Tikkundanna Int lid-Dinja Permezz tal-Fidi Tiegħek?
“Bil-fidi Noè . . . bena arka biex isalva n-nies taʼ daru; u permezz taʼ din il-fidi hu kkundanna lid-dinja.”—Ebrej 11:7.
1, 2. X’nistgħu nitgħallmu minn eżami tal-ħajja taʼ Noè?
JEHOVAH ta lil Noè u l-familja tiegħu—tmienja min-nies biss fil-għadd—il-privileġġ li jkunu l-uniċi bnedmin li jsalvaw mill-Għarqa. Il-ħajjiet tal-bqija tan-nies li għexu fi żmien Noè ġew imqassra meta Alla kinishom għal ġo qabar tal-ilma. Peress li Noè huwa għalhekk l-antenat komuni tagħna, għandna għax inkunu ferm grati għall-fidi li wera.
2 Nistgħu nitgħallmu wisq billi neżaminaw il-ħajja taʼ Noè. L-Iskrittura tgħidilna għala Alla ffavorih b’salvazzjoni filwaqt li Hu qered in-nies tal-ġenerazzjoni taʼ Noè. Din l-istess kitba divina turi ċar li l-ġenerazzjoni tagħna tiffaċċja ġudiżzju simili mingħand Alla. Rigward dan, Ġesù qal: “Se jkun hemm tribulazzjoni kbira li bħalha ma ġratx sa mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ tiġri.” (Mattew 24:21) Billi nimitaw il-fidi taʼ Noè, jistaʼ jkollna t-tama żgura li nibqgħu ħajjin fil-qerda li riesqa taʼ din is-sistema preżenti mill-agħar.—Rumani 15:4; qabbel Ebrej 13:7.
3. Jehovah għala ġab il-Għarqa?
3 Matul l-1,656 sena mill-ħolqien taʼ Adam sad-Dulluvju, ftit ferm bnedmin kellhom l-inklinazzjoni li jagħmlu t-tajjeb. Il-moralità waqgħet għal-livell estremament baxx. “Jehovah ra li l-ħażen tal-bniedem kien kotran fl-art u kull xaqliba tal-ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-ħin kollu.” (Ġenesi 6:5) Il-vjolenza, il-ġiri wara l-pjaċiri, u l-preżenza taʼ anġli immaterjalizzati li żżewġu nisa u produċew nisel taʼ ġganti kienu fost il-fatturi li wasslu għall-esekuzzjoni tal-ġudiżzju t’Alla fuq dik id-dinja qadima taʼ bnedmin. Lil Noè, Jehovah qallu: “It-tmiem taʼ kull laħam ġie quddiemi, għaliex l-art mimlija vjolenza minħabba fihom.” Il-paċenzja tal-Ħallieq, l-“Imħallef tal-art kollha,” kienet intemmet.—Ġenesi 6:13; 18:25.
Noè Mexa maʼ Alla
4. (a) Jehovah kif ħares lejn Noè, u għala? (b) Fil-waqt li l-ġustizzja t’Alla talbet il-qerda taʼ dik id-dinja mill-agħar, l-imħabba tiegħu kif intweriet għan-nom taʼ Noè u l-familja tiegħu?
4 Kemm kien differenti Noè min-nies taʼ żmienu! Hu “sab favur f’għajnejn Jehovah. . . . Noè kien raġel taʼ tjieba. Hu wera li kien bla ħtija fost in-nies taʼ żmienu. Noè mexa mal-veru Alla.” (Ġenesi 6:8, 9) Noè kif mexa maʼ Alla? Billi għamel affarijiet tajbin bħal li ppriedka bħala wieħed li jappoġġa t-tjieba u li bena l-arka b’fidi u ubbidjenza. B’hekk, għalkemm dik id-dinja qadima ġiet meqruda għaliex kienet kompletament imħassra, Alla “żamm lil Noè, predikatur tat-tjieba, qawwi u sħiħ flimkien maʼ sebgħa oħra meta ġieb dulluvju fuq dinja taʼ nies mingħajr Alla.” (2 Pietru 2:5) Iva, Alla tagħna taʼ mħabba u ġustizzja, Jehovah, ma qeridx it-tajbin mal-ħżiena. Hu ta struzzjoni lil Noè biex jibni arka kbira biex isalva lilu nnifsu, lin-nies taʼ daru, u għadd taʼ annimali, kollha biex jerġgħu jimlew l-art wara d-Dulluvju. U Noè “għamel preċiż hekk.”—Ġenesi 6:22.
