Kif Issib il-Ferħ Veru
ID-DALAI LAMA, il-mexxej reliġjuż tal-Buddisti, qal: “Jien nemmen li l-iskop kollu tal-ħajja tagħna hu li nfittxu l-ferħ.” Imbagħad spjega li kien jemmen li l-ferħ jistaʼ jinkiseb bit-taħriġ jew l-iddixxiplinar tal-moħħ u l-qalb. “Il-moħħ,” hu qal, “huwa t-tagħmir bażiku kollu li għandna bżonn biex niksbu l-ferħ komplet.” It-twemmin f’Alla m’huwiex bżonnjuż, isostni hu.a
B’kuntrast, ikkunsidra lil Ġesù li kellu fidi soda f’Alla u li t-tagħlim tiegħu effettwa lil mijiet taʼ miljuni taʼ nies matul is-sekli. Ġesù kien interessat fil-ferħ tan-nies. Hu beda l-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, li hi magħrufa minn kulħadd, b’disaʼ beatitudnijiet, jiġifieri disaʼ espressjonijiet li jibdew bil-kelma: “Henjin . . . ” (Mattew 5:1-12) F’dik l-istess priedka lis-semmiegħa tiegħu għallimhom jeżaminaw, isaffu, u jiddixxiplinaw imħuħhom u qlubhom billi jbiddlu ħsibijiet vjolenti, immorali, u egoistiċi maʼ dawk paċifiċi, nodfa, u taʼ mħabba. (Mattew 5:21, 22, 27, 28; 6:19-21) Bħalma ħeġġeġ wieħed mid-dixxipli tiegħu iktar tard, aħna għandna nkomplu ‘naħsbu’ dwar l-affarijiet li huma ‘veri, xierqa, ġusti, safjin, taʼ mħabba, taʼ ġieħ, taʼ virtù, u li ħaqqhom tifħir.’—Filippin 4:8.
Ġesù kien jaf li l-ferħ veru jinvolvi r-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn. Aħna l-bnedmin m’aħniex maħluqin biex inkunu waħedna, u għalhekk qatt ma nistgħu nkunu verament ferħanin jekk ninqatgħu għalina waħedna, jew jekk dejjem nillitikaw maʼ dawk taʼ madwarna. Nistgħu nkunu ferħanin biss jekk inħossuna maħbubin u jekk inħobbu lil oħrajn. Ġesù għallimna li l-bażi għal imħabba bħal din hi r-relazzjoni tagħna m’Alla. Hawn speċjalment tidher id-differenza kbira bejn it-tagħlim taʼ Ġesù u t-tagħlim tad-Dalai Lama, għax Ġesù għallem li l-bnedmin ma jistgħux ikunu verament ferħanin jekk ikunu indipendenti minn Alla. Dan għala hu hekk?—Mattew 4:4; 22:37-39.
Aħseb Dwar il-Ħtiġijiet Spiritwali Tiegħek
Waħda mill-beatitudnijiet hi: “Henjin huma dawk konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Ġesù għala qal hekk? Għaliex, kontra taʼ l-annimali, aħna għandna bżonnijiet spiritwali. Minħabba li ġejna maħluqin fix-xbieha t’Alla, aħna nistgħu nikkultivaw sa ċertu punt kwalitajiet bħalma huma l-imħabba, il-ġustizzja, il-ħniena, u l-għerf. (Ġenesi 1:27; Mikea 6:8; 1 Ġwann 4:8) Il-bżonnijiet spiritwali tagħna jinkludu l-ħtieġa li ħajjitna jkollha skop.
Kif nistgħu nissodisfaw dawn il-bżonnijiet spiritwali? Żgur li mhux permezz taʼ xi meditazzjoni traxxendentali (fejn wieħed iġiegħel lil moħħu jirrilassa billi jirrepeti litanija speċjali darba wara l-oħra) jew b’xi sempliċi eżami tagħna nfusna. Minflok Ġesù qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Mattew 4:4) Innota li Ġesù qal li Alla hu l-għajn taʼ “kull kelma” li hija vitali għal ħajjitna. Ċerti mistoqsijiet li jkollna Alla biss jistaʼ jgħinna nwiġbuhom. Dan id-dehen hu speċjalment f’waqtu llum minħabba li dejjem qed jiżdiedu t-teoriji dwar l-iskop tal-ħajja u dwar kif wieħed jistaʼ jikseb il-ferħ. Il-ħwienet tal-kotba għandhom sezzjonijiet sħaħ taʼ xogħlijiet taʼ kitba li jwegħdu saħħa, rikkezzi, u ferħ lill-qarrejja. Ġew stabbiliti websites fuq l-Internet li għandhom x’jaqsmu speċifikament mal-ferħ.
Madankollu, il-ħsieb tal-bniedem f’dawn l-oqsma hu taʼ spiss żbaljat. Hemm it-tendenza li jiffoka fuq xewqat egoisti jew fuq li wieħed jogħġob lilu nnifsu. Hu bbażat fuq għarfien u esperjenza limitati, u taʼ spiss ikun mibni fuq suppożizzjonijiet foloz. Per eżempju, xi awturi taʼ kotba li juruk kif tistaʼ tgħin lilek innifsek qegħdin iktar u iktar jibbażaw l-ideat tagħhom fuq it-teorija taʼ “psikoloġija evoluzzjonarja.” Din tasal biex tgħid li l-emozzjonijiet tal-bniedem ġejjin minn dawk li jgħidu li huma l-antenati tagħna, jiġifieri l-annimali. Il-verità hi li, biex jinstab il-ferħ, kwalunkwe sforz ibbażat fuq teorija li tinjora l-irwol tal-Ħallieq tagħna ma jistaʼ qatt ikun validu, u dan fl-aħħar mill-aħħar se jwassal għal diżappunt. Profeta tal-qedem qal: “L-għorrief [“jaqgħu fl-għajb,” NW]. . . . Arawhom, ċaħdu l-kelma tal-Mulej, u issa x’għerf baqgħalhom?”—Ġeremija 8:9.
Alla Jehovah jaf kif aħna magħmulin u x’se jagħmilna verament henjin. Jaf għala poġġa l-bniedem fuq l-art u x’hemm lest għalih fil-futur, u din l-informazzjoni jagħtihielna fil-Bibbja. Dak li hemm rivelat f’dan il-ktieb ispirat idoqq għal widnejn dawk l-individwi li jridu jitgħallmu u dan iġagħalhom iħossuhom ferħanin. (Luqa 10:21; Ġwann 8:32) Hekk ġralhom tnejn mid-dixxipli taʼ Ġesù. Dawn kienu qalbhom sewda wara li miet Ġesù. Imma meta saru jafu minn fomm Ġesù rxoxtat innifsu dwar l-irwol tiegħu fl-iskop t’Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin, huma qalu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”—Luqa 24:32.
Dan il-ferħ ikompli jiżdied meta nħallu l-verità tal-Bibbja tiggwidana f’ħajjitna. F’dan ir-rigward, il-ferħ jistaʼ jitqabbel maʼ qawsalla. Jibda jidher meta l-kundizzjonijiet huma favorevoli, imma jibbrilla iktar, saħansitra jsir qawsalla doppja, meta l-kundizzjonijiet ikunu perfetti. Issa ejja nagħtu ħarsa lejn ftit eżempji taʼ kif jistaʼ jkollna iktar ferħ meta napplikaw it-tagħlim tal-Bibbja.
Żomm Ħajtek Sempliċi
L-ewwel, ejja nħarsu lejn il-parir li jagħti Ġesù dwar il-ġid materjali. Wara li wissa kontra li nagħmlu l-ġid materjali l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna, hu uża espressjoni mhux tas-soltu, meta qal: “Jekk mela għajnek hija [“sempliċi,” NW], ġismek kollu jkun imdawwal.” (Mattew 6:19-22) Bażikament, hu qal li jekk moħħna jkun mitfugħ il-ħin kollu fuq il-ġid materjali, il-poter, jew kwalunkwe mira oħra li jistaʼ jkollna, se nitilfu dawk l-affarijiet li huma verament importanti. Wara kollox, bħalma qal Ġesù f’okkażjoni oħra, “imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” (Luqa 12:15) Jekk inpoġġu fl-ewwel post l-affarijiet li huma verament importanti, bħal ngħidu aħna r-relazzjoni tagħna m’Alla, kwistjonijiet tal-familja, u affarijiet relatati oħra, allura ‘għajnejna’ se jkunu “sempliċi,” u safjin.
Innota li Ġesù ma kienx qed jgħid li għandna ngħixu bħal eremiti jew li għandna niċċaħħdu minn kollox. Wara kollox, lanqas Ġesù nnifsu m’għamel hekk. (Mattew 11:19; Ġwann 2:1-11) Minflok, hu għallem li dawk li jqisu ħajjithom sempliċement bħala opportunità biex igeddsu l-ġid materjali jkunu bażikament qed jaħlu ħajjithom.
Meta psikoterapista f’San Francisco, fl-Istati Uniti, ikkummenta dwar dawk li saru għonja ħafna f’qasir żmien qal li għalihom il-flus kienu “l-għerq taʼ l-istress u l-konfużjoni.” Hu żied li dawn in-nies “jixtru żewġt idjar jekk mhux tlieta, karozza, u jonfqu partita flus f’ħafna affarijiet. U meta ma jirnexxilhomx jiksbu li jridu [jiġifieri, li jkunu ferħanin], huma jsiru dipressi, iħossuhom ma jiswew għal xejn, u ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu b’ħajjithom.” Mill-banda l-oħra, dawk li jagħtu kas il-parir taʼ Ġesù biex jgħaddu ħajja iktar sempliċi materjalment u jħallu l-wisaʼ għall-affarijiet spiritwali x’aktarx li iktar se jsibu l-ferħ veru.
Tom, bennej li jgħix fil-Ħawajj, mar jaqdi bħala volontier fil-bini taʼ postijiet għall-qima fil-gżejjer tal-Paċifiku fejn in-nies ftit għandhom ġid materjali. Tom innota xi ħaġa dwar dawn in-nies umlin. Hu qal: “L-aħwa Kristjani f’dawn il-gżejjer kienu verament ferħanin. Huma għenuni nara b’mod iktar ċar li l-flus u l-ġid materjali m’humiex is-sigriet għall-ferħ.” Hu osserva wkoll lill-volontieri li kienu qed jaħdmu miegħu fil-gżejjer u nnota kemm kienu kuntenti. “Kieku riedu setgħu jaqilgħu partita flus,” qal Tom. “Imma għażlu li jpoġġu l-affarijiet spiritwali l-ewwel post u li jżommu ħajjithom sempliċi.” Dawn l-eżempji qanqlu lil Tom biex ħajtu jagħmilha iktar sempliċi ħalli jkun jistaʼ jiddedika iktar ħin għall-familja tiegħu u għall-affarijiet spiritwali. Qatt ma ddispjaċieh li kien ħa dan il-pass.
Il-Ferħ u l-Istima Tiegħek Innifsek
Ma tistax tkun ferħan jekk tħossok nieqes mid-dinjità persunali, jew mill-istima tiegħek innifsek. Minħabba l-imperfezzjoni u d-dgħjufijiet li jiġu magħha, xi wħud m’għandhomx fiduċja fihom infushom, u ħafna minnhom ilhom iħossuhom hekk minn tfulithom. Forsi tħossha iebsa li teħles minn sentimenti li jkunu rabbew l-għeruq ġewwa fik, imma dan huwa possibbli. Is-soluzzjoni qegħda f’li napplikaw il-Kelma t’Alla.
Il-Bibbja tispjega kif iħossu l-Ħallieq dwarna. M’hijiex l-opinjoni tiegħu iktar importanti minn dik taʼ kwalunkwe bniedem, saħansitra minn dik tagħna nfusna? Alla, li hu l-istess personifikazzjoni taʼ l-imħabba, iħares lejna mingħajr preġudizzju jew malizzja. Hu jarana taʼ li aħna, kif ukoll dak li nistgħu nsiru. (1 Samwel 16:7; 1 Ġwann 4:8) Fil-fatt, lil dawk li jridu jogħġbuh iqishom bħala prezzjużi, iva, għeżież, minkejja l-imperfezzjonijiet li jkollhom.—Danjel 9:23; Ħaggaj 2:7.
M’għandniex xi ngħidu, Alla ma jinjorax id-dgħjufijiet u d-dnubiet tagħna. Hu jistenna li aħna nagħmlu ħilitna kollha biex nagħmlu s-sewwa, u jappoġġana meta nagħmlu dan. (Luqa13:24) Xorta waħda, il-Bibbja tgħid: “Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biżaʼ tiegħu.” Din tgħid ukoll: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-maħfra, biex hekk inqimuk fil-biżaʼ tiegħek.”—Salm 103:13; 130:3, 4.
Għalhekk, tgħallem ara lilek innifsek bil-mod li jarak Alla. Meta tkun taf li hu jqis lil dawk li jħobbuh bħala għeżież, u li għandu fiduċja fihom, dan se jgħinek tkun iktar ferħan, avolja forsi tħoss li ma jixraqlekx.—1 Ġwann 3:19, 20.
It-Tama—Importanti Ferm għall-Ferħ
Idea li saret popolari reċentement, imsejħa psikoloġija pożittiva, issostni li l-ottimiżmu, li jiġi milli wieħed jaħseb b’mod pożittiv u milli jiffoka fuq il-kapaċitajiet persunali tiegħu, jistaʼ jwassal għall-ferħ. Kważi kulħadd jaqbel li ħarsa ottimista lejn il-ħajja u l-futur iżżidilna l-ferħ. Madankollu, ottimiżmu bħal dan irid ikun ibbażat fuq il-fatti, mhux sempliċement fuq ħolm. Barra minn hekk, l-ebda ammont taʼ ottimiżmu jew ħsieb pożittiv ma se jneħħi l-gwerer, il-ġuħ, il-pesti, it-tniġġis, ix-xjuħija, il-mard, jew il-mewt, affarijiet li jitilfulna l-ferħ. Minkejja dan, l-ottimiżmu għandu postu.
Interessanti li l-Bibbja ma tużahiex il-kelma ottimiżmu, imma tuża kelma iktar qawwija. Din hi l-kelma tama. Vine’s Complete Expository Dictionary jagħti t-tifsira tal-kelma “tama” kif inhi użata fil-Bibbja bħala “stennija favorevoli u fiduċjuża, . . . l-antiċipazzjoni hienja taʼ xi ħaġa tajba.” Kif tintuża fil-Bibbja, il-kelma tama hija iktar minn ħarsa ottimista taʼ xi sitwazzjoni. Tirreferi wkoll għal dik il-ħaġa li għaliha tkun qed tittama. (Efesin 4:4; 1 Pietru 1:3) Per eżempju, it-tama Kristjana hi li dawk l-affarijiet koroh li ssemmew fil-paragrafu taʼ qabel dalwaqt se jispiċċaw. (Salm 37:9-11, 29) Imma din tinkludi iktar minn hekk.
Il-Kristjani jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta wħud leali se jiksbu ħajja perfetta fuq art magħmula ġenna. (Luqa 23:42, 43) Dwar din it-tama nsibu xi ħaġa oħra f’Apokalissi 21:3, 4, li tgħid: “Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”
Kulmin jistenna li jkollu futur bħal dan għandu għalfejn ikun ferħan, avolja fil-preżent iċ-ċirkustanzi tiegħu ma tantx huma sbieħ. (Ġakbu 1:12) Għalhekk, għala ma tfittixx fil-Bibbja u tiskopri għala għandek temminha? Saħħaħ it-tama tiegħek billi tqattaʼ xi ftit tal-ħin kuljum taqra l-Bibbja. B’hekk, dan se jgħinek tikber spiritwalment, tevita dawk l-affarijiet li jġagħlu lin-nies jitilfu l-ferħ, u tibni ġewwa fik dak is-sens taʼ kuntentizza. Iva, is-sigriet fundamentali għall-ferħ veru hu li nagħmlu r-rieda t’Alla. (Koħèlet 12:13) Ħajja mibnija fuq l-ubbidjenza lejn il-preċetti tal-Bibbja hija ħajja ferħana, għax Ġesù qal: “Hienja dawk li jisimgħu l-kelma taʼ Alla u jħarsuha!”—Luqa 11:28.
[Nota taʼ taħt]
a It-twemmin f’Alla m’huwiex bżonnjuż għal min hu Buddist.
[Stampi f’paġna 5]
Il-ferħ ma jistax jinstab f’li wieħed igeddes il-ġid materjali, jew f’li jinqataʼ għalih waħdu, jew f’li jafda fuq l-għarfien limitat tal-bniedem
[Stampa f’paġna 6]
Ħajja mibnija fuq l-ubbidjenza lejn il-Kelma t’Alla hija ħajja ferħana
[Stampa f’paġna 7]
It-tama Kristjana tagħmilna persuni ferħanin