LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 6/1 pp. 11-15
  • Leħħiet taʼ Dawl—Kbar u Żgħar l-Ewwel Parti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Leħħiet taʼ Dawl—Kbar u Żgħar l-Ewwel Parti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “L-​Irsir Leali u Diskret”
  • Leħħiet Bikrin Taʼ Dawl Fiż-​Żmien Modern
  • Leħħiet taʼ Dawl Jiżdiedu
  • Il-​Milied​—Btala Pagana
  • Isem Ġdid
  • Vindikar u L-​“Folla Kbira”
  • Is-​Salib​—M’huwiex Simbolu Kristjan
  • “Ilsir” li hu Kemm Leali u Kemm Diskret
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • “Min Hu Tassew l-Ilsir Leali u Għaqli?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Leħħiet taʼ Dawl fi Żminijiet Appostoliċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Leħħiet taʼ Dawl—Kbar u Żgħar it-Tieni Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 6/1 pp. 11-15

Leħħiet taʼ Dawl—Kbar u Żgħar l-​Ewwel Parti

“[I]l-passaġġ taʼ l-​uħud twajbin huwa bħad-​dawl qawwi li qiegħed isir iktar u iktar qawwi sakemm il-​jum jiġi stabbilit fis-​sod.”—PROVERBJI 4:18.

1. Il-​verità għala ġiet irrivelata bil-​mod il-​mod?

HUWA prova t’għerf divin li fi qbil maʼ Proverbji 4:18 l-​irrivelar taʼ veritajiet spiritwali seħħ bil-​mod il-​mod permezz taʼ leħħiet taʼ dawl. Fl-​artiklu taʼ qabel, rajna kif dan il-​vers twettaq fi żminijiet appostoliċi. Li kieku l-​ġemgħa kbira taʼ verità Skritturali ġiet irrivelata f’daqqa, din kienet tkun kemm li tagħmik kif ukoll li tħawdek​—simili għall-​effett taʼ ħruġ minn ġo għar mudlam għal ġo dawl qawwi tax-​xemx. Iktar minn hekk, verità rrivelata bil-​mod il-​mod issaħħaħ il-​fidi taʼ Kristjani b’mod kontinwu. Din tagħmel dejjem iżjed qawwija t-​tama tagħhom u dejjem iżjed ċara l-​mogħdija li għandhom jgħaddu minnha.

“L-​Irsir Leali u Diskret”

2. Ġesù indika li kellu juża lil min biex iġib dawl spiritwali lis-​segwaċi tiegħu, u minn min tikkonsisti dik l-​istrumentalità?

2 Fi żminijiet appostoliċi Ġesù Kristu ra l-​ħtieġa li juża mezzi soprannaturali biex jagħti lis-​segwaċi tiegħu l-​leħħiet taʼ dawl l-​iktar bikrin. Għandna żewġ eżempji taʼ dan: Pentekoste tas-​sena 33 E.K. u l-​konverżjoni taʼ Korneljus fis-​sena 36 E.K. Sussegwentement, Kristu ra l-​ħtieġa li juża aġenzija umana, saħansitra bħalma bassar: “Min tassew hu l-​irsir leali u diskret li sidu ħatru fuq in-​nies taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel tagħhom fiż-​żmien xieraq? Hieni hu dak l-​irsir jekk sidu malli jasal isibu jagħmel hekk. Verament ngħidilkom, Hu se jaħtru fuq dak kollu li jippossjedi.” (Mattew 24:45-47) Dan l-​irsir ma setax ikun biss individwu wieħed għax kellu jipprovdi ikel spiritwali minn meta bdiet il-​kongregazzjoni Kristjana f’Pentekoste sakemm is-​Sid, Ġesù Kristu, ġie biex jagħmel rendikont. Il-​fatti jindikaw li din il-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret hija fformata mill-​Kristjani midlukin kollha bħala grupp fuq l-​art fi kwalunkwe żmien.

