LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 11/1 pp. 28-32
  • Żmien Biex Tibqaʼ Mqajjem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żmien Biex Tibqaʼ Mqajjem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ishru”!
  • Il-​“Ġenerazzjoni” Li Tintemm
  • “Dak Il-​Jum u S-​Siegħa”
  • “Smewwiet Ġodda u Art Ġdida” Taʼ Tjieba
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Salvati Minn “Ġenerazzjoni mill-Agħar”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Preżenza taʼ Kristu—Xi Tfisser Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Ħa tiġi saltnatek”
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 11/1 pp. 28-32

Żmien Biex Tibqaʼ Mqajjem

“L-​ewwel jeħtieġ li l-​Bxara t-​tajba tkun imxandra lill-​ġnus kollha. . . . Imma min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.”—MARK 13:10, 13.

1. Għala għandna nissaportu u nagħmlu kuraġġ?

NISSAPORTU rridu​—f’nofs ġenerazzjoni bla fidi u mgħawġa! Mill-​1914 ’l hawn ġenerazzjoni taʼ nies saret korrotta, sewwa sew bħal fi żmien Ġesù. U llum il-​korruzzjoni hija fuq skala dinjija. F’dan “l-​aħħar tad-​dinja,” iż-​“żmien iebes” deskritt mill-​appostlu Pawlu qiegħed jolqot lill-​umanità. ‘Nies ħżiena u wċuħ b’oħra jibqgħu sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.’ Biċ-​ċar, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​ħażin,” Satana x-​Xitan, li issa qiegħed jagħmel l-​isforz finali tiegħu biex jirvina l-​art. Imma agħmel kuraġġ! Hemm “taħbit kbir” li ġej u li se jġib serħan permanenti lil dawk kollha li jħobbu t-​tjieba.—2 Timotju 3:1-5, 13; 1 Ġwann 5:19; Apokalissi 7:14.

2. Il-​profezija kif twettqet fl-​1914?

2 B’ferħ, Jehovah issa ta t-​tron lill-​Mulej Ġesù Kristu fis-​smewwiet, bi preparazzjoni għat-​tneħħija taʼ l-​għedewwa oppressivi taʼ l-​umanità. (Apokalissi 11:15) Bħal fl-​ewwel avvent tal-​Messija, hekk ukoll f’dan is-​seklu profezija taʼ l-​għaġeb miktuba minn Danjel twettqet. F’Danjel 4:13, 14, 29 [Danjel 4:16, 17, 32, NW], jintqalilna li ġiet sospiża saltna bi dritt fuq l-​art għal perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet.” Fit-​twettieq maġġuri tagħhom, dawn is-​sebaʼ żminijiet jammontaw għal sebaʼ snin Bibliċi taʼ 360 ‘jum’ kull waħda, jew 2,520 sena b’kollox.a Dawn koprew mis-​sena 607 Q.E.K., meta Babilonja bdiet tgħaffeġ taħt is-​saqajn lis-​saltna taʼ Iżrael, sas-​sena 1914 E.K., is-​sena meta Ġesù ngħata t-​tron fis-​sema bħala s-​Sultan bi dritt taʼ l-​umanità. Imbagħad “żmien il-​ġnus” intemm. (Luqa 21:24) Imma l-​ġnus irrifjutaw li jċedu għas-​Saltna Messjanika li ġejja.—Salm 2:1-6, 10-12; 110:1, 2.

3, 4. (a) Liema paragun jistaʼ jsir taʼ ġrajjiet fl-​ewwel seklu maʼ dawk fi żmienna? (b) Liema mistoqsijiet pertinenti jistgħu jsiru?

3 Hekk kif avviċinat is-​70 ġimgħa taʼ snin (29-36 E.K.), u għal darb’oħra hekk kif qorbot is-​sena 1914, nies li kellhom il-​biżaʼ t’Alla kienu qegħdin jistennew il-​wasla tal-​Messija. U wasal tassew! F’kull każ, iżda, il-​manjiera taʼ kif deher kienet differenti mill-​istennija. F’kull każ ukoll, wara perijodu taʼ żmien komparattivament qasir, “ġenerazzjoni” mill-​agħar finalment issofri esekuzzjoni b’digriet divin.—Mattew 24:34, NW.

4 Fl-​artiklu preċedenti, innotajna kif il-​ġenerazzjoni Lhudija mill-​agħar li talbet id-​demm taʼ Ġesù ġiet fi tmiemha. Xi ngħidu, allura, dwar il-​ġenerazzjoni qerrieda taʼ bnedmin li saħansitra issa topponih jew tinjorah? Meta se jiġi esegwit ġudizzju fuq din il-​ġenerazzjoni bla fidi?

“Ishru”!

5. (a) Għal liema raġuni tajba m’għandniex bżonn inkunu nafu ż-​żmien tal-​“jum u s-​siegħa” taʼ Jehovah? (b) Skond Mark, Ġesù b’liema parir sod ikkonkluda l-​profezija tiegħu?

5 Wara li pprofetizza ġrajjiet li jwasslu għal żmien taʼ “diqa kbira,” Ġesù żied: “Dwar dak il-​jum, u s-​siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-​anġli tas-​sema, u anqas l-​Iben; ħadd ħlief il-​Missier waħdu.” (Mattew 24:3-36; Mark 13:3-32) M’għandniex bżonn inkunu nafu l-​waqt eżatt tal-​ġrajjiet. Minflok, għandna niffokaw fuq li noqogħdu għassa, li nikkultivaw fidi b’saħħitha, u li nżommu attivi fis-​servizz taʼ Jehovah​—mhux fuq li nikkalkolaw xi data. Ġesù kkonkluda l-​profezija kbira tiegħu billi qal: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-​waqt. . . . Ishru . . . Dak li qiegħed ingħid lilkom, qiegħed ingħidu għal kulħadd: Ishru!” (Mark 13:33-37) Il-​periklu qiegħed jitlajja fid-​dellijiet tad-​dinja tal-​lum. Irridu nibqgħu mqajmin!—Rumani 13:11-13.

6. (a) Il-​fidi tagħna fuq liema ħaġa għandha tkun ankrata? (b) Kif nistgħu “ngħoddu jiem ħajjitna”? (ċ) Ġesù x’irid ifisser bażikament b’“ġenerazzjoni”?

6 Mhux biss irridu noqogħdu attenti għall-​profeziji ispirati rigward dawn il-​jiem finali taʼ sistema mill-​agħar imma rridu nankraw il-​fidi tagħna primarjament fuq is-​sagrifiċċju prezzjuż taʼ Kristu Ġesù u l-​wegħdi meraviljużi t’Alla bbażati fuq dan. (Lhud 6:17-19; 9:14; 1 Pietru 1:18, 19; 2 Pietru 1:16-19) Ħerqanin biex jaraw it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar, in-​nies taʼ Jehovah xi drabi spekulaw dwar iż-​żmien meta kellha tfaqqaʼ t-​“tribulazzjoni kbira,” billi saħansitra rabtu dan maʼ kalkoli taʼ x’inhu l-​għomor taʼ ġenerazzjoni mill-​1914 ’l hawn. Madankollu, “aħna nimxu bil-​għaqal,” mhux billi nispekulaw dwar kemm snin jew jiem jifformaw ġenerazzjoni, imma billi naħsbu dwar kif “ngħoddu jiem ħajjitna” f’li nġibu tifħir mimli ferħ lil Jehovah. (Salm 90:12) Minflok ma jipprovdi regola biex jitkejjel iż-​żmien, it-​terminu “ġenerazzjoni” kif użat minn Ġesù jirreferi prinċipalment għan-​nies kontemporanji taʼ ċertu perijodu storiku, bil-​karatteristiċi tagħhom li jidentifikawhom.b

