“Jekk il-Melħ Jaqtaʼ”
ĠEW miġġildin gwerer sħaħ minħabba fih. Kien jintuża bħalma llum nużaw il-flus. Fiċ-Ċina tal-qedem id-deheb biss kien jissuperah fil-valur. Iva, il-melħ ilu żmien twil jitqies mill-bniedem bħala prodott prezzjuż ferm. Sal-ġurnata tal-lum jiġi attribwit bi propjetajiet antisettiċi taʼ fejqan, u kull fejn tmur issibu jintuża biex itejjeb it-togħma u bħala preservattiv taʼ l-ikel.
Meta tqis l-użu differenti u l-ħafna kwalitajiet mixtieqa tal-melħ, ma tiħodhiex bi kbira li jintuża b’mod figurattiv fil-Bibbja. Per eżempju, il-Liġi Mosajka rrikjediet li kulma kien jiġi offrut fuq l-artal lil Jehovah kellhom jagħmlulu l-melħ. (Levitiku 2:13) Dan ma kienx isir biex itejjeb it-togħma tas-sagrifiċċji, imma x’aktarx minħabba li l-melħ irrappreżenta ħelsien mill-korruzzjoni jew taħsir.
Ġesù Kristu, fil-famuża Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, qal lis-segwaċi tiegħu: “Intom il-melħ taʼ l-art.” (Mattew 5:13) B’din l-istqarrija, Ġesù implika li l-ippridkar tagħhom lill-oħrajn dwar is-Saltna t’Alla kien se jkollu influwenza li kellha l-potenzjal li tippreserva lis-semmiegħa tagħhom, jew li ssalvalhom ħajjithom. Tabilħaqq, dawk li applikaw il-kliem taʼ Ġesù kienu se jkunu protetti mit-taħsir morali u spiritwali fil-komunitajiet fejn kienu jgħixu u jaqdu.—1 Pietru 4:1-3.
Madankollu, Ġesù kompla jagħti t-twissija: “Imma jekk il-melħ jaqtaʼ, . . . ma jibqaʼ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.” Meta kkummenta fuq dan, l-istudjuż tal-Bibbja Albert Barnes qal li l-melħ li kienu jafu bih Ġesù u l-appostli tiegħu “ma kienx pur, imma kien imħallat b’ħaxix u ħamrija.” Mela kieku l-melħ kellu jaqtaʼ, kieku kien iħalli warajh “kwantità konsiderevoli taʼ sustanzi.” “Dan,” innota Barnes, “ma kien ikun tajjeb għal xejn ħlief . . . biex titfgħu fil-passaġġi jew fit-toroq, bħalma nagħmlu biż-żrar.”
Sabiex jagħtu kas taʼ din it-twissija, il-Kristjani għandhom joqogħdu attenti sabiex ma jiqfux jieħdu sehem f’xiehda pubblika, jew inkella, ma jerġgħux jaqgħu f’korsa taʼ kondotta li tiċħad lil Alla. Jekk jagħmlu hekk, huma jiddeterjoraw spiritwalment u jistgħu jsiru bla użu, bħall-‘melħ li qataʼ.’