Iżżi Ħajr—Is-Saltna Messjanika taʼ Jehovah Taħkem
“Niżżuk ħajr, Alla Jehovah, li Tistaʼ Kollox, . . . għaliex int ħadt il-qawwa kbira tiegħek u bdejt taħkem bħala sultan.”—RIVELAZZJONI 11:17.
1. Il-president tal-Watch Tower Society xi stqarr wara ż-żjara tiegħu fl-Ewropa fl-1911?
KMIENI fl-1911, il-president tal-Watch Tower Society, C. T. Russell, ta serje taʼ taħdidiet fuq il-Bibbja fi bliet ewlenin fl-Ewropa. Billi kkummenta fuq dak il-vjaġġ, Russell kiteb dan li ġej f’The Watch Tower tal-15 taʼ Mejju, 1911: “Aħna bqajna skantati li sibna tant evidenzi taʼ prosperità kullimkien . . . Il-qarrejja tagħna jafu li għal xi snin aħna konna qed nistennew li din l-Era tagħlaq bi żmien taʼ nkwiet ikrah, u nistennewha li tfaqqaʼ f’daqqa b’qawwa mhux wisq wara Ottubru, 1914, li, sa fejn nistgħu nifhmu l-Iskrittura, hija d-data li fiha ż-Żminijiet tal-Ġentili — it-tħollija tad-dominji tal-art mill-Ġentili — se jintemmu; iż-żmien, għalhekk, meta s-saltna tal-Messija se jkun imissha tibda teżerċita l-qawwa tagħha.” Kienet imwettqa din l-istennija?
2. Il-paċi kif tkissret fl-1914, u b’liema konsegwenzi tal-biki?
2 Matul l-ewwel nofs tal-1914, id-dinja dehret fis-sigurtà u ħielsa mill-gwerra. Imma l-paċi tkissret f’daqqa bil-qtil tal-eredi tat-tron Awstrijak minn wieħed Serbjan fit-28 taʼ Ġunju, 1914. L-Awstrija u l-Ungerija malajr iddikjaraw gwerra kontra s-Serbja. Ir-Russja żammet mas-Serbja, u għalhekk il-Ġermanja ddikjarat gwerra kontra r-Russja fl-1 t’Awissu. Imbagħad il-Ġermanja ddikjarat gwerra kontra Franza fit-3 t’Awissu; il-Gran Britannja kontra l-Ġermanja fl-4 t’Awissu; Montenegro kontra l-Awstrija u l-Ungerija fis-7 t’Awissu; il-Ġappun kontra l-Ġermanja fit-23 t’Awissu; l-Awstrija u l-Ungerija kontra l-Belġju fit-28 t’Awissu. Ħafna kienu jemmnu li l-gwerra malajr kienet se tintemm. Minflok, hija żdiedet għall-agħar gwerra fl-istorja sa dak iż-żmien, b’19 iktar pajjiżi jindaħlu biex iżommu maʼ naħa jew maʼ oħra f’banju taʼ dmija internazzjonali li sewa iktar minn 13,000,000 ħajja militari u ċivili, b’iżjed minn 21,000,000 immankati u feruti.
3, 4. X’ġara fil-kwartieri ġenerali tas-Soċjetà l-Ġimgħa fil-għodu tat-2 t’Ottubru, 1914?
3 Il-Ġimgħa fil-għodu, it-2 t’Ottubru, 1914, Russell annunzja lill-istaff tal-kwartieri ġenerali tal-Watch Tower Society fi Brooklyn, New York: “Iż-żminijiet tal-Ġentili ntemmu; is-slaten tagħhom kellhom il-jum tagħhom.” Dan intlaqaʼ minn applaws b’entużjażmu mill-familja f’Betel, “id-dar t’Alla.”
4 X’ġustifikazzjoni kellhom C. T. Russell u sħabu biex ikunu tant ferħanin f’dik il-għodwa t’Ottubru? Minfejn toriġina l-espressjoni “Żminijiet il-Ġentili”? X’evidenza hemm li Żminijiet il-Ġentili ntemmu f’Ottubru 1914? U dak kif għandu jeffettwa lilek?
Ġerusalemm u Żminijiet il-Ġentili
5. Fejn toriġina l-espressjoni “Żminijiet il-Ġentili”?
5 L-espressjoni “Żminijiet il-Ġentili,” jew iż-“żminijiet maħtura tal-ġnus,” tiġi mill-profezija kbira taʼ Ġesù rigward il-qerda taʼ Ġerusalemm. (Luqa 21:5-36 King James Version) Jumejn qabel ma taha, Ġesù ppreżenta lilu nnifsu lill-abitanti taʼ Ġerusalemm bħala l-Messija tagħhom. Fil-waqt li hu bl-umiltà rikeb fuq ħmar lejn il-belt, folol taʼ Lhud għajtu bi trijonf, l-istess bħalma bassar Żakkarija 9:9: “Imbierek hu l-Wieħed li ġej bħala s-Sultan f’isem Jehovah,” huma għajtu.—Luqa 19:28-40.
6, 7. Liema ħtija terribbli taʼ demm ġabu fuqhom infushom il-Ġudeani tal-ewwel seklu, u b’liema konsegwenzi?
6 Imma Ġesù kien jaf li l-opinjoni pubblika malajr kienet se ddur kontra tiegħu minħabba l-mibgħeda qattiela tal-mexxejja reliġjużi taʼ Ġerusalemm taħt l-influwenza taʼ missierhom, ix-Xitan. (Ġenesi 3:15; Ġwann 8:44) Ftit wara dan, fl-14 taʼ Nisan, folla taʼ Lhud għajtet biex Ġesù jingħata l-mewt. “Demmu jiġi fuqna u fuq uliedna,” huma għajtu quddiem il-gvernatur Ruman li kien indeċiż. (Mattew 27:24, 25) Minflok aċċettaw lil Ġesù bħala Sultan Messjaniku, il-qassisin ewlenin iddikjaraw: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesri.” (Ġwann 19:15) Il-Messija veru ġie mbagħad imsammar maʼ zokk tat-tortura biex imut, billi ġie akkużat b’mod falz bħala xewwiexi kontra Ruma u midgħi kontra dak Alla tal-Lhud.—Mark 14:61-64; Luqa 23:2; Ġwann 18:36; 19:7.
7 Korla divina żgur li kienet se tiġi fuq l-abitanti tal-Ġudea minħabba l-ħtija taʼ demm terribbli tagħhom. Ġerusalemm, bit-tempju manjifiku tagħha, ma setgħetx tissejjaħ iżjed, “il-belt tas-Sultan il-kbir,” Jehovah. (Mattew 5:35; Luqa 13:33-35) Xi ġranet qabel il-mewt taʼ Ġesù, id-dixxipli tiegħu tkellmu b’ammirazzjoni dwar il-bini tat-tempju taʼ dik il-belt. Bi tweġiba, Ġesù ħabbar: “Inkwantu għal dawn l-affarijiet li qegħdin tilmħu, se jiġu l-jiem li fihom mhux se titħalla hawn ġebla fuq ġebla u ma tiġix mitfugħa ’l isfel.—Luqa 21:5, 6.
8. Meta Ġesù ta “s-sinjal” taʼ ġrajjiet li kienu jwasslu għall-qerda taʼ Ġerusalemm, x’kien hemm involut iżjed?
8 Id-dixxipli taʼ Ġesù staqsew sorpriżi: “Għalliem, meta se jkunu attwalment dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal meta dawn l-affarijiet huma ddestinati li jseħħu?” (Luqa 21:7) Bi tweġiba Ġesù ħabbar bi preċiżjoni l-ġrajjiet li wasslu għall-qerda taʼ Ġerusalemm, u żied din il-frażi sinjifikanti: “Ġerusalemm se tkun mirfusa ’l isfel mill-Ġentili, sakemm iż-żminijiet tal-Ġentili jkunu twettqu.” (Luqa 21:8-24, KJ) Ġesù b’hekk ipponta ’l quddiem lejn xi ħaġa li kellha tiġi wara l-qerda taʼ Ġerusalemm—xi ħaġa li kellha tistenna “sakemm iż-żminijiet tal-Ġentili jkunu twettqu.” B’referenza għas-“sinjal,” Ġesù qal: “Meta taraw dawn l-affarijiet iseħħu, kunu afu li s-saltna t’Alla hija qrib.” (Luqa 21:31) Għalhekk, is-sinjal kien se jkollu twettieq doppju. L-ewwel twettieq, jew dak fuq skala żgħira, kien se jindika li ‘l-ħerba taʼ Ġerusalemm qorbot.’ (Luqa 21:20) It-tieni twettieq, u dak akbar, kien se jiġi meta Żminijiet il-Ġentili jkunu ntemmu, u kien jindika li “s-saltna t’Alla hija qrib.”—Qabbel Mattew 24:3.
Ġerusalemm tal-Art Mibdula minn Belt Superjuri
9. Ġerusalemm fuq l-art meta tilfet l-istat iffavorit tagħha, u minn xiex ġiet mibdula?
9 Billi qal “Ġerusalemm se tkun mirfusa ’l isfel mill-ġnus sakemm iż-żminijiet tal-ġnus ikunu twettqu,” kien Ġesù qed jissuġġerixxi li l-belt tal-art se tiġi eventwalment restawrata għal favur divin? Le. Wara l-qtil tal-Iben maħbub t’Alla, Ġerusalemm tal-art tilfet l-istat speċjali tagħha għal dejjem u ġiet mibdula minn belt bil-wisq iżjed superjuri, “belt taʼ Alla l-ħaj, Ġerusalemm tas-sema.”—Ebrej 12:22; Mattew 23:37,38; 27:50,51.
10. Xi tfisser l-espressjoni “Ġerusalemm tas-sema”?
10 L-espressjoni “Ġerusalemm tas-sema” hija wżata fil-Bibbja biex tiddeskrivi s-Saltna tas-sema li ma tistax tiġi meqruda u li lejha ġew imsejħin Kristjani midlukin.a (Ebrej 11:10; 12:22, 28) Meta l-appostlu Pawlu kiteb dan, il-belt fuq l-art bit-tempju tagħha kienet għadha wisq ammirata mil-Lhud. B’hekk, Pawlu fakkar lill-Kristjani Ebrej li “m’għandniex hawn belt li tibqaʼ, imma qegħdin infittxu bil-ħrara dik li ġejja.”—Ebrej 13:14.
Għala Tissejjaħ Ġerusalemm tas-Sema
11. Sakemm Ġerusalemm tal-art tilfet il-favur taʼ Jehovah, x’kienet tirrappreżenta?
11 Ġerusalemm kienet ilha żmien twil il-kapitali tal-ġens taʼ Iżrael, li s-slaten tagħha kienu jintqalu li “jpoġġu fuq it-tron taʼ Jehovah.” (1 Kronaki 29:23) Ukoll, Jehovah għamel patt maʼ David li l-istat taʼ sultan kellu jibqaʼ fil-familja tiegħu għal dejjem. Bħalma kapitali moderni, bħal Washington, Moska, Canberra, u Pretorja, jintużaw biex jidentifikaw il-gvernijiet rispettivi tagħhom, l-istess Ġerusalemm tintuża fil-Bibbja biex tirrappreżenta s-saltna taʼ David.—2 Samwel 7:16; Luqa 1:32.
12. It-terminu “Żminijiet il-Ġentili” kif għandu jiġi applikat?
12 Is-saltna taʼ David kellha dominju limitat, li kien jestendi biss sal-limiti tal-art deċiżi minn Alla taʼ Iżrael tal-qedem. Ġerusalemm fuq l-art kienet għalhekk biss tip tas-Saltna Messjanika vera li kellha taħkem mis-sema u jkollha l-art kollha bħala d-dominju tagħha. (Salm 2:2, 7, 8; Danjel 7:13, 14; 2 Timotew 4:18) B’hekk, il-ktieb The Time Is At Hand, ippubblikat mill-Watch Tower Society fl-1889, stqarr b’mod ċar: “It-terminu ‘Żminijiet il-Ġentili’ kien applikat mill-Mulej tagħna għal dak l-intervall tal-istorja tal-art bejn it-tneħħija tas-Saltna tipika t’Alla, is-Saltna taʼ Iżrael (Eżek. 21:25-27), u l-introduzzjoni u t-twaqqif tal-antitip tagħha, il-vera Saltna t’Alla.”
Żminijiet il-Ġentili—Kemm Huma Twal?
13. Meta bdew Żminijiet il-Ġentili, u għala twieġeb hekk?
13 Is-saltna tipika t’Alla ġiet imwaqqaʼ mis-sultan Babilonjan Nebukadneżżar fis-sena 607 Q.E.K. Sas-sebaʼ xahar Lhudi, madwar nofs Ottubru, l-art saret ħerba.b (2 Slaten 25:8, 9, 22, 25, 26) Bi prova li dan ġara bil-permess divin, Alla Jehovah ta lil Nebukadneżżar ħolma. Kienet tinvolvi siġra li ġiet imqaċċta u tħalliet tikber mill-ġdid wara perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet.” Il-ħolma kellha twettieq inizzjali meta Nebukadneżżar reġaʼ tpoġġa fuq it-tron tiegħu wara stat temporanju taʼ ġenn.—Danjel 4:10-17, 28-36.
14. X’kien il-punt prinċipali tal-ħolma taʼ Nebukadneżżar?
14 Madankollu, it-tema tal-ħolma taʼ Nebukadneżżar uriet li t-twettieq prinċipali tagħha kien jinvolvi s-saltna tipika t’Alla, li lilha dak is-sultan Ġentil kien ingħatalu permess li ‘jqaċċatha.’ Il-ħolma kkonkludiet b’din l-istqarrija taʼ skop: “Biex in-nies li jgħixu jistgħu jkunu jafu li l-Iktar Għoli hu Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin u li lil dak li jrid hu, hu jagħtiha u jqiegħed fuqha saħansitra lill-iktar wieħed baxx mill-bnedmin.—Danjel 4:17.
15. Ġesù Kristu kif ikkwalifika bħala “l-iktar wieħed baxx mill-bnedmin”? (Mattew 11:29)
15 Persuna waħda biss saret tikkwalifika fl-aspetti kollha biex tissejjaħ “l-iktar wieħed baxx mill-bnedmin.” L-Iben uniġenitu t’Alla ta prova tiegħu nnifsu li kien hekk billi minn jeddu ħalla l-glorja tiegħu tas-sema biex jitwieled bħala bniedem, bħala Ġesù, li sofra l-iktar mewta umiljanti u krudili minn idejn Satana. (Filippin 2:3, 5-11) Wara l-irxoxt tiegħu lura għall-glorja fis-sema, Ġesù kellu jistenna sakemm intemm il-perijodu taʼ sebaʼ żminijiet taʼ ħakma Ġentili qabel ma ġie mogħti t-tron bħala s-Sultan Messjaniku fuq il-bnedmin.—Ebrej 10:12, 13.
16. Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni kif igħin lill-Kristjani biex jikkalkolaw meta ntemmu s-sebaʼ żminijiet?
16 Imma x-Xhieda taʼ Jehovah kif waslu biex jifhmu t-tul tas-sebaʼ żminijiet? Il-Bibbja tirrivela li “żmien u żminijiet u nofs żmien,” jew tliet żminijiet u nofs, jammontaw għal 1,260 jum. (Rivelazzjoni 12:6, 14) Għalhekk, id-doppju taʼ dak in-numru, jew sebaʼ żminijiet, kien jammonta għal 2,520 jum. Fuq il-bażi tal-gwida profetika taʼ “jum għal sena,” is-sebaʼ zminijiet jammontaw għal 2,520 sena. (Numri 14:34; Eżekjel 4:6) B’dan il-kalkolu, iż-Żminijiet tal-Ġentili, li bdew f’Ottubru tas-sena 607 Q.E.K., intemmu 2,520 sena wara f’Ottubru tal-1914.
17. Liema taħbira taʼ ferħ kienet waslet biex issir magħrufa fl-1914?
17 F’Ottubru tal-1914, Alla Jehovah waqqaf lil Ibnu l-maħbub, il-Mulej Ġesù Kristu, fuq it-tron fis-Saltna tas-sema. Fl-aħhar, il-viżjoni taʼ Rivelazzjoni tal-appostlu Kristjan Ġwanni bdiet issir realtà, u t-taħbira setgħet issir: “Is-saltna tad-dinja tassew saret is-saltna tal-Mulej tagħna [Jehovah] u tal-Kristu tiegħu, u hu [Jehovah] se jaħkem bħala sultan għal dejjem taʼ dejjem.” (Rivelazzjoni 1:10; 4:1; 11:15) X’aħbar glorjuża hi din u x’raġuni għall-akbar hena min-naħa tal-werrieta bi sħab u s-sudditi kollha taʼ dik is-Saltna!—Rivelazzjoni 11:17.
18. Kundizzjonijiet taʼ niket għala ħaqru lill-umanità mill-1914 ’il hawn?
18 Veru, għall-biċċa l-kbira tal-bnedmin, ma kienx hemm wisq kuntentiżża fuq l-art mill-1914 ’il hawn. Imma l-kundizzjonijiet taʼ gwaj fuq l-art huma prova li l-ħakma taʼ Satana waslet biex tintemm. Kif nafuh dan? Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jindika li t-twaqqif tas-Saltna t’Alla kien se jirriżulta fi gwerra fis-sema. Satana u d-demonji tiegħu kellhom jiġu mwaddba ’l barra mis-sema u llimitati għall-viċinanza tal-art tagħna. Wara li ra din ir-rebħa permezz taʼ viżjoni profetika, Ġwanni semaʼ leħen qawwi jgħid: “Ifirħu, intom is-smewwiet u intom li toqogħdu fihom! Gwaj għall-art u għall-baħar, għaliex ix-Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, għax jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.”—Rivelazzjoni 12:1-12.
19. Kristjani veri għala huma tant grati li huma ħajjin f’dan iż-żmien?
19 Kundizzjonijiet dinjin li dejjem jeħżienu mill-1914 ’il hawn huma prova li l-viżjoni taʼ Ġwanni saret realtà u li t-tmiem tal-bnedmin kollha li jirrifjutaw li jissottomettu lilhom infushom lejn is-sovranità t’Alla qed joqrob perikolożament viċin. (Luqa 21:10, 11, 25-32) Kemm hu eċċitanti li tkun tgħix f’dan iż-żmien tal-għaġeb meta Alla Jehovah, li Jistaʼ Kollox, se jissetilja l-kwistjoni l-kbira tas-sovranità tiegħu għal fuq l-art! Imbagħad, l-art se tinbidel f’ġenna sabiħa, u l-bnedmin taʼ tjieba li jibqgħu ħajjin se jintrefgħu għall-perfezzjoni. Saħansitra l-mejtin se jiġu mqajmin u jingħataw l-opportunità biex jikkwalifikaw għall-ħajja taʼ dejjem.—Rivelazzjoni 20:1-3, 12, 13; 21:3-5.
Bżonn Modern għal Aġġustament
20. (a) Fuq l-art, min ta prova li kienu l-veri qaddejja taʼ Jehovah qabel l-1914? (b) Liema aġġustamenti kienu lesti li jagħmlu Kristjani midlukin lejali?
20 Għal 38 sena qabel l-1914, l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien, ippuntaw lejn dik id-data bħala s-sena meta ż-Żminijiet tal-Ġentili kellhom jintemmu.c Xi prova li tispikka hi dik li huma kienu l-qaddeja veri taʼ Jehovah! Madankollu, bħall-qaddejja t’Alla tal-ewwel seklu, huma wkoll kellhom xi stennijiet żballjati. Per eżempju, huma stennew li l-għadd sħiħ taʼ Kristjani midlukin kien se jiġi mqajjem għas-sema sa Ottubru tal-1914. Huma ħasbu wkoll li l-gwerra li bdiet fl-1914 kienet se twassal direttament għat-tmiem tad-dinja taʼ Satana.
21. X’dixxiplina ġarrbu l-Kristjani veri matul l-Ewwel Gwerra Dinjija?
21 Maż-żmien, madankollu, Kristjani midlukin irrealizzaw li kien hemm wisq xogħol għalihom x’jagħmlu fuq l-art. Minħabba l-persistenza tagħhom fil-għoti taʼ xiehda pubblika matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, huma ġarrbu persekuzzjoni feroċi mill-awtoritajiet politiċi, imxewxa mill-kleru tal-Kristjaneżmu. (Salm 2:1-6) L-attività tal-Kristjani veri ngħatat daqqa qawwija fil-21 taʼ Ġunju, 1918, meta uffiċjali ewlenin tal-Watch Tower Society fl-Istati Uniti ġew issentenzjati għal 20 sena ħabs fuq akkużi foloz.
22, 23. (a) Kristjani midlukin lejali x’għamlu mill-l919 ’il hawn, u b’liema rispons doppju? (b) X’inhi Ġerusalemm antitipika mhix lejali?
22 L-Ewwel Gwerra Dinjija ntemmet f’daqqa f’Novembru tal-1918. Imbagħad, fil-25 taʼ Marzu, 1919, l-uffiċjali tal-Watch Tower Society inħelsu mill-ħabs. Huma iktar tard ġew meħlusa għalkollox minn kull akkuża. Perijodu mhux mistenni taʼ paċi nfetaħ għal dawk il-Kristjani midlukin lejali, simili għall-opportunitajiet li ppreżentaw lilhom infushom lid-dixxipli tal-bidu taʼ Kristu wara li ngħataw qawwa mill-ispirtu qaddis fis-sena 33 E.K.—Atti 2:17-21, 41.
23 Mill-1919 ’il hawn, Kristjani midlukin lejali bħala grupp b’mod żeluż obdew il-kmand involut fil-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 24:14: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata mal-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” Bħala riżultat, kważi erbaʼ miljuni min-“ngħaġ oħra” taʼ Kristu ddedikaw ħajjithom biex jaqdu lil Jehovah f’għaqda mal-fdal midluk. (Ġwann 10:16) Il-Kristjaneżmu, taħt l-influwenza tal-kleru tiegħu, ikompli jirrifjuta l-messaġġ tas-Saltna. Il-preferenza tiegħu għal skemi politiċi umani u l-persekuzzjoni tiegħu fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah jixbhu lit-trattament tal-biżaʼ mogħti lil Kristu mill-abitanti tal-Ġudea tal-ewwel seklu. Sewwa sew bħalma Jehovah esegwixxa l-ġudizzju tiegħu fuq Ġerusalemm, hekk se jagħmel lil Ġerusalemm antitipika mhix lejali, jiġifieri, il-Kristjaneżmu. U bħalma l-ġenerazzjoni li semgħet il-messaġġ taʼ ġudizzju taʼ Kristu għexet biex iġġarrab il-qerda li bassar, l-istess il-ġenerazzjoni preżenti mill-1914 ’il hawn “bl-ebda mod ma se tgħaddi” qabel tiġi t-“tribulazzjoni kbira” mbassra.—Mattew 24:21, 22, 34.
24. Biex nibqgħu ħajjin għal ġod-dinja ġdida t’Alla, x’irridu nagħmlu?
24 X’irridu nagħmlu biex nibqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni kbira u nibqgħu ngħixu ġod-dinja ġdida t’Alla? Minkejja stennijiet żballjati li xi ħadd minna setaʼ kellu, irridu ngħassu kontra li norqdu rigward id-dmirijiet Kristjani tagħna. (Ħabakkuk 2:3; 1 Tessalonkin 5:1-6) Dawk li kapaċi jiftakru ġrajjiet mill-1914 qed isiru dejjem iżjed ftit. B’hekk, irridu noqogħdu attenti; m’hemmx ħin x’nitilfu. (Mattew 24:42) Dawk kollha li jridu jibqgħu ħajjin fit-tmiem tad-dinja mill-agħar taʼ Satana jridu jaġixxu issa b’tali mod li juri qbil mal-kliem imnebbaħ: “Niżżuk ħajr, Alla Jehovah, li Tistaʼ Kollox, . . . għaliex int ħadt il-qawwa kbira tiegħek u bdejt taħkem bħal sultan.”—Rivelazzjoni 11:17.
[Noti taʼ taħt]
b Għal iktar tagħrif dwar għala dan jimmarka l-bidu taʼ Żminijiet il-Ġentili, ara “Let Your Kingdom Come,” kapitlu 14, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
c C. T. Russell kiteb artiklu intitolat “Żminijiet il-Ġentili: Meta Jintemmu?,” li ġie ppubblikat fir-rivista Bible Examiner, t’Ottubru 1876. F’paġna 27, l-artiklu qal: “Is-sebaʼ żminijiet se jintemmu f’A.D. 1914.”
Kif Se Twieġeb?
◻ Ġerusalemm tal-qedem x’kienet tirrappreżenta, imma kif tilfet l-istat onorat tagħha?
◻ Meta bdew u ntemmu Żminijiet il-Ġentili, u b’liema riżultat imbassar?
◻ Il-qerda taʼ Ġerusalemm mhix lejali x’kienet tiffigura bil-quddiem?
◻ Kif nafu li t-tribulazzjoni kbira hi fil-qrib, u x’irridu nagħmlu biex nibqgħu ħajjin?