It-Tjieba Mhux bi Tradizzjonijiet Orali
“Jekk it-tjieba tagħkom ma toktorx iktar minn dik tal-iskribi u l-Fariżej, intom bl-ebda mod ma se tidħlu ġewwa s-saltna tas-smewwiet.”—MATTEW 5:20.
1, 2. X’ġara eżatt qabel ma Ġesù ta l-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja?
ĠESÙ kien qattaʼ l-lejl fuq muntanja. Is-smewwiet mimlijin kwiekeb kienu jinsabu mifruxa fuq rasu. Annimali żgħar taʼ bil-lejl kienu jħaxwxu qalb il-ħaxix. Lejn il-Lvant l-ilmijiet tal-Baħar tal-Galilija ħabbtu bil-ħlewwa max-xatt. Imma Ġesù setaʼ kien biss ftit li xejn konxju tal-ambjent sabiħ taʼ paċi u taʼ serħan taʼ madwaru. Hu kien qattaʼ l-lejl jitlob lil Missieru tas-sema, Jehovah. Hu kien jinħtieġ il-gwida taʼ Missieru. Il-ġurnata li kienet riesqa kienet kruċjali.
2 Fil-Lvant is-sema ddawwal. Agħsafar bdew jittajru ’l hawn u ’l hinn, fil-waqt li jpespsu bil-ħlewwa. Il-fjuri selvaġġi kienu jitbandlu bil-mod il-mod maż-żiffa. Hekk kif l-ewwel raġġi tax-xemx feġġew fuq ix-xefaq, Ġesù sejjaħ ħdejh lid-dixxipli tiegħu u minn fosthom għażel 12 biex ikunu l-appostli tiegħu. Imbagħad, flimkien magħhom ilkoll, hu beda nieżel ’l isfel mal-ġenb tal-muntanja. Diġà l-folol kienu jistgħu jintlemħu ġejjin bħal gelgul mill-Galilija, Tir u Sidon, il-Ġudea u Ġerusalemm. Huma ġew biex jitfejqu mill-mard tagħhom. Qawwa mingħand Jehovah kienet toħroġ minn Ġesù hekk kif ħafna nies kienu jmissuh u jfiqu. Huma kienu ġew ukoll biex jisimgħu l-kliem tiegħu bħal balzmu taʼ fejqan għall-erwieħ imħabbtin tagħhom.—Mattew 4:25; Luqa 6:12-19.
3. Id-dixxipli u l-folol għala kienu ħerqana meta Ġesù beda jitkellem?
3 Fis-sessjonijiet taʼ tagħlim iktar formali tagħhom, ir-rabbini kienu mdorrijin joqogħdu bil-qiegħda, u f’din il-għodwa partikulari tar-rebbiegħa tas-sena 31 E.K., Ġesù hekk għamel, milli jidher f’post livell ogħla fuq il-ġenb tal-għolja. Meta d-dixxipli tiegħu u l-folol raw dan, huma rrealizzaw li kienet ġejja xi ħaġa speċjali, u għalhekk inġabru madwaru ħerqana. Meta beda jitkellem, huma laqgħu kliemu bil-ħeġġa; meta hu spiċċa jitkellem xi ftit tal-ħin wara, huma baqgħu mistgħaġbin b’dak li kienu semgħu. Ejjew naraw il-għala.—Mattew 7:28.
Żewġ Kwalitajiet taʼ Tjieba
4. (a) Liema żewġ kwalitajiet taʼ tjieba kienu nvoluti? (b) X’kien l-iskop tat-tradizzjonijiet orali, u ġie rrealizzat?
4 Fil-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, li nsibuha mniżżla bil-miktub kemm f’Mattew 5:1-7:29 kif ukoll f’Luqa 6:17-49, Ġesù għamel kuntrast qawwi bejn żewġ klassijiet: l-iskribi u l-Fariżej u n-nies komuni li lilhom dawn kienu jgħakksu. Hu tkellem dwar żewġ kwalitajiet taʼ tjieba, it-tjieba ipokrita tal-Fariżej u l-vera tjieba t’Alla. (Mattew 5:6, 20) It-tjieba f’għajnejhom stess tal-Fariżej kellha l-egħruq tagħha fi tradizzjonijiet orali. Dawn kienu nbdew fit-tieni seklu Q.E.K. bħala “ħajt madwar il-Liġi” biex jipproteġuha mill-avvanzi tal-Ħelleniżmu (kultura Griega). Bdew jitqiesu bħala parti mil-Liġi. Fil-fatt, l-iskribi stmaw lit-tradizzjonijiet orali saħansitra iktar mil-Liġi miktuba. Il-Mixna jgħid: “Attenzjoni akbar tapplika għall-osservanza tal-kliem tal-Iskribi [it-tradizzjonijiet orali tagħhom] milli għall-osservanza tal-kliem tal-Liġi miktuba.” B’hekk, minflok ma kienu “ħajt madwar il-Liġi” biex jipproteġuha, it-tradizzjonijiet tagħhom dgħajfu l-Liġi u għamluha ma tiswa xejn, preċiż kif qal Ġesù: “Intom twarrbu fil-ġenb b’kapaċità l-kmandamenti t’Alla sabiex iżżommu t-tradizzjoni tagħkom.”—Mark 7:5-9; Mattew 15:1-9.
5. (a) X’kienet il-kundizzjoni tan-nies komuni li ġew jisimgħu lil Ġesù, u kif kienu meqjusin mill-iskribi u l-Fariżej? (b) X’kien jagħmel lit-tradizzjonijiet orali tagħbija tant tqila fuq spallejn il-ħaddiema?
5 In-nies komuni li marru bi ħġarhom biex jisimgħu lil Ġesù kienu fqar spiritwalment, billi kienu ġew “[i]mqaxxrin u mitfugħin ’il hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Bi kburija arroganti l-iskribi u l-Fariżej żebilħuhom, billi kienu jsejħulhom ‘am ha·’a’rets (nies tal-art), u kienu jobogħduhom bħala midinbin injoranti u misħutin li ma jixirqilhomx irxoxt għaliex ma kinux iħarsu t-tradizzjonijiet orali. Sa żmien Ġesù dawk it-tradizzjonijiet kienu tant saru kotrana u oppressivi fid-dettalji legalistiċi—imgħobbijin wisq b’ritwali ċerimonjali li jieħdu ħafna ħin—li l-ebda ħaddiem ma setaʼ possibilment iħarishom. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù kkundanna t-tradizzjonijiet bħala ‘tagħbijiet tqal fuq spallejn il-bnedmin.’—Mattew 23:4; Ġwann 7:45-49.
6. Il-pronunzji tal-ftuħ taʼ Ġesù għala kienu tant li jaħsduk, u x’bidla indikaw għad-dixxipli tiegħu u għall-iskribi u l-Fariżej?
6 Mela meta Ġesù qagħad bil-qiegħda mal-ġenb tal-għolja, dawk li resqu qrib biex jisimgħu kienu d-dixxipli tiegħu u l-folol imġewħa spiritwalment. Dawn probabbli li nħasdu bil-pronunzji tal-ftuħ tiegħu. ‘Henjin il-foqra, henjin dawk bil-ġuħ, henjin dawk li jibku, henjin dawk mibgħudin.’ Imma min jistaʼ jkun ferħan meta jkun fqir, bil-ġuħ, jibki, u mibgħud? U gwajijiet kienu ddikjarati għal dawk li kienu għonja, mitmugħin tajjeb, daħqana, u ammirati! (Luqa 6:20-26) Fi ftit kliem biss, Ġesù biddel dak kollu li normalment kien stmat u l-livelli umani aċċettati. Kienet bidla drammatika taʼ pożizzjonijiet, fi qbil mal-kliem li Ġesù qal iżjed tard: “Min igħolli lilu nnifsu se jiġi umiljat, imma min jumilja lilu nnifsu se jiġi mgħolli.”−Luqa 18:9-14.
7. X’effett żgur li kellu l-kliem tal-ftuħ taʼ Ġesù fuq il-folla mġewħa spiritwalment li kienet tismaʼ lil Ġesù?
7 F’kuntrast mal-iskribi u l-Fariżej li kienu sodisfatti bihom infushom, dawk li ġew għand Ġesù f’din il-għodwa partikulari kienu konxji tal-istat spiritwali tal-biki tagħhom. Il-kliem li fetaħ bih żgur li mliehom bit-tama: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, ladarba s-saltna tas-smewwiet tappartjeni lilhom.” U min jaf kif l-ispirtu tagħhom tar bil-ferħ meta żied: “Henjin dawk bil-ġuħ u bil-għatx għat-tjieba, ladarba se jimtlew”! (Mattew 5:3, 6; Ġwann 6:35; Rivelazzjoni 7:16, 17) Mimlijin bit-tjieba, iva, imma mhux bit-tip taʼ tjieba tal-Fariżej.
Mhux Biżżejjed li Tkun ‘Twajjeb Quddiem il-Bnedmin’
8. Xi wħud għala kienu se jistagħgbu kif it-tjieba tagħhom setgħet toktor iżjed minn dik tal-iskribi u l-Fariżej, u madankollu għala trid tagħmel dan?
8 “Jekk it-tjieba tagħkom ma toktorx iktar minn dik tal-iskribi u l-Fariżej,” qal Ġesù, “intom bl-ebda mod ma se tidħlu ġewwa s-saltna tas-smewwiet.” (Mattew 5:17-20; ara Mark 2:23-28; 3:1-6; 7:1-13.) Xi wħud żgur li ħasbu: ‘Iżjed taʼ tjieba mill-Fariżej? Dawk isumu u jitolbu u jagħtu l-egħxur u l-karità u jqattgħu ħajjithom jistudjaw il-Liġi. It-tjieba tagħna kif qatt tistaʼ tisboq lil tagħhom?’ Imma riedet toktor iżjed. Il-Fariżej setgħu forsi kienu stmati ħafna mill-bnedmin, imma mhux minn Alla. F’okkażjoni oħra Ġesù qal lil dawn il-Fariżej: “Intom dawk li tiddikjaraw lilkom infuskom twajbin quddiem il-bnedmin, imma Alla jafhom lil qlubkom; għaliex dak li hu mgħolli fost il-bnedmin huwa ħaġa moqżieża fid-dehra t’Alla.”—Luqa 16:15.
9-11. (a) X’kien mod wieħed li bih l-iskribi u l-Fariżej ħasbu li kienu se jirċievu waqfa taʼ tjieba quddiem Alla? (b) Liema kien it-tieni mod li bih stennew li jiksbu t-tjieba? (ċ) X’kien it-tielet mod li straħu fuqu, u x’qal l-appostlu Pawlu li lil dan ikkundannah bħala falliment?
9 Ir-rabbini kienu vvintaw ir-regoli tagħhom stess taʼ kif tikseb it-tjieba. Waħda kienet b’mertu għax tkun dixxendent taʼ Abraham: “Id-dixxipli taʼ Abraham missierna jgawdu din id-dinja u jirtu d-dinja li ġejja.” (Mixna) Kien forsi biex jikkumbatti din it-tradizzjoni li Ġwanni l-Għammied wissa lill-Fariżej li ġew għandu: “Ipproduċu frott li jixraq lill-indiema; u tippretendux li tgħidu lilkom infuskom, ‘Bħala missier għandna lil Abraham [bħal li kieku dak kien biżżejjed].’” —Mattew 3:7-9; ara wkoll Ġwann 8:33, 39.
10 It-tieni mod biex tikseb it-tjieba, qalu huma, kien bil-għoti tal-karità. Żewġ kotba Apokrifa miktuba minn Lhud devoti matul it-tieni seklu Q.E.K. jirriflettu l-ħarsa tradizzjonali. Stqarrija waħda tidher f’Tobit: “Il-għoti taʼ karità jsalva lil wieħed mill-mewt u jpatti għal kull dnub.” (12:9, The New American Bible) Il-ktieb taʼ Sirak (Ekkleżjastikus) jaqbel: “L-ilma jitfi fjamma nar, u l-karità tpatti għad-dnubiet.”−3:29, NAB.
11 It-tielet mod li bih fittxew it-tjieba kien b’xogħlijiet tal-Liġi. It-tradizzjonijiet orali tagħhom għallmu li jekk l-opri taʼ bniedem kienu fil-biċċa l-kbira tajbin, hu kellu jiġi salvat. Il-ġudizzju “hu skond l-ammont biżżejjed taʼ xogħlijiet jekk humiex tajbin jew ħżiena.” (Mixna) Biex joqogħdu bil-favur fil-ġudizzju, it-tħassib tagħhom kien “li jiksbu merti li jpattu għad-dnubiet.” Jekk ix-xogħlijiet tajbin taʼ bniedem jegħlbu x-xogħlijiet ħżiena b’wieħed, hu se jiġi salvat—bħal li kieku Alla ġġudika billi qagħad igħodd l-attivitajiet insinjifikanti tagħhom! (Mattew 23:23, 24) Billi ppreżenta l-ħarsa korretta, Pawlu kiteb: “B’xogħlijiet tal-liġi ebda laħam ma se jkun iddikjarat twajjeb quddiem [Alla].” (Rumani 3:20) Ċertament, it-tjieba Kristjana trid bil-fors toktor iżjed minn dik tal-iskribi u l-Fariżej!
“Smajtu Intom Li Ntqal”
12. (a) Liema bidla mill-mod tas-soltu tiegħu li jintroduċi referenzi għall-Iskrittura Ebrajka għamel Ġesù fil-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, u għala? (b) X’nitgħallmu mis-sitt użu tal-espressjoni “Intqal”?
12 Meta Ġesù iktar kwieni kkwota mill-Iskrittura Ebrajka, hu qal: “Hu miktub.” (Mattew 4:4, 7, 10) Imma sitt darbiet fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, hu introduċa dawk li nstemgħu bħal qishom stqarrijiet mill-Iskrittura Ebrajka bil-kelmiet: “Intqal.” (Mattew 5:21, 27, 31, 33, 38, 43) Għala? Għaliex hu kien qed jirreferi għall-Iskrittura kif interpretata fid-dawl tat-tradizzjonijiet tal-Fariżej li kienu jikkontradixxu l-kmandamenti t’Alla. (Dewteronomju 4:2; Mattew 15:3) Dan jintgħamel ovvju fis-sitt referenza li hi l-aħħar waħda li għamel Ġesù f’din is-serje: “Smajtu intom li ntqal, ‘Int trid tħobb lil għajrek u tobgħod lill-għadu tiegħek.”ˈ Imma l-ebda liġi taʼ Mosè ma qalet: “Obgħod lill-għadu tiegħek.” L-iskribi u l-Fariżej qaluh dan. Dik kienet l-interpretazzjoni tagħhom tal-Liġi biex tħobb lil għajrek—il-ġar Lhudi tiegħek, ħadd iżjed.
13. Ġesù kif wissa kontra saħansitra l-bidu taʼ kondotta li tistaʼ twassal għal qtil propju?
13 Ikkunsidra issa l-ewwel waħda minn din is-serje taʼ sitt stqarrijiet. Ġesù ddikjara: “Smajtu intom li ntqal lil dawk taʼ żminijiet il-qedem, ‘Ma tridux toqtlu; imma kulmin jikkommetti qtil se jkollu jagħti kont lill-qorti tal-ġustizzja.’ Madankollu, jien ingħidilkom li kulmin ikompli jagħdab għal ħuh se jkollu jagħti kont lill-qorti tal-ġustizzja.” (Mattew 5:21, 22) Ir-rabja fil-qalb tistaʼ twassal għal kliem taʼ abbuż u minn hemm għal ġudizzju taʼ kundanna, u tistaʼ fl-aħħar twassal għall-att innifsu tal-qtil. Rabja fit-tul miżmuma fil-qalb tistaʼ tkun qattiela: “Kulmin jobgħod lil ħuh huwa qattiel.”−1 Ġwann 3:15.
14. Ġesù x’parir jagħtina biex lanqas saħansitra nibdew fit-triq li twassal għall-adulterju?
14 Ġesù mbagħad igħid: “Smajtu intom li ntqal, ‘Ma tridx tikkommetti adulterju.’ Imma jien ingħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex ikollu passjoni għaliha diġà kkommetta adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:27, 28) Int mhux se tikkommetti adulterju? Mela lanqas saħansitra m’għandek tibda f’dik it-triq billi żżomm ħsibijiet dwaru. Għasses lil qalbek, fejn affarijiet bħal dawn għandhom is-sors tagħhom. (Proverbji 4:23; Mattew 15:18, 19) Ġakbu 1:14, 15 iwissi: “Kull wieħed hu pprovat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess. Imbagħad ix-xewqa, meta ssir fertili, twelled id-dnub; imbagħad imiss li d-dnub, meta jsir imwettaq, iġib il-mewt.” In-nies xi drabi jgħidu: ‘Tibdiex dak li ma tistax tispiċċah.’ Imma f’dan il-każ għandna ngħidu: ‘Tibdiex dak li ma tistax twaqqaf.’ Xi wħud li kienu lejali saħansitra meta ġew imhedda bil-mewt quddiem skwadra tal-isparar iktar tard waqgħu billi ġew imħajrin b’mod makakk għall-immoralità sesswali.
15. Il-pożizzjoni taʼ Ġesù dwar id-divorzju kif inhi differenti kompletament minn dik misjuba fit-tradizzjonijiet orali tal-Lhud?
15 Niġu issa għat-tielet stqarrija taʼ Ġesù. Hu qal: “Iktar minn hekk intqal, ‘Kulmin jiddivorzja lil martu, ħa jagħtiha ċertifikat taʼ divorzju.’ Madankollu, jien ingħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żina, jagħmilha suġġetta għal adulterju, u kulmin jiżżewweġ mara ddivorzjata [jiġifieri, waħda li tkun iddivorzjat għal xi raġuni apparti minn immoralità sesswali] jikkommetti adulterju.” (Mattew 5:31, 32) Xi Lhud aġixxew bil-qerq man-nisa tagħhom u ddivorzjawhom fuq raġunijiet mill-iktar insinjifikanti. (Malakija 2:13-16; Mattew 19:3-9) Tradizzjonijiet orali kienu jippermettu lil raġel li jiddivorzja lil martu “saħansitra jekk ħarqitlu l-ikel” jew “jekk sab oħra isbaħ minnha.”−Mixna.
16. Liema prattika Lhudija għamlet il-ħalf bla siwi, u x’pożizzjoni ħa Ġesù?
16 Fuq l-istess ħsieb, Ġesù kompla: “Jerġaʼ smajtu intom li ntqal lil dawk taʼ żmien il-qedem, ‘Int ma tridx taħlef bla ma twettaq’ . . . Madankollu, jien ingħidilkom: Taħilfu xejn.” Sa dan iż-żmien il-Lhud kienu qed jabbużaw fil-ħalf u kienu jaħilfu ħafna ħalfiet dwar affarijiet insinjifikanti bla ma jwettquhom. Imma Ġesù qal: “Taħilfu xejn . . . Biss ħallu l-kelma Iva tagħkom tkun tfisser Iva, u l-Le tagħkom Le.” Ir-regola tiegħu kienet sempliċi: Kun sinċier il-ħin kollu, billi ma jkollokx għalfejn tagħti garanzija taʼ kliemek b’ħalfa. Ħalli l-ħalf għal affarijiet vitali.—Mattew 5:33-37; qabbel 23:16-22.
17. Liema mod aħjar min ‘għajn għal għajn u sinna għal sinna’ għallem Ġesù?
17 Ġesù mbagħad qal: “Smajtu intom li ntqal, ‘Għajn għal għajn u sinna għal sinna.’ Madankollu, jien ingħidilkom: Tirreżistuhx lil dak li hu mill-agħar; imma kulmin jagħtik bil-ħarta fuq ħaddejk il-leminija, dawwarlu l-oħra wkoll.” (Mattew 5:38-42) Ġesù hawn mhux qed jirreferi għal daqqa bil-ħsieb li tferik imma għal daqqa taʼ ħarta b’insult. Tbaxxix lilek innifsek billi tpartat l-insulti. Irrifjuta li tpatti l-ħażen b’ħażen. Minflok, patti b’ġid u b’hekk “ibqaʼ kkonkwista lill-ħażin bit-tajjeb.”−Rumani 12:17-21.
18. (a) Il-Lhud kif biddlu l-liġi dwar li tħobb lil għajrek, imma Ġesù kif aġixxa kontra dan? (b) X’kienet it-tweġiba taʼ Ġesù lil ċertu avukat li ried jillimita l-applikazzjoni taʼ “għajr”?
18 Fis-sitt u l-aħħar eżempju, Ġesù juri ċar kif il-Liġi taʼ Mosè ġiet imdgħajfa bit-tradizzjoni rabbinika: “Smajtu intom li ntqal, ‘Int trid tħobb lil għajrek u tobgħod lill-għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ingħidilkom: Komplu ħobbu lill-egħdewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:43, 44) Il-Liġi miktuba taʼ Mosè ma poġġiet ebda limiti għall-imħabba: “Trid tħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Levitiku 19:18) Kienu l-Fariżej li skartaw dan il-kmandament, u biex jaħarbu minnu huma llimitaw il-kelma “għajrek” għal dawk li żammew it-tradizzjonijiet. Hekk kien li meta Ġesù iktar tard fakkar lil wieħed avukat dwar il-kmand li ‘tħobb lil għajrek bħalek innifsek,’ ir-raġel argumenta: “Min tassew hu għajri?” Ġesù wieġeb bit-tixbieha tas-Samaritan it-tajjeb—għamel lilek innifsek għajr għal min għandu bżonnok.—Luqa 10:25-37.
19. Ġesù rrikkmanda li nsegwu liema azzjoni minn Jehovah lejn in-nies mill-agħar?
19 Billi ssokta bil-priedka tiegħu, Ġesù stqarr li ‘Alla wera mħabba lejn in-nies mill-agħar. Hu ġiegħel li x-xemx tiddi u x-xita tinżel fuqhom. Ma hemm xejn straordinarju f’li tħobb lil dawk li jħobbuk. In-nies mill-agħar jagħmlu hekk. Ma hemm ebda raġuni għal premju għal dan. Uru li intom ulied Alla. Ikkopjaw lilu. Agħmel lilek innifsek għajr għal kulħadd u ħobb lil għajrek. U b’hekk “tridu tkunu perfetti, bħalma Missierkom tas-sema hu perfett.”’ (Mattew 5:45-48) X’livell taʼ sfida biex tgħix fi qbil miegħu! U kemm juri li hi nieqsa bil-kbir it-tjieba tal-iskribi u l-Fariżej!
20. Minflok li poġġa fil-ġenb il-Liġi taʼ Mosè, Ġesù kif wessaʼ u kabbar l-effett tagħha u poġġieha saħansitra fuq livell ogħla?
20 Mela meta Ġesù rrefera għal partijiet tal-Liġi u żied, “Madankollu, jien ingħidilkom,” hu ma kienx qed iwarrab fil-ġenb il-Liġi taʼ Mosè u jpoġġi xi ħaġa oħra f’lokha. Le, imma hu kien qed ikabbar u jwessaʼ l-forza tagħha billi juri l-ispirtu taʼ warajha. Liġi ogħla taʼ fratellanza tiġġudika nuqqas kontinwu taʼ rieda tajba bħala qtil. Liġi ogħla taʼ purità tikkundanna ħsieb kontinwu taʼ xenqa bħala adulterju. Liġi ogħla taż-żwieġ tirrifjuta ddivorzjar bla bażi bħala korsa li twassal għal żwiġijiet mill-ġdid adulterużi. Liġi ogħla taʼ verità turi li ħalf ripetut mhux neċessarju. Liġi ogħla taʼ ħlewwa twarrab fil-ġenb it-tpattija. Liġi ogħla taʼ mħabba titlob għal imħabba taʼ tjieba li ma tafx limiti.
21. It-twissijiet taʼ Ġesù x’kixfu dwar it-tjieba tagħhom stess tar-rabbini, u x’iżjed kienu se jitgħallmu l-folol?
21 X’effett profond dawn it-twissijiet li qatt ma nstemgħu bħalhom żgur li kellhom hekk kif daħlu f’widnejn dawk li semgħuhom għall-ewwel darba! Kemm għamluha kompletament bla siwi t-tjieba ipokrita tagħhom stess li kienet tiġi mit-tjassir għal tradizzjonijiet rabbiniċi! Imma hekk kif Ġesù ssokta l-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, il-folol bil-ġuħ u bil-għatx għat-tjieba t’Alla kienu se jitgħallmu b’mod speċifiku kif se jakkwistawha, kif juri l-artiklu li jmiss.
Mistoqsijiet taʼ Reviżjoni
◻ Il-Lhud għala ħolqu t-tradizzjonijiet orali tagħhom?
Ġesù x’bidla drammatika għamel rigward l-iskribi u l-Fariżej u n-nies komuni?
◻ L-iskribi u l-Fariżej kif stennew li jiksbu waqfa taʼ tjieba maʼ Alla?
◻ Ġesù x’wera li kienet it-triq biex jiġu evitati l-fornikazzjoni u l-adulterju?
◻ Billi wera l-ispirtu wara l-Liġi taʼ Mosè, liema livelli ogħla stabbilixxa Ġesù?