Ħajja Sinifikanti—Jekk Timxi Wara l-Eżempju taʼ Ġesù
“Imxi bħalma mexa Ġesù.”—1 Ġwanni 2:6, NET Bible.
BĦALMA rajna fl-artiklu taʼ qabel dan, Ġesù għex ħajja sinifikanti. Mela, jekk irridu li ħajjitna jkollha skop, nagħmlu tajjeb li nimitaw l-eżempju tiegħu u nieħdu l-pariri tiegħu.
Infatti, Ġeħova jħeġġiġna nagħmlu eżatt dan, bħalma turi l-iskrittura t’hawn fuq. Li nimxu bħalma mexa Ġesù jinvolvi li nfasslu ħajjitna kollha fuq l-eżempju u t-tagħlim tiegħu. Jekk nagħmlu hekk se niġu megħjunin niksbu l-approvazzjoni t’Alla u jkollna ħajja sinifikanti.
It-tagħlim taʼ Ġesù inkluda prinċipji li jistgħu jgħinuna nimxu kif mexa hu. Għadd minnhom insibuhom fil-prietka famuża tiegħu taʼ fuq il-muntanja. Ejja nikkunsidraw ftit mill-prinċipji u kif nistgħu napplikawhom f’ħajjitna.
PRINĊIPJU: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.
KIF DAN IL-PRINĊIPJU JIKKONTRIBWIXXI GĦAL ĦAJJA SINIFIKANTI:
Ġesù wera li l-bnedmin huma maħluqin bil-bżonn li jkunu jafu lil Alla. Aħna nixxennqu li nsiru nafu t-tweġibiet għal mistoqsijiet bħalma huma: Għala qegħdin hawn? Għala hawn tant sofferenza fuq l-art? Alla veru jimpurtah minna? Hemm ħajja wara l-mewt? Sabiex ikollna ħajja sinifikanti hemm bżonn li nkunu nafu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet. Ġesù kien jaf li hemm sors wieħed biss taʼ min joqgħod fuqu li jistaʼ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet—il-Kelma t’Alla. F’talba lil Missieru, Ġesù qal: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġwanni 17:17) Tistaʼ verament il-Kelma t’Alla tgħinna nissodisfaw il-bżonn li nkunu nafu lil Alla u nkunu ferħanin?
EŻEMPJU REALI:
Bħala l-kantant taʼ grupp popolari, Esa kellu ċans kbir li jsir stilla tal-mużika rokk. Minkejja dan, Esa ħass li kellu xi ħaġa nieqsa f’ħajtu. “Għalkemm kont nieħu pjaċir inkun fil-grupp, xtaqt li kelli iktar skop f’ħajti,” jgħid hu. Maż-żmien, Esa ltaqaʼ maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Esa jgħid: “Ibbombardjajtu bil-mistoqsijiet. It-tweġibiet loġiċi tiegħu bbażati fuq il-Bibbja affaxxinawni, u għalhekk aċċettajt li hu jistudja l-Bibbja miegħi.” Dak li Esa tgħallem mill-istudju tiegħu tal-Bibbja messlu qalbu u qanqlu jiddedika ħajtu lil Ġeħova. “Fil-passat dejjem kelli problemi u kriżi waħda wara l-oħra,” jgħid hu. “Issa għandi skop veru f’ħajti.”
PRINĊIPJU: “Henjin dawk li jħennu.” —Mattew 5:7.
KIF DAN IL-PRINĊIPJU JIKKONTRIBWIXXI GĦAL ĦAJJA SINIFIKANTI:
Il-ħniena tinvolvi li tagħder lil oħrajn—turi qalb tajba u konsiderazzjoni lejhom. Ġesù wera l-ħniena maʼ dawk fil-bżonn. Imqanqal minn mogħdrija profonda, hu ħa l-inizjattiva biex iġib serħan mit-tbatija lill-oħrajn. (Mattew 14:14; 20:30-34) Meta aħna nimitaw lil Ġesù u nuru l-ħniena, ħajjitna tkun iktar sinifikanti, għax dawk li juru l-ħniena m’oħrajn jiksbu l-ferħ. (Atti 20:35) Aħna nistgħu nuru l-ħniena m’oħrajn bil-kliem u bl-għemejjel tajbin tagħna, u b’hekk inġibu serħan lil dawk fil-bżonn. Veru li jekk nuru l-ħniena nħossuna aħjar?
Maria u Carlos
EŻEMPJU REALI:
Maria u żewġha, Carlos, huma taʼ eżempju f’li juru l-ħniena. Missier Maria hu armel u f’dawn l-aħħar snin intefaʼ f’qiegħ taʼ sodda. Maria u Carlos ħaduh joqgħod magħhom u qegħdin jieħdu ħsieb il-bżonnijiet kollha tiegħu. Min jaf kemm-il darba qattgħu ljieli bla rqad u saħansitra ġrew bih l-isptar minħabba xi kriżi tad-dijabete. Huma jgħidu li kultant ikunu għajjenin mejta. Imma huma henjin, sewwasew bħalma qal Ġesù, għax għandhom is-sodisfazzjon li qed jagħtu lil missier Maria dak li għandu bżonn.
PRINĊIPJU: “Henjin dawk li jġibu l-paċi.” —Mattew 5:9.
KIF DAN IL-PRINĊIPJU JIKKONTRIBWIXXI GĦAL ĦAJJA SINIFIKANTI:
Ħajtek kif tkun iktar sinifikanti jekk tkun wieħed li jġib il-paċi? Mod wieħed hu li ngawdu relazzjonijiet aħjar maʼ dawk taʼ madwarna. Nagħmlu sew li napplikaw il-parir tal-Bibbja: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” (Rumani 12:18) “Il-bnedmin kollha” jinkludu membri tal-familja u oħrajn li forsi m’għandhomx l-istess twemmin tagħna. Tistaʼ ħajjitna tkun verament iktar sinifikanti jekk inżommu “l-paċi mal-bnedmin kollha”?
Nair
EŻEMPJU REALI:
Ikkunsidra l-esperjenza taʼ mara jisimha Nair. Maż-żmien, hi ffaċċjat ħafna pressjonijiet li kienu taʼ sfida għaliha biex iżżomm il-paċi, speċjalment fil-familja tagħha stess. Mindu abbandunaha żewġha 15-il sena ilu, hi rabbiet lil uliedha waħedha. Wieħed minn uliedha kellu problema bid-drogi u taʼ spiss kien jitlef il-kontroll u jhedded lilha u lil bintha. Nair temmen li dak li tgħallmet mill-Bibbja saħħaħha biex iżżomm il-paċi, anke taħt provi ebsin bħal dawn. Hi tipprova ma targumentax u ma tiġġilidx, u tistinka biex tkun qalbha tajba, tagħder, u tifhem lil oħrajn. (Efesin 4:31, 32) Hi konvinta li ladarba tgħallmet iżżomm il-paċi jistaʼ jkollha l-aqwa relazzjonijiet possibbli mal-membri tal-familja u m’oħrajn.
IKKUNSIDRA L-FUTUR
Jekk insegwu l-pariri għaqlin taʼ Ġesù, se nsibu l-ferħ u l-kuntentizza fil-ħajja. Però, biex ikollna ħajja verament sinifikanti, jeħtieġ ukoll li nkunu nafu x’hemm fil-futur. Wara kollox, kemm tistaʼ tkun sinifikanti l-ħajja jekk kulma nafu hu li fil-futur eventwalment se nixjieħu, nimirdu, u mbagħad immutu? Imma dawn huma r-realtajiet tal-ħajja f’din id-dinja.
Iżda, hemm aħbar tajba! Ġeħova għandu ħafna barkiet maħżunin għal dawk kollha li jistinkaw biex ‘jimxu bħalma mexa Ġesù.’ Ġeħova jwiegħed li dalwaqt se jġib dinja ġdida ġusta, fejn il-bnedmin kollha se jgħixu bħalma kien l-iskop taʼ Ġeħova—għal dejjem f’saħħa perfetta. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.
Maria, il-mara taʼ 84 sena li ssemmiet fl-ewwel artiklu taʼ din is-serje, tifraħ bil-prospett li tara dak il-kliem jitwettaq. Xi ngħidu għalik? Tixtieq tkun taf iktar dwar il-“ħajja vera”—dik li ġejja taħt is-Saltna t’Alla? (1 Timotju 6:19) Jekk inhu hekk, tistaʼ tistaqsi lix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-lokalità tiegħek jew tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.a
a Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova, għen lil ħafna jistudjaw xi tgħid l-Iskrittura dwar diversi suġġetti.