Il-ħarsa Tal-bibbja
Il-Kristjani kif Għandhom Iqisuha l-Quddiesa?
KATTOLIĊI devoti jaqblu maʼ Papa Ġwanni Pawlu II, li skond The New York Times, dan l-aħħar “afferma mill-ġdid li l-knisja tqisu bħal dnub jekk Kattoliku ma jmurx il-Quddies.” X’inhi l-Quddiesa? Il-knisja u l-Bibbja jaqblu fuq dan is-suġġett?
Fil-ktieb Things Catholics Are Asked About, il-qassis Kattoliku Martin J. Scott jiddefinixxi l-quddiesa kif ġej: “Il-Quddiesa hija s-sagrifiċċju mingħajr demm tal-Ġisem u d-Demm taʼ Kristu. Il-Kalvarju kien is-sagrifiċċju mdemmi taʼ Kristu. Bażikament, il-Quddiesa hija l-istess sagrifiċċju tas-salib. Din m’hijiex xi figura tad-diskors, xi metafora, jew esaġerazzjoni.” Hu jistqarr ukoll: “Il-Quddiesa ssostni li tniżżel l-Iben t’Alla fuq l-artali tagħna, u li toffrih bħala sagrifiċċju lil Alla.”
Il-Quddiesa Hija Skritturali?
Kattoliċi sinċieri jemmnu li l-Quddiesa hija bbażata fuq tagħlim Skritturali. Bħala prova, huma jippontaw lejn il-kliem li Ġesù qal waqt dik li hi magħrufa minn kulħadd bħala l-Aħħar Ċena. Hu u jqassam il-ħobż u l-inbid lill-appostli tiegħu, Ġesù qal b’referenza għall-ħobż: “Dan hu ġismi.” B’referenza għall-inbid, hu qal: “Dan huwa demmi.” (Mattew 26:26-28) Il-Kattoliċi jemmnu li meta lissen dan il-kliem, Ġesù attwalment bidel il-ħobż u l-inbid fil-ġisem u d-demm tiegħu. Madankollu, in-New Catholic Encyclopedia (1967) twissi: “M’għandniex inserrħu moħħna li l-kliem ‘Dan hu ġismi’ jew ‘Dan huwa demmi’ huwa letterali. . . . Għaliex fi frażijiet bħal ‘il-ħsad hu tmiem id-dinja’ (Mt 13.39) jew ‘Jiena d-dielja vera’ (Ġw 15:1) il-[verb “hu”] ifisser biss li jissinjifika jew jirrappreżenta.” B’hekk, saħansitra din l-enċiklopedija awtorevoli tammetti li l-kliem f’Mattew 26:26-28 ma jagħtix prova li l-ħobż u l-inbid inbidlu fil-ġisem u d-demm letterali taʼ Ġesù fl-Aħħar Ċena.
Xi wħud jistgħu jiftakru dak li Ġesù darba qal: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. . . . Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 6:51, 54) Xi wħud minn dawk li kienu qed jisimgħu lil Ġesù ħadu kliemu letteralment u baqgħu skandalizzati. (Ġwann 6:60) Imma nistgħu nistaqsu, Ġesù bidel ġismu f’ħobż f’dik l-okkażjoni? Dażgur li le! Hu kien qed jitkellem simbolikament. Qabbel lilu nnifsu mal-ħobż għaliex permezz tas-sagrifiċċju tiegħu kellu jagħti l-ħajja lill-umanità. Ġwann 6:35, 40 jindika b’mod ċar li wieħed kellu jiekol u jixrob billi jeżerċita fidi f’Ġesù Kristu.
Ladarba l-Quddiesa hija rit prinċipali tal-Knisja Kattolika, wieħed jistaʼ jistenna li l-Iskrittura tappoġġaha. Imma dan ma tagħmlux. The Catholic Encyclopedia (edizzjoni taʼ l-1913) spjegat għala: “Is-sors ewlieni tad-duttrina tagħna . . . hija t-tradizzjoni, li sa mill-iktar żminijiet bikrija tiddikjara l-valur impetratorju [supplikanti] li għandu s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa.” Iva, il-Quddiesa Kattolika Rumana hija bbażata fuq it-tradizzjoni, mhux fuq il-Bibbja.
Hi kemm hi emmnuta b’sinċerità, tradizzjoni li tikkontradixxi l-Bibbja hija inaċċettabbli għal Alla. Ġesù ċanfar lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu: “Hekk iġġibu fix-xejn il-liġi taʼ Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom.” (Mattew 15:6) Ladarba Ġesù kien jgħożż il-Kelma t’Alla, ejja neżaminaw it-tagħlim li jirrigwarda l-Quddiesa fid-dawl taʼ l-Iskrittura Mqaddsa.
Kristu Sagrifikat—Kemm Spiss?
Il-Knisja Kattolika tgħallem li kull darba li tiġi ċelebrata l-Quddiesa, Ġesù jiġi sagrifikat, għalkemm issostni li hu fil-fatt ma jmutx u li s-sagrifiċċju huwa mingħajr demm. Taqbel il-Bibbja maʼ din il-ħarsa? Innota x’hemm miktub f’Lhud 10:12, 14: “Wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, [Ġesù] qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin taʼ Alla . . . Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes.”
Madankollu, Kattoliku sinċier għandu mnejn joġġezzjona: ‘Ma jkollux Ġesù għalfejn joffri lilu nnifsu taʼ spiss? Aħna lkoll nidinbu ħafna drabi.’ It-tweġiba tal-Bibbja hija dokumentata f’Lhud 9:25, 26, li skond in-New Jerusalem Bible tgħid: “[Kristu] m’għandux għalfejn joffri lilu nnifsu darba wara l-oħra. . . . Hu deher darba għal dejjem, fit-tmiem taʼ l-aħħar żmien, biex jiddisponi mid-dnub billi jissagrifika lilu nnifsu.” Innota dan sewwa: Kristu “m’għandux għalfejn joffri lilu nnifsu darba wara l-oħra.” F’Rumani 5:19, l-appostlu Pawlu jispjega għala: “Bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Adam] il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza taʼ wieħed [Ġesù] il-ħafna jsiru ġusti.” L-att wieħed taʼ diżubbidjenza min-naħa taʼ Adam għamilna lkoll suġġetti għall-mewt; l-att wieħed taʼ redenzjoni min-naħa taʼ Ġesù qiegħed il-bażi għalina lkoll li neżerċitaw fidi f’dak is-sagrifiċċju biex jinħafrulna dnubietna issa u biex ingawdu ħajja taʼ dejjem fil-futur.
X’differenza tagħmel jekk Ġesù kienx sagrifikat darba jew jekk jiġix sagrifikat taʼ spiss? Hija kwistjoni t’apprezzament għall-valur tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Din kienet l-akbar għotja li qatt ngħatat—għotja tant prezzjuża u tant perfetta li qatt ma se jkun hemm ħtieġa li tirrepeti ruħha.
Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù ċertament jistħoqqlu li niftakruh. Imma hemm differenza bejn li tiftakar xi ġrajja u li tirrepetiha. Per eżempju, raġel u mara li jiċċelebraw l-anniversarju taż-żwieġ tagħhom għandhom mnejn jiftakru l-ġurnata li fiha żżewġu, mingħajr ma attwalment jirrepetu ċ-ċerimonja. Kull sena, ix-Xhieda taʼ Jehovah josservaw l-anniversarju tal-mewt taʼ Ġesù, u dan jagħmluh bil-mod li kkmanda Ġesù—“b’tifkira,” mhux b’sagrifiċċju, tiegħu. (Luqa 22:19) Iktar minn hekk, matul is-sena kollha, dawn il-Kristjani jagħmlu ħilithom biex jikkultivaw relazzjoni taʼ mħabba m’Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu billi jġibu ħajjithom, l-azzjonijiet tagħhom, u t-twemmin tagħhom fi qbil maʼ l-Iskrittura Mqaddsa.
Taʼ spiss, li jagħmlu dan ikun ifisser li jagħmlu bidliet fil-mod taʼ ħsieb tagħhom. Imma x-Xhieda jithennew bl-għarfien li jekk huma jappoġġaw lealment il-Kelma t’Alla minflok it-tradizzjoni tal-bnedmin, se jiġu mberkin. U jekk jeżerċitaw fidi fid-demm sagrifikat taʼ Ġesù, li xxerred darba għal dejjem kważi elfejn sena ilu, dan se jnaddafhom minn kull dnub.—1 Ġwann 1:8, 9.
[Stampa f’paġna 26]
Il-quddiesa taʼ San Eġidju (dettall)
[Sors]
Erich Lessing/Art Resource, NY