonn ukoll jagħmlu x-​xogħol t’għoti taʼ xiehda msemmi f’Mark 13:10. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma involuti enerġetikament f’dak ix-​xogħol illum.

21 Iżda, xi tfisser għalina din il-​fehma ġdida tal-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż? Sewwa, in-​nies diġà qegħdin jagħżlu posthom. Xi wħud qegħdin ‘fit-​triq spazzjuża li tieħu għat-​telfien,’ fil-​waqt li oħrajn jipprovaw jibqgħu ‘fit-​triq dejqa li tieħu għall-​ħajja.’ (Mattew 7:13, 14) Imma ż-​żmien meta Ġesù se jippronunzja ġudizzju finali fuq in-​ngħaġ u l-​mogħoż li ġiet mogħtija stampa tagħhom fil-​parabbola għad irid jiġi. Meta Bin il-​bniedem jiġi fl-​irwol taʼ Mħallef, hu se jiddetermina li ħafna Kristjani veri​—attwalment “kotra kbira” taʼ ngħaġ iddedikati—​se jikkwalifikaw biex jgħaddu mill-​parti finali tat-​“taħbit il-​kbir” għal ġod-​dinja l-​ġdida. Dak il-​prospett għandu issa jkun sors taʼ ferħ. (Apokalissi 7:9, 14) Mill-​banda l-​oħra, għadd vast mill-​“ġnus kollha” se jkunu taw prova li huma bħal mogħoż stinati. Huma se “jmorru fil-​kastig taʼ dejjem.” X’serħan għall-​art!

22, 23. Ladarba t-​twettieq tal-​parabbola għadu fil-​futur, ix-​xogħol tagħna taʼ ppridkar għala huwa vitali llum?

22 Fil-​waqt li l-​iġġudikar kif deskritt fil-​parabbola huwa fil-​futur qarib, saħansitra issa xi ħaġa vitali qiegħda sseħħ. Aħna l-​Kristjani qegħdin nieħdu sehem f’xogħol, li jsalva l-​ħajjiet, taʼ pproklamar taʼ messaġġ li jikkaġuna frid fost in-​nies. (Mattew 10:32-39) Pawlu kiteb: “Għax kulmin isejjaħ isem il-​Mulej isalva. Imma kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rumani 10:13, 14) Il-​ministeru pubbliku tagħna qiegħed jilħaq nies f’iktar minn 230 pajjiż bl-​isem t’Alla u l-​messaġġ tiegħu taʼ salvazzjoni. L-​aħwa midlukin taʼ Kristu għadhom fuq quddiem f’dan ix-​xogħol. Madwar ħames miljuni min-​ngħaġ l-​oħrajn issa ngħaqdu magħhom. U nies madwar il-​globu qegħdin iwieġbu għall-​messaġġ ipproklamat minn ħut Ġesù.

23 Ħafna huma esposti għall-​messaġġ tagħna hekk kif nippridkaw minn dar għal dar jew informalment. Oħrajn għandhom mnejn jisimgħu dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah u dak li nirrappreżentaw f’modi li m’humiex magħrufin minna. Meta jasal żmien il-​ġudizzju, sa liema punt sejjer Ġesù jikkunsidra responsabbiltà tal-​komunità u mertu tal-​familja? Ma nistgħux ngħidu, u huwa għal xejn li nispekulaw. (Qabbel 1 Korintin 7:14.) Ħafna issa qegħdin jagħlqu widnejhom, jirredikolaw, jew jieħdu sehem f’persekuzzjoni diretta fuq il-​poplu t’Alla. Għaldaqstant, dan huwa żmien kruċjali; uħud bħal dawn jistgħu jkunu qegħdin jiżviluppaw f’dawk li lilhom Ġesù se jiġġudika bħala mogħoż.—Mattew 10:22; Ġwann 15:20; 16:2, 3; Rumani 2:5, 6.

24. (a) Għala huwa importanti li individwi jwieġbu favorevolment għall-​ippridkar tagħna? (b) Dan l-​istudju għen lilek personalment biex ikollok liema attitudni lejn il-​ministeru tiegħek?

24 B’ferħ, iżda, ħafna jwieġbu favorevolment, jistudjaw il-​Kelma t’Alla, u jsiru Xhieda taʼ Jehovah. Xi wħud li fil-​preżent jidhru qishom mogħoż jistgħu jinbidlu u jsiru bħal ngħaġ. Il-​punt huwa li dawk li jwieġbu u jappoġġjaw attivament il-​fdal taʼ ħut Kristu qegħdin b’hekk issa jagħtu evidenza li se tipprovdi bażi għalihom biex jitpoġġew fuq l-​id il-​leminija taʼ Ġesù meta, fil-​futur qarib, joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron tiegħu biex jagħmel ħaqq. Dawn qegħdin jiġu mberkin u hekk se jibqgħu jkunu. B’hekk, din il-​parabbola għandha tqanqalna għal iktar attività żeluża fil-​ministeru Kristjan. Qabel ma jkun tard wisq, irridu nagħmlu kulma nistgħu biex nipproklamaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u b’dak il-​mod nagħtu l-​opportunità lil oħrajn biex jaġixxu. Imbagħad f’idejn Ġesù biex jagħmel ħaqq, kundannatorju jew favorevoli.—Mattew 25:46. (w95 10/15)

[Noti taʼ taħt]

a Ara It-​Torri Taʼ L-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1994, paġni 14-18.

b El Evangelio de Mateo jinnota: “Ħajja taʼ dejjem hija ħajja definittiva; l-​oppost tagħha huwa kastig definittiv. L-​aġġettiv Grieg aionios ma jissinjifikax primarjament dewmien, imma kwalità. Il-​kastig definittiv huwa mewt għal dejjem.”​—Il-​professur irtirat Juan Mateos (Istitut Pontifikali Bibliku, Ruma) u Professur Fernando Camacho (Ċentru Teoloġiku, Seville), Madrid, Spanja, 1981.

Tiftakar Int?

◻ Liema paralleli bejn Mattew 24:29-31 u Mattew 25:31-33 juru li l-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż għandha applikazzjoni futura, u meta huwa dak?

◻ Min huma “l-​iżgħar” minn ħut Ġesù?

◻ L-​użu minn Ġesù taʼ l-​espressjoni “[uħud] ġusti” kif tgħinna biex nidentifikaw lil min dawn jirrappreżentaw u lil min ma jirrappreżentawx?

◻ Għalkemm il-​parabbola se titwettaq fil-​futur, l-​ippridkar tagħna għala huwa issa importanti u urġenti?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]

INNOTA L-​PARALLELI

Mattew 24:29-31 Mattew 25:31-33

Wara li tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, Bin il-​bniedem jasal

Bin il-​bniedem jiġi

Jiġi bi glorja kbira Jasal fil-​glorja u jpoġġi fuq it-​tron glorjuż tiegħu

Anġli preżenti miegħu Anġli jaslu miegħu

It-​tribujiet kollha taʼ l-​art jarawh Il-​ġnus kollha migħburin;

il-​mogħoż iġġudikati finalment

(tintemm it-​tribulazzjonil-kbira)

[Sors]

Garo Nalbandian

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja