“L-Ilsir Leali” Jgħaddi mill-Prova!
“Issa wasal iż-żmien tal-ġudizzju, li jibda mid-dar taʼ Alla.” —1 Pietru 4:17.
1. Ġesù x’sab meta spezzjona l-“ilsir”?
F’PENTEKOSTE tas-sena 33 E.K., Ġesù ħatar “ilsir” biex jipprovdi l-ikel fil-ħin lil “niesu.” Fl-1914, Ġesù ngħata t-tron bħala Sultan, u malajr wasal il-waqt biex dan l-“ilsir” jiġi spezzjonat. Fil-parti l-kbira, hu sab li “l-ilsir” kien wera li hu “leali u diskret” (NW). Għalhekk, hu ħatru “fuq ġidu kollu.” (Mattew 24:45-47) Madankollu, kien hemm ukoll qaddej ħażin, li la kien leali u lanqas diskret.
“Il-Qaddej Ħażin”
2, 3. Minfejn ġie dak il-“qaddej ħażin,” u kif ifforma?
2 Ġesù tkellem dwar il-qaddej ħażin eżatt wara li tkellem dwar “l-ilsir leali u diskret.” Hu qal: “Jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih li ħaqqhom in-nies taʼ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.” (Mattew 24:48-51) L-espressjoni “dak il-qaddej ħażin” tiġbdilna l-attenzjoni lejn il-kliem li Ġesù qal qabel dwar l-ilsir leali u diskret. (Korsiv tagħna.) Iva, il-“qaddej ħażin” qabel kien jagħmel parti mill-ilsir leali u diskret.a Dan kif?
3 Qabel l-1914, ħafna mill-membri tal-klassi taʼ l-ilsir leali kellhom tama qawwija li jiltaqgħu maʼ l-Għarus fis-sema f’dik is-sena, imma t-tama tagħhom ma saritx realtà. Minħabba dan l-iżvilupp u żviluppi oħra, ħafna kienu diżappuntati u ftit minnhom irrabjaw. Xi wħud minn dawn bdew ‘isawtu’ bi kliemhom lil dawk li qabel kienu ħuthom u ngħaqdu mas-“sakranazzi,” gruppi reliġjużi tal-Kristjaneżmu.—Isaija 28:1-3; 32:6.
4. Ġesù kif ittrattah lill-“qaddej ħażin” u lil dawk kollha li wrew l-istess spirtu tiegħu?
4 Dawn l-uħud li qabel kienu Kristjani ġew identifikati bħala l-“qaddej ħażin,” u Ġesù kkastigahom tant li ‘għamilhom bċejjeċ.’ Kif? Hu ċaħadhom, u huma tilfu t-tama tagħhom taʼ ħajja fis-sema. Madankollu, huma ma ġewx meqrudin mill-ewwel. L-ewwel kellhom jgħaddu minn perijodu taʼ biki u tgħażżiż tas-snien “fid-dlam” li hemm barra l-kongregazzjoni Kristjana. (Mattew 8:12) Minn dawk is-snin tal-bidu, ftit individwi midlukin oħra wrew l-istess spirtu ħażin, u għalhekk identifikaw ruħhom mal-“qaddej ħażin.” Xi wħud min-“nagħaġ oħra” imitaw in-nuqqas taʼ lealtà tagħhom. (Ġwanni 10:16) Dawn l-uħud kollha li huma għedewwa taʼ Kristu jispiċċaw l-istess, “’il barra fid-dlam” spiritwali.
5. L-ilsir leali u diskret kif irreaġixxa b’kuntrast mal-“qaddej ħażin”?
5 Xorta waħda, il-membri taʼ l-ilsir leali u diskret għaddew mill-istess prova bħal dak il-“qaddej ħażin.” Madankollu, minflok ma rrabjaw huma aġġustaw ruħhom. (2 Korintin 13:11) L-imħabba tagħhom għal Jehovah u għal ħuthom issaħħet. Bħala riżultat, huma servew bħala “kolonna u pedament tal-verità” f’dan iż-żmien imqalleb taʼ “l-aħħar tad-dinja.”—1 Timotju 3:15; 2 Timotju 3:1.
Ix-Xebbiet l-Għaqlin u l-Boloh
6. (a) Ġesù kif wera kemm hi diskreta l-klassi taʼ l-ilsir leali? (b) Qabel l-1914, liema messaġġ ipproklamaw il-Kristjani midlukin?
6 Wara li tkellem dwar “il-qaddej ħażin,” Ġesù qal żewġ parabboli biex juri għala xi Kristjani midlukin kienu se juru li huma leali u diskreti waqt li oħrajn ma kinux se jagħmlu dan.b Biex juri xi jfisser li tkun diskret, hu qal: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha maʼ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin [jew, “diskreti,” NW], għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin [“d-diskreti,” NW] ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies.” (Mattew 25:1-4) L-għaxar xebbiet ifakkruna fil-Kristjani midlukin qabel l-1914. Huma kienu kkalkulaw li l-għarus, Ġesù Kristu, kien wasal biex ifeġġ. Għalhekk, huma “ħarġu” biex jiltaqgħu miegħu, waqt li ppridkaw bil-qlubija ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus.—Luqa 21:24.
7. Il-Kristjani midlukin meta u għala kienu bħallikieku “raqdu”?
7 Kellhom raġun. Iż-żminijiet stabbiliti veru ntemmu fl-1914, u s-Saltna t’Alla f’idejn Ġesù Kristu bdiet taħkem. Imma dan beda jseħħ fis-smewwiet inviżibbli. Fuq l-art, il-bnedmin bdew ibatu l-gwaj imbassar. (Apokalissi 12:10, 12) Imbagħad ġie ż-żmien taʼ prova. Peress li ma kellhomx fehma ċara, il-Kristjani midlukin ħasbu li “l-għarus iddawwar ma ġie.” Waqt li ħassewhom imħawdin u kienu qed jiffaċċjaw oppożizzjoni mid-dinja, ħafna minnhom battew u prattikament waqqfu x-xogħol organizzat taʼ l-ippridkar pubbliku. Bħax-xebbiet fil-parabbola, spiritwalment kien “ħadhom in-ngħas u raqdu,” l-istess bħalma għamlu dawk l-uħud żleali li kienu jgħidu li huma Kristjani wara li mietu l-appostli taʼ Ġesù.—Mattew 25:5; Apokalissi 11:7; 12:17.
8. X’wassal għall-għajta: “Ara l-għarus!” u l-Kristjani midlukin x’kellhom jagħmlu f’dan il-waqt?
8 Imbagħad fl-1919 seħħet xi ħaġa li ma kinux qed jistennewha. Naqraw: “F’nofs taʼ lejl instemaʼ min jgħajjat,’ ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.” (Mattew 25:6, 7) Sewwa sew meta l-affarijiet kienu jidhru bla tama, kien hemm is-sejħa biex isiru attivi! Fl-1918, Ġesù, “l-anġlu tal-patt,” kien ġie fit-tempju spiritwali taʼ Jehovah biex jispezzjona u jnaddaf il-kongregazzjoni t’Alla. (Malakija 3:1) Issa, il-Kristjani midlukin kien jeħtiġilhom joħorġu u jiltaqgħu miegħu fil-btieħi taʼ l-art taʼ dan it-tempju. Kien wasal iż-żmien għalihom li ‘jiddu.’—Isaija 60:1; Filippin 2:14, 15.
9, 10. Fl-1919, għala xi Kristjani kienu “għaqlin” u oħrajn “boloh”?
9 Imma stenna! Fil-parabbola xi wħud mix-xebbiet kellhom problema. Ġesù kompla: “Il-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’” (Mattew 25:8) Mingħajr żejt, l-imsiebaħ ma kinux se jitfgħu d-dawl. Għalhekk, id-dawl tal-musbieħ ifakkarna fil-Kelma t’Alla taʼ verità u fl-ispirtu qaddis tiegħu, li jagħtu l-qawwa lill-aduraturi veri sabiex iġorru d-dawl. (Salm 119:130; Danjel 5:14) Qabel l-1919, Kristjani midlukin għaqlin b’mod ħabrieki fittxew li jagħrfu x’inhi r-rieda t’Alla għalihom, minkejja l-kundizzjoni dgħajfa li kienu fiha f’dak iż-żmien. Għalhekk, meta ġiet is-sejħa biex jagħtu d-dawl, huma kienu lesti.—2 Timotju 4:2; Lhud 10:24, 25.
10 Madankollu, ċerti midlukin ma kinux preparati biex jagħmlu s-sagrifiċċji jew sforz persunali iktar ħabrieki—għalkemm kellhom xewqa kbira li jkunu maʼ l-Għarus. Għalhekk, meta wasal il-waqt biex isiru attivi fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba, huma ma kinux lesti. (Mattew 24:14) Huma saħansitra pprovaw itellfu lil sħabhom li kienu żelużi billi, fil-fatt, bdew jitolbuhom ftit mill-provvista taż-żejt tagħhom. Fil-parabbola taʼ Ġesù, kif wieġbu x-xebbiet għaqlin? Huma qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.” (Mattew 25:9) B’mod simili, Kristjani midlukin leali fl-1919 ma riedu jagħmlu xejn li jnaqqas il-kapaċità tagħhom li jġorru d-dawl. B’hekk, huma għaddew mill-ispezzjoni.
11. Xi ġralhom ix-xebbiet boloh?
11 Ġesù jikkonkludi: “Xħin [ix-xebbiet boloh] marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal, ‘Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’” (Mattew 25:10-12) Iva, xi wħud ma kinux lesti għall-wasla taʼ l-Għarus. Għalhekk, huma m’għaddewx mill-ispezzjoni u tilfu l-opportunità li jattendu għall-festa taż-żwieġ fis-sema. X’ħasra!
Il-Parabbola tat-Talenti
12. (a) Ġesù x’uża biex juri x’inhi l-lealtà? (b) Min kien dak li “siefer”?
12 Wara li ta tixbiha dwar l-għaqal, Ġesù kompla b’tixbiha dwar il-lealtà. Hu qal: “Dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.” (Mattew 25:14, 15) Ir-raġel fil-parabbola hu Ġesù nnifsu, li “siefer” meta telaʼ s-sema fis-sena 33 E.K. Imma qabel ma telaʼ, Ġesù ħalla “ġidu” f’idejn id-dixxipli leali. Kif?
13. Ġesù kif ħejja għalqa kbira t’attività u ta l-awtorità lill-“qaddejja” tiegħu biex iħaddmu n-negozju?
13 Waqt il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù beda jipprepara għalqa kbira t’attività billi ppriedka l-aħbar tajba tas-Saltna madwar l-art taʼ Iżrael. (Mattew 9:35-38) Qabel ma “siefer,” hu ħalla din l-għalqa f’idejn id-dixxipli leali tiegħu, billi qalilhom: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:18-20) B’dan il-kliem Ġesù ta l-awtorità lill-“qaddejja” tiegħu biex iħaddmu n-negozju sakemm jiġi lura, “kull wieħed skond il-ħila tiegħu.”
14. Għala mhux kulħadd kien mistenni li jagħmel l-istess ammont taʼ negozju?
14 Din l-espressjoni tindika li mhux il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kollha kellhom l-istess ċirkustanzi jew possibbiltajiet. Xi wħud, bħal Pawlu u Timotju, kienu f’ċirkustanzi li jippermettulhom ikollhom l-akbar sehem possibbli fix-xogħol taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim. Iċ-ċirkustanzi taʼ l-oħrajn għandhom mnejn illimitaw bil-kbir il-libertà li setaʼ kellhom biex jaġixxu. Per eżempju, xi Kristjani kienu lsiera, u oħrajn kienu morda, avanzati fiż-żmien, jew kellhom responsabbiltajiet tal-familja. M’għandniex xi ngħidu, ċerti privileġġi fil-kongregazzjonijiet ma kinux disponibbli għad-dixxipli kollha. In-nisa midlukin u xi rġiel midlukin ma kinux jgħallmu fil-kongregazzjoni. (1 Korintin 14:34; 1 Timotju 3:1; Ġakbu 3:1) Xorta waħda, kienet x’kienet is-sitwazzjoni persunali tagħhom, id-dixxipli midlukin kollha taʼ Kristu—irġiel u nisa—ġew inkarigati jieħdu sehem fin-negozju, jiġifieri, jużaw sew l-opportunitajiet u ċ-ċirkustanzi tagħhom fil-ministeru Kristjan. Il-Kristjani taʼ żmienna jagħmlu bħalhom.
Jibda ż-Żmien taʼ l-Ispezzjoni!
15, 16. (a) Meta kien iż-żmien li jsiru l-kontijiet? (b) Liema opportunitajiet ġodda biex ‘iħaddmu’ n-negozju ngħataw lil uħud leali?
15 Il-parabbola tkompli: “Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġaʼ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom.” (Mattew 25:19) Fl-1914—ħafna żmien wara s-sena 33 E.K.—Kristu Ġesù beda l-preżenza rjali tiegħu. Tliet snin u nofs wara, fl-1918, hu ġie fit-tempju spiritwali t’Alla u wettaq il-kliem taʼ Pietru: “Issa wasal iż-żmien tal-ġudizzju, li jibda mid-dar taʼ Alla.” (1 Pietru 4:17; Malakija 3:1) Kien il-waqt li jagħmlu l-kontijiet.
16 L-ilsiera, l-aħwa midlukin taʼ Ġesù, x’kienu għamlu bit-“talenti” tas-Sultan? Mis-sena 33 E.K. ’l quddiem, inkluż is-snin li jwasslu sa l-1914, ħafna kienu dawk li ħadmu iebes biex ‘iħaddmu’ n-negozju taʼ Ġesù. (Mattew 25:16) Anki matul l-ewwel gwerra dinjija, huma wrew xewqa kbira biex jaqdu lis-Sid. Issa kien xieraq li wħud leali jingħataw opportunitajiet ġodda biex ‘iħaddmu’ n-negozju. Iż-żmien tat-tmiem taʼ din is-sistema dinjija kien wasal. L-aħbar tajba kellha tiġi pridkata madwar id-dinja. “Il-ħsad taʼ l-art” kellu jsir. (Apokalissi 14:6, 7, 14-16) Kellhom jinstabu l-aħħar membri tal-klassi tal-qamħ u kellha tinġabar “kotra kbira” taʼ nagħaġ oħra.—Apokalissi 7:9; Mattew 13:24-30.
17. Il-Kristjani midlukin leali kif ‘daħlu fl-hena taʼ sidhom’?
17 Iż-żmien tal-ħsad huwa żmien taʼ ferħ. (Salm 126:6) Allura, huwa xieraq li meta fl-1919 Ġesù fada responsabbiltà akbar f’idejn ħutu l-midlukin leali, hu qal: “Int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena taʼ sidek.’” (Mattew 25:21, 23, korsiv tagħna.) Iktar minn hekk, l-hena tas-Sid bħala s-Sultan maħtur ġdid tas-Saltna t’Alla jisboq dak kollu li nistgħu nimmaġinaw. (Salm 45:2, 3, 7, 8 [45:1, 2, 6, 7, NW]) Il-membri tal-klassi taʼ l-ilsir leali jħossu l-istess hena meta jirrappreżentaw lis-Sultan u jżidu l-interessi tiegħu fuq l-art. (2 Korintin 5:20) L-għaxqa tagħhom tidher fil-kliem profetiku taʼ Isaija 61:10: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni.”
18. Xi wħud għala m’għaddewx mill-ispezzjoni, u b’liema riżultat?
18 B’dispjaċir, xi wħud m’għaddewx mill-ispezzjoni. Naqraw: “Resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’” (Mattew 25:24, 25) Bl-istess mod, xi Kristjani midlukin m’għamlu xejn biex ‘iħaddmu’ n-negozju. Qabel l-1914 ma qasmux it-tama tagħhom bil-ħeġġa kollha m’oħrajn, u ma ridux jibdew fl-1919. Ġesù kif wieġeb għad-diżrispett tagħhom? Hu ħadilhom il-privileġġi kollha. Huma ġew mitfugħin “’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.”—Mattew 25:28, 30.
L-Ispezzjoni Tkompli
19. B’liema mod ikompli lproċess taʼ l-ispezzjoni, u x’inhuma determinati li jagħmlu l-Kristjani midlukin kollha?
19 M’għandniex xi ngħidu, il-maġġuranza minn dawk li kellhom isiru l-ilsira midlukin taʼ Kristu matul iż-żmien tat-tmiem kienu għadhom ma bdewx jaqdu lil Jehovah meta Ġesù beda l-ispezzjoni tiegħu fl-1918. Tilfuha l-ispezzjoni? Lanqas xejn! Il-proċess taʼ l-ispezzjoni beda biss fl-1918/19 meta l-ilsir leali u diskret bħala klassi għadda mill-prova. Il-Kristjani midlukin b’mod individwali jkomplu jiġu spezzjonati sakemm jiġu siġillati b’mod permanenti. (Apokalissi 7:1-3) Peress li jirrealizzaw dan, l-aħwa midlukin taʼ Kristu huma determinati li jkomplu ‘jħaddmu’ n-negozju lealment. Huma determinati li jkunu għaqlin billi jżommu provvista abbundanti taʼ żejt ħalli d-dawl jibqaʼ jiddi ħafna. Huma jafu li meta kull wieħed minnhom itemm lealment il-ħajja tiegħu fuq l-art, Ġesù se jilqgħu fil-post fejn se jgħammar fis-sema.—Mattew 24:13; Ġwanni 14:2-4; 1 Korintin 15:50, 51.
20. (a) Illum, x’inhuma determinati li jagħmlu n-nagħaġ oħra? (b) Il-Kristjani midlukin taʼ xiex huma konxji?
20 Il-kotra kbira taʼ nagħaġ oħra imitaw lil ħuthom il-midlukin. Huma jafu li l-għarfien li għandhom taʼ l-iskopijiet t’Alla jġib miegħu responsabbiltà kbira. (Eżekjel 3:17-21) Għalhekk, bl-għajnuna tal-Kelma taʼ Jehovah u taʼ l-ispirtu qaddis, huma jżommu l-provvista taʼ żejt tagħhom abbundanti permezz taʼ l-istudju u s-sħubija fil-laqgħat. U huma jħallu d-dawl tagħhom jiddi billi jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim, u b’hekk ‘iħaddmu’ n-negozju flimkien maʼ ħuthom il-midlukin. Madankollu, il-Kristjani midlukin huma konxji ħafna tal-fatt li t-talenti ngħatawlhom f’idejhom. Huma jridu jagħtu kont għall-mod kif ġid il-Mulej jitqassam fuq l-art. Avolja ftit fin-numru, huma ma jistgħux iħallu r-responsabbiltà tagħhom f’idejn il-kotra l-kbira. B’dan f’moħħu, l-ilsir leali u diskret ikompli jieħu t-tmexxija biex jieħu ħsieb in-negozju tas-Sultan, filwaqt li jinsab grat għall-appoġġ tal-membri devoti tal-kotra l-kbira. Dawn jagħrfu r-responsabbiltà taʼ ħuthom il-midlukin u jħossuhom privileġġati li għandhom lilhom biex jaħdmu magħhom u jindokrawhom.
21. Liema twissija tapplika għall-Kristjani kollha minn qabel l-1919 sal-ġurnata taʼ llum?
21 Għalhekk, għalkemm dawn iż-żewġ parabboli jitfgħu d-dawl fuq il-ġrajjiet li seħħew fl-1919 jew ftit qabel jew wara, dawn japplikaw bażikament għall-Kristjani veri kollha matul l-aħħar jiem. B’dan il-mod, filwaqt li t-twissija li Ġesù ta fl-aħħar tal-parabbola dwar l-għaxar xebbiet tapplika l-ewwelnett għall-Kristjani midlukin qabel l-1919, b’mod ġenerali din għadha tapplika għal kull Kristjan. Mela, jalla lkoll kemm aħna ngħożżu l-kliem taʼ Ġesù: “Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”—Mattew 25:13.
[Noti taʼ taħt]
a B’mod simili, wara l-mewt taʼ l-appostli, “ilpup qalila” ħarġu minn fost l-anzjani Kristjani midlukin.—Atti 20:29, 30.
b Għal diskussjoni oħra dwar il-parabbola taʼ Ġesù, ara Worldwide Security Under the “Prince of Peace,” pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah, kapitli 5 u 6.
Tistaʼ Tispjega?
• Ġesù meta spezzjona lis-segwaċi tiegħu u x’sab?
• Xi wħud mill-Kristjani midlukin għala żviluppaw spirtu bħal tal-“qaddej ħażin”?
• Kif nistgħu nuru li aħna għaqlin b’mod spiritwali?
• Waqt li nimitaw l-aħwa midlukin u leali taʼ Ġesù, b’liema mod nistgħu nkomplu ‘nħaddmu’ n-negozju?
[Kaxxa f’paġna 16]
ĠESÙ META JIĠI?
F’Mattew kapitli 24 u 25, jintqal li Ġesù “jiġi” f’sens differenti. Hu m’għandux għalfejn jiċċaqlaq minn postu sabiex “jiġi.” Minflok hu “jiġi” fis-sens taʼ li jitfaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq il-bnedmin jew fuq is-segwaċi tiegħu, spiss biex jagħmel ħaqq. Għalhekk, fl-1914 hu “ġie” biex jibda l-preżenza tiegħu bħala Sultan maħtur. (Mattew 16:28; 17:1; Atti 1:11) Fl-1918 hu “ġie” bħala anġlu tal-patt u beda jagħmel ħaqq minn dawk li jgħidu li jaqdu lil Jehovah. (Malakija 3:1-3; 1 Pietru 4:17) F’Armageddon, hu se “jiġi” biex jagħmel ħaqq mill-għedewwa taʼ Jehovah.—Apokalissi 19:11-16.
Il-miġja (jew, il-wasla) li ssemmiet kemm-il darba f’Mattew 24:29-44 u 25:31-46 isseħħ fit-“taħbit il-kbir,” jew tribulazzjoni l-kbira. (Apokalissi 7:14) Mill-banda l-oħra, il-miġja li tissemma kemm-il darba f’Mattew 24:45 sa 25:30 hija relatata mal-ħaqq li jagħmel minn dawk li mill-1918 ’l hawn sostnew li huma d-dixxipli tiegħu. Per eżempju, ma jkunx raġunevoli li ngħidu li l-premju taʼ l-ilsir leali, il-ħaqq tax-xebbiet boloh, u l-ħaqq taʼ l-ilsir għażżien, li ħeba t-talent taʼ Sidu, se jseħħu meta Ġesù “jiġi” fit-tribulazzjoni l-kbira. Dan kieku jkun jindika li ħafna mill-midlukin m’humiex se jkunu leali f’dak iż-żmien, u b’hekk se jkollu jiħdilhom posthom ħaddieħor. Madankollu, Apokalissi 7:3 jindika li l-ilsiera midlukin kollha taʼ Kristu se jkunu ġew ‘siġillati’ sa dak iż-żmien.
[Stampa f’paġna 14]
Il-“qaddej ħażin” ma ngħata l-ebda barka fl-1919
[Stampa f’paġna 15]
Ix-xebbiet għaqlin kienu lesti meta wasal l-għarus
[Stampa f’paġna 17]
Il-qaddejja leali kienu ‘ħaddmu’ n-negozju
Il-qaddej għażżien ma ħaddmux
[Stampi f’paġna 18]
Il-midlukin u l-“kotra kbira” jkomplu jħallu d-dawl tagħhom jiddi