Għasses Fuq it-Tagħlim Tiegħek
“Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.”—1 TIMOTJU 4:16.
1, 2. Illum għala hemm bżonn urġenti taʼ għalliema żelużi?
“MORRU . . . agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Minħabba l-importanza taʼ dan il-kmand taʼ Ġesù Kristu, il-Kristjani kollha għandhom jistinkaw biex isiru għalliema. Jinħtieġu għalliema żelużi biex jgħinu lil dawk taʼ qalb onesta jaslu għal għarfien dwar Alla qabel ma jkun tard wisq. (Rumani 13:11) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ: “Xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu.” (2 Timotju 4:2) Dan jirrikjedi li ngħallmu kemm ġewwa u kemm barra l-kongregazzjoni. Tabilħaqq, l-inkarigu biex inxandru fih innifsu jinvolvi iktar milli sempliċement inħabbru l-messaġġ t’Alla. Jeħtieġ li t-tagħlim ikun effettiv biex dawk interessati jsiru dixxipli.
2 Qed ngħixu fi “żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) L-imħuħ tan-nies ġew ikkundizzjonati minn filosofiji sekulari u tagħlim falz. Ħafna għandhom ‘il-fehma tagħhom imdallma’ u “tilfu kull sentiment.” (Efesin 4:18, 19) Xi wħud qed isofru ħafna wġigħ minħabba ġrieħi emozzjonali. Iva, in-nies huma verament “[i]mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Minkejja dan, jekk napplikaw l-arti tat-tagħlim, inkunu nistgħu ngħinu lil dawk taʼ qalb onesta jagħmlu l-bidliet meħtieġa.
Għalliema Ġewwa l-Kongregazzjoni
3. (a) L-inkarigu li ta Ġesù biex ngħallmu x’jinkludi? (b) Min għandu r-responsabbiltà primarja li jgħallem ġewwa l-kongregazzjoni?
3 Permezz taʼ l-arranġament taʼ studju fid-dar tagħhom, miljuni qed jirċievu istruzzjoni persunali. Iżda wara li jitgħammdu, dawn il-ġodda jkunu jeħtieġu iktar għajnuna biex irabbu l-“għeruq u l-pedament” sodi. (Efesin 3:17, Saydon) Hekk kif inwettqu l-inkarigu taʼ Ġesù li jinsab f’Mattew 28:19, 20 u nidderieġu lil uħud ġodda lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, huma se jibbenefikaw milli jiġu mgħallmin ġewwa l-kongregazzjoni nfisha. Skond Efesin 4:11-13, inħatru rġiel biex jaqdu bħala ‘rgħajja u mgħallmin; biex b’hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem taʼ Kristu.’ Xi kultant, l-arti tagħhom tat-tagħlim tinvolvi l-ħtieġa li ‘jċanfru, iwiddbu, iwissu, bis-sabar kollu.’ (2 Timotju 4:2) Ix-xogħol taʼ l-għalliema tant kien importanti li, meta kiteb lill-Korintin, Pawlu jsemmi lill-għalliema preċiż wara l-appostli u l-profeti.—1 Korintin 12:28.
4. L-abbiltà li ngħallmu kif tgħinna nobdu l-parir taʼ Pawlu ddokumentat f’Lhud 10:24, 25?
4 Veru, mhux il-Kristjani kollha jaqdu bħala anzjani, jew indokraturi. Xorta waħda, ilkoll kemm aħna niġu inkuraġġiti biex inħajru lil xulxin “għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.” (Lhud 10:24, 25) Li nagħmlu dan fil-laqgħat jinvolvi li l-kummenti tagħna jkunu ppreparati tajjeb u mill-qalb, li jibnu u jinkuraġġixxu lil oħrajn. Pubblikaturi tas-Saltna taʼ l-esperjenza jistgħu wkoll ‘iħajru għall-għemil tajjeb’ billi jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom maʼ dawk ġodda meta jkunu qed jaħdmu magħhom fil-ministeru taʼ l-għalqa. F’dawn l-okkażjonijiet u f’oħrajn informali, tistaʼ tingħata istruzzjoni imprezzabbli. Per eżempju, nisa maturi huma mħeġġin biex “jgħallmu t-tajjeb.”—Titu 2:3.
Ipperswaduti biex Jemmnu
5, 6. (a) Il-Kristjanità vera kif inhi f’kuntrast mal-qima falza? (b) L-anzjani kif jgħinu lill-ġodda biex jagħmlu deċiżjonijiet għaqlin?
5 Il-Kristjanità vera b’hekk tispikka ferm f’kuntrast maʼ reliġjonijiet foloz, li ħafna minnhom jipprovaw jikkontrollaw il-ħsieb tal-membri tagħhom. Meta Ġesù kien fuq l-art, il-mexxejja reliġjużi pprovaw jikkontrollaw tistaʼ tgħid kull aspett tal-ħajjiet tan-nies permezz taʼ tradizzjonijiet oppressivi magħmulin mill-bnedmin. (Luqa 11:46) Il-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu spiss għamlu l-istess bħalhom.
6 Il-qima vera, madankollu, hija “servizz sagru” li aħna noffru bil-“qawwa tar-raġuni” tagħna. (Rumani 12:1, NW) Il-qaddejja taʼ Jehovah ġew ‘ipperswaduti biex jemmnu.’ (2 Timotju 3:14, NW) Xi kultant, dawk li jkunu minn taʼ quddiem għandhom mnejn ikollhom bżonn jibdew jagħtu xi linji taʼ gwida u proċeduri biex il-kongregazzjoni tkun tistaʼ tiffunzjona bla xkiel. Madankollu, minflok ma jipprovaw jieħdu deċiżjonijiet għal Kristjani sħabhom, l-anzjani jgħallmuhom “jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.” (Lhud 5:14) L-anzjani dan jagħmluh primarjament billi jipprovdu nutriment lill-kongregazzjoni permezz tal-“kliem tal-fidi u . . . tagħlim tajjeb.”—1 Timotju 4:6.
Noqogħdu Attenti għat-Tagħlim Tagħna
7, 8. (a) Nies li m’għandhom ebda abbiltà partikulari kif jistgħu jaqdu bħala għalliema? (b) X’inhu li jindika li hemm bżonn taʼ sforz persunali biex wieħed isir għalliem effettiv?
7 Iżda, ejja mmorru lura għall-inkarigu ġenerali tagħna biex ngħallmu. Biex wieħed jieħu sehem f’dan ix-xogħol jeħtieġ xi snajjaʼ, edukazzjoni, jew abbiltajiet partikulari? Mhux neċessarjament. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, dan ix-xogħol taʼ tagħlim mad-dinja kollha qed jitwettaq minn individwi ordinarji li m’għandhom ebda abbiltajiet partikulari. (1 Korintin 1:26-29) Pawlu jispjega: “Dan it-teżor [il-ministeru] qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar [iġsma imperfetti], ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor taʼ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.” (2 Korintin 4:7) Is-suċċess enormi li gawda dan ix-xogħol globali taʼ l-ippridkar tas-Saltna huwa testimonjanza tal-qawwa taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah!
8 Minkejja dan, jeħtieġ sforz persunali b’ruħek kollha biex issir “ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:15) Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:16) Preċiżament, wieħed kif jistaʼ jgħasses fuq it-tagħlim tiegħu, kemm jekk ġewwa u kemm jekk barra l-kongregazzjoni? Il-fatt li jagħmel hekk ikun ifisser li jkun kiseb ċerti kapaċitajiet jew tekniki tat-tagħlim?
9. X’inhu iktar importanti mill-abbiltajiet naturali?
9 Fil-famuża Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù ċertament wera kapaċità straordinarja fil-metodi taʼ tagħlim. Meta spiċċa jitkellem, “in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu.” (Mattew 7:28) M’għandniex xi ngħidu, ħadd minna ma jaf jgħallem bħal Ġesù. Madankollu, m’hemmx għalfejn inkunu kelliema elokwenti biex inkunu għalliema effettivi. Skond Ġob 12:7, saħansitra l-“bhejjem” u t-“tjur taʼ l-ajru” jistgħu jgħallmu mingħajr kliem! Flimkien maʼ kwalunkwe abbiltajiet naturali jew kapaċitajiet li jistaʼ jkollna, dak li jgħodd l-iktar hu “liema xorta taʼ persuni” aħna— il-kwalitajiet li għandna u d-drawwiet spiritwali li kkultivajna li jistgħu jiġu imitati mill-istudenti.—2 Pietru 3:11, NW; Luqa 6:40.
Studenti tal-Kelma t’Alla
10. Ġesù kif stabbilixxa eżempju mill-aħjar bħala student tal-Kelma t’Alla?
10 Għalliem effettiv taʼ veritajiet Skritturali jrid ikun student tal-Kelma t’Alla. (Rumani 2:21) Ġesù Kristu stabbilixxa eżempju straordinarju f’dan ir-rigward. Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù rrefera għal jew esprima ħsibijiet li kienu paralleli għal passaġġi fi kważi nofs il-kotba taʼ l-Iskrittura Ebrajka.a Kemm kien familjari mal-Kelma t’Alla kien evidenti fl-età taʼ 12-il sena, meta sabuh “bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” (Luqa 2:46) Bħala adult, Ġesù kellu d-drawwa li jmur fis-sinagoga, fejn kienet tinqara l-Kelma t’Alla.—Luqa 4:16.
11. Għalliem liema drawwiet tajbin taʼ studju għandu jikkultiva?
11 Int taqraha bil-ħerqa l-Kelma t’Alla? L-uniku mezz biex “tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif taʼ Alla” hu billi tħaffer ġewwa fiha. (Proverbji 2:4, 5) Għalhekk, żviluppa drawwiet tajbin taʼ studju. Ipprova aqra silta mill-Kelma t’Alla kuljum. (Salm 1:2) Ħudha drawwa li taqra kull ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! malli tirċevihom. Oqgħod attent ħafna fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Tgħallem agħmel riċerka bir-reqqa. Billi titgħallem ‘tfittex bir-reqqa kollha t-tagħrif,’ int tistaʼ tevita esaġerazzjonijiet u ineżattezzi meta tgħallem.—Luqa 1:3.
Imħabba u Rispett għal Min Qed Jitgħallem
12. Ġesù x’attitudni kellu lejn id-dixxipli tiegħu?
12 Kwalità importanti oħra hija l-attitudni xierqa lejn dawk li tkun qed tgħallem. Il-Fariżej ħassew stmerrija għal dawk li kienu jisimgħu lil Ġesù. “Qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex,” qalu huma. (Ġwann 7:49) Imma Ġesù kellu mħabba u rispett profondi għad-dixxipli tiegħu. Hu qal: “Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.” (Ġwann 15:15) Dan indika l-mod kif id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom iwettqu l-attività tagħhom taʼ tagħlim.
13. Pawlu kif ħassu dwar dawk li kien jgħallem?
13 Per eżempju, ir-relazzjoni li Pawlu kellu maʼ l-istudenti tiegħu ma kinitx waħda indifferenti jew formali. Hu qal lill-Korintin: “Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi Kristu Ġesù.” (1 Korintin 4:15) Xi drabi, Pawlu saħansitra kien iwissihom bid-dmugħ f’għajnejh lil dawk li jkun qed jgħallem! (Atti 20:31) Hu wera wkoll paċenzja u qalb tajba straordinarji. Għalhekk setaʼ jgħid lit-Tessalonikin: “Ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm traddaʼ tħaddan lil uliedha.”—1 Tessalonikin 2:7.
14. Għala huwa tant importanti li jkollna interess persunali fl-istudenti tagħna tal-Bibbja? Agħti eżempju.
14 Timitahom int lil Ġesù u lil Pawlu? Imħabba sinċiera għall-istudenti tagħna tistaʼ tpatti għal kwalunkwe nuqqas t’abbiltajiet naturali li jistaʼ jkollna. Jindunaw l-istudenti li nistudjaw il-Bibbja magħhom li aħna għandna interess sinċier fihom personalment? Inqattgħu ħin biex insiru nafuhom? Meta waħda oħt Kristjana kienet qed issibha diffiċli biex tgħin lil studenta biex tagħmel progress spiritwalment, hi b’qalb tajba staqsietha: “Hemm xi ħaġa li qed tinkwetak?” Il-mara fetħet qalbha, billi rrakkontatilha l-ħafna tħassib u ansjetajiet li kellha. Dik id-diskursata kollha mħabba wasslet biex dik il-mara tbiddel ħajjitha. F’każi bħal dawn, ħsibijiet u kliem taʼ faraġ u inkuraġġiment Skritturali huma xierqa. (Rumani 15:4) Iżda rridu noqogħdu ferm attenti: Student tal-Bibbja għandu mnejn ikun qed jagħmel progress mgħaġġel imma jistaʼ xorta waħda jkun għad għandu xi affarijiet li m’humiex Kristjani x’jirranġa. Għalhekk jistaʼ ma jkunx għaqli li tassoċja iktar milli jkun hemm bżonn maʼ dan l-individwu. Għandu jkun hemm limiti Kristjani xierqa.—1 Korintin 15:33.
15. Kif nistgħu nuru rispett lejn dawk li nkunu qed nistudjaw il-Bibbja magħhom?
15 Ir-rispett lejn dawk li nkunu qed nistudjaw magħhom jinkludi li ma nipprovawx nikkontrollaw il-ħajja persunali tagħhom. (1 Tessalonikin 4:11) Per eżempju, għandu mnejn li nkunu qed nistudjaw maʼ mara li qed tgħix maʼ raġel u m’humiex miżżewġin. Forsi kellhom it-tfal. Minħabba li waslet għal għarfien eżatt dwar Alla, il-mara trid tirranġa l-affarijiet fi qbil mar-rieda taʼ Jehovah. (Lhud 13:4) Għandha hi tiżżewweġ jew tissepara minn maʼ dan ir-raġel? Forsi aħna konvinti li jekk waħda tiżżewweġ raġel bi ftit jew ebda interess spiritwali, dan se jfixkel il-progress futur tagħha. Mill-banda l-oħra, forsi ninkwetaw għall-benesseri tat-tfal u naħsbu li jkun aħjar għaliha jekk tiżżewġu. Ikun x’ikun il-każ, inkunu qed nuru nuqqas taʼ rispett u mħabba jekk nindaħlu fil-ħajja taʼ l-istudenta u nipprovaw nimponu l-opinjonijiet tagħna stess fi kwistjonijiet bħal dawn. Wara kollox, hi trid tgħix bil-konsegwenzi taʼ dik id-deċiżjoni. Allura, ma jkunx aħjar li nħarrġu lil din l-istudenta biex tuża l-“fakultajiet perċettivi” tagħha stess u tiddeċiedi għaliha nfisha x’għandha tagħmel u ma tagħmilx?—Lhud 5:14, NW.
16. L-anzjani kif jistgħu juru mħabba u rispett lejn il-merħla t’Alla?
16 Huwa importanti b’mod partikulari li l-anzjani tal-kongregazzjoni jittrattaw lill-merħla b’imħabba u rispett. Meta kiteb lil Filemon, Pawlu qal: “Għalhekk iktar milli nikkmandak tagħmel li jenħtieġ – kif nistaʼ nagħmel b’wiċċi minn quddiem fi Kristu – jiena nitolbok, f’isem l-imħabba.” (Filemon 8, 9) Xi kultant, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet frustranti fil-kongregazzjoni. Jistaʼ saħansitra jkun hemm bżonn taʼ sodizza. Pawlu ħeġġeġ lil Titu biex ‘jiħodhom bl-iebes [lil min jiżbalja], biex iżommu sħiħ fil-fidi.’ (Titu 1:13) Xorta waħda, l-indokraturi jridu joqogħdu attenti li qatt ma jkellmu lill-kongregazzjoni b’mod aħrax. “Qaddej tal-Mulej m’għandux joqgħod jitlewwem,” kiteb Pawlu, “imma għandu jkun ħlejju maʼ kulħadd, jinqalaʼ biex jgħallem, kollu sabar.”—2 Timotju 2:24; Salm 141:3.
17. Mosè liema żball għamel, u l-anzjani x’jistgħu jitgħallmu minn dan?
17 L-indokraturi jridu jfakkru kontinwament lilhom infushom li huma qed jittrattaw mal-“merħla taʼ Alla.” (1 Pietru 5:2) Għalkemm Mosè kien tant umli, għal mument tilef din il-kwalità. L-Iżraeliti “tellfulu sabru, u qal dak li ġie fi lsienu.” (Salm 106:33) Alla xejn ma ħa gost b’dan it-trattament ħażin tal-merħla Tiegħu, avolja dawn ma kinux bla ħtija. (Numri 20:2-12) Meta jiġu ffaċċjati minn sfidi bħal dawn, l-anzjani għandhom jistinkaw biex jgħallmu u jistruwixxu bid-dehen u b’qalb tajba. Ħutna jwieġbu bl-aħjar mod meta jiġu ttrattati b’konsiderazzjoni u bħala individwi li għandhom bżonn l-għajnuna, u mhux bħala midinbin li m’hemmx ċans li jirkupraw. L-anzjani għandhom bżonn iżommu l-ħarsa pożittiva li kellu Pawlu meta qal: “Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom.”—2 Tessalonikin 3:4.
Wieġeb għall-Ħtiġijiet Tagħhom
18, 19. (a) Kif għandna nwieġbu għall-bżonnijiet taʼ l-istudenti tal-Bibbja li huma limitati fl-abbiltajiet tagħhom? (b) Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti li jkollhom diffikultà fi kwistjonijiet speċifiċi?
18 Għalliem effettiv ikun lest li jaddatta ruħu għall-abbiltajiet u l-limitazzjonijiet taʼ l-istudenti tiegħu. (Qabbel Ġwann 16:12.) Fit-tixbieha taʼ Ġesù dwar it-talenti, is-sid ta privileġġi lil “kull wieħed skond il-ħila tiegħu.” (Mattew 25:15) Aħna nistgħu nimxu fuq mudell simili meta nikkonduċu studji tal-Bibbja. Naturalment, ikun aħjar jekk pubblikazzjoni bbażata fuq il-Bibbja titlesta f’perijodu kemm jistaʼ jkun qasir. Irridu nammettu, iżda, li mhux kulħadd jaf jaqra tajjeb jew għandu l-ħila jassorbi ideat ġodda malajr. Għalhekk, hemm bżonn tad-dixxerniment biex inkunu nafu meta ngħaddu għall-punt li jkun imiss fl-istudju jekk individwi li qed jaġixxu fuq it-tagħlim ikollhom diffikultà f’li jlaħħqu magħna jekk ngħaġġlulhom. Huwa iktar importanti li tgħin lill-istudenti biex jieħdu s-sens taʼ dak li qed jitgħallmu milli żżomm maʼ xi skeda fissa taʼ kemm tkopri materjal fl-istudju.—Mattew 13:51.
19 L-istess jistaʼ jingħad għall-istudenti tal-Bibbja li ma jkollhom ebda diffikultà biex jifhmu kwistjonijiet speċifiċi, bħat-Trinità jew btajjel reliġjużi. Waqt li ġeneralment ma jkunx neċessarju li ninkludu riċerka bbażata fuq il-Bibbja waqt l-istudji tagħna, kultant nistgħu nagħmlu dan jekk ikun jidher ċar li se jkun taʼ benefiċċju. Irridu nużaw id-dehen biex ma nfixklux lill-istudent, u b’hekk idum iktar biex jagħmel progress.
Uri Entużjażmu!
20. Pawlu kif kien taʼ eżempju f’li juri entużjażmu u konvinzjoni fit-tagħlim tiegħu?
20 “Tħeġġu fl-ispirtu,” jgħid Pawlu. (Rumani 12:11) Iva, sew jekk qegħdin nikkonduċu studju tal-Bibbja ġewwa d-dar u sew jekk għandna sehem f’parti fil-laqgħa tal-kongregazzjoni, dan għandna nagħmluh b’żelu u entużjażmu. Pawlu qal lit-Tessalonikin: “L-evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa.” (1 Tessalonikin 1:5) Pawlu u sħabu b’hekk taw mhux ‘biss l-Evanġelju t’Alla imma wkoll ħajjithom stess.’—1 Tessalonikin 2:8.
21. Kif nistgħu nżommu attitudni entużjażmanti lejn l-inkarigi tagħna taʼ tagħlim?
21 Entużjażmu ġenwin jiġi mill-fatt li nkunu verament konvinti li l-istudenti tagħna tal-Bibbja għandhom bżonn jisimgħu dak li għandna x’ngħidulhom. Jalla hu x’inhu l-inkarigu taʼ tagħlim li jistaʼ jkollna, qatt ma nqisuh bħala rutina. Esdra, l-iskrib, ċertament li qagħad attent għat-tagħlim tiegħu f’dan ir-rigward. Hu “kien ingħata minn [“ħejja,” Saydon] qalbu għall-istudju tal-Liġi tal-Mulej, għall-osservanza tagħha, u għat-tagħlim . . . tagħha lil Iżrael.” (Esdra 7:10) Aħna għandna nagħmlu l-istess, billi nippreparaw bir-reqqa u nirriflettu fuq l-importanza tal-materjal. Ejjew nitolbu lil Jehovah biex jimliena bil-fidi u bil-konvinzjoni. (Luqa 17:5) L-entużjażmu tagħna jistaʼ jgħin lill-istudenti tal-Bibbja biex jiżviluppaw imħabba vera għall-verità. M’għandniex xi ngħidu, li noqogħdu attenti għat-tagħlim tagħna għandu mnejn jinvolvi li nużaw tekniki speċifiċi taʼ tagħlim. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti xi wħud minn dawn.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-Insight on the Scriptures, it-2 Volum, paġna 1071, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Tiftakar Int?
◻ Illum għala hemm bżonn taʼ għalliema tas-sengħa?
◻ Liema drawwiet tajbin taʼ studju nistgħu nikkultivaw?
◻ L-imħabba u r-rispett lejn dawk li ngħallmu għala huma daqshekk importanti?
◻ Kif nistgħu nwieġbu għall-bżonnijiet taʼ l-istudenti tagħna tal-Bibbja?
◻ L-entużjażmu u l-konvinzjoni għala huma vitali meta nkunu qed ngħallmu lil oħrajn?
[Stampa f’paġna 10]
Għalliema tajbin huma studenti tal-Kelma t’Alla huma nfushom
[Stampa f’paġna 13]
Ħu interess persunali fl-istudenti tal-Bibbja