LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 5/15 pp. 7-11
  • Ibqaʼ Agħmel il-Ġid

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqaʼ Agħmel il-Ġid
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ħobbu lill-​Għedewwa Tagħkom”
  • Għala Għandna Naħfru?
  • “Tibqgħux Tiġġudikaw”
  • Kif Għandna Nittrattaw lil Oħrajn
  • Dejjem Agħmel il-​Ġid lil Oħrajn
  • L-Iktar Priedka Famuża Li Qatt Ingħatat
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Il-prietka famuża taʼ fuq il-muntanja
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Kunu Dawk li Tagħmlu l-Kelma, Mhux Semmiegħa Biss
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Dwar Kif Għandna Nittrattaw lil Oħrajn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 5/15 pp. 7-11

Ibqaʼ Agħmel il-​Ġid

“Komplu . . . agħmlu l-​ġid.”—LQ. 6:35.

JISTAʼ jkun taʼ sfida li tagħmel il-​ġid lil oħrajn. Għandu mnejn li xi wħud li nuruhom imħabba ma juruniex imħabba lura. Għalkemm infittxu l-​ġid spiritwali tan-​nies billi nagħmlu sforz biex naqsmu magħhom “l-​aħbar tajba u glorjuża taʼ l-​Alla l-​hieni” u taʼ Ibnu, huma għandhom mnejn juru apatija u nuqqas taʼ gratitudni. (1 Tim. 1:11) Oħrajn juru l-​mibegħda bħala “għedewwa taz-​zokk tat-​tortura tal-​Kristu.” (Flp. 3:18) Bħala Kristjani, kif għandna nittrattawhom?

1, 2. Spiss għala huwa taʼ sfida li tagħmel il-​ġid lil oħrajn?

2 Ġesù Kristu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u agħmlu l-​ġid.” (Lq. 6:35) Issa ejja nikkunsidraw bir-​reqqa din it-​twissija. Aħna se nibbenefikaw ukoll minn punti oħrajn li semma Ġesù dwar li nagħmlu l-​ġid lil oħrajn.

“Ħobbu lill-​Għedewwa Tagħkom”

3 Fil-​Priedka magħrufa tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal lis-​semmiegħa tiegħu biex iħobbu lill-​għedewwa tagħhom u jitolbu għal dawk li jippersegwitawhom. (Aqra Mattew 5:43-45.) Dawk li kienu preżenti f’dik l-​okkażjoni kienu Lhud, li kienu konxji tal-​kmand t’Alla: “La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Lev. 19:18) Il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-​ewwel seklu kienu jsostnu li t-​termini “ulied niesek” u “għajrek” kienu jirreferu biss għal-​Lhud. Il-​Liġi Mosajka kienet tirrikjedi li l-​Iżraelin iżommu separati minn ġnus oħrajn, imma kienet żviluppat l-​idea li dawk kollha li ma kinux Lhud kienu għedewwa, li kellhom jiġu mibgħudin bħala individwi.

4. Id-​dixxipli taʼ Ġesù kif kellhom jaġixxu maʼ l-​għedewwa tagħhom?

4 B’kuntrast, Ġesù ddikjara: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mt. 5:44) Id-​dixxipli tiegħu kellhom jaġixxu bi mħabba maʼ dawk kollha li kienu ostili lejhom. Skond Luqa, wieħed mill-​kittieba taʼ l-​Evanġelji, Ġesù qal: “Lilkom li qed tisimgħu ngħidilkom, Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom, agħmlu l-​ġid lil dawk li jobogħdukom, bierku lil dawk li jisħtukom, itolbu għal dawk li qed jinsultawkom.” (Lq. 6:27, 28) Bħal dawk fl-​ewwel seklu li applikaw dak li għallem Ġesù, aħna ‘nagħmlu l-​ġid lil dawk Ii jobogħduna’ billi naġixxu bil-​ħlewwa maʼ dawk li jkunu ostili lejna. Aħna ‘nbierku lil dawk li jisħtuna’ billi nkellmuhom b’qalb tajba. U ‘nitolbu għal dawk li qed jippersegwitawna’ b’xi vjolenza fiżika jew xi forom oħra taʼ insulti. Talb bħal dan juri li aħna nħobbu lil dawk li jippersegwitawna għax inkunu qed nitolbu lil Ġeħova li qalb dawn l-​uħud tinbidel u jibdew jaġixxu b’tali mod li jġibilhom l-​approvazzjoni tiegħu.

5, 6. Għala għandna nħobbu lill-​għedewwa tagħna?

5 Għala għandna nuru mħabba lill-​għedewwa tagħna? “Sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-​smewwiet,” qal Ġesù. (Mt. 5:45) Jekk nagħtu kas dan il-​parir, aħna nsiru “wlied” Alla fis-​sens li nimitaw lil Ġeħova, li “jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” Bħalma jgħid ir-​rakkont taʼ Luqa, Alla “hu qalbu tajba maʼ l-​ingrati u l-​ħżiena.”—Lq. 6:35.

6 Biex jenfasizza kemm huwa importanti li d-​dixxipli tiegħu ‘jkomplu jħobbu lill-​għedewwa tagħhom,’ Ġesù qal: “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom? Mhux hekk ukoll jagħmlu l-​kolletturi tat-​taxxi? U jekk issellmu lil ħutkom biss, x’qed tagħmlu speċjali? Mhux hekk ukoll jagħmlu n-​nies tal-​ġnus?” (Mt. 5:46, 47) Kieku kellna nħobbu biss lil dawk li jħobbuna ma kienx ikun ħaqqna xi “premju” mingħand Alla, jew, l-​approvazzjoni tiegħu. Anki l-​kolletturi tat-​taxxi, li ġeneralment kienu disprezzati, kienu juru mħabba lejn dawk li kienu jħobbuhom.—Lq. 5:30; 7:34.

7. Għala ma jkun xejn speċjali li kieku kellna nsellmu lil ‘ħutna’ biss?

7 It-​tislima Lhudija komuni kienet tinkludi l-​kelma “sliem.” (Mħ. 19:20; Ġw. 20:19) Din kienet timplika li individwu jkun jixtieq saħħa, ġid, u prosperità lill-​persuna li jkun qed isellmilha. Ma tkunx xi ħaġa “speċjali” kieku kellna nsellmu biss lil dawk li nqisuhom bħala ‘ħutna.’ Bħalma wera Ġesù, “in-​nies tal-​ġnus” kienu jagħmlu l-​istess l-​ħaġa.

8. Ġesù x’kien qed jinkuraġġihom jagħmlu lis-​semmiegħa tiegħu meta qal: ‘Kunu perfetti’?

8 Minħabba d-​dnub li wirtu, kien impossibbli għad-​dixxipli taʼ Kristu li jkunu bla difett, jew perfetti. (Rum. 5:12) Madankollu, Ġesù kkonkluda din il-​parti tat-​taħdita tiegħu billi qal: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom tas-​sema.” (Mt. 5:48) B’hekk, hu kien qed jinkuraġġixxi lis-​semmiegħa tiegħu biex jimitaw lil ‘Missierhom tas-​sema,’ Ġeħova, billi jipperfezzjonaw imħabbithom, jiġifieri, jagħmluha kompleta billi jħobbu lill-​għedewwa tagħhom. L-​istess hu mistenni minna.

Għala Għandna Naħfru?

9 Aħna nibqgħu nagħmlu l-​ġid meta bi ħniena naħfru lil xi ħadd li dineb kontrina. Fil-​fatt, parti mit-​talba mudell taʼ Ġesù fiha dan il-​kliem: “Aħfrilna d-​djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-​dejn magħna.” (Mt. 6:12) M’għandniex xi ngħidu, dan ma jirreferix għal li naħfru dejn finanzjarju. L-​Evanġelju taʼ Luqa juri li d-​“djun” li Ġesù kellu f’moħħu huma dnubiet, għax jgħid: “Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kulmin għandu d-​dejn magħna.”—Lq. 11:4.

10. Kif nistgħu nimitaw lil Alla rigward il-​maħfra?

10 Hemm bżonn nimitaw lil Alla, li jaħfer mill-​qalb lill-​midinbin li jindmu. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-​qalb bi Kristu.” (Efes. 4:32) Is-​salmista David kanta: “Ħanin u twajjeb il-​Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. . . . Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. . . . Daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. Bħalma jħenn il-​missier għal uliedu, hekk iħenn il-​Mulej għal min għandu l-​biżaʼ tiegħu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:8-14.

11. Alla lil min jaħfer?

11 In-​nies jistgħu jaqilgħu l-​maħfra t’Alla biss jekk huma jkunu diġà ħafru lil dawk li dinbu kontrihom. (Mk. 11:25) Biex jenfasizza dan il-​punt, Ġesù żied: “Għax jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfrilkom ukoll; filwaqt li jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.” (Mt. 6:14, 15) Iva, Alla jaħfer biss lil dawk li jaħfru minn qalbhom lil oħrajn. U mod wieħed kif nibqgħu nagħmlu l-​ġid hu billi naġixxu fi qbil mal-​parir taʼ Pawlu: “Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—Kol. 3:13.

“Tibqgħux Tiġġudikaw”

12. Ġesù liema parir ta dwar li niġġudikaw lil oħrajn?

12 Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù semma mod ieħor kif nistgħu nagħmlu l-​ġid meta qal lis-​semmiegħa tiegħu biex ma jibqgħux jiġġudikaw lil oħrajn, u mbagħad uża tixbiha qawwija sabiex jenfasizza dan il-​punt. (Aqra Mattew 7:1-5.) Ejja nikkunsidraw dak li ried ifisser Ġesù meta qal: “Tibqgħux tiġġudikaw.”

13. Is-​semmiegħa taʼ Ġesù kif setgħu ‘jibqgħu jiskużaw’?

13 Fl-​Evanġelju taʼ Mattew insibu li Ġesù qal: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.” (Mt. 7:1) Skond Luqa, Ġesù qal: “Tibqgħux tiġġudikaw, u żgur ma tiġux ġudikati; u tibqgħux tikkundannaw, u żgur ma tiġux kundannati. Ibqgħu skużaw, u tiġu skużati.” (Lq. 6:37) Il-​Fariżej taʼ l-​ewwel seklu kienu jiġġudikaw lin-​nies b’mod aħrax biex iżommu mat-​tradizzjonijiet li ma kinux Skritturali. Kwalunkwe wieħed mis-​semmiegħa taʼ Ġesù li kien jagħmel dan kellu jieqaf ‘jiġġudika.’ Minflok, huma kellhom ‘jibqgħu jiskużaw,’ jiġifieri, jaħfru n-​nuqqasijiet t’oħrajn. L-​appostlu Pawlu ta parir simili dwar il-​maħfra, kif issemma hawn fuq.

14. Permezz tal-​maħfra li juru, id-​dixxipli taʼ Ġesù x’kienu se jqanqlu lin-​nies biex jagħmlu?

14 Permezz tal-​maħfra li juru, id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu se jqanqlu lin-​nies biex jaħfru. “Bl-​istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati,” qal Ġesù, “u bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom.” (Mt. 7:2) Rigward il-​mod kif nittrattaw lil oħrajn, aħna se naħsdu dak li niżirgħu.—Gal. 6:7.

15. Ġesù kif wera li huwa ħażin li tikkritika ż-​żejjed?