3. Min kien inkluż fost l-​ewwel membri tal-​klassi taʼ l-​irsir?

3 Min kien inkluż fost l-​ewwel membri tal-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret? Wieħed kien l-​appostlu Pietru, li ta kas il-​kmand taʼ Ġesù: “Itmaʼ n-​ngħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġwann 21:17) Membri bikrin oħrajn tal-​klassi taʼ l-​irsir kienu jinkludu lil Mattew, li kiteb il-​Vanġelu li jġib ismu, u Pawlu, Ġakbu, u Ġuda, li kitbu ittri spirati. L-​appostlu Ġwanni, li kiteb il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni, il-​Vanġelu tiegħu, u l-​ittri tiegħu, kien ukoll membru tal-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret. Dawn l-​irġiel kitbu fi qbil maʼ l-​inkarigu li tahom Ġesù.

4. Min huma “n-​nies taʼ daru”?

4 Ladarba l-​midlukin kollha bħala grupp, jgħixu fejn jgħixu fuq l-​art, huma membri tal-klassi taʼ l-​irsir, min huma “n-​nies taʼ daru”? Dawn huma l-​istess midlukin imma meqjusin minn aspett differenti​—bħala individwi. Iva, bħala individwi huma jkunu mill-​“irsir” jew min-​“nies taʼ daru,” jiddependi fuq jekk ikunux qegħdin jagħtu ikel spiritwali jew jieħdu minnu. Biex nagħtu tixbiha: Bħalma huwa mniżżel fit-2 Pietru 3:15, 16, l-​appostlu Pietru jagħmel referenza għall-​ittri taʼ Pawlu. Meta kien jaqrahom, Pietru kien bħal wieħed min-​nies tad-​dar li jiekol mill-​ikel spiritwali pprovdut minn Pawlu bħala rappreżentant tal-​klassi taʼ l-​irsir.

5. (a) Xi ġralu l-​irsir matul is-​sekli wara l-​appostli? (b) Liema żviluppi seħħew fl-​aħħar parti tas-​seklu dsatax?

5 F’dan ir-​rigward, il-​ktieb God’s Kingdom of a Thousand Years Has Approached stqarr: “Rigward kif il-​klassi taʼ ‘l-​irsir leali u diskret’ eżistiet u qdiet matul is-​sekli wara l-​mewt taʼ l-​appostli tas-​Sid Ġesù Kristu, m’għandniex stampa storika distinta. Milli jidher ġenerazzjoni waħda tal-​klassi taʼ l-​‘irsir’ temgħet lill-​ġenerazzjoni l-​oħra li ġiet warajha. (2 Timotew 2:2) Imma fl-​aħħar nofs tas-​seklu dsatax kien hemm persuni li jibżgħu minn Alla li ħabbew l-​ikel spiritwali tal-​Bibbja Mqaddsa u li xtaqu jieklu minnu . . . Klassijiet taʼ studju tal-​Bibbja . . . ġew ifformati u pprogressaw fil-​fehma tal-​veritajiet fundamentali taʼ l-​Iskrittura Sagra. L-​uħud sinċieri li ma kinux egoisti fost dawn l-​istudenti tal-​Bibbja kienu ħerqanin biex jaqsmu dawn il-​porzjonijiet vitali taʼ ikel spiritwali m’oħrajn. Kellhom l-​ispirtu leali taʼ l-​‘irsir’ maħtur biex jagħti lin-​‘nies taʼ daru’ l-​‘ikel spiritwali meħtieġ fiż-​żmien xieraq.’ Kienu ‘diskreti’ f’li jagħrfu li dak kien iż-​żmien sewwa u xieraq u x’kienu l-​aqwa mezzi biex permezz tagħhom iservu l-​ikel. Huma pprovaw iservuh.”​—Paġni 344-5.a

Leħħiet Bikrin Taʼ Dawl Fiż-​Żmien Modern

6. Liema fatt jispikka b’mod prominenti f’konnessjoni maʼ l-​irrivelar bil-​mod il-​mod tal-​verità?

6 Fattur wieħed li jispikka b’mod prominenti f’konnessjoni maʼ dawk li Jehovah uża biex iwasslu din iż-​żjieda taʼ dawl spiritwali bil-​mod il-​mod huwa li huma ma ħadu ebda kredtu għalihom infushom. L-​attitudni taʼ C. T. Russell, l-​ewwel president tal-​Watch Tower Society, kienet li l-​Mulej kien jogħġbu juża t-​talenti umlin tagħhom. Rigward l-​aġġettivi li l-​għedewwa tiegħu kellhom it-​tendenza li jużaw, Ħuna Russell bil-​qawwa għarraf li hu qatt ma kien iltaqaʼ maʼ xi “Russellit” u li ma kien hemm ebda ħaġa bħalma huwa r-​“Russelliżmu.” Il-​kredtu kollu ngħata lil Alla.

7. Ħuna Russell u l-​ħaddiema sħabu liema evidenza taw li kienu tassew imseħbin maʼ l-​irsir leali u diskret?

7 Meta wieħed jiġġudika mir-​riżultati, ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah kien qed jidderieġi l-​isforzi taʼ Ħuna Russell u taʼ dawk assoċjati miegħu. Taw evidenza li huma identifikati maʼ l-​irsir leali u diskret. Għalkemm ħafna membri tal-​kleru taʼ żmienhom bil-​kliem qalu li jemmnu li l-​Bibbja hija l-​Kelma mnebbħa t’Alla u li Ġesù hu l-​Iben t’Alla, huma ħaddnu duttrini Babilonjani, foloz, bħalma huma t-​Trinità, l-​immortalità tar-​ruħ umana, u t-​turment etern. Fi qbil mal-​wegħda taʼ Ġesù, kien verament dovut għall-​ispirtu qaddis li l-​isforzi umlin taʼ Ħuna Russell u sħabu wasslu biex veritajiet jiddu maʼ kullimkien bħal qatt qabel. (Ġwann 16:13) Dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja midlukin taw prova li kienu tassew parti mill-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret, li l-​inkarigu tagħhom huwa li jipprovdu ikel spiritwali għan-​nies tad-​dar tas-​Sid. L-​isforzi tagħhom kienu t’għajnuna kbira fil-​ġbir taʼ l-​uħud midlukin.

8. L-​Istudenti tal-​Bibbja liema fatti bażiċi rigward Jehovah, il-​Bibbja, Ġesù Kristu, u l-​ispirtu qaddis fehmu b’mod ċar?

8 Huwa taʼ l-​għaġeb li tara kif Jehovah permezz taʼ l-​ispirtu qaddis iffavorixxa bil-​kbir lil dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja bikrin b’leħħiet taʼ dawl. L-​ewwelnett, stabbilew b’mod sod li l-​Ħallieq jeżisti u li għandu l-​isem uniku Jehovah. (Salm 83:18; Rumani 1:20) Raw li Jehovah għandu erbaʼ attributi kardinali​—qawwa, ġustizzja, għerf, u mħabba. (Ġenesi 17:1; Dewteronomju 32:4; Rumani 11:33; 1 Ġwann 4:8) Dawn il-​Kristjani midlukin stabbilew b’mod ċar li l-​Bibbja hija l-​Kelma mnebbħa t’Alla u hija l-​verità. (Ġwann 17:17; 2 Timotew 3:16, 17) Barra minn hekk, huma sostnew li l-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu, ġie maħluq u li ta ħajtu bħala rahan għall-​umanità kollha. (Mattew 20:28; Kolossin 1:15) L-​ispirtu qaddis, mhux talli m’huwiex it-​tielet persuna taʼ xi Trinità, imma talli ġie mifhum li huwa l-​forza attiva t’Alla.—Atti 2:17.

9. (a) L-​Istudenti tal-​Bibbja liema veritajiet kellhom ċari rigward in-​natura tal-​bniedem u d-​destini offruti fil-​Bibbja? (b) Il-​qaddejja taʼ Jehovah liema veritajiet oħrajn raw b’mod ċar?

9 L-​Istudenti tal-​Bibbja raw b’mod ċar li l-​bniedem m’għandux ruħ immortali imma li hu ruħ mortali. Irrealizzaw li “l-​ħlas li d-​dnub iħallas huwa l-​mewt,” mhux turment etern, billi m’hemm ebda post bħalma huwa infern jaqbad. (Rumani 5:12; 6:23; Ġenesi 2:7; Eżekjel 18:4) Iktar minn hekk, raw b’mod ċar li t-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni mhux biss m’hijiex skritturali imma hija totalment bla bażi taʼ fatti. (Ġenesi, kapitli 1 u 2) Għarfu wkoll li l-​Bibbja toffri żewġ destini​—wieħed għas-​sema għal 144,000 segwaċi midlukin tal-​passi taʼ Kristu u art magħmula ġenna għal “folla kbira” bla għadd taʼ “ngħaġ oħrajn.” (Rivelazzjoni 7:9; 14:1; Ġwann 10:16) Dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja bikrin irrikonoxxew li l-​art tibqaʼ għal dejjem u m’hijiex se tiġi maħruqa, bħalma huwa mgħallem minn ħafna reliġjonijiet. (Ekkleżjasti 1:4; Luqa 23:43) Tgħallmu wkoll li r-​ritorn taʼ Kristu se jkun inviżibbli u li mbagħad hu se jesegwixxi ġudizzju fuq il-​ġnus u se jġib ġenna taʼ l-​art.—Atti 10:42; Rumani 8:19-21; 1 Pietru 3:18.

10. L-​Istudenti tal-​Bibbja liema verità tgħallmu rigward il-​magħmudija, distinzjoni bejn kleru u lajċi, u l-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu?

10 L-​Istudenti tal-​Bibbja tgħallmu li l-​magħmudija Skritturali m’hijiex kwistjoni taʼ tbexxix taʼ trabi imma li fi qbil mal-​kmand taʼ Ġesù f’Mattew 28:19, 20, hija t-​tgħaddis taʼ kredenti li ġew mgħallmin. Huma ġew li jaraw li m’hemm ebda bażi Skritturali għal distinzjoni bejn kleru u lajċi. (Mattew 23:8-10) Għall-​kuntrarju, il-​Kristjani kollha jridu jkunu predikaturi taʼ l-​aħbar tajba. (Atti 1:8) L-​Istudenti tal-​Bibbja apprezzaw li l-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu għandu jkun osservat biss darba fis-​sena, fl-​14 taʼ Nisan. Iktar minn hekk, raw li l-​Għid huwa btala pagana. Iżjed minn hekk, dawk l-​uħud midlukin kienu tant fiduċjużi li Alla kien qed jappoġġja x-​xogħol tagħhom li qatt m’għamlu ġbir taʼ flus. (Mattew 10:8) Minn żminijiet bikrin, fehmu li l-​Kristjani għandhom jgħixu fi qbil maʼ prinċipji tal-​Bibbja, li jinkludu l-​ikkultivar tal-​frott taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla.—Galatin 5:22, 23.

Leħħiet taʼ Dawl Jiżdiedu

11. Liema dawl idda fuq l-​inkarigu tal-​Kristjan u fuq il-​parabbola taʼ Ġesù tan-​ngħaġ u l-​mogħoż?

11 B’mod partikulari mill-​1919 ’l hawn il-​qaddejja taʼ Jehovah ġew imberkin b’iżjed leħħiet taʼ dawl. X’leħħa dawl qawwija iddiet fil-​konvenzjoni taʼ l-​1922 f’Cedar Point hekk kif J. F. Rutherford, it-​tieni president tal-​Watch Tower Society, enfasizza b’saħħa li l-​obbligu ewlieni tal-​qaddejja taʼ Jehovah huwa li ‘jirriklamaw, jirriklamaw, jirriklamaw, lis-​Sultan u s-​saltna tiegħu’! Is-​sena taʼ wara preċiż, dawl qawwi idda fuq il-​parabbola tan-​ngħaġ u l-​mogħoż. Deher li din il-​profezija kellha titwettaq fil-​jum preżenti tal-​Mulej, mhux fil-​futur matul il-​Millennju bħalma kien maħsub qabel. Matul il-​Millennju, ħut Kristu m’humiex se jkunu morda, lanqas ma se jkunu fil-​ħabs. Minbarra dan, fit-​tmiem tal-​Millennju, Alla Jehovah, mhux Ġesù Kristu, se jagħmel l-​iġġudikar.—Mattew 25:31-46.

12. Liema leħħa taʼ dawl kien hemm rigward Armageddon?

12 Fl-​1926 leħħa qawwija oħra taʼ dawl irrivelat li l-​gwerra t’Armageddon ma kellhiex tkun xi rivoluzzjoni soċjali, bħalma darba kienu jaħsbu l-​Istudenti tal-​Bibbja. Minflok, se tkun gwerra li fiha Jehovah se juri l-​qawwa tiegħu b’mod tant ċar li n-​nies kollha se jkunu konvinti li hu Alla.—Rivelazzjoni 16:14-16; 19:17-21.

Il-​Milied​—Btala Pagana

13. (a) Liema dawl ġie mitfugħ fuq iċ-​ċelebrazzjonijiet tal-​Milied? (b) Iċ-​ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-​snin għala ma baqgħux jiġu ċċelebrati? (Inkludi n-​nota taʼ taħt.)

13 Ftit wara dan, leħħa dawl ġegħlet lill-​Istudenti tal-​Bibbja jieqfu jiċċelebraw il-​Milied. Qabel dak iż-​żmien il-​Milied dejjem kien jiġi ċċelebrat mill-​Istudenti tal-​Bibbja mad-​dinja kollha, u ċ-​ċelebrazzjoni tiegħu fil-​kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn kienet okkażjoni festiva ħafna. Imma mbagħad ġie mifhum li l-​osservanza tal-​25 taʼ Diċembru kienet attwalment pagana u ntgħażlet mill-​Kristjaneżmu apostat biex jagħmilha eħfef li jikkonvertu l-​pagani. Iktar minn hekk, instab li Ġesù ma setax twieled fix-​xitwa, ladarba fiż-​żmien tat-​twelid tiegħu, xi ragħajja kienu qegħdin jirgħu l-​merħliet tagħhom fl-​għelieqi​—xi ħaġa li ma kinux ikunu qegħdin jagħmlu bil-​lejl lejn l-​aħħar taʼ Diċembru. (Luqa 2:8) Minflok, l-​Iskrittura tindika li Ġesù twieled għall-​ħabta taʼ l-​1 t’Ottubru. L-​Istudenti tal-​Bibbja rrealizzaw ukoll li l-​hekk imsejħin irġiel għorrief li żaru lil Ġesù xi sentejn wara t-​twelid tiegħu kienu maġi pagani.b

Isem Ġdid

14. L-​isem Studenti tal-​Bibbja għala ma kienx jirrappreżenta tajjeb lin-​nies taʼ Jehovah?

14 Fl-​1931 leħħa qawwija taʼ verità rrivelat lil dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja isem Skritturali xieraq. In-​nies taʼ Jehovah kienu fehmu li ma setgħu jaċċettaw ebda wieħed mil-laqmijiet li oħrajn kienu tawhom, bħal Russellites, Millennial Dawnists, u “no hellers.”c Imma bdew japprezzaw ukoll li l-​isem li huma stess kienu ħadu​—Studenti Internazzjonali tal-​Bibbja—​ma kienx jirrappreżentahom kif jixraq. Huma kienu bil-​wisq iżjed minn sempliċi studenti tal-​Bibbja. Minbarra dan, kien hemm bil-​wisq ħafna oħrajn li kienu studenti tal-​Bibbja imma li ma kellhom xejn inkomuni maʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja.

15. L-​Istudenti tal-​Bibbja liema isem addottaw fl-​1931, u dan għala huwa xieraq?

15 L-​Istudenti tal-​Bibbja kif waslu biex ikollhom isem ġdid? Għal bosta snin It-​Torri Taʼ L-​Għassa kien ilu jagħmel l-​isem taʼ Jehovah prominenti. Għalhekk, kien mill-​iktar xieraq li l-​Istudenti tal-​Bibbja kellhom jaddottaw l-​isem misjub f’Isaija 43:10: “‘Intom ix-​xhieda tiegħi,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘saħansitra l-​qaddej tiegħi li lilu jien għażilt, sabiex tistgħu tagħrfuni u jkollkom fidi fija, u biex tistgħu tifhmu li jien l-​istess Wieħed. Qabli ma kien hemm ebda Alla msawwar, u warajja kompla ma jkun hemm ħadd.’”

Vindikar u L-​“Folla Kbira”

16. Il-​profeziji taʼ restawrazzjoni għala ma setgħux japplikaw għar-​ritorn tal-​Lhud naturali lejn il-​Palestina, imma għal min japplikaw?

16 Fit-​tieni volum taʼ Vindication, ippubblikat mill-​Watch Tower Society fl-​1932, leħħa taʼ dawl irrivelat li l-​profeziji taʼ restawrazzjoni ddokumentati minn Isaija, Ġeremija, Eżekjel, u profeti oħrajn ma kinux japplikaw (bħalma kien maħsub darba) għal-​Lhud tal-​laħam, li kienu qegħdin jirritornaw lejn il-​Palestina f’nuqqas taʼ twemmin u b’motivazzjonijiet politiċi. Minflok, dawn il-​profeziji taʼ restawrazzjoni, li kellhom twettieq żgħir meta l-​Lhud irritornaw mill-​jasar Babilonjan fis-​sena 537 Q.E.K., kellhom it-​twettieq ewlieni tagħhom fil-​ħelsien u r-​restawrazzjoni taʼ Iżrael spiritwali b’seħħ fl-​1919 u fil-​prosperità li rriżultat fil-​ġenna spiritwali gawduta mill-​qaddejja veri taʼ Jehovah illum.

17, 18. (a) Maż-​żmien, permezz taʼ leħħa taʼ dawl x’kien muri li huwa l-​iskop prinċipali taʼ Jehovah? (b) Liema leħħa taʼ dawl rigward Rivelazzjoni 7:9-17 seħħet fl-​1935?

17 Maż-​żmien, leħħiet taʼ dawl irrivelaw li l-​iskop ewlieni taʼ Jehovah kien, mhux is-​salvazzjoni taʼ ħlejjaq, imma l-​ivvindikar tas-​sovranità tiegħu. L-​iktar tema importanti tal-​Bibbja dehret li kienet, mhux ir-​rahan, imma s-​Saltna, għax din se tivvindika s-​sovranità taʼ Jehovah. X’leħħa taʼ dawl kienet dik! Kristjani ddedikati ma kinux iżjed primarjament ikkonċernati dwar li jmorru fis-​sema.

18 Fl-​1935 leħħa qawwija taʼ dawl irrivelat li l-​folla kbira msemmija f’Rivelazzjoni 7:9-17 ma kenitx klassi sekondarja tas-​sema. Qabel kien maħsub li l-​uħud imsemmijin f’dawk il-​versi kienu xi wħud mill-​midlukin li ma kinux baqgħu leali għalkollox u għalhekk kienu weqfin quddiem it-​tron minflok bil-​qiegħda fuq tronijiet isaltnu bħala slaten u qassisin maʼ Ġesù Kristu. Imma fir-​realtà ma tistax tkun leali parzjalment. Wieħed jew hu leali jew mhux. B’hekk ġie mifhum li din il-​profezija kienet tirreferi għall-​folla kbira bla għadd mill-​ġnus kollha li qegħdin issa jinġabru u li t-​tamiet tagħhom huma għall-​art. Dawn huma “n-​ngħaġ” taʼ Mattew 25:31-46 u n-​“ngħaġ oħrajn” taʼ Ġwann 10:16.

Is-​Salib​—M’huwiex Simbolu Kristjan

19, 20. Is-​salib għala ma jistax ikun simbolu tal-​Kristjanità vera?

19 Għal bosta snin l-​Istudenti tal-​Bibbja għamlu s-​salib prominenti bħala simbolu tal-​Kristjanità. Saħansitra kellhom labbra bis-​salib u l-​kuruna. Skond il-​King James Version, Ġesù staqsa lis-​segwaċi tiegħu biex jerfgħu s-​“salib” tagħhom, u ħafna saru jemmnu li hu kien maqtul fuq salib. (Mattew 16:24; 27:32) Għal għaxriet taʼ snin dan is-​simbolu deher ukoll fuq il-​qoxra tar-​rivista Watch Tower.

20 Il-​ktieb Riches, ippubblikat mis-​Soċjetà fl-​1936, għamilha ċara li Ġesù Kristu ġie maqtul, mhux fuq salib, imma fuq arblu, jew zokk, wieqaf. Skond awtorità waħda, il-​kelma Griega (stau·rosʹ) tradotta “salib” fil-​King James Version “tissinjifika, primarjament, arblu jew zokk wieqaf. [Huwa] differenti mill-​għamla ekkleżjastika taʼ salib b’żewġt itravi. . . . Dan taʼ l-​aħħar kellu l-​oriġini tiegħu fil-​Kaldea tal-​qedem, u kien jintuża bħala s-​simbolu taʼ l-​alla Tammuz.” L-​istrument li fuqu Ġesù ġie msammar, mhux talli m’għandux jiġi idolizzat, imma għandu jitqies bi stmerrija.

21. X’se jiġi kkunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

21 Hemm eżempji oħrajn taʼ leħħiet taʼ dawl kbar kif ukoll dawk li jistgħu jitqiesu bħala żgħar. Għal diskussjoni dwar dawn, jekk jogħġbok ara l-​artiklu li jmiss. (w95 5/15)

[Noti taʼ taħt]

a Ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Maż-żmien, ġie mifhum li jekk l-​iktar twelid importanti li qatt seħħ ma setax jiġi ċċelebrat, m’għandna niċċelebraw l-​ebda għeluq is-​snin. Minbarra dan, la l-​Iżraeliti u lanqas il-​Kristjani bikrin ma kienu jiċċelebraw għeluq sninhom. Il-​Bibbja ssemmi biss żewġ ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-​snin, waħda taʼ Farawni u l-​oħra t’Erodi Antipas. Kull waħda minn dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet ġiet imkerrħa b’esekuzzjoni. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jiċċelebrawx għeluq is-​snin għaliex dawn l-​osservanzi għandhom oriġinijiet pagani u għandhom it-​tendenza li jeżaltaw lil dawk l-​uħud li jkunu għalqu sninhom.—Ġenesi 40:20-22; Mark 6:21-28.

c Dan kien żball li sar minn għadd taʼ denominazzjonijiet tal-​Kristjaneżmu. Luteran kien laqam li għedewwa taʼ Martin Luther taw lis-​segwaċi tiegħu, li mbagħad addottawh. Bl-​istess mod, il-​Battisti addottaw il-​laqam li nies taʼ barra kienu tawhom għaliex kienu jippridkaw il-​magħmudija bit-​tgħaddis. Xi ftit jew wisq simili, il-​Metodisti addottaw isem mogħti lilhom minn wieħed minn barra. Rigward kif is-​Society of Friends saret tissejjaħ ‘Quakers,’ The World Book Encyclopedia tgħid: “Il-​kelma Quaker kienet oriġinalment intenzjonata bħala insult lil Fox [il-fundatur], li qal lil imħallef Ingliż biex ‘jirtogħod għall-​Kelma tal-​Mulej.’ L-​imħallef sejjaħ lil Fox ‘quaker.’”

Tiftakar Int?

◻ Min hu “l-​irsir leali u diskret,” u min huma “n-​nies taʼ daru”?

◻ Liema kienu xi ftit mil-​leħħiet taʼ dawl bikrin fiż-​żmien modern?

◻ L-​isem ġdid, Xhieda taʼ Jehovah, għala kien xieraq?

◻ Liema veritajiet notevoli ġew irrivelati fl-​1935?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja