Kapitlu 28
Ningwalawha Maʼ Xulxin Fl-Imħabba
1. (a) Kif tistaʼ int issir parti mill-organizzazzjoni t’Alla? (b) Liema kmand trid imbagħad tobdi?
HEKK KIF tikber fl-għarfien u fl-apprezzament lejn Alla Jehovah u l-iskopijiet tiegħu, int tkun trid tassoċja regolarment maʼ persuni li għandhom din l-istess fidi u tama. Billi tagħmel hekk, se ssir parti mill-organizzazzjoni viżibbli t’Alla, fratellanza vera Kristjana. “Ħalli jkollkom imħabba lejn is-sħubija kollha kemm hi taʼ l-aħwa” se jkun imbagħad kmand li trid tobdi.—1 Pietru 2:17; 5:8, 9.
2. (a) Ġesù liema kmandament ġdid ta lis-segwaċi tiegħu? (b) L-espressjonijiet “lil xulxin” u “fostkom” x’juru b’mod ċar? (ċ) Kemm huwa importanti li jkollok l-imħabba?
2 Ġesù Kristu enfasizza kemm huwa importanti li s-segwaċi tiegħu jħobbu lil xulxin. Qalilhom: “Qiegħed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin . . . B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba fostkom.” (Ġwann 13:34, 35) L-espressjonijiet “lil xulxin” u “fostkom” juru ċar li l-veri Kristjani kollha se jkunu flimkien fi grupp wieħed jew organizzazzjoni waħda. (Rumani 12:5; Efesin 4:25) U din l-organizzazzjoni kellha tintgħaraf mill-imħabba li l-membri tagħha għandhom lejn xulxin. Jekk persuna m’għandhiex imħabba, kull ħaġa oħra hija bla siwi.—1 Korintin 13:1-3.
3. Il-Bibbja kif tenfasizza l-importanza taʼ li tħobb u li tieħu ħsieb lill-Kristjani sħabek?
3 Għalhekk, il-Kristjani bikrin taʼ spiss kienu jingħataw tfakkiriet bħal dawn: “Ħalli jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin.” “Agħtu merħba lil xulxin.” “Tjassru għal xulxin.” “Siru qalbkom tajba maʼ xulxin, billi tagħdru b’tenerezza.” “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ieħor.” “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin.” “Kunu paċifiċi maʼ xulxin.” “Ħalli jkollkom imħabba intensa lejn xulxin.”—Rumani 12:10; 15:7; Galatin 5:13; Efesin 4:32; Kolossin 3:13, 14; 1 Tessalonkin 5:11, 13; 1 Pietru 4:8; 1 Ġwann 3:23; 4:7, 11.
4. (a) Liema ħaġa turi li l-Kristjani jridu jħobbu lil oħrajn minbarra “lil xulxin”? (b) Lil min speċjalment għandhom il-Kristjani jħobbu?
4 Madankollu, dan ma jfissirx li l-veri Kristjani għandhom iħobbu biss lill-membri sħabhom taʼ l-organizzazzjoni t’Alla. Għandhom iħobbu lil oħrajn ukoll. Il-Bibbja, fil-fatt, tħeġġiġhom biex iżidu “fl-imħabba lejn xulxin u lejn kulħadd.” (1 Tessalonkin 3:12; 5:15) Billi ta l-opinjoni xierqa bbilanċjata, l-appostlu Pawlu kiteb: “Ħalli naħdmu dak li huwa tajjeb lejn kulħadd, imma speċjalment lejn dawk li jiġu minna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Mela waqt li l-Kristjani jridu jħobbu lil kulħadd, inklużi l-għedewwa tagħhom, iridu speċjalment iħobbu lill-membri sħabhom taʼ l-organizzazzjoni t’Alla, ħuthom spiritwali rġiel u nisa.—Mattew 5:44.
5. Liema ħaġa turi li l-veri Kristjani, fi żminijiet bikrin u llum, kienu magħrufin għall-imħabba tagħhom?
5 Il-Kristjani bikrin kienu magħrufin ħafna għal din l-imħabba li kellhom lejn xulxin. Skond Tertuljanu, il-kittieb tat-tieni seklu, in-nies kienu jgħidu dwarhom: ‘Ara kemm iħobbu lil xulxin, u kif huma lesti li jmutu għal xulxin!’ Imħabba bħal din tidher ukoll fost il-veri Kristjani llum. Imma jfisser dan li qatt ma jinqalgħu problemi jew diffikultajiet fost il-veri Kristjani?
IR-RIŻULTATI TAʼ L-IMPERFEZZJONI
6. Għala saħansitra l-veri Kristjani kultant jidinbu kontra xulxin?
6 Mill-istudju tiegħek tal-Bibbja tirrealizza li lkoll kemm aħna writna l-imperfezzjoni mill-ġenituri oriġinali tagħna, Adam u Eva. (Rumani 5:12) Mela aħna inklinati lejn li nagħmlu l-ħażin. “Aħna lkoll nieħdu gambetta ħafna drabi,” tgħid il-Bibbja. (Ġakbu 3:2; Rumani 3:23) U għandek tkun taf li l-membri taʼ l-organizzazzjoni t’Alla wkoll huma imperfetti u kultant jagħmlu affarijiet li m’humiex sewwa. Dan jistaʼ jirriżulta fi problemi u diffikultajiet saħansitra fost il-veri Kristjani.
7. (a) Għala kien hemm bżonn li jintqal lil Evodja u Sintike “biex ikunu taʼ l-istess fehma”? (b) Liema ħaġa turi li, bażikament, dawn kienu nisa Kristjani mill-aħjar?
7 Ikkunsidra s-sitwazzjoni taʼ żewġ nisa jisimhom Evodja u Sintike fil-kongregazzjoni bikrija taʼ Filippi. L-appostlu Pawlu kiteb: “Inħeġġeġ lil Evodja u nħeġġeġ lil Sintike biex ikunu taʼ l-istess fehma fil-Mulej.” Pawlu għala inkuraġġixxa lil dawn iż-żewġ nisa biex “ikunu taʼ l-istess fehma”? Jidher ċar li kien hemm xi inkwiet bejniethom. Il-Bibbja ma tgħidx x’kien. Forsi kienu b’xi mod għajjurin għal xulxin. Madankollu, bażikament, dawn kienu nisa mill-aħjar. Kienu ilhom Kristjani għal xi żmien, billi snin qabel kienu ħadu sehem maʼ Pawlu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Għalhekk hu kiteb lill-kongregazzjoni: ‘Ibqgħu għinu lil dawn in-nisa li tħabtu spalla maʼ spalla miegħi fl-aħbar tajba.’—Filippin 4:1-3.
8. (a) Liema inkwiet żviluppa bejn Pawlu u Barnabas? (b) Kieku kont preżenti u rajt dan l-inkwiet, xi stajt tikkonkludi?
8 Darba minnhom inqalaʼ l-inkwiet ukoll bejn l-appostlu Pawlu u sieħbu fl-ivvjaġġar, Barnabas. Meta kienu waslu biex jitilqu għat-tieni vjaġġ missjunarju tagħhom, Barnabas ried jieħu magħhom lil kuġinuh Mark. Madankollu, Pawlu ma riedx lil Mark magħhom, peress li Mark kien ħalliehom u telaq lejn id-dar matul l-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom. (Atti 13:13) Il-Bibbja tgħid: “Għal dan kien hemm tfaqqiegħa qawwija taʼ rabja, u b’hekk infirdu minn xulxin.” (Atti 15:37-40) Tistaʼ timmaġinah dak! Kieku kont hemmhekk u rajt din it-“tfaqqiegħa qawwija taʼ rabja,” kont int tikkonkludi li Pawlu u Barnabas ma kinux parti mill-organizzazzjoni t’Alla minħabba l-mod li bih ġabu ruħhom?
9. (a) Pietru xi dnub ikkommetta, u x’ġiegħlu jaġixxi b’dan il-mod? (b) X’għamel Pawlu meta ra x’kien qiegħed jiġri?
9 F’okkażjoni oħra kien l-appostlu Pietru li żbalja. Ma baqax jassoċja mill-qrib mal-Kristjani Ġentili minħabba l-biżaʼ li jitlef il-favur taʼ xi Kristjani Lhud li b’mod żbaljat kienu qegħdin iħarsu bi stmerrija lejn ħuthom il-Ġentili. (Galatin 2:11-14) Meta l-appostlu Pawlu ra dak li kien qiegħed jagħmel Pietru, ikkundanna l-kondotta m’hijiex xierqa taʼ Pietru quddiem kulmin kien preżenti. Kif kont tħossok int kieku kont Pietru?—Ebrej 12:11.
INSOLVU D-DIFFIKULTAJIET BL-IMĦABBA
10. (a) Pietru kif irreaġixxa meta ġie kkorreġut? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Pietru?
10 Pietru setaʼ rrabja għal Pawlu. Setaʼ ġie offiż għall-mod kif Pawlu kkorreġieh quddiem oħrajn. Imma dan m’għamlux. (Ekkleżjasti 7:9) Pietru kien umli. Aċċetta l-korrezzjoni, u ma ħallihiex tberridlu l-imħabba tiegħu lejn Pawlu. (1 Pietru 3:8, 9) Innota kif Pietru iktar tard irrefera għal Pawlu f’ittra taʼ inkuraġġiment lill-Kristjani sħabu: “Ikkunsidraw il-paċenzja tal-Mulej tagħna bħala salvazzjoni, sewwa sew bħalma l-maħbub ħuna Pawlu skond l-għerf mogħti lilu wkoll kitbilkom.” (2 Pietru 3:15) Iva, Pietru ħalla l-imħabba tgħatti d-diffikultà, li f’dan il-każ ġiet minħabba l-kondotta żbaljata tiegħu stess.—Proverbji 10:12.
11. (a) Minkejja t-tfaqqiegħa taʼ rabja tagħhom, Pawlu u Barnabas kif urew li kienu Kristjani veri? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tagħhom?
11 Xi ngħidu dwar il-problema taʼ bejn Pawlu u Barnabas? Din ukoll ġiet solvuta bl-imħabba. Għax iktar tard, meta Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni taʼ Korintu, tkellem dwar Barnabas bħala ħaddiem sieħbu mill-qrib. (1 Korintin 9:5, 6) U għalkemm Pawlu jidher li kellu xi raġuni soda biex jiddubita l-valur taʼ Mark bħala sieħeb fl-ivvjaġġar, dan iż-żagħżugħ iktar tard immatura sal-punt li Pawlu setaʼ jikteb lil Timotew: “Ħu lil Mark u ġibu miegħek, għax hu jiswieli għall-ministeru.” (2 Timotew 4:11) Aħna nistgħu nibbenefikaw minn dan l-eżempju taʼ kif jiġu ssetiljati d-differenzi.
12. (a) Għala nistgħu nassumu li Evodja u Sintike ssetiljaw id-differenzi tagħhom? (b) Skond Galatin 5:13-15, għala huwa vitali li l-Kristjani jsolvu d-differenzi tagħhom bl-imħabba?
12 Sewwa, xi ngħidu dwar Evodja u Sintike? Issetiljaw huma d-differenzi tagħhom, billi ħallew l-imħabba tgħatti kull dnub li setgħu kkommettew kontra xulxin? Il-Bibbja ma tgħidilniex x’ġara minnhom fl-aħħar. Imma, billi kienu nisa tajbin li kienu ħadmu spalla maʼ spalla maʼ Pawlu fil-ministeru Kristjan tiegħu, nistgħu nassumu b’mod raġonevoli li huma bl-umiltà aċċettaw il-parir li ngħataw. Meta rċevew l-ittra taʼ Pawlu, aħna nistgħu biss nimmaġinaw li huma marru għand xulxin u rranġaw il-problema tagħhom fi spirtu taʼ mħabba.—Galatin 5:13-15.
13. Alla Jehovah liema eżempju jagħti f’li juri mħabba?
13 Int, ukoll, tistaʼ ssibha iebsa li tingwalaha maʼ xi persuna, jew persuni, fil-kongregazzjoni. Għalkemm għandhom mnejn għadhom ’il bogħod milli jiżviluppaw il-veri kwalitajiet Kristjani, aħseb dwar dan: Jistenna Alla Jehovah sakemm in-nies jeħilsu mill-mogħdijiet ħżiena tagħhom kollha qabel iħobbhom? Le; il-Bibbja tgħid: “Alla jirrikmanda l-imħabba tiegħu stess lejna f’li, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:8) Aħna għandna bżonn nimxu wara dak l-eżempju t’Alla u nuru mħabba lejn dawk li jagħmlu affarijiet ħżiena u boloh.—Efesin 5:1, 2; 1 Ġwann 4:9-11; Salm 103:10.
14. Ġesù liema parir ta dwar li ma nkunux kritiċi dwar oħrajn?
14 Ladarba aħna lkoll daqshekk imperfetti, Ġesù għallem li m’għandniex inkunu kritiċi dwar oħrajn. Veru, oħrajn għandhom difetti, imma aħna wkoll għandna. “Għala, allura, tħares int lejn it-tibna f’għajn ħuk, imma ma tqisx it-travu f’għajnek stess?” staqsa Ġesù. (Mattew 7:1-5) Billi nżommu f’moħħna dan il-parir għaqli, se niġu mgħejjunin biex ningwalawha maʼ ħutna rġiel u nisa.
15. (a) Għala huwa importanti li naħfru lill-oħrajn saħansitra meta jkollna raġun nilmentaw kontra tagħhom? (b) Fit-tixbieha tiegħu f’Mattew kapitlu 18, Ġesù kif għallem il-ħtieġa li naħfru?
15 Huwa assolutament neċessarju li nkunu mimlijin ħniena u maħfra. Veru, jistaʼ jkollok raġun li tilmenta kontra xi ħadd mill-aħwa. Imma ftakar fil-parir tal-Bibbja: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ieħor.” Imma għala għandek taħfer lill-oħrajn meta għandek raġun ġenwin għalfejn tilmenta kontra tagħhom? Għaliex “Jehovah ħafer lilkom liberament,” twieġeb il-Bibbja. (Kolossin 3:13) U jekk irridu naqilgħu l-maħfra tiegħu, qal Ġesù, irridu naħfru lill-oħrajn. (Mattew 6:9-12, 14, 15) Jehovah, bħas-sultan f’waħda mit-tixbihat taʼ Ġesù, ħafrilna eluf taʼ drabi, u għalhekk ma nistgħux aħna naħfru lil ħutna ftit drabi?—Mattew 18:21-35; Proverbji 19:11.
16. (a) Skond 1 Ġwann 4:20, 21, l-imħabba t’Alla kif inhi marbuta maʼ l-imħabba tal-Kristjani sħabna? (b) X’azzjoni hija meħtieġa jekk ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek?
16 Aħna sempliċement ma nistgħux inkunu qegħdin nipprattikaw il-verità u fl-istess waqt nittrattaw maʼ ħutna b’mod taʼ mingħajr imħabba u maħfra. (1 Ġwann 4:20, 21; 3:14-16) Mela, allura, jekk qatt ikollok xi inkwiet maʼ Kristjan sieħbek, ibqaʼ kellmu. Iżżommx f’qalbek, imma iddritta l-kwistjoni bi spirtu taʼ mħabba. Jekk offendejt lil ħuk, kun lest li titlob skuża u maħfra.—Mattew 5:23, 24.
17. Liema hija l-korsa xierqa li għandek tieħu jekk xi ħadd jonqsok?
17 Imma xi ngħidu jekk xi ħadd jinsulentak, jew jonqsok b’xi mod ieħor? Il-Bibbja twissi: “Tgħidx: ‘Sewwa sew bħalma għamel lili, hekk se nagħmel lilu.’” (Proverbji 24:29; Rumani 12:17, 18) Ġesù Kristu ta parir: “Kulmin jagħtik bil-ħarta fuq ħaddejk il-leminija, dawwarlu l-oħra wkoll.” (Mattew 5:39) Daqqa taʼ ħarta m’hijiex maħsuba li tweġġaʼ fiżikament, imma biss biex tinsulenta jew tipprovoka. Ġesù b’hekk kien qiegħed jgħallem lis-segwaċi tiegħu biex jevitaw li jinqabdu f’xi ġlieda jew argument. Minflok ma ‘tpatti ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir,’ int għandek ‘tfittex il-paċi u tiġri warajha.’—1 Pietru 3:9, 11; Rumani 12:14.
18. X’għandna nitgħallmu mill-eżempju t’Alla li jħobb lill-popli kollha?
18 Ftakar li aħna rridu li ‘jkollna mħabba lejn is-sħubija kollha kemm hi taʼ l-aħwa.’ (1 Pietru 2:17) Alla Jehovah jagħti l-eżempju. Hu mhux parzjali. Ir-razez kollha huma ndaqs f’għajnejh. (Atti 10:34, 35; 17:26) Dawk li se jkunu mħarsin matul it-“tribulazzjoni kbira” li ġejja huma meħudin “mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha.” (Rivelazzjoni 7:9, 14-17) Mela, biex nimitaw ’l Alla, m’għandniex inħobbu lill-oħrajn inqas għaliex huma taʼ razza, nazzjonalità jew pożizzjoni soċjali differenti, jew għax għandhom kulur tal-ġilda differenti.
19. (a) Kif għandna nistmaw lil u nittrattaw maʼ Kristjani sħabna? (b) Liema privileġġ kbir jistaʼ jkun tagħna?
19 Fittex li ssir taf sewwa lil dawk kollha fil-kongregazzjoni Kristjana u se ssir tħobbhom u tapprezzahom. Istma lil min hu akbar minnek bħala missirijiet u ommijiet, lil min hu iżgħar minnek bħala aħwa subjien u bniet. (1 Timotew 5:1, 2) Huwa tassew privileġġ li tkun parti mill-organizzazzjoni viżibbli t’Alla li hija bħal familja u li l-membri tagħha tant jingwalawha maʼ xulxin fl-imħabba. Kemm se tkun ħaġa mill-aħjar li tgħix għal dejjem fil-ġenna fuq l-art maʼ familja li tħobb bħal din!—1 Korintin 13:4-8.
[Stampa f’paġna 233]
X’nistgħu nitgħallmu mill-każ li kien jinvolvi lil Evodja u Sintike?
[Stampa f’paġna 235]
Kien l-argument taʼ bejn Pawlu u Barnabas ifisser li ma kinux membri taʼ l-organizzazzjoni t’Alla?
[Stampa f’paġna 236]
Il-veri Kristjani jħallu l-imħabba tgħatti r-raġunijiet għal ilment
[Stampa f’paġna 237]
Fi ħdan l-organizzazzjoni t’Alla, il-Kristjani huma mqanqlin mill-imħabba biex jingwalawha bħala wħud indaqs