Kapitlu Erbatax
Jehovah Kif Jidderieġi l-Organizzazzjoni Tiegħu?
1. Liema tagħrif tirrivela l-Bibbja dwar l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, u għala huwa importanti għalina?
GĦANDU Alla organizzazzjoni? L-Iskrittura ispirata tgħidilna li għandu. Fil-Kelma tiegħu, hu jagħtina ħjiel dwar il-parti taʼ l-għaġeb taʼ din l-organizzazzjoni fis-sema. (Eżekjel 1:1, 4-14; Danjel 7:9, 10, 13, 14) Għalkemm ma nistgħux narawha, din il-parti inviżibbli teffettwa bil-kbir lill-aduraturi veri llum. (2 Slaten 6:15-17) L-organizzazzjoni taʼ Jehovah għandha wkoll parti viżibbli fuq l-art. Il-Bibbja tgħinna nifhmu x’inhi u kif Jehovah jidderiġiha.
Nidentifikaw il-Parti Viżibbli
2. Alla liema kongregazzjoni ġdida sawwar?
2 Għal 1,545 sena, il-ġens taʼ Iżrael kien il-kongregazzjoni t’Alla. (Atti 7:38) Imma Iżrael naqas li jżomm mal-liġijiet t’Alla u ċaħad lil Ibnu. Bħala riżultat, Jehovah ċaħad lil din il-kongregazzjoni u abbandunaha. Ġesù qal lil-Lhud: “Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba!” (Mattew 23:38) Imbagħad, Alla sawwar kongregazzjoni ġdida, li magħha għamel patt ġdid. Din il-kongregazzjoni kellha tkun ifformata minn 144,000 individwu magħżulin minn Alla biex ikunu magħqudin maʼ Ibnu fis-sema.—Apokalissi 14:1-4.
3. X’seħħ f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. bħala evidenza ċara li Alla issa kien qed juża kongregazzjoni ġdida?
3 L-ewwel membri taʼ din il-kongregazzjoni ġdida kienu midlukin mill-ispirtu qaddis taʼ Jehovah f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. Rigward din il-ġrajja straordinarja naqraw: “Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal taʼ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.” (Atti 2:1-4) B’hekk, l-ispirtu qaddis t’Alla ta evidenza ċara li issa din kienet il-ġemgħa taʼ nies li Alla kien se juża biex twettaq l-iskop tiegħu taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù Kristu mis-sema.
4. Min illum jifforma l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah?
4 Illum, fdal biss mill-144,000 jinsab fuq l-art. Imma bi twettiq tal-profezija Biblika, “kotra kbira” taʼ miljuni taʼ “nagħaġ oħra” ġew imseħbin mal-fdal midluk. Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, għaqqad lil dawn in-nagħaġ oħra mal-fdal biex b’hekk ikun hemm biss merħla waħda taħtu bħala r-Ragħaj wieħed tagħhom. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:11, 16) Dawn kollha jifformaw kongregazzjoni waħda magħquda, l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah.
Mibnija fuq it-Teokrazija
5. Min jidderieġi l-organizzazzjoni t’Alla, u kif?
5 L-espressjoni Skritturali “l-Knisja [“il-kongregazzjoni,” NW] taʼ Alla l-ħaj” turi ċar min qed jidderiġiha. L-organizzazzjoni hija teokratika, jew immexxija minn Alla. Jehovah jipprovdi direzzjoni għan-nies tiegħu permezz taʼ Ġesù, dak li nħatar biex ikun il-Kap inviżibbli tal-kongregazzjoni, u permezz tal-Bibbja, il-Kelma ispirata Tiegħu stess.—1 Timotju 3:14, 15; Efesin 1:22, 23; 2 Timotju 3:16, 17.
6. (a) Kif intweriet direzzjoni mis-sema għall-kongregazzjoni fl-ewwel seklu? (b) X’juri li Ġesù għadu l-Kap tal-kongregazzjoni?
6 Din id-direzzjoni kienet evidenti sew f’Pentekoste. (Atti 2:14-18, 32, 33) Intweriet meta l-anġlu taʼ Jehovah idderieġa t-tixrid taʼ l-aħbar tajba fl-Afrika, meta leħen Ġesù ta direzzjonijiet waqt il-konverżjoni taʼ Sawl taʼ Tarsu, u meta Pietru beda x-xogħol taʼ l-ippridkar fost il-Ġentili. (Atti 8:26, 27; 9:3-7; 10:9-16, 19-22) Imma maż-żmien, ma nstemgħux iktar ilħna mis-sema, ma dehrux iktar anġli, u ma ngħatawx iktar għotjiet mirakolużi taʼ l-ispirtu. Madankollu, Ġesù kien wiegħed: “Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 28:20; 1 Korintin 13:8) Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrikonoxxu d-direzzjoni taʼ Ġesù. Mingħajr din, ikun impossibbli li jiġi proklamat il-messaġġ tas-Saltna meta jkun hemm oppożizzjoni ħarxa.
7. (a) Min jifforma “l-ilsir leali u diskret,” u għala? (b) Liema inkarigu ngħata “l-ilsir”?
7 Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu dwar “l-ilsir leali u diskret.” Hu bħala s-Sid kellu jafdalu responsabbiltà speċjali. Dan “l-ilsir” kellu jkun preżenti meta l-Mulej telaʼ s-sema u jkun għadu jaħdem iebes fir-ritorn inviżibbli taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna. Deskrizzjoni bħal din impossibbli li tapplika għal individwu wieħed, imma tiddeskrivi l-kongregazzjoni midluka taʼ Kristu. Peress li xtraha b’demmu, Ġesù rrefera għaliha bħala “l-ilsir” tiegħu. Hu inkariga lill-membri tagħha biex jagħmlu dixxipli u jitimgħuhom b’mod progressiv, waqt li jagħtuhom ‘jieklu [spiritwalment] fiż-żmien xieraq.’—Mattew 24:45-47, NW; 28:19; Isaija 43:10; Luqa 12:42; 1 Pietru 4:10.
8. (a) Liema responsabbiltajiet għandha issa l-klassi taʼ l-ilsir? (b) Għala huwa importanti l-mod kif inwieġbu għall-istruzzjoni provduta mill-mezz maħtur minn Alla?
8 Ladarba l-klassi taʼ l-ilsir kienet qed tagħmel lealment ix-xogħol tas-Sid meta reġaʼ ġie b’mod inviżibbli fl-1914, hemm evidenza li din ġiet fdata b’responsabbiltajiet akbar fl-1919. Is-snin li għaddew minn dakinhar ’l hawn kienu ż-żmien għal xiehda globali dwar is-Saltna, u kotra kbira t’aduraturi taʼ Jehovah qed tinġabar biex tiġi salvata mit-tribulazzjoni l-kbira. (Mattew 24:14, 21, 22; Apokalissi 7:9, 10) Dawn ukoll għandhom bżonn taʼ l-ikel spiritwali, u qed jingħatalhom mill-klassi taʼ l-ilsir. Għalhekk, biex nogħġbu lil Jehovah, irridu naċċettaw l-istruzzjoni li hu jipprovdi b’dan il-mezz u naġixxu fi qbil magħha.
9, 10. (a) Fl-ewwel seklu, liema arranġament kien hemm biex isolvi mistoqsijiet rigward duttrini u jagħti direzzjoni rigward l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba? (b) Liema arranġament biex jorganizza l-attivitajiet tan-nies taʼ Jehovah jeżisti llum?
9 Kultant iqumu xi mistoqsijiet rigward id-duttrini u l-proċeduri. Imbagħad x’jiġri? Atti kapitlu 15 jgħidilna kif ġiet solvuta kwistjoni rigward il-Ġentili li kkonvertew. Il-kwistjoni marret għand l-appostli u l-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm, li kienu jaqdu bħala ġemgħa ċentrali li tiggverna. Dawn l-irġiel ma kinux infallibbli, imma Alla użahom. Huma kkunsidraw l-iskritturi dwar is-suġġett u wkoll l-evidenza taʼ kif opera l-ispirtu t’Alla biex jiftaħ it-triq għall-Ġentili. Imbagħad ħadu deċiżjoni. Alla bierek dan l-arranġament. (Atti 15:1-29; 16:4, 5) Din il-ġemgħa li tiggverna ħatret individwi biex ixerrdu l-ippridkar tas-Saltna.
10 Fi żmienna, il-Ġemgħa li Tiggverna taʼ l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah hija fformata minn aħwa midlukin mill-ispirtu, li huma minn pajjiżi differenti, u tinsab fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Taħt Ġesù Kristu bħala l-kap, il-Ġemgħa li Tiggverna twassal il-qima pura f’kull pajjiż, waqt li torganizza l-attivitajiet taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-għaxriet t’eluf taʼ kongregazzjonijiet tagħhom. Il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna jaħsbuha bħall-appostlu Pawlu, li kiteb lill-Kristjani sħabu: “Mhux għax irridu nġegħlukom temmnu iżda li naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom, billi intom qegħdin iżżommu sħaħ fil-fidi.”—2 Korintin 1:24.
11. (a) Kif jinħatru l-anzjani u l-qaddejja ministerjali? (b) Għala għandna nikkooperaw mill-qrib maʼ dawn l-uħud maħturin?
11 Ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha jiddependu mill-Ġemgħa li Tiggverna biex tagħżel aħwa kwalifikati li, min-naħa tagħhom, huma awtorizzati biex jaħtru anzjani u qaddejja ministerjali biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjonijiet. Il-ħtiġijiet għal dawk maħturin jinsabu fil-Bibbja u jiġi kunsidrat il-fatt li dawn l-irġiel m’humiex perfetti u jiżbaljaw. L-anzjani li jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet u dawk li jagħmlu l-ħatriet iġorru responsabbiltà serja quddiem Alla. (1 Timotju 3:1-10, 12, 13; Titu 1:5-9) Għaldaqstant, huma jitolbu għall-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla u jfittxu l-gwida mill-Kelma ispirata tiegħu. (Atti 6:2-4, 6; 14:23) Ejja nuru l-apprezzament tagħna għal dawn id-‘doni fil-bnedmin,’ li jgħinuna nsiru “ħaġa waħda fil-fidi.”—Efesin 4:8, 11-16.
12. Jehovah kif jużahom lin-nisa fl-arranġament teokratiku?
12 L-Iskrittura tgħid li l-irġiel għandhom jindokraw il-kongregazzjoni. Dan ma jbaxxix lin-nisa, għax xi wħud minnhom huma werrieta fis-Saltna tas-sema, u jagħmlu ħafna mix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Salm 68:12 [68:11, NW]) Ukoll, billi jieħdu ħsieb lealment ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħhom, in-nisa jkomplu jsebbħu r-reputazzjoni tajba tal-kongregazzjoni. (Titu 2:3-5) Imma l-irġiel li jinħatru huma inkarigati biex jieħdu ħsieb jgħallmu ġewwa l-kongregazzjoni.—1 Timotju 2:12, 13.
13. (a) Il-Bibbja tħeġġeġ lill-anzjani biex ikollhom liema ħarsa rigward il-pożizzjoni tagħhom? (b) F’liema privileġġ nistgħu lkoll kemm aħna nieħdu sehem?
13 Fid-dinja, individwu li jkollu pożizzjoni prominenti huwa kunsidrat bħala importanti, imma fl-organizzazzjoni t’Alla r-regola hi: “Min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.” (Luqa 9:46-48; 22:24-26) L-Iskrittura tagħti parir lill-anzjani biex joqogħdu attenti u ma jġibux ruħhom bħala li huma superjuri għal dawk li huma l-wirt t’Alla imma, minflok, ikunu taʼ eżempju għall-merħla. (1 Pietru 5:2, 3) Mhux sempliċement xi ftit minnhom, imma x-Xhieda taʼ Jehovah kollha, irġiel u nisa, għandhom il-privileġġ li jirrappreżentaw lis-Sovran taʼ l-univers, hekk kif jitkellmu b’umiltà f’ismu u jgħidu lin-nies kullimkien dwar is-Saltna tiegħu.
14. Uża l-iskritturi ċitati biex tiddiskuti l-mistoqsijiet imniżżlin fl-aħħar tal-paragrafu.
14 Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Napprezza tassew kif Jehovah qed jidderieġi l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu? L-attitudni, il-kliem, u l-azzjonijiet tiegħi juruh dan?’ Li nirriflettu dwar il-punti li ġejjin jistaʼ jgħin lil kull wieħed u waħda minna nanalizzaw dan.
Jekk tassew nissottometti ruħi għal Kristu bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, x’għandi nkun qed nagħmel kif inhu indikat fl-iskritturi li ġejjin? (Mattew 24:14; 28:19, 20; Ġwann 13:34, 35)
Meta naċċetta b’apprezzament il-provvedimenti spiritwali li jiġu permezz tal-klassi taʼ l-ilsir rappreżentata mill-Ġemgħa li Tiggverna, lejn min inkun qed nuri rispett? (Luqa 10:16)
Kif għandu kulħadd fil-kongregazzjoni, speċjalment l-anzjani, jittratta wieħed lil ieħor? (Rumani 12:10)
15. (a) X’inkunu qed nuru permezz taʼ l-attitudni tagħna lejn l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah? (b) Liema opportunitajiet għandna biex noħorġu lix-Xitan taʼ giddieb u biex inferrħu qalb Jehovah?
15 Jehovah qed jiggwidana llum permezz taʼ l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu taħt Kristu. L-attitudni tagħna lejn dan l-arranġament turi kif inħossuna dwar il-kwistjoni tas-sovranità. (Lhud 13:17) Satana huwa tal-fehma li l-interess prinċipali tagħna hu fina nfusna. Imma jekk naqdu fejn ikun hemm il-bżonn u nevitaw l-affarijiet li jiġbdu attenzjoni żejda fuqna nfusna, noħorġu lix-Xitan taʼ giddieb. Jekk inħobbu u nirrispettaw lil dawk li jieħdu t-tmexxija fostna imma nirrifjutaw li ‘nżiegħlu bin-nies f’wiċċhom ħalli niksbu xi ħaġa minnhom,’ aħna se nferrħu lil Jehovah. (Ġuda 16; Lhud 13:7) Hekk kif nibqgħu leali lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, nuru li Jehovah huwa Alla tagħna u li aħna nqimuh magħqudin.—1 Korintin 15:58.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• X’inhi l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah illum? X’inhu l-iskop tagħha?
• Min inħatar bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, u permezz taʼ liema arranġamenti viżibbli qed jipprovdilna direzzjoni kollha mħabba?
• Liema attitudnijiet li jibnuna spiritwalment għandna nikkultivaw lejn dawk fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah?
[Stampi f’paġna 133]
Jehovah jiggwidana permezz taʼ l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu taħt Kristu