Kapitlu 23
Żomm Sewwa f’Moħħok il-Jum taʼ Jehovah
1. (a) Meta għall-ewwel darba tgħallimt li l-ħelsien mill-qsim il-qalb taʼ din is-sistema qadima kien qrib, kif irreaġixxejt? (b) Liema mistoqsijiet rigward dan għandna nikkunsidraw bis-serjetà?
BLA DUBJU waħda mill-ewwel affarijiet li int tgħallimt minn studju tal-Bibbja kienet li l-ħelsien mill-uġigħ il-qalb tal-ħajja fis-sistema preżenti t’affarijiet huwa qrib. Bdejt tirrealizza li l-iskop t’Alla huwa li l-art kollha tkun Ġenna. Il-kriminalità, il-gwerer, il-mard u l-mewt m’humiex se jkunu iktar, u saħansitra wħud maħbubin mejtin se jerġgħu jgħixu. Xi prospett li jferraħ il-qalb! Kemm dan kollu huwa qrib ġie enfasizzat mill-evidenza li l-preżenza inviżibbli taʼ Kristu bħala Sultan ħakkiem bdiet fl-1914 E.K. u li minn dak iż-żmien ’l hawn konna u għadna fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja mill-agħar. Ipproduċa dak l-għarfien bidliet f’ħajtek? Juri tassew il-mod taʼ ħajja tiegħek konvinzjoni li “l-jum taʼ Jehovah” huwa qrib?
2. (a) Meta se jiġi l-“jum taʼ Jehovah”? (b) Il-fatt li Jehovah ma rrivelax “il-jum jew is-siegħa” kif wera li kien u għadu taʼ benefiċċju?
2 L-Iskrittura turi b’mod ċar li l-“ġenerazzjoni” li rat is-sinjal tal-preżenza taʼ Kristu kellha tara wkoll il-“jum il-kbir taʼ Jehovah” fejn hu jesegwixxi ħaqq kontra dawk kollha li jipprattikaw in-nuqqas taʼ tjieba. (Matt. 24:34; Sof. 1:14–2:3) Imma l-Bibbja ma tindikax id-data eżatta meta Ġesù Kristu se jiġi bħala l-esekutur taʼ Jehovah kontra s-sistema t’affarijiet taʼ l-art taʼ Satana. “Dwar dak il-jum jew is-siegħa ħadd ma jaf, la l-anġli fis-sema u lanqas l-Iben, imma l-Missier,” qal Ġesù. (Mark 13:32) Dan wera li huwa taʼ benefiċċju ferm. B’liema mod? Dan għen biex jikxef x’hemm fil-qlub tan-nies. Jekk xi wħud ma jħobbux tassew lil Jehovah, ikunu inklinati li jipposponu l-“jum” tiegħu f’imħuħhom u jduru lejn ġiri wara affarijiet sekulari li lejhom qlubhom huma inklinati. Jehovah japprova bħala l-qaddejja tiegħu lil dawk biss li verament iħobbuh u li juru dan billi jaqduh b’ruħhom kollha kemm hi, jiġi meta jiġi t-tmiem tas-sistema mill-agħar. L-approvazzjoni t’Alla u taʼ Ibnu m’hijiex qiegħda fuq dawk li huma berdin jew taʼ żewġt imħuħ.—Riv. 3:16; Salm 37:4; 1 Ġwn. 5:3.
3. Ġesù x’qal bħala twissija għalina dwar din il-kwistjoni?
3 F’kelma taʼ twissija lil dawk li jħobbu lil Jehovah, Ġesù qal: “Ibqgħu ħarsu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta ż-żmien maħtur huwa.” (Mark 13:33-37) Hu jħeġġiġna biex ma nħallux l-ikel u x-xorb jew “l-anzjetajiet tal-ħajja” jassorbu tant mill-attenzjoni tagħna li ma nibqgħux naraw is-serjetà taż-żmien.—Luqa 21:34-36; Matt. 24:37-42.
4. Bħalma spjega Pietru, il-“jum taʼ Jehovah” x’se jġib?
4 Iktar tard, l-appostlu Pietru ta parir lil dawk kollha li għandhom fidi vera biex ‘jistennew u jżommu sewwa f’moħħhom il-preżenza tal-jum taʼ Jehovah, li permezz tiegħu s-smewwiet billi jkunu qegħdin jaqbdu bin-nar se jinħallu u l-elementi billi jkunu qegħdin jikwu se jdubu.’ Kemm huwa qrib il-“jum taʼ Jehovah” huwa fatt li ħadd minna qatt m’għandu jċekken. Is-smewwiet governattivi viżibbli u s-soċjetà umana mill-agħar dalwaqt se jiġu mibdulin bi “smewwiet ġodda u art ġdida” li se jiġu magħmulin minn Alla, u l-“elementi” kollha li jiġu mas-sistema dinjija preżenti—l-attitudni indipendenti tagħha, il-mod taʼ ħajja immorali u materjalistiku tagħha—se jinġiebu għat-tmiem tagħhom fis-sħana qerrieda tal-“jum taʼ Jehovah.” (2 Piet. 3:10-13) Għandna bżonn nibqgħu attenti, billi nkunu konxji li dawn il-ġrajjiet li jheżhżu d-dinja jistgħu jibdew fi kwalunkwe mument.—Matt. 24:44.
IBQGĦU ATTENTI GĦALL-ĠRAJJIET LI JWETTQU S-SINJAL
5. (a) Ir-risposta taʼ Ġesù għall-mistoqsija ddokumentata f’Mattew 24:3 sa liema punt applikat għat-tmiem tas-sistema Lhudija? (b) Liema porzjonijiet mit-tweġiba tiegħu jiffokaw l-attenzjoni lejn il-ġrajjiet li seħħew mill-1914 E.K. ’l quddiem?
5 Speċjalment meta nqisu ż-żmien li qegħdin ngħixu fih, għandna nkunu familjari ħafna mad-dettalji tas-sinjal kompost li jidentifika “l-aħħar jiem,” jew il-“konklużjoni tas-sistema t’affarijiet.” Sabiex naqraw is-sinjal b’mod korrett, irridu nżommu f’moħħna li meta Ġesù wieġeb il-mistoqsija tad-dixxipli tiegħu kif inhi rrekordjata f’Mattew 24:3, xi ftit minn dak li qal kien japplika għat-tmiem tas-sistema Lhudija fl-ewwel seklu, imma l-applikar prinċipali kien iwassal ħafna iktar lil hinn minn hekk. Dak li hu ddeskriva fil-versi 4 sa 22 fil-fatt kellu twettiq fuq skala żgħira bejn is-sena 33 u s-sena 70 E.K. Imma l-profezija għandha t-twettiq prinċipali tagħha fi żmienna u tidentifika l-perijodu mill-1914 E.K. ’l hawn bħala li huwa ż-żmien tal-“preżenza” taʼ Kristu “u l-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet.” (Ukoll Mark 13:5-20 u Luqa 21:8-24) Mattew 24:23-28 jgħid x’kellu jseħħ mis-sena 70 E.K. ’l quddiem sa żmien il-preżenza taʼ Kristu.—Mark 13:21-23.
6. (a) Għala għandna noqogħdu attenti personalment għal kif il-ġrajjiet kurrenti jwettqu “s-sinjal”? (b) Wieġeb il-mistoqsijiet li hemm fl-aħħar taʼ dan il-paragrafu biex turi kif twettaq is-“sinjal” mill-1914 ’l hawn.
6 Aħna personalment għandna nkunu qegħdin nosservaw il-ġrajjiet kurrenti li jwettqu “s-sinjal.” Li nirrelataw dawn il-ġrajjiet mal-profezija tal-Bibbja se jgħinna nżommu ‘sewwa f’moħħna’ l-jum taʼ Jehovah. Dan se jgħinna wkoll inkunu persważivi meta nwissu lil oħrajn dwar kemm huwa qrib “jum il-vendetta min-naħa t’Alla tagħna.” (Isa. 61:1, 2) B’dawn l-oġġettivi f’moħħok, irrevedi l-aspetti li ġejjin tas-“sinjal.”
Il-qawmien imbassar taʼ ‘ġens kontra ġens u saltna kontra saltna’ b’liema mod straordinarju kien imwettaq b’seħħ mill-1914 E.K.? X’ġara saħansitra f’xhur riċenti li jżid mat-twettiq?
L-iskarsezzi taʼ l-ikel sa liema punt effettwaw l-art minkejja l-għarfien xjentifiku tas-seklu 20?
Kien hemm tassew xi differenza fil-frekwenza taʼ terremoti f’post wara l-ieħor mill-1914 E.K. ’l hawn?
Fl-1918 liema pesta ħadet iktar ħajjiet milli ħadet il-gwerra dinjija? Minkejja l-għarfien mediku, liema mardiet għadhom xorta waħda taʼ proporzjonijiet epidemiċi?
X’jikkonvinċik li l-kundizzjonijiet deskritti f’2 Timotju 3:1-5 m’humiex sempliċement il-mod li l-ħajja dejjem kienet imma li qegħdin jintensifikaw sa grad li jaħsdek hekk kif nimxu lejn l-għeluq taʼ l-aħħar jiem?
IT-TIFRID TAN-NIES
7. (a) Ġesù liema ġrajja oħra, deskritta f’Mattew 13:36-43, assoċja mal-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet? (b) Dik it-tixbieha xi tfisser?
7 Hemm ukoll ġrajjiet oħrajn sinjifikanti li Ġesù assoċja b’mod prominenti mal-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet. Waħda minn dawn hija t-tifrid taʼ “wlied is-saltna” minn “ulied il-wieħed mill-agħar.” Ġesù tkellem dwar dan fil-parabbola tiegħu dwar għalqa miżrugħa bil-qamħ li fuqu għadu żeraʼ ħaxix ħażin. Il-“qamħ” fit-tixbieha tiegħu jirrappreżenta lill-veri Kristjani midlukin. Il-“ħaxix ħażin” huma t-taparsi Kristjani. Fil-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet il-“ħaxix ħażin”—dawk li jistqarru li huma Kristjani imma li jagħtu prova li huma “wlied il-wieħed mill-agħar” għaliex jibqgħu mqabbdin mad-dinja li tagħha x-Xitan huwa ħakkiem—jiġu mifrudin minn “ulied is-saltna [t’Alla]” u mmarkati għall-qerda. (Matt. 13:36-43) Seħħ dan attwalment?
8. (a) Wara l-ewwel Gwerra Dinjija, liema tifrid kbir seħħ taʼ dawk kollha li kienu jistqarru li kienu Kristjani? (b) Il-Kristjani veri midlukin kif taw evidenza li kienu, tabilħaqq, “ulied is-saltna”?
8 Wara l-ewwel Gwerra Dinjija kien hemm, tabilħaqq, tifrid kbir tal-persuni kollha li kienu jsostnu li huma Kristjani f’żewġ klassijiet: (1) Il-kleru tal-Kristjaneżmu u s-segwaċi tagħhom, li ħarġu b’appoġġ qawwi għal-Lega tan-Nazzjonijiet (issa l-Ġnus Magħquda), waqt li baqgħu jżommu sod man-nazzjonaliżmu tagħhom. (2) L-għadd relattivament żgħir tal-veri Kristjani midlukin taʼ dik l-era taʼ wara l-gwerra, li taw l-appoġġ sħiħ tagħhom lis-Saltna Messjanika t’Alla. B’appoġġ fil-beraħ lill-gvernijiet tad-dinja bħala l-mezz li bih jinkisbu l-paċi u s-sigurtà, dawk taʼ l-ewwel klassi għamluha ċara li ma kinux Kristjani veri. (Ġwn. 17:16) B’kuntrast, il-qaddejja taʼ Jehovah b’mod korrett identifikaw il-Lega tan-Nazzjonijiet bħala “l-ħaġa moqżieża li tikkaġuna ħerba” taż-żmien modern, li jirreferi għaliha Mattew 24:15. Billi wrew lilhom infushom li kienu l-veri “wlied is-saltna [t’Alla],” huma ħadu l-inkarigu li jippridkaw “din l-aħbar tajba tas-saltna . . . fl-art abitata kollha.” (Matt. 24:14) B’liema riżultati?
9. (a) Kif ġie mwettaq xogħol kbir taʼ ppridkar? (b) It-twettiq taʼ dawn il-profeziji x’jissinjifika?
9 Bħalma bassar Ġesù, hu beda xogħol kbir taʼ ppridkar lil nies tal-ġnus kollha. (Mark 13:10) Dan ix-xogħol, iddireġut minn Kristu mit-tron tiegħu tas-sema, ikompli dritt sal-preżent, u int effettwat personalment minnu. Il-maġġoranza taʼ l-umanità jiddisprezzaw is-Saltna t’Alla u l-“ulied” tagħha midlukin bl-ispirtu u għalhekk se jingħataw għall-“qtugħ taʼ dejjem” fil-mewt. Madankollu, lil oħrajn il-Mulej se jestendi l-istedina biex jirtu l-qasam taʼ l-art tas-Saltna tiegħu, bil-ħajja taʼ dejjem quddiemhom. Uħud bħal dawn assoċjaw lilhom infushom maʼ “wlied is-saltna” li huma midlukin, avolja dawn huma l-mira taʼ persekuzzjoni krudila. (Matt. 25:31-46) Huma jgħinuhom lealment biex jippubblikaw il-messaġġ vitali tas-Saltna. Folla kbira li tgħodd mal-miljuni qiegħda tieħu sehem f’dan ix-xogħol. Il-messaġġ tas-Saltna qiegħed jinstemaʼ sa truf l-art. Dawn il-ġrajjiet x’jissinjifikaw? Li aħna qegħdin qrib ferm tat-tmiem taʼ l-“aħħar jiem” u li l-“jum taʼ Jehovah” huwa viċin ħafna.
X’HEMM QUDDIEMNA?
10. Għad hemm iktar xogħol taʼ l-ippridkar x’isir qabel ma jasal il-“jum taʼ Jehovah”?
10 Għad hemm profeziji li jridu jitwettqu qabel ma jibda l-jum il-kbir taʼ Jehovah li jispira l-biżaʼ? Iva! It-tifrid tan-nies minħabba l-kwistjoni tas-Saltna għadu mhux lest. F’xi nħawi fejn kienet imġarrba oppożizzjoni intensa għal snin sħaħ, hemm issa ħsad abbundanti taʼ dixxipli ġodda. U saħansitra fejn in-nies jiċħdu l-aħbar tajba, il-ġustizzja u l-ħniena taʼ Jehovah huma appoġġjati billi aħna nagħtu x-xiehda. Mela, inkomplu bix-xogħol! Ġesù jassigurana li, meta jkun sar, “se jiġi t-tmiem.”—Matt. 24:14.
11. (a) Bħalma huwa muri fl-1 Tessalonkin 5:2, 3, liema ġrajja taʼ min jinnotaha għad trid isseħħ? (b) Din x’se tfisser għalina?
11 Profezija oħra tal-Bibbja li hija sinjifikanti ferm tbassar: “Huwa meta huwa li huma qegħdin jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad qerda f’daqqa waħda trid tkun minnufih fuqhom sewwa sew bħall-weġgħa t’hemm fuq mara tqila; u bl-ebda mod ma se jaħarbu.” (1 Tess. 5:2, 3) Liema forma dik il-proklamazzjoni taʼ “paċi u sigurtà” se tieħu għad irridu naraw. Imma din ċertament li m’hijiex se tfisser li l-mexxejja dinjin verament ikunu solvew il-problemi taʼ l-umanità. Dawk li qegħdin ‘iżommu sewwa f’moħħhom’ il-jum taʼ Jehovah m’humiex se jiġu żvijati minn dik il-proklamazzjoni. Huma jafu li, immedjatament wara, se tiġi “qerda f’daqqa waħda.”
12. Liema ġrajjiet se jsegwu immedjatament il-proklamazzjoni taʼ “paċi u sigurtà,” u b’liema ordni?
12 L-ewwel, bħalma turi l-Iskrittura, il-ħakkiema politiċi sejrin, fuq bażi globali, iduru kontra Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, u jġibuha fix-xejn. (Riv. 17:15, 16) Huwa tabilħaqq taʼ min jinnota li attitudnijiet ostili speċjalment lejn ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu qegħdin saħansitra issa juru lilhom infushom. Gvernijiet b’politika antireliġjuża qawwija diġà jeżerċitaw influwenza potenti fil-Ġnus Magħquda, u l-pubbliku nnifsu f’pajjiżi tradizzjonalment reliġjużi qiegħed jabbanduna f’numri kbar ir-reliġjonijiet taʼ missirijietu tal-qedem. Dan kollu x’ifisser? Li d-deżolazzjoni tar-reliġjon falza kollha hija qrib. Imbagħad wara, meta l-ġnus bi sfida jduru, bil-forza kollha, kontra dawk li jappoġġjaw is-sovranità taʼ Jehovah, se tiġi maħlula qilla divina kontra l-gvernijiet politiċi u dawk li jappoġġjawhom, u dan jirriżulta f’qerda totali għalihom ilkoll. Finalment, Satana nnifsu mad-demonji tiegħu se jiġi mitfugħ fl-abbiss, miżmum kompletament milli jinfluwenza lill-umanità. Dan tabilħaqq se jkun il-“jum taʼ Jehovah,” il-jum meta ismu se jitpoġġa fl-għoli.—Eżek. 38:18, 22, 23; Riv. 19:11–20:3.
13. Għala ma jkunx għaqli li tirraġuna li l-jum taʼ Jehovah għadu ’l bogħod?
13 Dan se jiġi eżatt fil-ħin, skond l-iskeda t’Alla. M’huwiex se jittardja. (Ħab. 2:3) Ftakar li l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. ġiet malajr, meta l-Lhud ma kinux qegħdin jistennewha, meta ħasbu li l-periklu kien għadda. U xi ngħidu għal Babilonja tal-qedem? Kienet potenti, kunfidenti, iffortifikata b’ħitan enormi. Imma waqgħet f’lejl wieħed. Hekk, ukoll, “qerda f’daqqa waħda” se tiġi fuq is-sistema mill-agħar preżenti. Meta tiġi, jalla ninstabu magħqudin fil-qima vera, billi nkunu żammejna ‘sewwa f’moħħna’ l-jum taʼ Jehovah.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Għala huwa vitali li nżommu ‘sewwa f’moħħna’ l-jum taʼ Jehovah? Kif nistgħu nagħmlu dan?
● Kif aħna effettwati personalment mix-xogħol taʼ ppridkar li qiegħed iseħħ?
● X’għad hemm quddiemna qabel ma jibda l-jum taʼ Jehovah? Mela x’għandna nkunu qegħdin nagħmlu personalment?