5. L-Iskrittura kif tiddeskrivi t-tjieba u l-fidi taʼ Noè?
5 Meta l-arka kienet lesta, Alla qal lil Noè: “Mur, int u taʼ darek kollha, ġewwa l-arka, għaliex inti l-wieħed li jien rajt li hu taʼ tjieba quddiemi fost din il-ġenerazzjoni.” Pawlu jiġbor kollox fil-qosor b’dan il-mod: “Bil-fidi Noè, wara li ngħata twissija divina taʼ affarijiet li kienu għadhom ma ntlemħux, wera biżaʼ t’Alla u bena arka biex isalva n-nies taʼ daru; u permezz taʼ din il-fidi hu kkundanna lid-dinja, u sar werriet tat-tjieba li hi skond il-fidi.”—Ġenesi 7:1; Ebrej 11:7.
6. Noè kif ikkundanna lid-dinja taʼ żmienu permezz tal-fidi tiegħu?
6 Noè kellu fidi li tispikka. Hu emmen dak li Alla qal dwar il-qerda taʼ dik il-ġenerazzjoni. Noè kellu biżaʼ qawwi li jonqos li jogħġob lil Jehovah u b’ubbidjenza bena l-arka skond ordnijiet mogħtija minn Alla. Barra minn dan, bħala predikatur tat-tjieba, Noè qal lill-oħrajn dwar il-qerda li kienet riesqa. Għalkemm huma ma tawx kas taʼ kliemu, hu rrifjuta li jħalli lil dik id-dinja mill-agħar ‘tagħsru fil-forma tagħha.’ (Rumani 12:2, Phillips) Minflok, permezz tal-fidi tiegħu, Noè ikkundanna lid-dinja minħabba l-ħażen tagħha u wera li kien jixirqilha l-qerda. L-ubbidjenza u l-atti taʼ tjieba tiegħu wrew li oħrajn minbarra hu u l-familja tiegħu setgħu salvaw li kieku kienu lesti li jbiddlu l-istil taʼ ħajjithom. Tabilħaqq, Noè wera bil-provi li, minkejja pressjonijiet mil-laħam imperfett tiegħu stess, mid-dinja mill-agħar taʼ madwaru, u mix-Xitan kien possibbli li jgħix ħajja li togħġob lil Alla.
Għala Alla Se Jeqred Din is-Sistema
7. Kif nafu li qed ingħixu fl-aħħar jiem?
7 Kull perijodu taʼ għaxar snin taʼ dan is-seklu 20 ra lid-dinja tegħreq iktar fil-fond fil-ħażen. B’mod partikulari kien dan hekk minn mindu bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. L-umanità tant saret imgħaddsa f’affarijiet bħalma huma immoralità sesswali, kriminalità, vjolenza, ġlied, mibgħeda, regħba, u użu ħażin tad-demm li dawk li jħobbu dak li hu sewwa jiddubitaw jekk il-kundizzjonijiet jistgħux possibilment jeħżienu iżjed. Madankollu, il-Bibbja ħabbret l-iżvilupp fil-ġenerazzjoni tagħna taʼ ħażen estrem, li jagħti iktar prova li ninsabu fl-“aħħar jiem.”−2 Timotew 3:l-5; Mattew 24:34.
8. Xi wħud x’qalu dwar rikonoxximent tad-dnub?
8 Illum, il-kunċett tad-dnub ġie nnewtraliżzat fl-imħuh tal-biċċa l-kbira tal-bnedmin. Fuq 40 sena ilu, Papa Piju XII osserva: “Id-dnub taʼ dan is-seklu hu t-telfien taʼ kull sens taʼ dnub.” Il-ġenerazzjoni preżenti tirrifjuta li tikkonoxxi d-dnub u l-ħtija. Fil-ktieb tiegħu Whatever Became of Sin? Dr. Karl Menninger stqarr: “L-istess kelma ‘dnub’ . . . kważi sparixxiet għalkollox—il-kelma, flimkien mal-ideja. Għala? M’għadhomx in-nies jagħmlu dnubiet iżjed?” Ħafna nies tilfu l-abbiltà li jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin. Iżda aħna ma nistagħġbux b’dan, għax Ġesù ħabbar żviluppi bħal dawn meta ddiskuta ‘s-sinjal tal-preżenza tiegħu’ fiż-“żmien tat-tmiem.”−Mattew 24:3; Danjel 12:4.
Mudell taʼ Ġudiżzju Mwaqqaf fi Żmien Noè
9. Ġesù kif qabbel żmien Noè maʼ dak li kellu jiġri matul il-preżenza Tiegħu?
9 Ġesù għamel xebh bejn ġrajjiet taʼ żmien Noè u dak li kellu jiġri matul il-preżenza Tiegħu fil-qawwa tas-Saltna, li bdiet fl-1914. Hu qal: “Sewwa sew bħalma kienu jiem Noè, hekk se tkun il-preżenza taʼ [Ġesù] Bin il-bniedem. Għax bħalma kienu f’dawk il-jiem qabel id-dulluvju, jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw għaż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal ġewwa l-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dulluvju u kinishom ilkoll, hekk se tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:37-39.
10. In-nies inġenerali kif ma jagħtux kas taʼ ġrajjiet sinjifikanti assoċjati mal-preżenza taʼ Kristu?
10 Iva, bħal fi żmien Noè, in-nies illum ma jagħtux kas. Billi għandhom ħafna x’jagħmlu bil-għixien taʼ kuljum u interessi egoistiċi, huma ma jridux jagħrfu li l-kundizzjonijiet preżenti huma differenti b’mod sinjifikanti minn dawk tal-passat u jaqblu eżatt maʼ dak li Ġesù qal li kellu jimmarka ż-żmien tat-tmiem. Għal snin sħaħ, ix-Xhieda taʼ Jehovah ilhom igħidu lil ġenerazzjoni moderna li l-preżenza taʼ Ġesù bħala Sultan Messjaniku fis-sema bdiet fl-1914 u sseħħ fl-istess żmien tal-“konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” (Mattew 24:3) Il-biċċa l-kbira tan-nies jiżżuffjettaw bil-messaġġ tas-Saltna, iżda anki dan kien imbassar meta l-appostlu Pietru kiteb: “Tafu dan l-ewwel, li fl-aħħar jiem se jiġu dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt bit-twaqqigħ għaċ-ċajt tagħhom, jissoktaw skond ix-xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dak in-nhar li missirijietna tal-qedem raqdu fil-mewt, l-affarijiet kollha qed ikomplu eżatt bħal mill-bidu tal-ħolqien.’”—2 Pietru 3:3, 4.
11. Il-ġenerazzjoni tal-lum għala se tkun mingħajr skuża meta tasal it-tribulazzjoni kbira?
11 Madankollu, il-ġenerazzjoni tal-lum se tkun mingħajr skuża meta tasal it-tribulazzjoni kbira. Għala? Għaliex hemm rakkonti Bibliċi taʼ ġudizzji divini tal-qedem li jwaqqfu mudell għal dak li se jagħmel Alla fi żmienna. (Ġuda 5-7) Profezija Biblika li qed titwettaq quddiem għajnejna stess turi b’mod konklussiv fejn ninsabu fil-medda taż-żmien. Din il-ġenerazzjoni għandha wkoll quddiemha l-attività tal-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah u r-rapport tagħhom taʼ żamma taʼ integrità bħal dik taʼ Noè.
12. Fil-qosor, Pietru kif iqabbel il-qerda tad-dinja taʼ żmien Noè maʼ dik li se tiġi fuq “is-smewwiet u l-art li huma issa”?
12 Pietru jispjega x’se jiġri lil dawk li ma jagħtux kas taʼ dawn il-fatti. Bħal Ġesù, l-appostlu jagħmel dan billi jirreferi għal dak li ġara fi żmien Noè, billi qal: “Skond ix-xewqa tagħhom, dan il-fatt jaħrab l-attenzjoni tagħhom, li kien hemm smewwiet mill-qedem u art niexfa marsusa ’l barra mill-ilma u f’nofs l-ilma bil-kelma t’Alla; u b’dawk il-mezzi d-dinja taʼ dak iż-żmien sofriet qerda meta kienet imgħarrqa bl-ilma. Iżda bl-istess kelma s-smewwiet u l-art li huma issa huma maħżunin għan-nar u qed jiġu merfugħin għal jum il-ġudizzju u taʼ qerda għan-nies taʼ mingħajr Alla.”−2 Pietru 3:5-7.
13. Minħabba l-ġrajjiet sinjifikanti li hemm quddiemna, liema parir mingħand Pietru għandna nagħtu kas?
13 B’dan il-ġudizzju ċert t’Alla quddiem wiċċna ejjew ma nitqarrqux jew nitbeżżgħu minn min iwaqqaʼ għaċ-ċajt. M’għandniex għalfejn nispiċċaw bħalhom. Pietru jwissi: “Ladarba dawn l-affarijiet kollha għandhom idubu, liema xorta taʼ persuni għandkom tkunu f’atti qaddisa taʼ kondotta u f’egħmejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu qrib f’moħħkom il-preżenza tal-jum taʼ Jehovah, li permezz tiegħu s-smewwiet billi jkunu jaqbdu bin-nar se jinħallu u l-elementi billi jkunu jikwu se jdubu! Iżda hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn għandha tgħammar it-tjieba.”−2 Pietru 3:1l-13.
Imita l-Fidi taʼ Noè Biex Issalva
14. Liema mistoqsijiet jistgħu jgħinuna neżaminaw lilna nfusna?
14 Illum, niffaċċjaw l-istess sfidi bħal dawk li ffaċċjaw Noè u l-familja tiegħu f’li nsiru u nibqgħu kandidati għas-salvazzjoni. Bħal Noè, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jikkundannaw lid-dinja bil-fidi tagħhom appoġġata b’xogħlijiet tajbin. Iżda kull wieħed minna jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu: ‘Personalment jien kif sejjer? Li kellha t-tribulazzjoni kbira tiġi għada, jiġġudikani Alla bħala li jixraqli li nsalva? Bħal Noè, li “wera li kien bla ħtija fost in-nies taʼ żmienu,” għandi jien il-kuraġġ li nkun differenti mid-dinja? Jew xi drabi huwa diffiċli li tara d-differenza bejni u bejn persuna tad-dinja minħabba l-mod kif naġixxi, nitkellem, jew nilbes?’ (Ġenesi 6:9) Ġesù qal dwar id-dixxipli tiegħu: “Ma huma ebda parti mid-dinja, bħalma jien ma jien ebda parti mid-dinja.”−Ġwann 17:16; qabbel 1 Ġwann 4:4-6.
15. (a) Skond 1 Pietru 4:3, 4, kif għandna nħarsu lejn il-ħsibijiet u l-kondotta tagħna taʼ qabel tad-dinja? (b) X’għandna nagħmlu jekk niġu kkritikati minn ħbieb taʼ qabel tad-dinja?
15 Pietru jwissi: “Iż-żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tkunu ħdimtu r-rieda tal-ġnus meta ssoktajtu f’egħmejjel taʼ kondotta laxka, xenqiet, eċċessi fl-inbid, xalar żejjed, logħob bix-xorb, u idolatriji illegali. Għaliex ma komplejtux tiġru magħhom f’din il-korsa u ma tinżlux fil-baxx bħalhom, jikkonfondu u jibqgħu jitkellmu b’abbuż dwarkom.” (1 Pietru 4:3, 4) Il-ħbieb tiegħek taʼ qabel tad-dinja jistgħu jitkellmu b’abbuż dwarek għaliex int qed timxi maʼ Alla u m’għadekx tiġri magħhom. Iżda, bħal Noè, int tistaʼ tikkundannaħom bil-fidi u bix-xogħlijiet tajba tiegħek imwettqa bil-modestja.—Mikea 6:8.
16. Alla kif ħares lejn Noè, u x’mistoqsijiet jistgħu jgħinuna neżaminaw il-ħsibijiet u l-kondotta tagħna?
16 Alla kien iqis lil Noè bħala raġel taʼ tjieba. Dak il-patrijarka lejali “sab favur f’għajnejn Jehovah.” (Ġenesi 6:8) Meta int teżamina l-ħsibijiet u l-kondotta tiegħek fid-dawl tal-livelli t’Alla, tħoss int li hu japprova dak li qed tagħmel, il-postijiet kollha fejn tmur? Tbabas int xi drabi f’divertiment li jbaxxi, li issa hu tant prevalenti? Il-Kelma t’Alla tgħid li aħna għandna naħsbu dwar affarijiet indaf, bnini, u li jibnu. (Filippin 4:8) Qiegħed int tistudja b’mod għaqli l-Kelma t’Alla sabiex ‘tħarreġ is-setgħat tal-fehma tiegħek biex tiddistingwi sew it-tajjeb u sew il-ħażin’? (Ebrej 5:14) Twarrab int ħbieb ħżiena u tgħożż sħubija maʼ adoraturi sħab taʼ Jehovah fil-laqgħat Kristjani u f’okkażjonijiet oħra?—1 Korintin 15:33; Ebrej 10:24, 25; Ġakbu 4:4.
17. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, kif nistgħu nkunu bħal Noè?
17 Wara li tirrapporta fuq it-tlestija tal-arka, l-Iskrittura tgħid: “Noè issokta jagħmel skond dak kollu li Alla kien ikkmandah. Għamel preċiż hekk.” (Ġenesi 6:22) Dak ir-raġel taʼ tjieba kien ukoll ħabrieki f’li jippriedka bħala xhud taʼ Jehovah. Bħal Noè, int tistaʼ tkun wieħed li jappoġġa bis-sħiħ dak li hu sewwa bħala predikatur regulari tat-tjieba. Ippersevera f’li ssemmaʼ t-twissija tat-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar, għalkemm ftit jisimgħu. Aħdem f’għaqda maʼ wħud li jemmnu bħalek biex jitlesta x-xogħol taʼ trawwim taʼ dixxipli qabel it-tmiem.—Mattew 28:19, 20.
18. Jehovah fuq liema bażi qiegħed jiddetermina min għandu jsalva fit-tribulazzjoni kbira?
18 Billi japplika l-istess livelli taʼ tjieba u ġustizzja bħalma għamel fi żmien Noè Alla issa qed jiddetermina min għandu jsalva u min għandu jintilef matul it-tribulazzjoni kbira. Ġesù xebbah ix-xogħol preżenti taʼ frid maʼ dak taʼ ragħaj li jissepara n-ngħaġ mill-mogħoż. (Mattew 25:3l-46) Nies li jiċċentraw il-ħajjiet tagħhom fuq xewqat u ġiri egoistiċi ma jridux lid-dinja qadima li tintemm u ma jsalvawx. Iżda dawk li jevitaw li jiġu nvoluti fil-ħmieġ taʼ din id-dinja, li jżommu fidi qawwija f’Alla, u li jibqgħu jippridkaw il-messaġġ tas-Saltna, billi jsemmgħu t-twissija dwar il-ġudizzju li ġej taʼ Jehovah, se jgawdu favur divin bħala dawk li jsalvaw. Qal Ġesù: “Imbagħad żewġt irġiel se jkunu fil-għalqa: wieħed se jittieħed u l-ieħor ikun abbandunat; żewġ nisa se jkunu jitħnu fil-mitħna tal-id: waħda se tittieħed u l-oħra tkun abbandunata.”—Mattew 24:40, 41; 2 Tessalonkin 1:6-9; Rivelazzjoni 22:12-15.
Iret Barkiet Maʼ Noè
19. Liema ġbir ħabbru Isaija u Mikea għall-aħħar jum?
19 Fi profeziji li jixxiebhu, il-profeti t’Alla Isaija u Mikea t-tnejn iddeskrivew x’kellu jiġri matul l-aħħar jiem. Huma raw bil-quddiem dak li aħna naraw qiegħed jitwettaq illum—gelgul taʼ nies taʼ tjieba f’qalbhom ħerġin mid-dinja qadima u telgħin lejn il-muntanja simbolika taʼ qima vera. Lil oħrajn huma joffru l-istedina: “Ejjew u ħa nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah, lejn dar Alla taʼ Ġakobb; u hu se jistruwina dwar mogħdijietu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.” (Isaija 2:2, 3; Mikea 4:1, 2) Miexi int maʼ din il-folla hienja?
20. Liema barkiet se jitgawdew minn dawk li jikkundannaw lid-dinja permezz tal-fidi tagħhom?
20 Isaija u Mikea semmew ukoll il-barkiet li se jitgawdew minn dawk li jikkundannaw lid-dinja bil-fidi tagħhom. Paċi u ġustizzja veri se jiddominaw fosthom, u mhux se jitgħallmu gwerra aktar. Huma se jkollhom it-tama ċerta taʼ wirt mingħand Jehovah u se “joqogħdu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt it-tina tiegħu.” Iżda kull persuna trid tieħu deċiżjoni soda, għax Mikea juri li żewġ mogħdijiet huma possibbli, meta qal: “Il-popli kollha, min-naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem alla tiegħu; iżda aħna, min-naħa tagħna, se nimxu fl-isem taʼ Jehovah Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”−Mikea 4:3-5; Isaija 2:4.
21. Kif tistaʼ int tieħu sehem mill-barka grandjuża taʼ ħajja eterna fuq l-art?
21 L-Iskrittura turi ċar x’inhu meħtieġ biex insalvaw fit-tribulazzjoni kbira: fidi qawwija. Noè kellu fidi bħal din, iżda int għandek? Jekk iva, bħalu int se ssir “werriet tat-tjieba li hi skond il-fidi.” (Ebrej 11:7) Noè salva mill-qerda maħruġa minn Alla li ġiet fuq il-ġenerazzjoni tiegħu. Mhux biss għex għal 350 sena wara l-Għarqa iżda hu se jiġi rxoxtat bil-prospett li jgħix fuq l-art għal dejjem. X’barka grandjuża! (Ebrej 11:13-16) Int tistaʼ tieħu sehem f’dik il-barka maʼ Noè, l-familja tiegħu, u miljuni taʼ oħrajn li jħobbu t-tjieba. Kif? Billi tissaporti sat-tmiem u tikkundanna d-dinja permezz tal-fidi tiegħek.
Tiftakar?
◻ Studju tal-ħajja taʼ Noè għala hu mportanti għall-Kristjani?
◻ Taʼ xiex ma jagħtux kas nies taʼ din il-ġenerazzjoni li se ◻ jwassal għall-qerda tagħhom?
◻ Bħal Noè, kif nistgħu nikkundannaw lil din id-dinja?
◻ Kif nistgħu nkunu bħal Noè bħala predikatur tat-tjieba?