LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 8/1 pp. 5-7
  • Kif Għandna Nitolbu lil Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Għandna Nitolbu lil Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isem Li Jrid Jiġi Mqaddes
  • Suġġetti Xierqa Għat-​Talb
  • Iktar Pariri Dwar It-​Talb
  • Talb Li Alla Jismaʼ
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Kif Tikseb Għajnuna Permezz Tat-Talb
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Bit-Talb Issir Iżjed Ħabib t’Alla
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Dwar Talb li Jismaʼ Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 8/1 pp. 5-7

Kif Għandna Nitolbu lil Alla?

META dixxiplu talab għal struzzjoni dwar it-​talb, Ġesù ma rrifjutax li jagħtihielu. Skond Luqa 11:2-4, hu wieġeb: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek tiġi Saltnatek. Agħtina kuljum il-​ħobż tagħna taʼ kuljum. U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-​tiġrib.’” Normalment din hija magħrufa bħala t-​Talba tal-​Missierna. Twassal minjiera taʼ informazzjoni.

L-ewwel ħaġa, appuntu l-​ewwel kelma tgħidilna lil min għandu jiġi indirizzat it-​talb tagħna​—lil Missierna. Innota li Ġesù bl-​ebda mod ma ta wisaʼ għal talb magħmul lil xi persuna oħra, xbiha, “qaddis,” jew saħansitra lilu nnifsu. Wara kollox, Alla kien iddikjara: “Ma nċedi lil ħadd il-​glorja tiegħi; lanqas lill-​idoli t-​tifħir tiegħi.” (Isaija 42:8) Talb indirizzat lil xi ħaġa jew lil xi ħadd ieħor minbarra lil Missierna tas-​smewwiet ma jiġix għalhekk mismugħ minnu, ikun kemm ikun sinċier l-​adoratur. Fil-​Bibbja, Alla Jehovah biss hu msejjaħ ‘Semmiegħ it-​talb.’—Salm 65:3 [Salm 65:2, New World Translation].

Xi wħud jistgħu jgħidu li l-​“qaddisin” sempliċement jagħmluha taʼ interċessuri m’Alla. Imma Ġesù nnifsu struwixxa: “Jiena hu t-​Triq, il-​Verità u l-​Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-​Missier jekk mhux permezz tiegħi. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-​Missier ikun igglorifikat permezz taʼ Ibnu.” (Ġwann 14:6, 13) Ġesù b’hekk eskluda l-​idea li kull min jissejjaħ qaddis jistaʼ jservi l-​irwol taʼ interċessur. Osserva wkoll dak li l-​appostlu Pawlu qal rigward Kristu: “Li miet, jew aħjar, qam mill-​imwiet, jinsab fuq il-​lemin taʼ Alla, hu li jidħol għalina.” “Huwa jistaʼ jsalva għal kollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqaʼ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.”—Rumani 8:34; Lhud 7:25.

L-​Isem Li Jrid Jiġi Mqaddes

Il-​kliem li segwa fit-​talba taʼ Ġesù kien: “Jitqaddes ismek.” Kif jistaʼ wieħed iqaddes, jiġifieri, jissantifika, jew jagħmel jispikka, l-​isem t’Alla jekk wieħed ma jkunx jafu u jużah? Iktar minn 6,000 darba fit-​“Testment l-​Antik,” Alla huwa identifikat bl-​isem persunali Jehovah.

Nota taʼ taħt f’Eżodu 6:3 fid-​Douay Version Kattolika tgħid rigward l-​isem t’Alla: “Xi wħud moderni fformulaw l-​isem Jehovah . . . , għax il-​pronunzja vera taʼ l-​isem [t’Alla], li jinsab fit-​test Ebrajk, minħabba li ma ntużax għal żmien twil intilfet għal kollox.” Il-​Bibbja Kattolika New Jerusalem Bible għalhekk tuża l-​isem Yahweh (Jaħweh). Għalkemm xi studjużi jiffavorixxu dik il-​pronunzja, “Jehovah” huwa mod leġittimu u li ilu stabbilit taʼ kif tippronunzja l-​isem divin bl-​Ingliż. Lingwi oħrajn għandhom il-​modi tagħhom kif jippronunzjaw l-​isem divin. L-​aqwa ħaġa hi li nużaw l-​isem sabiex inqaddsuh. Għallmitek il-​knisja tiegħek biex tuża l-​isem Jehovah fit-​talb?

Suġġetti Xierqa Għat-​Talb

Ġesù mbagħad għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Tiġi Saltnatek.” Il-​Vanġelu taʼ Mattew iżid il-​kelmiet: “Ikun li trid int, kif fis-​sema, hekka fl-​art.” (Mattew 6:10) Is-​Saltna t’Alla hija gvern f’idejn Ġesù Kristu. (Isaija 9:6, 7) Skond il-​profezija tal-​Bibbja, din dalwaqt se twarrab il-​gvernijiet umani kollha u ġġib era taʼ paċi globali. (Salm 72:1-7; Danjel 2:44; Apokalissi 21:3-5) Il-​veri Kristjani għalhekk jagħmlu l-​miġja tas-​Saltna t-​tema fit-​talb tagħhom għal darba wara l-​oħra. Għallmitek il-​knisja tiegħek biex tagħmel hekk?

Taʼ interess, Ġesù wera wkoll li t-​talb tagħna jistaʼ jinkludi affarijiet persunali li jikkonċernawna. Hu qal: “Agħtina kuljum il-​ħobż tagħna taʼ kuljum. U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-​tiġrib.” (Luqa 11:3, 4) Il-​kliem taʼ Ġesù jimplika li nistgħu nfittxu r-​rieda t’Alla fl’affarijiet taʼ kuljum, li nistgħu nersqu quddiem Jehovah dwar kull ħaġa li tistaʼ tinkwetana jew li tiddisturba l-​paċi mentali tagħna. Li nitolbu regolarment ’l Alla b’dan il-​mod jgħinna napprezzaw id-​dipendenza tagħna minnu. Aħna b’hekk insiru konxji iktar taʼ l-​influwenza tiegħu f’ħajjitna. Li taʼ kuljum nitolbu lil Alla jaħfrilna l-​offiżi tagħna huwa daqstant ieħor taʼ benefiċċju. Aħna b’hekk insiru iktar konxji tad-​dgħjufijiet tagħna​—u iktar tolleranti għan-​nuqqasijiet t’oħrajn. It-​tħeġġiġ taʼ Ġesù biex nitolbu għall-​ħelsien mit-​tiġrib huwa wkoll xieraq, speċjalment fid-​dawl tat-​tnawwir tal-​morali taʼ din id-​dinja. Fi qbil maʼ dik it-​talba, aħna attenti li nevitaw ċirkostanzi u sitwazzjonijiet li jistgħu jwassluna biex nikkommettu l-​ħażen.

M’hemm ebda dubju, allura, li t-​talba tal-​Missierna tgħidilna bosta dwar li noffru talb li jogħġob lil Alla. Imma kellu Ġesù l-​intenzjoni li naqbdu din it-​talba u sempliċement nirrepetuha regolarment?

Iktar Pariri Dwar It-​Talb

Ġesù ta iktar struzzjonijiet dwar it-​talb. F’Mattew 6:​5, 6, naqraw: “Meta titolbu, tkunux bħal dawk taʼ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu fis-​sinagogi u f’salib it-​toroq, biex jidhru quddiem in-​nies. . . . Iżda int, meta titlob, idħol fil-​kamra tiegħek taʼ ġewwa, agħlaq il-​bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-​moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-​moħbi, iroddlok hu.” Dan il-​kliem jgħallimna li t-​talb m’għandux ikun offrut b’mod fieragħ u għal għajn in-​nies sabiex jimpressjona lil xi ħadd. Tiftaħ int qalbek maʼ Jehovah privatament, bħalma tħeġġeġ il-​Bibbja?—Salm 62:9 [Salm 62:8, NW].

Ġesù ta din it-​twissija: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-​pagani; dawn minn għalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.” (Mattew 6:7) B’mod ċar, Ġesù ma approvax li nimmemorizzaw it-​talb​—wisq iktar li naqrawh minn xi ktieb. Kliemu jaqtaʼ barra wkoll l-​użu tar-​rużarju.

Missal Kattoliku jammetti: “L-​aqwa talba tagħna tistaʼ tkun il-​ħsibijiet spontanji tagħna nfusna meta nersqu lejh bi gratitudni jew b’xi bżonn, fi żminijiet taʼ niket, jew fl-​adorazzjoni regulari tagħna taʼ kuljum lejh.” It-​talb taʼ Ġesù stess kien spontanju, mhux memorizzat. Per eżempju, aqra t-​talba taʼ Ġesù mniżżla fi Ġwann kapitlu 17. Hija fi qbil mat-​talba mudell, billi tenfasizza x-​xewqa taʼ Ġesù li jara isem Jehovah jiġi mqaddes. It-​talba taʼ Ġesù kienet spontanja u minn qiegħ qalbu.

Talb Li Alla Jismaʼ

Jekk ġejt mgħallem toffri talb memorizzat, li titlob lill-​“qaddisin” jew lix-​xbihat, jew li tuża oġġetti reliġjużi, bħalma hija l-​kuruna tar-​rużarju, l-​idea li titlob bil-​mod li Ġesù wera tistaʼ għall-​ewwel tbeżżgħek. Madankollu, iċ-​ċavetta hija li ssir taf ’l Alla​—ismu, l-​iskopijiet tiegħu, il-​personalità tiegħu. Jistaʼ jirnexxilek tagħmel dan permezz taʼ studju bir-​reqqa tal-​Bibbja. (Ġwann 17:3) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma lesti u jixtiequ jgħinuk f’dan ir-​rigward. Iva, għenu miljuni madwar id-​dinja ‘jippruvaw u jaraw kemm hu tajjeb il-​Mulej’! (Salm 34:9 [Salm 34:8, NW]) Iktar ma ssir taf lil Alla, iktar se titqanqal biex tfaħħru fit-​talb. U iktar ma tersaq qrib Jehovah f’talb reverenzjali, eqreb se ssir ir-​relazzjoni tiegħek miegħu.

L-adoraturi veri kollha t’Alla huma b’hekk imħeġġin “[j]itolbu bla heda.” (1 Tessalonikin 5:17) Kun żgur li t-​talb tiegħek huwa verament f’armonija mal-​Bibbja, inkluż l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù Kristu. B’dan il-​mod tistaʼ tkun ċert li t-​talb tiegħek se jkollu l-​approvazzjoni t’Alla. (w96 7/15)

[Stampa f’paġna 7]

Iktar ma nitgħallmu dwar Jehovah, iktar se nitqanqlu biex nitolbuh mill-​qalb

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja