Salvati Ħajjin Minn ġot-Tribulazzjoni l-Kbira
“Dawn huma dawk li joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira, u ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.”—RIVELAZZJONI 7:14.
1. Min se jagħti merħba lill-uħud irxoxtati fl-irxoxt fuq l-art?
META miljuni bla għadd jiġu mqajmin fl-‘irxoxt tat-twajbin u dawk li m’humiex twajbin,’ m’humiex se jinġiebu lura għall-ħajja fuq art vojta. (Atti 24:15) Se jistenbħu f’ambjenti mtejbin u msebbħin u jsibu li ġew ippreparati għalihom post fejn joqogħdu, ħwejjeġ u abbundanza taʼ ikel. Min se jagħmel dawn il-preparamenti kollha? B’mod ċar, se jkun hemm nies li jkunu qegħdin jgħixu fid-dinja l-ġdida qabel ma jibda l-irxoxt għal fuq l-art. Min? Il-Bibbja tindika li se jkunu wħud li salvaw mit-tribulazzjoni l-kbira li ġejja. Mit-tagħlim kollu tal-Bibbja, bla dubju dan huwa wieħed mill-iktar li jsaħħrek—li xi wħud leali se jiġu salvati ħajjin minn ġot-tribulazzjoni l-kbira u qatt ma se jkollhom imutu. Din it-tama hija kkonfermata fl-Iskrittura Mqaddsa.
Bħal Jiem Noè
2, 3. (a) Liema similaritajiet hemm bejn jiem Noè u żmienna? (b) X’inhuwa indikat mill-fatt li Noè u l-familja tiegħu għaddew ħajjin minn ġod-Dilluvju?
2 F’Mattew 24:37-39, Ġesù Kristu għamel paragun bejn il-jiem taʼ Noè u l-aħħar jiem, fejn insibu rwieħna aħna issa. Hu qal: “Sewwa sew bħalma kienu jiem Noè, hekk se tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem. Għax bħalma kienu f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju, jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw għaż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll, hekk se tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.”
3 Id-Dilluvju globali kines għalkollox lil dawk kollha li ma tawx kas tal-messaġġ taʼ twissija t’Alla. Dan, iżda, ma kenisx lil Noè u l-familja tiegħu. Huma ‘daħlu fl-arka,’ bħalma qal Ġesù. Minħabba d-devozzjoni tagħhom lejn Alla, Jehovah pprovdielhom mezz taʼ ħelsien. It-Tieni Pietru 2:5, 9 jirreferi għas-salvazzjoni taʼ Noè u l-familja tiegħu meta jgħid: “Hu [Alla] . . . żamm lil Noè, predikatur tat-tjieba, qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab għarqa fuq dinja taʼ nies mingħajr Alla. Jehovah jaf kif jeħles lil nies taʼ devozzjoni lejn Alla ’l barra mit-tiġrib.” Ġesù għamel paragun bejn żmien Noè u l-aħħar jiem biex juri li n-nies inġenerali ma kinux se jagħtu kas tal-messaġġ taʼ twissija t’Alla. Minkejja dan, billi għamel hekk ikkonferma wkoll li Noè u l-familja tiegħu obdew lil Alla Jehovah, daħlu fl-arka, u salvaw mid-Dilluvju l-kbir. Is-salvazzjoni taʼ Noè u l-familja tiegħu tipponta lejn is-salvazzjoni tal-qaddejja leali t’Alla fit-tmiem taʼ din id-dinja.
Mudell Taʼ L-Ewwel Seklu
4. Bi twettieq taʼ kliem Ġesù, liema ġrajjiet wasslu għall-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K.?
4 Ġesù wkoll tkellem dwar ġrajjiet li kellhom iseħħu fit-tmiem taʼ din id-dinja. F’Mattew 24:21, 22, naqraw: “Imbagħad se jkun hemm tribulazzjoni kbira li bħalha ma seħħitx mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ sseħħ. Fil-fatt, jekk dawk il-jiem ma jitqassrux, ebda laħam ma se jsalva; imma minħabba fil-magħżulin dawk il-jiem se jitqassru.” Dan il-kliem kellu t-twettieq preliminarju fl-ewwel seklu taʼ L-Era Komuni tagħna. Fis-sena 66 E.K., il-belt taʼ Ġerusalemm ġiet assedjata mill-armati Rumani taħt Ċestjus Gallus. It-truppi Rumani waslu sal-punt li dgħajfu l-ħajt tat-tempju, u ħafna Lhud kienu lesti li jċedu. Bla ma kien mistenni, madankollu, u mingħajr raġuni apparenti, Ċestjus Gallus irtira t-truppi tiegħu. Malli raw lir-Rumani jirtiraw, il-Kristjani aġixxew fuq il-kliem taʼ Ġesù, imlissen ħafna snin qabel: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra b’armati kkampjati, imbagħad kunu afu li l-ħerba tagħha qorbot. Imbagħad ħalli dawk li jkunu fil-Ġudea jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u ħalli dawk li jkunu f’nofsha jirtiraw, u ħalli dawk li jkunu fil-kampanja ma jidħlux ġo fiha.” (Luqa 21:20, 21) Il-Lhud Kristjanizzati, dawk magħżulin, immedjatament abbandunaw lill-belt ikkundannata taʼ Ġerusalemm u b’hekk ġew salvati mill-qerda terribbli li ġiet fuqha ftit wara. Fis-sena 70 E.K., il-leġjuni Rumani taħt il-Ġeneral Titus reġgħu lura. Ikkampjaw madwar Ġerusalemm, assedjaw lill-belt, u ħarbtuha.
5. It-tribulazzjoni fuq Ġerusalemm f’liema sens kienet imqassra fis-sena 70 E.K.?
5 L-istudjuż Lhudi taʼ l-istorja Josefus jirrakkonta li 1,100,000 Lhudi mietu, fil-waqt li 97,000 salvaw u ġew meħudin fil-jasar. Dawk il-Lhud m’humiex Kristjani li salvaw ċertament li ma kinux “[i]l-magħżulin” tal-profezija taʼ Ġesù. Meta kellem lill-ġens ribelluż Lhudi, Ġesù kien qal: “Ħares! Darkom hija abbandunata lilkom. Għax ngħidilkom, Bl-ebda mod ma se tarawni minn issa ’l quddiem sa ma tgħidu, ‘Imbierek hu dak li jiġi f’isem Jehovah!’” (Mattew 23:38, 39) M’hemm ebda kitba li dawk il-Lhud, li kienu maqbudin f’Ġerusalemm, fl-aħħar minuta aċċettaw lil Ġesù bħala l-Messija, saru Kristjani, u rċevew il-favur taʼ Jehovah. Minkejja dan, it-tribulazzjoni li ġiet fuq Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. ġiet imqassra. L-assedju finali mill-armata Rumana ma ħax fit-tul ħafna. Dan ippermetta għal xi Lhud biex isalvaw, jekk biss biex sempliċement jiġu mibgħutin lejn partijiet differenti taʼ l-Imperu Ruman bħala rsiera.
Folla Kbira Taʼ Wħud Li Jibqgħu Ħajjin
6, 7. (a) Liema belt reliġjuża kbira għad trid tiġi meqruda, bħala parti taʼ liema tribulazzjoni bla paralell? (b) Ġwanni x’ipprofetizza dwar it-tribulazzjoni kbira li ġejja fuq din id-dinja?
6 Fil-waqt li l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K. tabilħaqq ġabet ‘tribulazzjoni kbira,’ fuq dik il-belt reliġjuża, it-twettieq ewlieni tal-kliem taʼ Ġesù għad irid iseħħ. Belt reliġjuża akbar, Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, għandha ġġarrab tribulazzjoni kbira li ġġib il-mewt segwita mmedjatament minn tribulazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha fuq il-bqija tas-sistema t’affarijiet taʼ Satana. (Mattew 24:29, 30; Rivelazzjoni 18:21) Xi 26 sena wara l-qerda taʼ Ġerusalemm, l-appostlu Ġwanni, f’Rivelazzjoni 7:9-14, kiteb dwar din it-tribulazzjoni kbira li kellha tħaddan id-dinja kollha. Hu wera li folla kbira taʼ nies kellha ssalva minnha.
7 Dawn li jkunu salvaw, imsejħin il-“folla kbira”, huma identifikati permezz taʼ ċerti azzjonijiet deċisivi li jieħdu. Skond Rivelazzjoni 7:14, wieħed mill-24 anzjan fis-sema qal lil Ġwanni: “Dawn huma dawk li joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira, u ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.” Iva, il-folla l-kbira jilqgħu bil-ferħ lil Jehovah bħala s-sors tas-salvazzjoni tagħhom. Jeżerċitaw fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù u għandhom waqfa taʼ tjieba quddiem il-Ħallieq tagħhom u s-Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu.
8. Liema relazzjoni mill-aħjar teżisti bejn il-“folla kbira” u l-uħud li baqaʼ mill-aħwa midlukin taʼ Ġesù?
8 Il-lum, kważi ħames miljun membru tal-folla l-kbira qegħdin jgħixu taħt it-tmexxija attiva tas-Sultan tas-sema, Ġesù Kristu. Dawn qegħdin f’sottomissjoni lejn Kristu u fi sħubija mill-qrib maʼ ħutu l-midlukin li għadhom fuq l-art. Rigward it-trattament li l-folla l-kbira jagħtu lil dawn l-uħud midlukin, Ġesù jgħid: “Verament ngħidilkom, Sal-punt li għamiltu dan lil wieħed li hu l-inqas minn dawn ħuti, intom għamiltu dan lili.” (Mattew 25:40) Minħabba li bla egoiżmu taʼ xejn jagħtu għajnuna lill-aħwa midlukin taʼ Kristu, dawk tal-folla l-kbira huma ġġudikati li għamlu t-tajjeb lil Ġesù nnifsu. Dan jgħinhom biex ikollhom relazzjoni fiż-żgur maʼ Ġesù Kristu u m’Alla Jehovah. Ġew ipprivileġġjati biex jingħaqdu mal-fdal midlukin f’li jsiru x-Xhieda t’Alla u dawk li jġorru l-isem tiegħu.—Isaija 43:10, 11; Ġojeli 2:31, 32.
Nibqgħu Mqajmin
9, 10. (a) Xi rridu nagħmlu biex inżommu l-waqfa taʼ tjieba tagħna quddiem Bin il-bniedem? (b) Kif irridu naġixxu sabiex ‘nibqgħu mqajmin’?
9 Il-folla l-kbira jridu jżommu l-waqfa taʼ tjieba tagħhom quddiem Bin il-bniedem bla heda, li jirrikjedi li jibqgħu għassa dritt sat-tmiem. Ġesù stqarr dan ċar u tond meta qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel żejjed u xorb żejjed u anzjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum ikun minnufih fuqkom bħal nassa. Għax se jiġi fuq dawk kollha li qegħdin jgħammru fuq wiċċ l-art kollha. Ibqgħu mqajmin, allura, il-ħin kollu billi tagħmlu tħannin biex forsi jirnexxilkom f’li taħarbu minn dawn l-affarijiet kollha li huma ddestinati li jseħħu, u f’li tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”—Luqa 21:34-36.
10 Biex jirnexxilna f’li nieqfu quddiem Bin il-bniedem, irid ikollna l-approvazzjoni tiegħu, li m’aħniex se jkollna jekk inħallu lilna nfusna niġu influwenzati mill-mod taʼ kif taħsibha din id-dinja. Il-mod taʼ ħsieb tad-dinja huwa seduċenti u jistaʼ jħajjar lil xi ħadd biex jinvolvi ruħu żżejjed fi pjaċiri karnali jew biex tant isir imtaqqal bil-problemi tal-ħajja li ma jibqax iżjed iżomm l-interessi tas-Saltna l-ewwel. (Mattew 6:33) Korsa bħal din iddgħajjef spiritwalment lil dak li jkun u tistaʼ tħallih indifferenti dwar ir-responsabbiltajiet tiegħu lejn Alla u oħrajn. Jistaʼ jsir inattiv jew jipperikola postu fil-kongregazzjoni billi jikkommetti dnub serju, u forsi juri attitudni taʼ mingħajr indiema. Kull individwu mill-folla l-kbira jrid joqgħod attent għalih innifsu. Irid jibqaʼ separat minn din id-dinja taʼ mingħajr Alla u l-prattiċi tagħha.—Ġwann 17:16.
11. Li napplikaw liema prinċipji Skritturali se jgħinna biex nibqgħu ħajjin wara Armageddon?
11 Għal dak l-għan, Jehovah ipprovda dak li neħtieġu permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu qaddis tiegħu, u l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu. Irridu nieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn. Iktar minn hekk, għandna nkunu mogħtijin għat-talb u ubbidjenti lejn Alla jekk nistennew li jkollna l-favur tiegħu. Fuq kollox, irridu niżviluppaw mibgħeda qawwija lejn dak li huwa ħażin. Is-salmista qal: “Jien ma poġġejtx bil-qiegħda maʼ nies li ma jgħidux il-verità; u maʼ dawk li jaħbu x’inhuma ma nidħolx. Jien bgħadt lill-kongregazzjoni taʼ dawk li jagħmlu l-ħażen, u maʼ l-uħud mill-agħar ma noqgħodx bil-qiegħda. Tiħux lil hinn lil ruħi flimkien mal-midinbin, lanqas lil ħajti flimkien maʼ bnedmin ħatjin tad-demm.” (Salm 26:4, 5, 9) Fil-kongregazzjoni Kristjana, kemm iż-żgħażagħ kif ukoll ix-xjuħ jeħtieġu li jillimitaw is-sħubija maʼ dawk li m’humiex iddedikati lil Jehovah. Biex nirċievu l-favur t’Alla, nistinkaw biex inkunu bla ħtija u mingħajr tebgħa mid-dinja. (Salm 26:1-5; Ġakbu 1:27; 4:4) B’hekk, se nkunu assigurati li f’Armageddon, Jehovah mhux se jiknisna ’l barra fil-mewt flimkien maʼ dawk taʼ mingħajr Alla.
Xi Wħud ‘Ma Se Jmutu Qatt Assolutament’
12, 13. (a) Qabel ma rxoxta lil Lażżru, Ġesù lissen liema kelmiet li Marta ma fehmitx bis-sħiħ? (b) X’ma kienx imfisser bil-kliem taʼ Ġesù dwar li xi wħud ‘qatt ma jmutu assolutament’?
12 Huwa eċċitanti li nikkontemplaw is-salvazzjoni mit-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet u l-possibiltà li qatt ma se jkollna mmutu. Dan huwa l-prospett offrut lilna minn Ġesù. Eżatt qabel ma rxoxta lill-ħabib tiegħu Lażżru li kien mejjet, Ġesù qal lil Marta oħt Lażżru: “Jien hu l-irxoxt u l-ħajja. Dak li jeżerċita fidi fija, avolja jmut, se jiġi għall-ħajja; u kulmin qiegħed jgħix u jeżerċita fidi fija ma se jmut qatt assolutament. Temmnu int dan?” Marta emmnet fl-irxoxt, imma ma fehmitx dak kollu li kien qiegħed jgħid Ġesù.—Ġwann 11:25, 26.
13 Ġesù ma riedx ifisser li l-appostli leali tiegħu kellhom ikomplu jgħixu fil-laħam u qatt ma kienu se jmutu. Għall-kuntrarju, hu iktar tard indika li d-dixxipli tiegħu kellhom imutu. (Ġwann 21:16-23) Tabilħaqq, id-dlik tagħhom bl-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. kien ifisser li kellhom imutu sabiex jirċievu l-wirt tagħhom tas-sema bħala slaten u qassisin. (Rivelazzjoni 20:4, 6) B’hekk, mal-mogħdija taż-żmien, il-Kristjani kollha taʼ l-ewwel seklu mietu. Madankollu, Ġesù qal dak li qal bi skop. Il-kliem tiegħu dwar li ngħixu mingħajr qatt ma mmutu se jkun imwettaq.
14, 15. (a) Il-kliem taʼ Ġesù dwar li xi wħud ‘qatt ma jmutu assolutament’ kif se jiġi mwettaq? (b) X’inhija s-sitwazzjoni taʼ din id-dinja, imma liema tama għandhom uħud twajbin?
14 L-ewwelnett, Kristjani midlukin u leali qatt ma se jġarrbu mewt għal dejjem. (Rivelazzjoni 20:6) Ukoll, il-kliem taʼ Ġesù jipponta lejn żmien speċifiku meta Alla se jintervjeni fl-affarijiet umani u se jneħħi għalkollox il-ħażen minn fuq l-art, preċiż bħalma għamel fi żmien Noè. Dawk leali li jinstabu jwettqu r-rieda t’Alla f’dak iż-żmien mhux se jkollhom imutu permezz taʼ l-atti taʼ ġudizzju t’Alla. Minflok, bħal Noè u l-familja tiegħu, se jkollhom l-opportunità li jsalvaw mill-qerda taʼ dinja. Tama bħal din hija solida billi hija bbażata fuq tagħlim tal-Bibbja u murija bl-eżempji. (Qabbel Ebrej 6:19; 2 Pietru 2:4-9.) It-twettieq tal-profezija Biblika juri li dalwaqt ferm id-dinja preżenti li tikkonsisti f’soċjetà umana bla tjieba sejra tintemm f’qerda. Is-sitwazzjoni preżenti hija rriversibbli, għax id-dinja hija mill-agħar b’mod inkorreġibbli. Dak li qal Alla dwar id-dinja taʼ żmien Noè huwa veru wkoll għad-dinja tal-lum. Il-ħażen jimla l-qlub tal-maġġoranza l-kbira taʼ l-umanità, u ħsibijiethom huma biss ħżiena l-ħin kollu.—Ġenesi 6:5.
15 Jehovah ippermetta lill-bnedmin biex jiggvernaw lill-art għal sekli mingħajr indħil divin, imma ż-żmien tagħhom kważi skada. Dalwaqt Jehovah se jġib fix-xejn lil dawk kollha mill-agħar taʼ fuq l-art, eżatt kif tgħid il-Bibbja. (Salm 145:20; Proverbji 2:21, 22) Madankollu, hu mhux se jeqred lit-twajbin flimkien mal-ħżiena. Alla qatt m’għamel ħaġa bħal din! (Qabbel Ġenesi 18:22, 23, 26.) Għala għandu jeqred lil dawk li qegħdin jipprovaw jaqduh fedelment, fil-biżaʼ t’Alla? Hija ħaġa raġonevoli li l-adoraturi leali taʼ Jehovah li jkunu ħajjin meta tibda t-tribulazzjoni l-kbira se jsibu favur f’għajnejh u m’humiex se jiġu meqrudin, preċiż bħalma ma kinux meqrudin Noè u l-familja tiegħu meta d-dinja mill-agħar taʼ żmienu waslet għat-tmiem katakliżmiku tagħha. (Ġenesi 7:23) Se jkollhom protezzjoni divina u se jsalvaw mit-tmiem taʼ din id-dinja.
16. Liema affarijiet taʼ l-għaġeb se jiġru fid-dinja l-ġdida, u dan ifisser liema ħaġa għal dawk li jibqgħu ħajjin?
16 X’se jiġri mbagħad? Fid-dinja l-ġdida, barkiet taʼ fejqan se jgelglu fuq l-umanità hekk kif il-benefiċċji tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù jiġu applikati bis-sħiħ. Il-Bibbja titkellem dwar “xmara [simbolika] taʼ ilma tal-ħajja, ċar daqs il-kristall, igelgel ’il barra mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf ’l isfel f’nofs il-mogħdija l-wiesgħa tagħha. U fuq din in-naħa tax-xmara u fuq dik in-naħa kien hemm siġar tal-ħajja li jipproduċu tnax-il qatgħa taʼ frott, billi jagħtu l-frott tagħhom kull xahar. U l-weraq tas-siġar kienu għall-fejqan tal-ġnus.” (Rivelazzjoni 22:1, 2) X’meravilja li tgħid li l-“fejqan” jinkludi l-konkwista tal-mewt Adamika nfisha! “Hu attwalment se jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Jehovah ċertament li se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha.” (Isaija 25:8) B’hekk, dawk li jsalvaw mit-tribulazzjoni l-kbira għal ġod-dinja l-ġdida qatt m’għandhom għalfejn jiffaċċjaw il-mewt!
Tama Żgura
17. Kemm hija ċerta t-tama li xi wħud se jibqgħu ħajjin wara Armageddon u ‘qatt ma jmutu assolutament’?
17 Nistgħu aħna jkollna fiduċja sħiħa f’din it-tama taʼ salvazzjoni taʼ l-għaġeb? Assolutament! Ġesù lil Marta indikalha li kellu jiġi żmien meta n-nies kellhom jgħixu mingħajr qatt ma jmutu. (Ġwann 11:26) Barra minn hekk, f’kapitlu 7 tar-Rivelazzjoni li Ġesù ta lil Ġwanni, ġie rrivelat li folla kbira kellha toħroġ minn ġot-tribulazzjoni l-kbira billi jibqgħu ħajjin minnha. Nistgħu aħna nemmnu lil Ġesù Kristu u r-rakkont storiku tad-Dilluvju taʼ żmien Noè? Mingħajr l-iċken dubju! Iktar minn hekk, fil-Bibbja hemm rakkonti oħrajn taʼ okkażjonijiet meta Alla ppreserva ħajjin lill-qaddejja tiegħu matul perijodi taʼ ġġudikar u l-waqgħa taʼ ġnus. Nistgħu aħna nistennew inqas minnu f’dan iż-żmien tat-tmiem? Hemm xi ħaġa impossibbli għall-Ħallieq?—Qabbel Mattew 19:26.
18. Kif nistgħu nkunu assigurati minn ħajja fid-dinja ġdida taʼ tjieba taʼ Jehovah?
18 Billi naqdu lil Jehovah fedelment issa, għandna l-assiguranza taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida tiegħu. Għal miljuni bla għadd, ħajja f’dik id-dinja ġdida se tiġi permezz taʼ l-irxoxt. Madankollu, fi żmienna, miljuni min-nies taʼ Jehovah—iva, folla kbira li ebda bniedem ma jistaʼ jgħodd jew jillimita—se jkollhom il-privileġġ uniku li jkunu salvati ħajjin minn ġot-tribulazzjoni l-kbira. U qatt ma se jkollhom għalfejn imutu. (w95 2/15)
Jekk Jogħġbok Spjega
◻ Li wieħed jibqaʼ ħaj wara Armageddon kif kien muri bil-quddiem fi żmien Noè?
◻ Xi rridu nagħmlu sabiex nibqgħu weqfin meta Ġesù jiġi biex jesegwixxi l-ġudizzji taʼ Jehovah?
◻ Għala nistgħu ngħidu li dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon jistgħu ‘qatt ma jmutu assolutament’?
[Stampa f’paġna 15]
Il-Kristjani skansaw it-tribulazzjoni taʼ Ġerusalemm