Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għala Nħossni li Għandi Nkun Perfett?
“Peress li missieri kien għalliem, kulħadd stenna li jiena nġib l-iktar marka għolja f’kull suġġett. Kultant kont nibki sakemm norqod.”—Leah.a
“Jien perfezzjonista. Irrid inkun l-aħjar f’dak li nagħmel jew nagħmlu b’mod kompletament differenti minn ħaddieħor għax inkella ma jkun fih ebda skop.”—Caleb.
TĦOSSOK li dejjem għandek tkun perfett? Qiegħed il-ħin kollu tinkwieta li tipprova kemm tipprova, qatt m’inti sodisfatt bik innifsek? Tħossok li m’intix kapaċi taċċetta kwalunkwe tip taʼ kritika? Meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb, twaħħal fik innifsek, takkuża lilek innifsek li int iblah, inferjuri, jew li ma tiswa għalxejn? Jekk trid li xi ħaġa ssir sewwa, tħoss li int għandek tagħmilha ? Toqgħod int tittratieni jew ma tagħmel xejn minħabba l-biżaʼ li se tfalli?
Xi ngħidu għar-relazzjonijiet tiegħek m’oħrajn? Issib li m’għandekx ħbieb għax dawk taʼ madwarek m’humiex perfetti biżżejjed? Iffissat int fuq in-nuqqasijiet t’oħrajn? Jekk it-tweġiba għal kwalunkwe waħda minn dawn il-mistoqsijiet hija iva, allura forsi qed tissara maʼ dak li jsejħulu perfezzjoniżmu. U jekk dan hu l-każ, m’intix waħdek. Din il-karatteristika hija komuni fiż-żgħażagħ—speċjalment fost dawk li għandhom talent speċjali jew li jgawdu ħafna suċċess minħabba l-isforzi li jagħmlu.b
X’jikkaġuna l-perfezzjoniżmu? Riċerkaturi għandhom biss teoriji. Il-ktieb Perfectionism—What’s Bad About Being Too Good? (Il-Perfezzjoniżmu—X’Hemm Ħażin f’li Tkun Tajjeb Iżżejjed?) jissuġġerixxi: “Il-perfezzjoniżmu m’huwiex xi marda; ma ħadtux mingħand xi ħadd. Il-perfezzjoniżmu m’huwiex ereditarju; ma twilidtx bih. Allura kif sirt perfezzjonista? Xi esperti jemmnu li l-perfezzjoniżmu jiżviluppa matul it-tfulija. Pressjoni mingħand il-familja, pressjoni li titfaʼ fuqek innifsek, pressjoni minn dawk taʼ madwarek, pressjoni mill-mezzi tax-xandir, u xempji mhux realistiċi, jifformaw Pressjoni Kbira li twassal lil xi wħud biex iqattgħu għomorhom jinkwetaw, iħossuhom ħatjin, u jaħdmu żżejjed.”
Ikun xi jkun il-kaġun, il-fatt li dejjem tkun trid tkun perfett jistaʼ jħassarlek ħajtek. Ejja nieħdu ħarsa iktar mill-qrib tal-perfezzjoniżmu u għala jistaʼ jikkaġunalek il-ħsara.
X’Inhu l-Perfezzjoniżmu?
Il-perfezzjoniżmu jinvolvi iktar milli sempliċement tistinka biex tagħmel l-aħjar li tistaʼ jew issib sodisfazzjon b’xogħol li tkun għamilt tajjeb. Wara kollox, fi Proverbji 22:29, il-Bibbja tfaħħar lir-raġel li hu “mħarreġ fis-sengħa tiegħu.” Il-Bibbja wkoll issemmi b’mod favorevoli numru taʼ individwi li kkultivaw diversi abbiltajiet sa livell għoli. (1 Samwel 16:18; 1 Slaten 7:13, 14) Għalhekk, huwa tajjeb li tistinka biex tagħmel l-aħjar li tistaʼ billi tagħmel miri kbar imma realistiċi. B’hekk, wieħed jistaʼ “jgawdi l-frott taʼ xogħlu.”—Koħèlet 2:24.
Madankollu, il-perfezzjonista jitlef dan it-tip taʼ sodisfazzjon. Il-ħarsa tiegħu lejn dak li jrid jilħaq m’hijiex waħda raġunevoli. Skond xi esperti, il-perfezzjoniżmu jinvolvi “miri li ma jistgħux jintlaħqu (jiġifieri l-perfezzjoni), u nuqqas kontinwu taʼ sodisfazzjon, minkejja għemil tajjeb.” Bħala riżultat, il-perfezzjoniżmu huwa “bidu kroniku taʼ stress, li spiss iħalli lill-individwu jħossu fallut.” Sors wieħed jagħti t-tifsira għall-perfezzjoniżmu bħala “t-twemmin mhux raġunevoli li int u/jew l-ambjent tiegħek għandhom ikunu perfetti.” Huwa “attitudni li tinxtered li dak kollu li tipprova tagħmel fil-ħajja għandu jsir b’mod perfett mingħajr ebda tagħwiġ, żbalji, jew kontradizzjonijiet.”
Imma Ġesù ma qalx: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”? (Mattew 5:48) Iva, imma Ġesù ma kienx qed jgħid li wieħed jistaʼ jkun perfett f’sens assolut. Fil-fatt, il-Bibbja tgħallem li “kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23) Allura, x’ried ifisser Ġesù? Fil-Bibbja l-kelma “perfett” tagħti t-tifsira taʼ li tkun komplet. (Mattew 19:21) Meta Ġesù qal li għandna nkunu perfetti, hu kien qed jiddiskuti l-imħabba u jinkuraġġixxi lis-segwaċi tiegħu biex imħabbithom tkun iktar kompleta jew sħiħa. Kif? Billi jifirxu l-imħabba tagħhom sabiex jinkludu l-għedewwa tagħhom. Il-kittieb Bibliku Luqa jiddokumenta dak li qal Ġesù: “[“Komplu,” NW] ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.”—Luqa 6:36.
Madankollu, il-perfezzjonisti jaħdmu bl-idea falza li huwa possibbli li tkun perfett f’sens assolut. Minħabba f’hekk forsi jkunu qed jistennew ħafna minn ħaddieħor. Skond il-ktieb Never Good Enough—Freeing Yourself From the Chains of Perfectionism (Qatt M’Int Tajjeb Biżżejjed—Kif Tinħeles mill-Ktajjen tal-Perfezzjoniżmu), il-perfezzjonisti huma “nies frustrati bil-mod kif oħrajn jidhru li jagħmlu xogħolhom . . . Fl-opinjoni tagħhom, in-nies taʼ madwarhom la jimpurtahom milli jagħmlu xogħolhom tajjeb, u lanqas ma jsibu sodisfazzjon b’dak li jagħmlu.”
Per eżempju, Carly li hija tajba ħafna fl-iskola, ġiet imdaħħla fi programm għal dawk l-istudenti li għandhom talent speċjali. Madankollu, f’relazzjonijiet persunali ma kellhiex daqshekk suċċess. Minħabba li tkun trid kollox perfett, tilfet ħafna mill-ħbieb tagħha. Hi tispjega, “Naħseb li kienu wisq imperfetti.”
Oħrajn forsi jfittxu l-perfezzjoni, mhux minn ħaddieħor, imma minnhom infushom. Il-ktieb Never Good Enough jispjega li dawn l-uħud iħossu li “huma jew l-azzjonijiet tagħhom m’humiex tajbin biżżejjed . . . , u [huma] konċernati b’mod partikulari dwar dak li jaħseb ħaddieħor dwarhom.”
Il-Problema Meta Tipprova Tkun Perfett
Minflok ma tkun t’għajnuna u taʼ benefiċċju, mela, it-tfittxija għall-perfezzjoni spiss tkun taʼ periklu u taʼ ħsara. U minflok ma tippromwovi li wieħed jagħmel l-aħjar li jistaʼ, ħarsa bħal din tippromwovi falliment. Raġel Kristjan jismu Daniel jiftakar kemm ħadem iebes u għal ħin twil fuq taħdita li ġie assenjat jagħti fi klassi tas-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Ħafna fl-udjenza faħħruh għall-parti eċċellenti li għamel. Imbagħad, Daniel irċieva xi suġġerimenti t’għajnuna bit-tattika mingħand l-istruttur. Il-Bibbja tinkuraġġina biex ‘nisimgħu l-parir u nilqgħu t-tagħlim.’ (Proverbji 19:20) Imma minflok m’aċċetta l-parir li setaʼ jibnih, Daniel ħassu li kien falla. Hu jiftakar: “Ridt immur ninħeba.” Għal ġimgħat sħaħ għadda ljieli bla rqad.
Għalhekk, il-perfezzjoniżmu jistaʼ jtellef il-proċess tat-tagħlim. F’artiklu li deher fuq Web site għaż-żgħażagħ, tfajla jisimha Rachel tikteb: “Meta bdejt l-iskola sekondarja kont determinata li mmur tajjeb. Minn dejjem kont studenta li nġib l-ogħla marki u ma rajtx għala dan kellu jinbidel.” Imma Rachel malajr sabet li kellha xi diffikultajiet fl-alġebra u ġabet “biss” B+. “Għal oħrajn din kienet marka tajba ħafna,” tirrakkonta Rachel, “imma għalija . . . dan kien imbarazzanti. Jien bdejt nippanikja u ninkwieta . . . Bdejt nibżaʼ nistaqsi lill-għalliem tiegħi għall-għajnuna għaliex ħsibt li jekk nammetti li kelli bżonn l-għajnuna fil-ħowmwerk dan kien juri li ma stajtx nifhmu. . . . Kultant kważi kkonvinċejt lili nnifsi li aħjar immut milli ma ngħaddix.”
Maħkumin mill-biżaʼ li jfallu, xi żgħażagħ saħansitra kkunsidraw li jikkommettu suwiċidju. Fortunatament, il-maġġuranza taż-żgħażagħ ma tiġihomx f’moħħhom li jieħdu dan il-pass drastiku. Imma bħalma tosserva Sylvia Rimm, esperta tas-saħħa mentali, jistgħu jipprovaw jaħarbu l-falliment billi ma jiħdux ir-riskju. Skond Rimm, xi perfezzjonisti “ma jagħtux xogħolhom lill-għalliema, ma jkunux kuntenti b’xogħolhom, jinsew il-ħowmwerk tagħhom, iġibu l-iskużi.”
Min-naħa l-oħra, żgħażagħ oħra jistgħu jmorru fl-estrem biex ikunu ċerti li jkollhom is-suċċess. “Kont nibqaʼ mqajjem sa tard bil-lejl naħdem fuq proġetti taʼ l-iskola biex inġibhom perfetti,” jammetti Daniel. Il-problema hija, li dawn l-estremi s-soltu jaħdmu bil-kontra. Student bi ngħas għandu iktar ċans li jaħdem ħażin.
Mela, mhux taʼ b’xejn li l-perfezzjoniżmu huwa marbut maʼ li wieħed iħossu ma jiswa għalxejn, maʼ rabja kronika, sentimenti taʼ ħtija, pessimiżmu, problemi konnessi maʼ l-ikel, u dipressjoni. Minkejja dan, l-iktar ħaġa serja hija li l-perfezzjoniżmu jistaʼ jikkaġuna ħsara għall-ispiritwalità taʼ dak li jkun. Per eżempju, il-Bibbja tikkmanda lill-Kristjani biex jesprimu l-fidi tagħhom m’oħrajn. (Rumani 10:10; Lhud 10:24, 25) Madankollu, żagħżugħa jisimha Vivian żammet lura milli tikkummenta fil-laqgħat Kristjani minħabba li beżgħet li ma tgħidx kollox bl-eżatt. Żagħżugħa jisimha Leah esprimiet biżaʼ simili. Hi tgħid: “Jekk ngħid xi ħaġa ħażina, oħrajn se jaslu għal konklużjoni ħażina dwari. Allura nżomm dak li nkun qed naħseb għalija.”
Għalhekk, b’mod ċar, il-bżonn li nkunu perfetti huwa perikoluż u taʼ dannu. U jekk għandek xi waħda minn dawn il-karatteristiċi deskritti f’dan l-artiklu, forsi tara l-bżonn li tagħmel xi bidliet fil-ħsieb tiegħek. Artiklu li se joħroġ ’il quddiem se jiddiskuti kif int tistaʼ tagħmel dan.
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
b Skond studju wieħed li sar fi skola waħda, 87.5 fil-mija taʼ dawk l-istudenti b’talent speċjali kellhom tendenzi li jkunu perfezzjonisti.
[Stampa f’paġna 12]
Il-biżaʼ li jfallu jżomm lil xi żgħażagħ milli jispiċċaw xi inkarigi
[Stampa f’paġna 13]
Il-perfezzjoniżmu jistaʼ jġiegħel liż-żgħażagħ jaqgħu f’dipressjoni u jħossu nuqqas taʼ rispett lejhom infushom