7. Professur taʼ l-​istorja x’jikteb dwar “il-​ġenerazzjoni taʼ l-​1914,” u dan kif jorbot mal-​profezija taʼ Ġesù?

7 Fi qbil m’hawn fuq, il-​professur taʼ l-​istorja Robert Wohl kiteb fil-​ktieb tiegħu The Generation of 1914: “Ġenerazzjoni storika m’hijiex iddefinita mil-​limiti kronoloġiċi tagħha . . . M’hijiex żona taʼ dati.” Imma hu indika li l-​Ewwel Gwerra Dinjija ħolqot “sens estrem taʼ ksur mal-​passat,” u żied: “Dawk li għaddew mill-​gwerra u baqgħu ħajjin ma setgħu qatt jeħilsu lilhom infushom mit-​twemmin li dinja waħda kienet spiċċat u oħra bdiet f’Awissu taʼ l-​1914.” Kemm huwa veru dak! Dan jiffoka fuq il-​qalba tal-​kwistjoni. “Din il-​ġenerazzjoni” taʼ bnedmin mill-​1914 ’l hawn esperjenzat bidliet tal-​biżaʼ. Rat l-​art mgħaddsa fid-​demm taʼ miljuni. Gwerra, ġenoċidju, terroriżmu, kriminalità, u illegalità żbruffaw mad-​dinja kollha. Ġuħ, mard, u immoralità tlajjaw mal-​globu tagħna. Ġesù pprofetizza: “Intom [id-dixxipli tiegħu] ukoll, meta taraw dawn l-​affarijiet iseħħu, kunu afu li s-​saltna t’Alla hija qrib. Verament ngħidilkom, Din il-​ġenerazzjoni bl-​ebda mod ma se tgħaddi qabel iseħħu l-​affarijiet kollha.”—Luqa 21:31, 32, NW.

8. Il-​profeti taʼ Jehovah kif jenfasizzaw il-​bżonn li nibqgħu mqajmin?

8 Iva, it-​trijonf komplet tas-​Saltna Messjanika huwa fil-​qrib! Jistaʼ jinkiseb xi ħaġa, allura, billi nfittxu għal dati jew billi nispekulaw dwar l-​għomor litterali taʼ “ġenerazzjoni”? Żgur li le! Ħabakkuk 2:3 jistqarr b’mod ċar: “Għad id-​dehra sseħħ meta jkun waqtha, tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal.” Il-​jum taʼ rendikont taʼ Jehovah qiegħed jgħaġġel dejjem eqreb.​—Ġeremija 25:31-33; Malakija 3:19, [Malakija 4:1, NW].

9. Liema żviluppi mill-​1914 ’l hawn juru li ż-​żmien huwa qasir?

9 Meta l-​ħakma tas-​Saltna taʼ Kristu bdiet fl-​1914, Satana ġie mitfugħ ’l isfel lejn l-​art. Dan kien ifisser “ħażin għalikom, ja art u baħar għax fikom niżel id-​Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” (Apokalissi 12:12) Dak iż-​żmien huwa qasir, tabilħaqq, imqabbel maʼ l-​eluf taʼ snin taʼ ħakma taʼ Satana. Is-​Saltna hija fil-​qrib, u hekk ukoll huma l-​jum u s-​siegħa taʼ Jehovah biex jesegwixxi ġudizzju fuq din il-​ġenerazzjoni mill-​agħar!—Proverbi 3:25; 10:24, 25.

Il-​“Ġenerazzjoni” Li Tintemm

10. “Din il-​ġenerazzjoni” kif inhi bħal dik taʼ żmien Noè?

10 Ejjew neżaminaw iktar mill-​qrib l-​istqarrija taʼ Ġesù f’Mattew 24:34, 35, NW: “Verament ngħidilkom li din il-​ġenerazzjoni bl-​ebda mod ma se tgħaddi sakemm dawn l-​affarijiet kollha jseħħu. Is-​sema u l-​art se jgħaddu, imma kliemi bl-​ebda mod ma se jgħaddi.” Il-​kliem li jsegwi taʼ Ġesù juri li ‘ħadd ma jaf dwar dak il-​jum u dik is-​siegħa.’ Bil-​wisq iżjed importanti, hu juri li aħna rridu nevitaw in-​nases li jiċċirkondawna f’din il-​ġenerazzjoni. B’hekk Ġesù jżid: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-​miġja taʼ Bin il-​Bniedem. Għax kif fiż-​żmien taʼ qabel id-​dilluvju kienu jieklu u jixorbu, iżewġu u jiżżewġu, sa dak in-​nhar li Noè daħal fl-​arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-​dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-​miġja taʼ Bin il-​Bniedem.” (Mattew 24:36-39) Ġesù hawnhekk qabbel il-​ġenerazzjoni taʼ żmienu maʼ dik taʼ żmien Noè.—Ġenesi 6:5, 9.

11. Ġesù għamel liema paragun taʼ ‘ġenerazzjonijiet,’ bħalma huwa rrapportat minn Mattew u Luqa?

11 Din ma kenitx l-​ewwel darba li l-​appostli semgħu lil Ġesù jagħmel dan il-​paragun taʼ ‘ġenerazzjonijiet,’ għaliex xi ġranet qabel hu kien stqarr dwaru nnifsu: “Bin il-​bniedem . . . [i]rid jgħaddi minn ħafna sofferenzi u jiġi miċħud minn din il-​ġenerazzjoni. Iktar minn hekk, sewwa sew bħalma ġara fi żmien Noè, hekk se jkun ukoll fi żmien Bin il-​bniedem.” (Luqa 17:24-26, NW) B’hekk, Mattew kapitlu 24 u Luqa kapitlu 17 jagħmlu l-​istess paragun. Fi żmien Noè “kull ħliqa ħajja [li] kienet għawġet triqtha fuq l-​art” u li ġiet meqruda fid-​Dilluvju kienet “din il-​ġenerazzjoni.” Fi żmien Ġesù n-​nies Lhud apostati li kienu qegħdin jiċħdu lil Ġesù kienu “din il-​ġenerazzjoni.”—Ġenesi 6:11, 12; 7:1.

12, 13. (a) Illum, x’inhi “din il-​ġenerazzjoni” li trid tintemm? (b) In-​nies taʼ Jehovah issa kif qegħdin ikampaw maʼ din il-​“[ġenerazzjoni, NW] taʼ ħajja mgħawġa u mħassra”?

12 Għalhekk, fit-​twettieq finali tal-​profezija taʼ Ġesù llum, “din il-​ġenerazzjoni” apparentement tirreferi għall-​popli taʼ l-​art li jaraw is-​sinjal tal-​preżenza taʼ Kristu imma jonqsu li jsewwu l-​mogħdijiet tagħhom. B’kuntrast, aħna bħala d-​dixxipli taʼ Ġesù nirrifjutaw li niġu mfasslin mill-​istil taʼ ħajja taʼ “din il-​ġenerazzjoni.” Għalkemm fid-​dinja, ma rridu nkunu ebda parti minnha, “għax iż-​żmien [maħtur] qorob.” (Apokalissi 1:3; Ġwann 17:16) L-​appostlu Pawlu jwissina: “Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin [“ġenerazzjoni,” NW] taʼ ħajja mgħawġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-​dinja bħala kwiekeb.”—Filippin 2:14, 15; Kolossin 3:5-10; 1 Ġwann 2:15-17.

13 Li ‘niddu bħala kwiekeb’ jinkludi mhux biss li nuru personalità Kristjana nadifa imma, fuq kollox, li nwettqu l-​inkarigu profetiku taʼ Ġesù: “Din il-​Bxara t-​tajba tas-​Saltna tixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Imbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) L-​ebda bniedem ma jistaʼ jgħid meta se jkun dak it-​tmiem, imma aħna nafu li t-​tmiem taʼ “din il-​ġenerazzjoni” taʼ nies mill-​agħar se jiġi ladarba x-​xiehda tkun ngħatat għas-​sodisfazzjon t’Alla “sa truf l-​art.”—Atti 1:8.

“Dak Il-​Jum u S-​Siegħa”

14. Kemm Ġesù u kemm Pawlu liema twissija taw rigward “il-​ħin u ż-​żmien,” u kif għandna nirreaġixxu?

14 Meta x-​xiehda globali tkun ġiet imwettqa sal-​punt li Jehovah jipproponi, dan se jkun “il-​jum u s-​siegħa” tiegħu biex jiddisponi minn dis-sistema dinjija. Aħna m’għandniex bżonn inkunu nafu d-​data bil-​quddiem. B’hekk, billi segwa l-​eżempju taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu ammonixxa: “Dwar il-​ħin u ż-​żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom. Intom tafu sewwa li jum il-​Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel bil-​lejl. Meta kulħadd jibda jgħid: ‘Sliem u mistrieħ,’ dak il-​ħin stess, bħal l-​uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-​ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-​qerda u ma jeħilsu b’xejn.” Innota dak li Pawlu ffoka fuqu: ‘Meta kulħadd jibda jgħid.’ Iva, meta jitkellmu dwar “sliem u mistrieħ,” meta jkun l-​inqas mistenni, il-​ġudizzju t’Alla se jiġi esegwit f’daqqa waħda. Kemm huwa xieraq il-​parir taʼ Pawlu: “Għalhekk ma għandniex norqdu bħal l-​oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-​qjies”!—1 Tessalonikin 5:1-3, 6; ara wkoll versi 7-11; Atti 1:7.

15, 16. (a) Għala m’għandniex naħsbu li Armageddon hija iżjed ’il bogħod milli forsi konna naħsbu? (b) Is-​sovranità taʼ Jehovah kif trid tiġi mkabbra fil-​futur qarib?

15 Tfisser din il-​fehma iktar preċiża tagħna dwar “din il-​ġenerazzjoni” li Armageddon hija iżjed ’il bogħod milli konna naħsbu? Xejn affattu! Għalkemm aħna fl-​ebda żmien ma konna nafu l-​“jum u s-​siegħa,” Alla Jehovah dejjem kien jafhom, u hu ma jitbiddilx. (Malakija 3:6) Ovvjament, id-​dinja qiegħda tegħreq iżjed u iżjed ’l isfel lejn rovina terminali. Il-​bżonn li nibqgħu mqajmin huwa iżjed kritiku milli qatt kien. Jehovah irrivelalna “dak li għandu jiġri ma jdumx,” u aħna għandna nuru rispons b’sens sħiħ t’urġenza.—Apokalissi 1:1; 11:18; 16:14, 16.

16 Hekk kif joqrob iż-​żmien, ibqaʼ mqajjem, għaliex Jehovah dalwaqt se jġib kalamità fuq is-​sistema kollha taʼ Satana! (Ġeremija 25:29-31) Jehovah jgħid: “U hekk nuri l-​kobor u l-​qdusija tiegħi quddiem kotra taʼ ġnus, u jkunu jafu li jien il-​Mulej.” (Eżekjel 38:23) Dak il-​“jum [deċiżiv] tal-​Mulej” riesaq qrib!—Ġoel 1:15; 2:1, 2; Għamos 5:18-20; Sofonija 2:2, 3.

“Smewwiet Ġodda u Art Ġdida” Taʼ Tjieba

17, 18. (a) Skond Ġesù u Pietru, “din il-​ġenerazzjoni” kif se tintemm? (b) Għala għandna noqogħdu għassa rigward kondotta u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla?

17 Rigward ‘l-​affarijiet kollha li jridu jseħħu’ Ġesù qal: “Is-​sema u l-​art igħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.” (Mattew 24:34, 35) Ġesù x’aktarx li kellu f’moħħu s-​“sema u l-​art”​—il-​ħakkiema u l-​maħkumin—​taʼ “din il-​ġenerazzjoni.” L-​appostlu Pietru uża kliem simili meta rrefera għas-​“smewwiet u l-​art tal-​lum,” li huma “merfugħin għall-​ħruq, miżmumin sa jum il-​ġudizzju, li jkun jum it-​telfien tal-​ħżiena.” Imbagħad hu jiddeskrivi kif “jasal, tabilħaqq, jum il-​Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-​smewwiet” governattivi flimkien maʼ soċjetà, jew “art,” umana korrotta u x-​xogħlijiet midinbin tagħha. L-​appostlu mbagħad jeżortana għal ‘ħajja qaddisa u tajba, waqt li nistennew b’ħerqa kbira l-​miġja tal-​jum taʼ Alla. Hu minħabba f’dan il-​jum li s-​smewwiet jinħarqu u jinħallu u l-​elementi tad-​dinja jinqerdu bin-​nar.’ X’jiġi wara? Pietru jdawwar l-​attenzjoni tagħna lejn “smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:7, 10-13.c

18 Dawk “is-​smewwiet ġodda,” il-​ħakma tas-​Saltna minn Kristu Ġesù u s-​slaten sħabu, se jitfgħu xita taʼ barkiet fuq is-​soċjetà taʼ l-​“art ġdida” taʼ tjieba taʼ l-​umanità. Int membru prospettiv taʼ dik is-​soċjetà? Jekk iva, għandek raġun teżulta dwar il-​futur grandjuż maħżun għalik!—Isaija 65:17-19; Apokalissi 21:1-5.

19. Liema privileġġ kbir nistgħu issa ngawdu?

19 Iva, “ġenerazzjoni” twajba taʼ bnedmin qiegħda tinġabar saħansitra issa. Illum l-​“irsir leali u diskret” midluk qiegħed jipprovdi edukazzjoni divina fi qbil mal-​kliem taʼ Salm 78:1, 4: “Poplu tiegħi, agħtu widen għal-​liġi tiegħi, iftħu widnejkom għal kliem fommi. . . . [I]nxandruh lin-​nisel [“ġenerazzjoni,” NW] taʼ warajhom: tifħir il-​Mulej u l-​qawwa tiegħu, u l-​egħġubijiet li għamel.” (Mattew 24:45-47, NW) Fl-​erbatax t’April taʼ dis-sena, f’iktar minn 75,500 kongregazzjoni u f’xi 230 pajjiż, ’il fuq minn 12,000,000 persuna madwar l-​art attendew il-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu. Kont int fosthom? Jalla tpoġġi l-​fidi tiegħek fi Kristu Ġesù u ‘ssejjaħ isem il-​Mulej [Jehovah] għas-​salvazzjoni.’—Rumani 10:10-13.

20. Ladarba “ż-​żmien [li baqaʼ] qsar,” kif irridu nibqgħu mqajmin, u b’liema prospett quddiemna?

20 “Iż-​żmien [li baqaʼ] qsar,” qal l-​appostlu Pawlu. Huwa ż-​żmien, għalhekk, li nibqgħu dejjem imqajmin u attivi fix-​xogħol taʼ Jehovah, hekk kif nissaportu provi u mibgħeda imposti minn ġenerazzjoni mill-​agħar taʼ bnedmin. (1 Korintin 7:29; Mattew 10:22; 24:13, 14) Ejjew nibqgħu għassa, billi nosservaw l-​affarijiet kollha mbassrin fil-​Bibbja li għandhom jiġu fuq “din il-​ġenerazzjoni.” (Luqa 21:31-33) Billi naħarbu dawn l-​affarijiet u billi nieqfu b’approvazzjoni divina quddiem Bin il-​bniedem, fl-​aħħar inkunu nistgħu niksbu l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem. (w95 11/1)

[Noti taʼ Taħt]

a Għal informazzjoni ddettaljata dwar is-​“sebaʼ żminijiet,” ara paġni 127-39, 186-9 tal-​ktieb “Let Your Kingdom Come,” ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Ara Volum 1, paġna 918, taʼ Insight on the Scriptures, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

c Ara wkoll paġni 152-6 u 180-1 taʼ Our Incoming World Government​—God’s Kingdom, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni:

◻ Billi nnotajna t-​twettieq taʼ Danjel 4:29, [Danjel 4:32, NW] kif għandna issa ‘nishru’?

◻ Il-​Vanġeli taʼ Mattew u Luqa kif jidentifikaw lil “din il-​ġenerazzjoni”?

◻ Hekk kif nistennew “dak il-​jum u s-​siegħa,” x’nosservaw, u x’rispons għandna nuru?

◻ Il-​prospett taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida” taʼ tjieba x’għandu jinkuraġġina nagħmlu?

[Stampa f’paġna 30]

“Smewwiet ġodda u art ġdida” glorjużi jinsabu eżatt quddiem ir-​razez kollha taʼ l-​umanità

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja