KAPITLU 3
“Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom”
DAN il-kliem tal-appostlu Pawlu, imniżżel f’Ebrej 13:7, jistaʼ wkoll jiġi tradott: “Ftakru f’dawk li huma l-gvernaturi tagħkom.” Minn Pentekoste tas-sena 33 WK ’l quddiem, l-appostli leali tal-Mulej Ġesù Kristu wettqu dan l-irwol bħala ġemgħa li tiggverna li ħadet it-tmexxija f’li tipprovdi direzzjoni għall-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kemm ġiet ifformata. (Atti 6:2-4) Sa bejn wieħed u ieħor is-sena 49 WK, din il-ġemgħa li tiggverna żdiedet u kienet tinkludi rġiel oħra minbarra l-appostli taʼ Ġesù. Meta ġiet deċiża l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, il-ġemgħa li tiggverna inkludiet lill-“appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm.” (Atti 15:1, 2) Kienet ir-responsabbiltà tagħhom biex jikkunsidraw affarijiet li effettwaw lill-Kristjani kullimkien. Huma bagħtu ittri u digrieti, u dawn kollha saħħew lill-kongregazzjonijiet u għamluha possibbli biex id-dixxipli jibqgħu magħqudin fil-ħsieb u fl-għemil. Il-kongregazzjonijiet kienu ubbidjenti u sottomessi lejn id-direzzjoni tal-ġemgħa li tiggverna, u b’hekk, huma rċivew il-barka taʼ Ġeħova u stagħnew.—Atti 8:1, 14, 15; 15:22-31; 16:4, 5; Ebr. 13:17.
2 Wara l-mewt tal-appostli, bdiet l-apostasija l-kbira. (2 Tess. 2:3-12) Bħalma bassar Ġesù fil-parabbola tiegħu dwar il-qamħ u s-sikrana, mal-qamħ (il-Kristjani midlukin) ġiet miżrugħa s-sikrana (il-Kristjani tal-isem). Matul is-sekli, il-gruppi tħallew jikbru flimkien sal-ħsad, “konklużjoni taʼ sistema.” (Mt. 13:24-30, 36-43) Kristjani midlukin individwali baqgħu jgawdu l-approvazzjoni taʼ Ġesù matul dan iż-żmien, imma ma kien hemm l-ebda ġemgħa li tiggverna, l-ebda mezz ċar fuq l-art li Ġesù kien qed juża biex jiggwida lis-segwaċi tiegħu. (Mt. 28:20) Madankollu, hu bassar li kien se jkun hemm bidla matul il-ħsad.
3 “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli?” B’din il-mistoqsija, Ġesù Kristu introduċa parabbola, jew tixbiha, bħala parti mis-“sinjal” li hu ta dwar “il-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 24:3, 42-47) Ġesù indika li dan l-ilsir leali kellu jkun bieżel jipprovdi lill-poplu t’Alla l-ikel spiritwali “fiż-żmien xieraq.” Bħalma Ġesù uża grupp taʼ rġiel—iżjed milli individwu—biex imexxu fl-ewwel seklu, l-ilsir leali li juża Ġesù matul il-konklużjoni tas-sistema mhuwiex raġel wieħed.
NIDENTIFIKAW “L-ILSIR LEALI U GĦAQLI”
4 Ġesù lil min ħatar biex jitmaʼ lis-segwaċi tiegħu? Hu xieraq li juża lil Kristjani midlukin fuq l-art. Il-Bibbja tirreferi għalihom bħala “saċerdozju rjali” li ngħataw l-inkarigu li ‘“jxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti” taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’ (1 Pt. 2:9; Mal. 2:7; Riv. 12:17) Il-midlukin kollha fuq l-art jifformaw l-ilsir leali? Le. Meta Ġesù mirakolożament ipprovda l-ikel fiżiku lil folla taʼ xi 5,000 raġel, minbarra nisa u tfal żgħar, hu ta l-ikel lid-dixxipli, u d-dixxipli tawh lill-folol. (Mt. 14:19) Hu temaʼ lil ħafna bl-idejn taʼ ftit. Illum qed jipprovdi l-ikel spiritwali bl-istess mod.
5 Mela “l-prokuratur leali, l-għaqli,” hu magħmul minn grupp żgħir taʼ aħwa midlukin li huma involuti direttament f’li jippreparaw u jagħtu l-ikel spiritwali matul il-preżenza taʼ Kristu. (Lq. 12:42) Waqt l-aħħar jiem, l-aħwa midlukin li jagħmlu l-“ilsir leali u għaqli” qdew flimkien fil-kwartieri ġenerali. Illum, dawn l-aħwa midlukin jifformaw il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova.
6 Kristu juża din il-ġemgħa biex tippubblika informazzjoni dwar it-twettiq taʼ profeziji Bibliċi u biex tagħti direzzjoni f’waqtha dwar l-applikazzjoni taʼ prinċipji Bibliċi fil-ħajja taʼ kuljum. Dan l-ikel spiritwali jitqassam permezz tal-kongregazzjonijiet lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10; Gal. 6:16) Fi żminijiet Bibliċi, ilsir, jew prokuratur, fdat kien jimmaniġġa dar. Bl-istess mod, l-ilsir leali u għaqli ngħata r-responsabbiltà li jimmaniġġa d-dar tal-fidi. Mela l-ilsir leali jindokra wkoll l-assi materjali, l-attività tal-ippritkar, il-programmi tal-assembleat u l-konvenzjonijiet, il-ħatra taʼ indokraturi biex jaqdu f’pożizzjonijiet differenti fl-organizzazzjoni, u l-produzzjoni taʼ letteratura Biblika, u dawn kollha huma taʼ benefiċċju għall-“qaddejja taʼ daru.”—Mt. 24:45.
7 Min, mela, huma l-“qaddejja taʼ daru”? Fi ftit kliem, huma dawk li jiġu mitmugħin. Għall-ewwel, il-qaddejja taʼ daru kienu kollha midlukin. Iżjed tard, il-qaddejja taʼ daru inkludew il-folla kbira taʼ “nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Iż-żewġ gruppi jiġu mitmugħin l-ikel spiritwali li jagħti l-ilsir leali.
8 Matul it-tribulazzjoni l-kbira, meta Ġesù jiġi biex jiddikjara u jesegwixxi l-ġudizzju fuq din is-sistema mill-agħar, hu se jaħtar lill-ilsir leali “fuq kulma għandu.” (Mt. 24:46, 47) Dawk li jifformaw l-ilsir leali se jirċievu r-rigal tagħhom tas-sema. Flimkien mal-bqija tal-144,000, huma se jaqsmu fl-awtorità taʼ Kristu fis-sema. Għalkemm ma jibqax ikun hemm ilsir leali u għaqli fuq l-art, Ġeħova u Ġesù se jipprovdu direzzjoni lis-sudditi tas-Saltna Messjanika fuq l-art permezz taʼ dawk maħturin biex jaqdu bħala “prinċpijiet.”—Salm 45:16.
GĦALA GĦANDNA ‘NIFTAKRU F’DAWK LI QED IMEXXU’?
9 Hemm ħafna raġunijiet biex ‘niftakru f’dawk li qed imexxu’ u biex nuru l-fiduċja tagħna fihom. Għala jkun taʼ vantaġġ għalina li nagħmlu dan? L-appostlu Pawlu qal: “Qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.” (Ebr. 13:17) Huwa vitali għalina li nkunu ubbidjenti u sottomessi għad-direzzjoni mingħand dawk li qed imexxu għax qed jgħassu fuqna għall-protezzjoni u l-benesseri spiritwali tagħna.
10 Bħalma hu mniżżel fl-1 Korintin 16:14, Pawlu qal: “Kulma tagħmlu agħmluh bl-imħabba.” Deċiżjonijiet magħmulin għall-benefiċċju tan-nies t’Alla huma bbażati fuq il-kwalità superjuri tal-imħabba. Rigward l-imħabba, l-1 Korintin 13:4-8 jgħid: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-ħsara. Ma tithenniex bl-inġustizzja, imma tithenna bil-verità. Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tbatti qatt.” Peress li l-imħabba hi l-bażi tad-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu għall-benefiċċju tal-qaddejja kollha taʼ Ġeħova, għandna kull raġuni li nħossuna siguri taħt direzzjoni bħal din. Iżjed minn hekk, dan hu sempliċement riflessjoni tal-imħabba taʼ Ġeħova.
Huwa vitali għalina li nkunu sottomessi lejn dawk li qed jgħassu fuqna għall-benesseri spiritwali tagħna
11 Bħalma kien il-każ fl-ewwel seklu, dawk li Ġeħova qed juża biex imexxi l-poplu tiegħu huma rġiel imperfetti. Madankollu, Ġeħova uża bnedmin imperfetti biex iwettaq l-iskop tiegħu fil-passat. Noè bena arka u pprietka dwar il-qerda li kienet ġejja fi żmienu. (Ġen. 6:13, 14, 22; 2 Pt. 2:5) Mosè ġie maħtur biex joħroġ lill-poplu taʼ Ġeħova mill-Eġittu. (Eżo. 3:10) Irġiel imperfetti ġew ispirati biex jiktbu l-Bibbja. (2 Tim. 3:16; 2 Pt. 1:21) Il-fatt li llum Ġeħova juża rġiel imperfetti biex jidderieġu l-ippritkar u x-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli ma jdgħajfilniex il-fiduċja fl-organizzazzjoni t’Alla. Pjuttost nissaħħu għax nafu li mingħajr l-appoġġ taʼ Ġeħova, l-organizzazzjoni qatt ma setgħet twettaq dak kollu li tagħmel. Permezz taʼ ħafna tbatija u esperjenza, l-ilsir leali wera li l-ispirtu t’Alla qed jidderieġi l-affarijiet. Barkiet kotrana tferrgħu fuq il-parti viżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova llum. Għalhekk, b’qalbna kollha nappoġġawha u nafdawha.
KIF NURU L-FIDUĊJA TAGĦNA
12 Dawk li jinħatru għal pożizzjonijiet responsabbli fil-kongregazzjoni juru l-fiduċja tagħhom billi bil-ferħ jaċċettaw u jwettqu lealment l-obbligi tal-ħatriet tagħhom. (Atti 20:28) Bħala proklamaturi tas-Saltna, biż-żelu nieħdu sehem fix-xogħol minn dar għal dar, nagħmlu żjajjar lura, u nikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ mill-ikel spiritwali bnin li qed jitqassam mill-ilsir leali, aħna nippreparaw għal u nattendu l-laqgħat Kristjani tagħna kollha, inkluż l-assembleat u l-konvenzjonijiet. Aħna nibbenefikaw bil-kbir mill-inkuraġġiment li nagħtu lil xulxin meta nissieħbu maʼ ħutna f’dawn il-laqgħat Kristjani.—Ebr. 10:24, 25.
13 Meta nappoġġaw l-organizzazzjoni bil-kontribuzzjonijiet materjali tagħna, nuru li nafdawha. (Prov. 3:9, 10) Meta naraw li ħutna jkunu fi bżonn materjali, aħna ngħinuhom minnufih. (Gal. 6:10; 1 Tim. 6:18) Dan nagħmluh bi spirtu taʼ mħabba bejn l-aħwa, billi dejjem inkunu attenti għal opportunitajiet biex nuru lil Ġeħova u lill-organizzazzjoni tiegħu li napprezzaw it-tjubija murija lilna.—Ġw. 13:35.
14 Nuru wkoll li nafdaw lill-organizzazzjoni billi nappoġġaw id-deċiżjonijiet tagħha. Dan jinkludi li b’umiltà nobdu t-tmexxija taʼ dawk li tpoġġew f’pożizzjoni taʼ indokrar, bħall-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u l-anzjani tal-kongregazzjoni. Dawn l-aħwa huma inklużi fost “dawk li qed imexxu,” li lejhom għandna nkunu ubbidjenti u sottomessi. (Ebr. 13:7, 17) Anki jekk ma nifhmux għalkollox ir-raġunijiet għala jkunu ttieħdu ċerti deċiżjonijiet, nafu li l-fatt li nappoġġawhom se jkun għall-ġid dejjiemi tagħna. Minħabba f’hekk, Ġeħova jberikna għall-ubbidjenza li nuru lejn il-Kelma tiegħu u lejn l-organizzazzjoni tiegħu. B’hekk, nuru sottomissjoni lejn is-Sid, Ġesù Kristu.
15 Iva, għandna kull raġuni biex nafdaw lill-ilsir leali u għaqli. Satana, l-alla taʼ din is-sistema dinjija, qed jagħmel sforz kbir biex iġib tmaqdir fuq isem Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. (2 Kor. 4:4) Taqax vittma għat-tattiki mill-agħar taʼ Satana! (2 Kor. 2:11) Hu jaf li “żmien qasir baqagħlu” qabel ma jiġi mitfugħ fl-abbiss, u hu determinat li jdawwar kemm jistaʼ min-nies taʼ Ġeħova milli jaqdu lil Alla. (Riv. 12:12) Madankollu, hekk kif Satana jżid l-isforzi tiegħu, jalla nersqu dejjem eqreb lejn Ġeħova. Jalla nuru fiduċja f’Ġeħova u fil-mezz li qed juża biex jagħti direzzjoni lill-poplu tiegħu llum. Li nagħmlu dan jirriżulta fi fratellanza magħquda.