15 Ftakar li sabiex juri kemm hu ħażin li tikkritika żżejjed, Ġesù staqsa: “Għala, mela, tħares lejn it-​tibna f’għajn ħuk, imma ma tqisx it-​travu li għandek f’għajnek? Jew kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek it-​tibna minn għajnek’; meta, ara, int għandek travu f’għajnek?” (Mt. 7:3, 4) Individwu li għandu t-​tendenza li jikkritika lil ħaddieħor jinnota xi żball żgħir “f’għajn” ħuh. Dak li jikkritika jissuġġerixxi li ħuh ma jarax l-​affarijiet sew u jonqsu d-​dehen. Għalkemm l-​iżball huwa żgħir—bħal ftit tiben—il-​wieħed li jikkritika joffri li ‘jneħħi t-​tibna.’ B’ipokrisija, hu joffri li jgħin lil ħuh biex jara l-​affarijiet b’mod iktar ċar.

16. Għala nistgħu ngħidu li l-​Fariżej kellhom “travu” f’għajnhom?

16 Il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu b’mod speċjali jikkritikaw lil oħrajn. Per eżempju: Meta ċertu raġel agħma, li tfejjaq minn Kristu, qal li Ġesù bilfors li ġie minn Alla, il-​Fariżej wieġbu b’rabja: “Int twilidt kollok kemm int fid-​dnubiet u tgħallem lilna?” (Ġw. 9:30-34) Rigward l-​abbiltà li jiġġudikaw kif jixraq skond il-​livelli taʼ Ġeħova, il-​Fariżej kellhom “travu” f’għajnhom stess u kienu totalment għomja. Għalhekk, Ġesù esklama: “Ipokrita! L-​ewwel neħħi t-​travu minn għajnek, u mbagħad tara ċar kif tneħħi t-​tibna minn għajn ħuk.” (Mt. 7:5; Lq. 6:42) Jekk aħna determinati li nagħmlu l-​ġid u nittrattaw lil oħrajn sew, m’aħniex se nkunu wħud li nikkritikaw b’mod aħrax billi dejjem infittxu t-​tibna figurattiva f’għajn ħuna. Minflok, se nirrikonoxxu li aħna imperfetti u li għalhekk għandna nevitaw li niġġudikaw jew nikkritikaw lil sħabna fit-​twemmin.

Kif Għandna Nittrattaw lil Oħrajn

17. Fi qbil maʼ Mattew 7:12, kif għandna nittrattaw lil oħrajn?

17 Fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ġibed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li Alla jaġixxi taʼ missier mal-​qaddejja Tiegħu billi jwieġeb it-​talb tagħhom. (Aqra Mattew 7:7-12.) Taʼ min jinnota li Ġesù stabbilixxa din ir-​regola taʼ kondotta: “Għalhekk, kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mt. 7:12) Nistgħu nuru li aħna segwaċi veri taʼ Ġesù Kristu biss jekk nittrattaw lill-​bnedmin sħabna b’dan il-​mod.

18. “Il-​Liġi” kif uriet li għandna nittrattaw lil oħrajn bil-​mod li nixtiquhom jittrattaw lilna?

18 Wara li qal li għandna nittrattaw lil oħrajn kif nixtiequ li huma jittrattaw lilna, Ġesù żied: “Fil-​fatt, dan ifissru l-​Liġi u l-​Profeti.” Meta nittrattaw lil oħrajn bil-​mod kif wera Ġesù, aħna nkunu qed naġixxu fi qbil maʼ l-​ispirtu tal-​“Liġi”—il-​kitbiet li jifformaw il-​kotba Bibliċi minn Ġenesi sa Dewteronomju. F’dawn il-​kotba, minbarra li nsibu l-​iskop taʼ Ġeħova li jipproduċi nisel li kien se jneħħi l-​ħażen, insibu wkoll il-​Liġi li Alla ta lill-​ġens taʼ Iżrael permezz taʼ Mosè fis-​sena 1513 Q.E.K. (Ġen. 3:15) Fost affarijiet oħrajn, il-​Liġi għamlitha ċara li l-​Iżraelin kellhom ikunu ġusti, imparzjali, u kellhom jagħmlu l-​ġid lill-​fqar u lill-​barranin f’dik l-​art.—Lev. 19:9, 10, 15, 34.

19. “Il-​Profeti” kif juru li għandna nagħmlu l-​ġid?

19 Meta rrefera għall-​“Profeti,” Ġesù kellu f’moħħu l-​kotba profetiċi taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. Fihom hemm il-​profeziji Messjaniċi li twettqu fi Kristu nnifsu. Kitbiet bħal dawn juru wkoll li Alla jbierek lin-​nies tiegħu meta jagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejh u jittrattaw lil oħrajn kif jixraq. Per eżempju, il-​profezija taʼ Isaija tat dan il-​parir lill-​Iżraelin: “Dan jgħid il-​Mulej: ‘Żommu s-​sewwa u agħmlu l-​ġustizzja, . . . Hieni r-​raġel li jagħmel dan, u l-​bniedem li jżomm sħiħ fih, . . . u [li] jżomm idu ’l bogħod mill-​għemil ħażin.’” (Is. 56:1, 2) Iva, Alla jistenna li n-​nies tiegħu jibqgħu jagħmlu l-​ġid.

Dejjem Agħmel il-​Ġid lil Oħrajn

20, 21. Il-​folol kif irreaġixxew għall-​Priedka li Ġesù ta fuq il-​Muntanja, u għala għandek timmedita fuqha?

20 Ikkunsidrajna biss ftit mill-​ħafna punti vitali li semma Ġesù fil-​Priedka bla paragun li ta fuq il-​Muntanja. Minkejja dan, nistgħu nifhmu faċilment ir-​reazzjoni taʼ dawk li semgħu dak li qal f’din l-​okkażjoni. Il-​Bibbja tgħid: “Issa, meta Ġesù temm dan id-​diskors, ġara li l-​folol baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom; għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-​awtorità, u mhux bħall-​iskribi tagħhom.”—Mt. 7:28, 29.

21 Ġesù Kristu wera bla dubju taʼ xejn li hu kien il-​“Kunsillier taʼ l-​għaġeb” imbassar. (Is. 9:5 [9:6, NW]) Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja hija eżempju mill-​aqwa taʼ l-​għarfien li Ġesù għandu dwar il-​mod kif iqis l-​affarijiet Missieru tas-​sema. Minbarra l-​punti li ddiskutejna, din it-​taħdita fiha ħafna informazzjoni dwar l-​hena ġenwin, dwar kif naħarbu l-​immoralità, dwar il-​mod kif nipprattikaw is-​sewwa, dwar dak li għandna nagħmlu biex ingawdu futur fis-​sigurtà u hieni, u dwar ħafna affarijiet oħrajn. Għala ma terġax taqra bir-​reqqa u bit-​talb minn Mattew kapitli 5 sa 7? Immedita fuq il-​pariri taʼ l-​għaġeb li ta Ġesù u li huma mniżżlin hemmhekk. Applika f’ħajtek dak li Kristu qal fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja. Imbagħad int tkun tistaʼ iktar togħġob lil Ġeħova, tittratta lil oħrajn kif jixraq, u tibqaʼ tagħmel il-​ġid.

Int Kif Twieġeb?

• Kif għandna nittrattaw lill-​għedewwa tagħna?

• Għala għandna naħfru?

• Ġesù x’qal dwar li niġġudikaw lil oħrajn?

• Skond Mattew 7:12, kif għandna nittrattaw lil oħrajn?

3. (a) Fi kliemek, għid fil-​qosor x’qal Ġesù f’Mattew 5:43-45. (b) Liema idea dwar il-​Lhud u dawk li ma kinux Lhud kienet żviluppat fost il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-​ewwel seklu?

9. Xi jfisser il-​kliem: “Aħfrilna d-​djun tagħna”?

[Kumment f’paġna 10]

Taf għala Ġesù qal: “Tibqgħux tiġġudikaw”?

[Stampa f’paġna 8]

Għala għandna nitolbu għal dawk li jippersegwitawna?

[Stampa f’paġna 10]

Int dejjem tittratta lil oħrajn kif tixtieq li tiġi trattat int?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja