Ibqaʼ Fittex is-Saltna u t-Tjieba t’Alla
“Ibqgħu, mela, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħra kollha se jiżdidulkom.”—MATTEW 6:33.
1, 2. L-iskribi u l-Fariżej fiex biddluhom atti li kienu tajbin fihom infushom, u xi twissija ta Ġesù lis-segwaċi tiegħu?
L-ISKRIBI u l-Fariżej fittxew it-tjieba bil-mod tagħhom stess, li ma kienx il-mod t’Alla. Mhux hekk biss, imma meta kienu jwettqu atti li kienu tajbin fihom infushom huma biddluhom f’wirjiet ipokriti biex jidhru mill-bnedmin. Huma kienu qed jaqdu, mhux lil Alla, imma lill-vanità tagħhom stess. Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu kontra reċitar bħal dan: “Oqogħdu attenti sewwa li ma tipprattikawx it-tjieba tagħkom quddiem in-nies sabiex tkunu osservati minnhom; inkella ma jkollkom l-ebda rigal maʼ Missierkom li qiegħed fis-smewwiet.”—Mattew 6:1.
2 Jehovah japprezza lil dawk li jagħtu lill-foqra—imma mhux dawk li jagħtu bħalma kienu jagħmlu l-Fariżej. Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu biex ma jikkopjawhomx: “B’hekk meta tmur tagħmel għotjiet taʼ ħniena, iddoqqx trumbetta quddiemek, sewwa sew bħalma jagħmlu l-ipokriti fis-sinagogi u fit-toroq, biex jistgħu jiġu gglorifikati min-nies. Verament ingħidilkom, Qegħdin jieħdu r-rigal tagħhom kollu kemm hu.”—Mattew 6:2.
3. (a) L-iskribi u l-Fariżej b’liema mod tħallsu bis-sħiħ għall-għoti tagħhom? (b) Il-pożizzjoni taʼ Ġesù rigward il-għoti kif kienet differenti?
3 Il-kelma Griega għal ‘qegħdin jieħdu kollu kemm hu’ (a·pe’kho) kienet termini li taʼ spiss kienet tidher fi rċevuti tan-negozju. L-użu tagħha fil-Priedka tal-Muntanja jindika li “huma ħadu r-rigal tagħhom,” jiġifieri, “huma ffirmaw l-irċevuta għar-rigal tagħhom: id-dritt tagħhom biex jieħdu r-rigal ġie mwettaq, preċiżament bħal li kieku kienu diġà taw irċevuta għalih.” (An Expository Dictionary of New Testament Words, minn W. E. Vine) Għotjiet għall-foqra kienu jiġu mwegħdin pubblikament fit-toroq. Fis-sinagogi l-ismijiet tad-donaturi kienu jiġu annunzjati. Dawk li taw ammonti kbar kienu onorati b’mod speċjali billi jkollhom siġġijiet viċin tar-rabbini matul il-qima. Huma taw biex jidhru mill-bnedmin; kienu jarawhom u jiġu gglorifikati mill-bnedmin; għaldaqstant, huma setgħu jittimbraw l-irċevuta għall-ħlas li ġie mill-għoti tagħhom “Imħallas Kollu Kemm Hu.” Kemm kienet differenti l-pożizzjoni taʼ Ġesù! Agħti “fis-sigriet; imbagħad Missierek li qed iħares fis-sigriet se jħallsek lura.”—Mattew 6:3, 4; Proverbji 19:17.
Talb li Jogħġob lil Alla
4. It-talb tal-Fariżej għala ġiegħel lil Ġesù jsejjaħ lil dawk l-irġiel ipokriti?
4 Jehovah japprezza talb indirizzat lilu—imma mhux bħalma kienu jitolbu l-Farizej. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Meta titolbu, ma tridux tkunu bħall-ipokriti; għaliex huma jħobbu jitolbu bil-wieqfa fis-sinagogi u fil-kantunieri tat-toroq wisgħin biex jarawhom in-nies. Verament ingħidilkom, Qegħdin jieħdu r-rigal tagħhom kollu kemm hu.” (Mattew 6:5) Il-Fariżej kellhom ħafna talb li ried jintqal kuljum, f’ħinijiet speċifiċi, ikunu fejn ikunu. Fit-teorija, kellhom igħiduh fil-privat. B’mod ippjanat, iżda, kien jirnexxilhom ikunu “fil-kantunieri tat-toroq wisgħin,” viżibbli għan-nies li jkunu għaddejjin f’erbaʼ direzzjonijiet, meta tkun waslet is-siegħa tat-talb.
5. (a) Liema prattiċi oħra ġiegħlu t-talb tal-Fariżej ma jiġix mismugħ minn Alla? (b) Ġesù liema affarijiet poġġa l-ewwel fit-talba tiegħu mudell, u n-nies illum qegħdin fi qbil maʼ dak?
5 F’turija taʼ qdusija falza, huma kienu “bħala skuża jagħmlu talbiet twal.” (Luqa 20:47) Tradizzjoni orali minnhom kienet tgħid: “L-irġiel qaddisa tal-qedem kienu jistennew siegħa qabel kienu jgħidu it-Tefillah [talba].” (Mixna) Sa dak il-ħin kulħadd żgur li kien se jara l-qdusija tagħhom u jistagħġeb biha! Talb bħal dan ma kienx jasal iżjed ’il fuq minn irjushom stess. Ġesù qal biex nitolbu fil-privat, mingħajr ripetizzjoni vojta, u tahom mudell sempliċi. (Mattew 6:6-8; Ġwann 14:6, 14; 1 Pietru 3:12) It-talba mudell taʼ Ġesù poġġiet l-ewwel affarijiet l-ewwel: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek.” (Mattew 6:9-13) Ftit nies illum jafu l-isem t’Alla, inqas u inqas iriduh jitqaddes. Huma b’hekk jagħmluh alla bla isem. Ħa tiġi s-Saltna t’Alla? Ħafna jaħsbu li diġà qiegħda hawn, ġewwa fihom. Huma forsi jitolbu biex issir ir-rieda tiegħu, imma l-biċċa l-kbira jagħmlu r-rieda tagħhom stess.—Proverbji 14:12.
6. Ġesù għala kkundanna s-sawm Lhudi bħala bla siwi?
6 Sawma hija aċċettabbli għal Jehovah—imma mhux bħalma kienu jagħmluha l-Fariżej. Bħall-għoti taʼ karità u t-talb mill-Fariżej, Ġesù warrab ukoll is-sawm tagħhom bla siwi: “Meta qegħdin issumu, ieqfu milli ssiru wiċċkom imqarras bħall-ipokriti, għax huma jisfiguraw l-uċuħ tagħhom biex jistgħu jidhru għan-nies li qed isumu. Verament ingħidilkom, Qegħdin jieħdu r-rigal tagħhom kollu kemm hu.” (Mattew 6:16) It-tradizzjonijiet orali tagħhom indikaw li matul is-sawm il-Fariżej ma kellhomx jinħaslu u lanqas jidilku lilhom infushom imma kellhom iċappsu l-irmied fuq irjushom. Meta ma kinux isumu, il-Lhud kienu jinħaslu regolarment u jogħrku ġisimhom biż-żejt.
7. (a) Is-segwaċi taʼ Ġesù kif kellhom iġibu ruħhom meta jsumu? (b) Rigward is-sawm, Jehovah x’ried fi żmien Isaija?
7 Rigward is-sawm, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex tistaʼ tidher li qed issum, mhux għan-nies, imma għal Missierek.” (Mattew 6:17, 18) Fi żmien Isaija Lhud li tbiegħdu mill-fidi kienu jsibu għaxqa fis-sawm tagħhom, billi jgħakksu lilhom infushom, ibaxxu rashom ’l isfel, u joqogħdu bil-qiegħda b’ilbies tax-xkora u l-irmied. Imma Jehovah riedhom jeħilsu lil min kien taħt oppressjoni, jitimgħu lil min kien bil-ġuħ, jagħtu dar lil min ma kellux, u jlibbsu lill-għarwenin.—Isaija 58:3-7.
Aħżen Teżor fis-Sema
8. X’ġiegħel lill-iskribi u lill-Fariżej jitilfu d-dehen dwar kif jiksbu l-approvazzjoni t’Alla u liema prinċipju, iktar tard esprimut minn Pawlu, għalqu għajnejhom għalih?
8 Fil-ġiri tagħhom wara t-tjieba, l-iskribi u l-Fariżej tilfu d-dehen dwar kif jiksbu l-approvazzjoni t’Alla u ċċentraw fuq l-ammirazzjoni tan-nies. Tant kienu saru maqbudin bit-tradizzjonijiet tan-nies li huma warrbu fil-ġenb il-Kelma miktuba t’Alla. Tefgħu qlubhom fuq pożizzjoni fuq l-art minflok teżor tas-sema. Huma injoraw verità sempliċi li wieħed Fariżew li sar Kristjan kiteb xi snin wara: “Hu x’inhu li qegħdin tagħmlu, aħdmu għalih b’ruħkom kollha qisu għal Jehovah, u mhux għall-bnedmin, għax intom tafu li mingħand Jehovah se tirċievu l-ħlas mistħoqq tal-wirt.”—Kolossin 3:23, 24.
9. Liema perikli jheddu teżor fuq l-art, imma x’se jżomm teżor veru salv?
9 Jehovah huwa interessat fid-devozzjoni tiegħek lejh, mhux fil-ktieb tiegħek tal-bank. Hu jaf li qalbek tinsab fejn hemm it-teżor tiegħek. Jistgħu s-sadid u l-kamla jtemmu t-teżor tiegħek? Jistgħu l-ħallelin iħaffru minn go ħitan tat-tajn u jisirquh? Jew f’dawn iż-żminijiet moderni taʼ instabbilità ekonomika, tistaʼ l-inflazzjoni ċċekken il-valur taʼ xiri tiegħu jew jistgħu waqgħat fis-swieq tal-flus jispiċċawh? Ir-rata li dejjem tiżdied fil-kriminalità se tikkaġuna t-teżor tiegħek li jinsteraq? Mhux jekk inhu maħżun fis-sema. Mhux jekk għajnek—lampa li ddawwal lil ġismek kollu—hi sempliċi, iffokata fuq is-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu. Ir-rikkezzi għandhom ħabta kif jisparixxu. “Titħabatx biex tikseb ir-rikkezzi. Ieqaf mill-fehma tiegħek stess. Ġigħelt int lil għajnejk iħarsu lejha, meta m’hi xejn? Għax ma tonqosx li tagħmel ġwienaħ għaliha nfisha bħal dawk taʼ ajkla u ttir ’il hemm lejn is-smewwiet.” (Proverbji 23:4, 5) Mela għala titlef l-irqad minħabba l-għana? “Il-bosta li jappartjeni lill-għani mhux qed iħallih jorqod.” (Ekkleżjasti 5:12) Ftakar fit-twissija taʼ Ġesù: “Ma tistgħux taqdu bħala rsir lil Alla u lir-Rikkezzi.”—Mattew 6:19-24.
Fidi Li Twarrab l-Anzjetà
10. Għala hu tant importanti li jkollok il-fidi tiegħek f’Alla minflok f’ġid materjali, u x’parir ta Ġesù?
10 Jehovah irid li l-fidi tiegħek tkun fih, mhux fil-ġid materjali: “Mingħajr fidi hu impossibbli li togħġbu sewwa, għax dak li joqrob lejn Alla jrid jemmen li hu u li jsir dak li jħallas lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Ġesù qal: “Saħansitra meta wieħed għandu abbundanza l-ħajja tiegħu ma tirriżultax mill-affarijiet li jippossjedi.” (Luqa 12:15) Il-miljuni fil-bank m’humiex se jżommu lil pulmuni morda jaħdmu jew lil xi qalb għajjiena tippompja. Mela hu li “minħabba f’dan ingħidilkom,” ikompli Ġesù fil-Priedka tal-Muntanja: “Ieqfu milli tkunu anzjużi dwar erwieħkom rigward x’se tieklu u x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. Ma tfissirx ir-ruħ iktar mill-ikel u l-ġisem mill-ħwejjeġ?”—Mattew 6:25.
11. Ġesù fejn sab ħafna mit-tixbihat tiegħu, u dan kif inhu muri fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja?
11 Ġesù kien imgħallem f’dawk li huma tixbihat verbali. Hu kien jaħseb dwarhom kulfejn iħares. Ra mara tpoġġi lampa mixgħula fuq gandlier u dawwar dan f’tixbieha. Ra ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż; saret tixbieha. Ra t-tfal jilagħbu fis-suq; saret tixbieha. U hekk kien fil-Priedka fuq il-Muntanja. Hekk kif tkellem dwar l-anzjetà fuq il-bżonnijiet fiżiċi, hu ra tixbihat fl-agħsafar li kienu jittajru ’l hemm u ’l hawn u fil-ġilji li kienu jiksu l-għoljiet. L-agħsafar jiżirgħu u jaħsdu? Le. Il-ġilji jgerbbu u jinsġu? Le. Alla għamilhom; hu jieħu ħsiebhom. Int, madankollu, tiswa iżjed mill-agħsafar u l-ġilji. (Mattew 6:26, 28-30) Hu ta lil Ibnu għalik, mhux għalihom.—Ġwann 3:16.
12. (a) It-tixbihat dwar l-agħsafar u l-fjuri kienu jfissru li d-dixxipli taʼ Ġesù ma kinux se jkollhom għalfejn jaħdmu? (b) X’punt kien qed jagħmel Ġesù dwar ix-xogħol u l-fidi?
12 Ġesù hawn ma kienx qed igħid lis-segwaċi tiegħu li ma kellhomx bżonn jaħdmu biex jitimgħu u jlibbsu lilhom infushom. (Ara Ekkleżjasti 2:24; Efesin 4:28; 2 Tessalonkin 3:10-12.) F’dik il-għodwa tar-rebbiegħa, l-agħsafar kienu attivi jfittxu l-ikel, isibu s-sieħba, jibnu l-bejtiet, joqogħdu fuq il-bajd, jitimgħu liż-żgħar tagħhom. Kienu qed jaħdmu imma mingħajr ma jinkwetaw. Il-fjuri kienu wkoll attivi f’li jimbuttaw l-egħruq tagħhom fil-ħamrija biex ifittxu l-ilma u l-minerali u f’li jibagħtu l-weraq tagħhom jiġġebbdu għad-dawl tax-xemx. Huma riedu jikbru u jiftħu u jitfgħu ż-żerriegħa tagħhom qabel ma jmutu. Kienu qed jaħdmu imma mingħajr ma jinkwetaw. Alla jipprovdi għall-agħsafar u għall-ġilji. ‘Kemm iktar se jipprovdi għalikom, intom bi ftit fidi?’—Mattew 6:30.
13. (a) Għala kien xieraq li Ġesù juża kejl taʼ kubitu meta tkellem dwar żjieda fit-tul tal-ħajja taʼ bniedem? (b) Kif tista żżid ħajtek b’miljuni bla tmiem taʼ mili, biex ingħidu hekk?
13 Mela ħa jkollok il-fidi. Tkunx anzjuż. L-anżjetà ma se tbiddel xejn. “Min minnkom billi jkun anzjuż,” jistaqsi Ġesù, “jistaʼ jżid kubitu wieħed maʼ tul ħajtu?” (Mattew 6:27) Imma Ġesù għala jassoċja kejl fiżiku taʼ distanza, kubitu, maʼ kejl taʼ żmien f’tul taʼ ħajja? Forsi għaliex il-Bibbja taʼ spiss ixxebbah it-tul tal-ħajja tal-bnedmin maʼ vjaġġ, billi tuża espressjonijiet bħal “il-mogħdija tal-midinbin,” “il-passaġġ tat-twajbin,” ‘triq wiesgħa għall-qerda,’ u ‘triq marsusa għall-ħajja.’ (Salm 1:1; Proverbji 4:18; Mattew 7:13, 14) L-anzjetà dwar il-bżonnijiet taʼ kuljum ma tistax testendi l-ħajja taʼ bniedem lanqas bi ftit, “kubitu wieħed,” biex ingħidu hekk. Imma hemm mod kif tistaʼ ttawwal il-ħajja tiegħek b’miljuni taʼ mili, bħal speċi, li ma jispiċċaw qatt. Mhux billi nkunu anzjużi u ngħidu: “X’se nieklu?” jew “X’se nixorbu?” jew “X’se nilbsu?” imma billi jkollna l-fidi u nagħmlu dak li Ġesù jgħidilna biex nagħmlu: “Ibqgħu, mela, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħra kollha se jiżdidulkom.”—Mattew 6:31-33.
Niksbu s-Saltna t’Alla u t-Tjieba Tiegħu
14. (a) X’inhi t-tema tal-Priedka fuq il-Muntanja? (b) L-iskribi u l-Fariżej b’liema mod ħażin fittxew is-Saltna u t-tjieba?
14 Fis-sentenza tal-ftuħ tal-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, Ġesù tkellem dwar is-Saltna tas-sema bħala li tappartjeni lil dawk konxji dwar il-bżonn spiritwali tagħhom. Fir-rabaʼ sentenza, hu qal li dawk bil-ġuħ u bil-għatx għat-tjieba se jiġu mxebbgħin. Hawn Ġesù jpoġġi sew is-Saltna kif ukoll it-tjieba taʼ Jehovah l-ewwel post. Huma t-tema tal-Priedka taʼ fuq il-Muntanja. Huma t-tweġiba għall-bżonnijiet tal-umanità kollha. Imma b’liema mezzi jinkisbu s-Saltna t’Alla u t-tjieba t’Alla? Kif nibqgħu nfittxu lilhom? Mhux bil-mod li għamlu l-iskribi u l-Fariżej. Huma fittxew is-Saltna u t-tjieba permezz tal-Liġi taʼ Mosè, li huma kienu jsostnu li kienet tinkludi t-tradizzjonijiet orali, ladarba kienu jemmnu li kemm il-Liġi miktuba u kemm it-tradizzjonijiet orali ngħataw minn Alla lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj.
15. (a) Skond il-Lhud, meta oriġinaw it-tradizzjonijiet orali tagħhom, u kif elevawhom ’il fuq mil-Liġi miktuba taʼ Mosè? (b) Dawn it-tradizzjonijiet meta verament bdew, u b’liema effett fuq il-Liġi taʼ Mosè?
15 It-tradizzjoni tagħhom rigward dan kienet tgħid: “Mosè rċieva l-Liġi [nota taʼ taħt, “Il-‘Liġi Orali’”] minn Sinaj u taha lil Ġożwè, u Ġożwè lill-anzjani, u l-anzjani lill-Profeti; u l-Profeti tawha lil irġiel tas-Sinagoga l-Kbira.” Maż-żmien il-liġi orali tagħhom ġiet eżaltata ’l fuq iżjed saħansitra mil-Liġi miktuba: “[Jekk] hu jidneb kontra l-kliem tal-Liġi [miktuba], mhux ħati,” imma jekk “hu jżid mal-kliem tal-Iskribi [tradizzjonijiet orali], hu għandu ħtija.” (Mixna) It-tradizzjonijiet orali tagħhom ma bdewx f’Sinaj. Fil-fatt, huma bdew jinġemgħu bil-għaġla xi żewġ sekli qabel Kristu. Huma żiedu, naqqsu, u għamlu bla siwi l-Liġi miktuba taʼ Mosè.—Qabbel Dewteronomju 4:2; 12:32.
16. It-tjieba t’Alla kif isseħħ għall-bnedmin?
16 It-tjieba t’Alla titwettaq mhux permezz tal-Liġi imma apparti minnha: “B’xogħlijiet tal-liġi ebda laħam ma se jkun iddikjarat twajjeb quddiemu, għax bil-liġi hu l-għarfien eżatt tad-dnub. Imma issa apparti mil-liġi t-tjieba t’Alla ntgħamlet tidher, hekk kif ingħatat xiehda dwarha bil-Liġi u l-Profeti; iva, it-tjieba t’Alla permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu.” (Rumani 3:20-22) Mela t-tjieba t’Alla tiġi bil-fidi fi Kristu Ġesù—dan ‘ingħata biżżejjed xiehda dwaru bil-Liġi u l-Profeti.’ Il-profeziji Messjaniċi twettqu f’Ġesù. Hu wettaq ukoll il-Liġi; tneħħiet min-nofs billi ġiet imsammra maz-zokk tat-tortura tiegħu.—Luqa 24:25-27, 44-46; Kolossin 2:13, 14; Ebrej 10:1.
17. Skond l-appostlu Pawlu, il-Lhud kif naqsu li jkunu jafu t-tjieba t’Alla?
17 Għaldaqstant, l-appostlu Pawlu kiteb dwar in-nuqqas tal-Lhud f’li jfittxu t-tjieba: “Għax jien nixhdilhom li għandhom żelu għal Alla; imma mhux skond il-għarfien eżatt; għax, billi ma kinux jafu t-tjieba t’Alla imma fittxew li jistabbilixxu tagħhom stess, huma ma ssuġġettawx lilhom infushom għat-tjieba t’Alla. Għax Kristu hu t-tmiem tal-Liġi, biex kulmin jeżerċita fidi jistaʼ jkollu t-tjieba.” (Rumani 10:2-4) Pawlu wkoll kiteb dwar Kristu Ġesù: “Lil dak il-wieħed li ma kienx jaf id-dnub għamlu dnub għalina, biex aħna nistgħu nsiru t-tjieba t’Alla permezz tiegħu.”—2 Korintin 5:21.
18.“Kristu msammar maʼ zokk” kif kien meqjus mit-tradizzjonalisti Lhud, mill-filosfi Griegi, u minn “dawk li huma l-imsejħin”?
18 Il-Lhud ħarsu lejn il-Messija meta kien qed imut bħala ħaġa dgħajfa li m’hi xejn. Il-filosfi Griegi waqqgħu għaċ-ċajt lil Messija bħal dan bħala bluha. Madankollu, hu bħalma pproklama Pawlu: “Kemm il-Lhud jistaqsu għal sinjal u kemm il-Griegi jfittxu għall-għerf; imma aħna nippridkaw lil Kristu msammar maʼ zokk, għal-Lhud kawża għal tfixkil u għall-ġnus bluha; madankollu, għal dawk li huma l-imsejħin, kemm Lhud u kemm Griegi, Kristu l-qawwa t’Alla u l-għerf t’Alla. Għaliex ħaġa belha t’Alla hi iktar għarfa mill-bnedmin, u ħaġa dgħajfa t’Alla hi iktar b’saħħitha mill-bnedmin.” (1 Korintin 1:22-25) Kristu Ġesù hu manifestazzjoni tal-qawwa u tal-għerf t’Alla u huwa l-mezz t’Alla għal tjieba u ħajja taʼ dejjem għall-bnedmin ubbidjenti. “Ma hemm ebda salvazzjoni f’ħadd iżjed, għax ma hemmx isem ieħor taħt is-sema li ngħata fost il-bnedmin li bih irridu niġu salvati.”—Atti 4:12.
19. X’se juri l-artiklu li jmiss?
19 L-artiklu li jmiss se juri li jekk irridu naħarbu l-qerda u niksbu l-ħajja taʼ dejjem, irridu nibqgħu nfittxu s-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu. Dak irid isir mhux biss billi nisimgħu dak li qal Ġesù imma wkoll billi nagħmluh.
Mistoqsijiet għal Reviżjoni
◻ Ir-reliġjonisti Lhud fiex biddlu l-għotjiet taʼħniena, it-talb, u s-sawm tagħhom?
◻ Fejn hu l-post fis-sigurtà biex taħżen it-teżor tiegħek?
◻ Għala għandna nevitaw l-anzjetà dwar il-bżonnijiet materjali tagħna?
◻ Liema stqarrija falza għamlu l-Lhud dwar l-oriġini tat-tradizzjonijiet orali tagħhom?
◻ Is-Saltna t’Alla u t-tjieba tiegħu b’liema mezz jiġu?