LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jy kap. 123 p. 282-p. 283 para. 1
  • Jitlob waqt li hu mnikket ferm

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jitlob waqt li hu mnikket ferm
  • Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Materjal Simili
  • Agunija fil-Ġnien
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • L-Aħħar Jum tal-Ħajja taʼ Ġesù Bħala Bniedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Iħejji lill-Appostli għat-Tluq Tiegħu
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • “Waslet is-Siegħa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
jy kap. 123 p. 282-p. 283 para. 1
Ġesù jitlob fil-ġnien tal-Ġetsemani waqt li Pietru, Ġakbu, u Ġwanni jorqdu

KAPITLU 123

Jitlob waqt li hu mnikket ferm

MATTEW 26:30, 36-​46 MARKU 14:26, 32-​42 LUQA 22:39-​46 ĠWANNI 18:1

  • ĠESÙ FIL-​ĠNIEN TAL-​ĠETSEMANI

  • L-​GĦARAQ TIEGĦU HU BĦAL QTAR TAD-​DEMM

Ġesù jieqaf jitlob mal-​appostli leali tiegħu. Imbagħad, ‘wara li jkantaw għanjiet taʼ tifħir, joħorġu lejn il-​Muntanja taż-​Żebbuġ.’ (Marku 14:26) Huma jmorru lejn ġnien fil-​Lvant jismu Ġetsemani, fejn Ġesù mdorri jmur.

Xħin jaslu f’dan il-​post sabiħ qalb is-​siġar taż-​żebbuġ, Ġesù jħalli tmienja mill-​appostli warajh. Forsi jibqgħu ħdejn id-​daħla tal-​ġnien, għax hu jgħidilhom: “Oqogħdu bil-​qiegħda hawn sakemm jien immur hemmhekk biex nitlob.” Ġesù jieħu miegħu tliet appostli—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—u jidħol iktar ’il ġewwa fil-​ġnien. Hu jinsab inkwetat għall-​aħħar u jgħid lil dawn it-​tlieta: “Ruħi mnikkta ferm, għall-​mewt. Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa miegħi.”—Mattew 26:36-​38.

Ġesù jitbiegħed xi ftit minnhom, ‘jinxteħet fl-​art, u jibda jitlob.’ Dwar xiex qed jitlob lil Alla f’dan il-​mument diffiċli? Hu jgħid: “Missier, kollox hu possibbli għalik; warrab minni dan il-​kies. Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.” (Marku 14:35, 36) Xi jrid ifisser b’dan il-​kliem? Qiegħed hu jipprova jaħrab mill-​irwol tiegħu bħala l-​Feddej? Lanqas xejn!

Ġesù mis-​sema ra t-​tbatija kbira li għaddew minnha wħud oħra li nqatlu mir-​Rumani. Issa bħala bniedem, li għandu sentimenti teneri u li jistaʼ jħoss l-​uġigħ, Ġesù mhuwiex qed iħares ’il quddiem għal dak li hemm jistennieh. Iżda, iktar minn hekk, hu qiegħed f’agunija għax iħoss li peress li se jmut bħala kriminal mill-​agħar, dan jistaʼ jġib tmaqdir fuq isem Missieru. Fi ftit sigħat, se jiġi msammar maʼ zokk bħallikieku hu xi midgħi kontra Alla.

Wara li jitlob fit-​tul, Ġesù jmur ħdejn it-​tliet appostli u jsibhom reqdin. Hu jgħid lil Pietru: “Ma stajtux tgħassu siegħa waħda miegħi? Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-​tentazzjoni.” Ġesù jifhem li anki l-​appostli qed iħossu ansjetà kbira, u li issa sar il-​ħin. Għalhekk, hu jżid jgħid: “Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.”—Mattew 26:40, 41.

Imbagħad Ġesù jerġaʼ jitlaq waħdu u jitlob lil Alla biex dan “il-​kies” jitwarrab minnu. Xħin imur lura, hu jerġaʼ jsib it-​tliet appostli reqdin, meta suppost kienu qed jitolbu biex ma jidħlux fit-​tentazzjoni. Meta Ġesù jkellimhom, huma ma ‘jafux x’se jwiġbuh.’ (Marku 14:40) Ġesù jitlaq għat-​tielet darba, u jinżel għarkopptejh biex jitlob.

Ġesù hu inkwetat għall-​aħħar dwar it-​tmaqdir li l-​mewta tiegħu bħala kriminal se ġġib fuq isem Missieru. Però, Ġeħova qed jismaʼ t-​talb taʼ Ibnu u ħin minnhom Alla jibgħat anġlu biex isaħħu. Minkejja dan, Ġesù ma jiqafx jitlob lil Missieru bil-​ħrara, imma jibqaʼ “jitlob iktar bil-​ħeġġa.” L-​istress emozzjonali hu kbir immens. X’piż qed iġorr Ġesù fuq spallejh! Fin-​nofs hemm il-​ħajja eterna tiegħu u dik tal-​bnedmin li jemmnu f’Alla. Infatti, ‘l-​għaraq tiegħu jibda nieżel fl-​art bħal qtar tad-​demm.’—Luqa 22:44.

Meta Ġesù jerġaʼ jmur it-​tielet darba ħdejn l-​appostli tiegħu, hu għal darb’oħra jsibhom reqdin. “F’mument bħal dan,” jgħid hu, “qed torqdu u tieħdu l-​mistrieħ tagħkom! Ara! Qorbot is-​siegħa biex Bin il-​bniedem jiġi tradut u jingħata f’idejn il-​midinbin. Qumu, ejja mmorru. Ara! It-​traditur tiegħi qorob.”—Mattew 26:45, 46.

L-​GĦARAQ TIEGĦU HU BĦAL QTAR TAD-​DEMM

It-​tabib Luqa ma jispjegax kif l-​għaraq taʼ Ġesù jsir “bħal qtar tad-​demm.” (Luqa 22:44) Luqa forsi kien qed jitkellem b’mod figurattiv, jiġifieri li l-​għaraq kien qisu demm iqattar minn xi ferita. It-​Tabib William D. Edwards esprima idea oħra f’The Journal of the American Medical Association (JAMA): “Għalkemm dan hu fenomenu rari ħafna, għaraq imdemmi (hematidrosis . . . ) jistaʼ jseħħ meta wieħed ikun emozzjonat ferm . . . Minħabba xi emorraġija fil-​glandoli tal-​għaraq, il-​ġilda ssir fraġli u malajr tinqasam.”

  • Ġesù fejn jiħodhom lill-​appostli wara li jitilqu mill-​kamra taʼ fuq?

  • X’qed jagħmlu tlieta mill-​appostli waqt li Ġesù qed jitlob?

  • Il-​fatt li l-​għaraq taʼ Ġesù jsir bħal qtar tad-​demm, x’jikxef dwar kif qed iħossu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja