Kunu Dawk li Tagħmlu l-Kelma, Mhux Semmiegħa Biss
“Mhux kulmin igħidli, ‘Mulej, Mulej,’ se jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma dak li qed jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet se jidħol.”—MATTEW 7:21.
1. Is-segwaċi taʼ Ġesù x’għandhom jibqgħu jagħmlu?
IBQGĦU itolbu. Ibqgħu fittxu. Ibqgħu ħabbtu. Ipperseveraw fit-talb, fl-istudju, u f’li tagħmlu dak li qal Ġesù kif miktub fil-Priedka fuq il-Muntanja. Ġesù jgħid lis-segwaċi tiegħu li huma l-melħ tal-art, b’messaġġ li jippriserva mħawwar bil-melħ li ma jridux iħalluh isir maqtugħ, billi jitlef togħomtu jew il-qawwa li tippriserva tiegħu. Huma d-dawl tad-dinja, billi jirriflettu d-dawl mingħand Kristu Ġesù u Alla Jehovah mhux biss b’dak li jgħidu imma wkoll b’dak li jagħmlu. Ix-xogħlijiet tajbin tagħhom jiddu daqs il-kliem imdawwal tagħhom—u jistgħu saħansitra jitkellmu iżjed igħajtu f’dinja mdorrija bl-ipokrezija tal-Fariżej taʼ mexxejja kemm reliġjużi kif ukoll politiċi, li jgħidu ħafna u jagħmlu ftit.—Mattew 5:13-16.
2. Ġakbu xi twissija jagħti, imma xi wħud liema pożizzjoni komda jaddottaw b’mod żballjat?
2 Ġakbu jwissi: “Siru dawk li tagħmlu l-kelma, mhux semmiegħa biss, billi tqarrqu bikom infuskom b’raġunar falz.” (Ġakbu 1:22) Ħafna jqarrqu bihom infushom bid-duttrina taʼ li ‘ladarba salvat darba salvat dejjem,’ bħal li kieku huma issa jistgħu jirtiraw u jistennew premju tas-sema mingħalihom. Hija duttrina falza u tama vojta. “Imma dak li jkun issaporta sat-tmiem,” qal Ġesù, “hu dak li se jkun salvat.” (Mattew 24:13) Biex tikseb il-ħajja taʼ dejjem, int trid ‘tagħti prova li int fidil saħansitra sal-mewt.’—Rivelazzjoni 2:10; Ebrej 6:4-6; 10:26, 27.
3. Liema struzzjoni dwar l-iġġudikar jagħti mbagħad Ġesù fil-Priedka fuq il-Muntanja?
3 Hekk kif Ġesù ssokta l-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, hu qal iżjed affarijiet li l-Kristjani jridu jirsistu biex isegwuhom. Hawn hi waħda li tidher sempliċi, imma hija tikkundanna waħda mill-iktar tendenzi diffiċli biex teħles minnha: “Ieqfu milli tiġġudikaw biex ma tiġux iġġudikati intom; għax b’dak il-ġudizzju li qegħdin tiġġudikaw, se tiġu ġġudikati intom; u bil-kejl li qed tkejlu, se jkejlulkom. Għala, mela, tħares lejn it-tibna f’għajn ħuk, imma ma tqisx it-travu f’għajnek stess? Jew kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini naqlaʼ t-tibna minn għajnek’; meta, ħares! travu qiegħed f’għajnek stess? Ipokrita! L-ewwel aqlaʼ t-travu minn għajnek stess, u mbagħad se tara ċar kif taqlaʼ t-tibna minn għajn ħuk.”−Mattew 7:1-5.
4. Ir-rakkont taʼ Luqa liema struzzjoni oħra jagħti, u fiex jirriżulta l-applikar tagħha?
4 Fir-rakkont taʼ Luqa tal-Priedka fuq il-Muntanja, Ġesù qal lis-semmiegħa tiegħu biex ma jfittxux id-difett f’oħrajn. Minflok, ħalli ‘jkomplu jeħilsu,’ jiġifieri, jaħfru n-nuqqasijiet tal-bnedmin sħabhom. Dan kien se jġiegħel lil oħrajn jaġixxu bl-istess mod, kif qal Ġesù: “Ipprattikaw li tagħtu, u n-nies se jagħtu lilkom. Se jferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, ippressat, imheżheż u mfawwar. Għax bil-kejl li qegħdin tkejlu, huma se jkejlulkom lura.”−Luqa 6:37, 38.
5. Għala hu tant eħfef li naraw id-difetti f’oħrajn milli dawk fina nfusna?
5 Matul l-ewwel seklu E.K., minħabba tradizzjonijiet orali, il-Fariżej inġenerali kellhom it-tendenza li jiġġudikaw lil oħrajn b’mod aħrax. Jekk kien hemm xi ħadd mis-semmiegħa taʼ Ġesù li kellu d-drawwa li jagħmel hekk ried jieqaf. Tant hu eħfef li naraw it-tiben f’għajnejn oħrajn milli naraw it-travi f’għajnejna stess—u bil-wisq iżjed iġigħelna nintefħu bina nfusna! Kif qal wieħed raġel, “Jien inħobb nikkritika lil oħrajn għaliex dan iġigħelni nħossni tant tajjeb!” Li niċċensuraw kontinwament lil oħrajn jistaʼ jagħtina sentimenti taʼ virtù li donnhom ipattu għal difetti tagħna stess li aħna rridu naħbu. Imma jekk hi meħtieġa korrezzjoni, għandha tingħata fi spirtu taʼ ħlewwa. Dak li jagħti l-korrezzjoni għandu dejjem ikun konxju dwar in-nuqqasijiet tiegħu stess.—Galatin 6:1.
Qabel Tiġġudika, Ipprova Ifhem
6. Fuq liema bażi għandhom isiru l-ġudizzji tagħna, meta jkun hemm bżonnhom, u x’għajnuna għandna nfittxu sabiex ma nikkritikawx iż-żejjed?
6 Ġesù ma ġiex biex jiġġudika lid-dinja imma biex isalvaha. Kwalunkwe ġudizzji li għamel ma kinux tiegħu imma kienu bbażati fuq il-kliem li Alla tah biex jitkellem. (Ġwann 12:47-50) Kwalunkwe ġudizzji li nagħmlu għandhom ukoll ikunu fi qbil mal-Kelma taʼ Jehovah. Irridu ngħaffġu t-tendenza umana li niġġudikaw lil oħrajn. F’li nagħmlu dan, għandna b’mod persistenti nitolbu għall-għajnuna taʼ Jehovah: “Ibqgħu staqsu, u se jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u se ssibu; ibqgħu ħabbtu, u se jinfetħilkom. Għax kulmin jistaqsi jirċievi, u kulmin ifittex isib, u lil kulmin iħabbat se jinfetaħlu.” (Mattew 7:7, 8) Saħansitra Ġesù qal: “Ma nistaʼ nagħmel anqas ħaġa waħda minn rajja; hekk kif nismaʼ, niġġudika; u l-ġudizzju li jiena nagħmel hu twajjeb, għaliex jien infittex, mhux ir-rieda tiegħi stess, imma r-rieda tiegħu li bagħatni.” —Ġwann 5:30.
7. Liema drawwa għandna nikkultivaw li se tgħinna napplikaw ir-Regola tad-Deheb?
7 Għandna nikkultivaw id-drawwa, mhux li niġġudikaw lin-nies, imma li nippruvaw nifhmuhom billi npoġġu lilna nfusna f’lokhom—mhix ħaġa ħafifa biex tagħmilha imma hi ħaġa neċessarja jekk irridu nimxu mar-Regola tad-Deheb, li Ġesù mbagħad ipproklama: “L-affarijiet kollha, għalhekk, li tridu lill-bnedmin jagħmlu lilkom, intom ukoll tridu tagħmluhom bl-istess mod lilhom; dan, fil-fatt, hu li jfissru l-Liġi u l-Profeti.” (Mattew 7:12) Mela s-segwaċi taʼ Ġesù jridu jkunu sensittivi u jagħrfu l-istat mentali, emozzjonali, u spiritwali taʼ oħrajn. Huma jridu jagħrfu u jifhmu l-bżonnijiet taʼ oħrajn u jieħdu interess persunali f’li jgħinuhom. (Filippin 2:2-4) Snin wara Pawlu kiteb: “Għax il-Liġi kollha hija mwettqa f’qawl wieħed, jiġifieri: ‘Trid tħobb lil għajrek bħalek innifsek.’”—Galatin 5:14.
8. Liema żewġ toroq iddiskuta Ġesù, u waħda minnhom għala tingħażel mill-maġġoranza tan-nies?
8 “Idħlu mir-rixtellu d-dejjaq,” Ġesù qal imbagħad, “għaliex wiesgħa u spazjuża hi t-triq li tieħu għall-qerda, u ħafna huma dawk li deħlin fiha; fil-waqt li dejjaq hu r-rixtellu u marsusa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li qed isibuha.” (Mattew 7:13, 14) Ħafna f’dak iż-żmien għażlu t-triq għall-qerda u ħafna għadhom jagħmlu hekk. It-triq il-wiesgħa tippermetti lin-nies li jaħsbu li jogħġobhom u jgħixu kif jogħġobhom: l-ebda regoli, l-ebda rbit, sempliċement stil taʼ ħajja rilassata, kollox ħafif. Xejn minn dan ‘l-istinkar b’mod vigoruż biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq’ għalihom!—Luqa 13:24.
9. X’hemm bżonn biex timxi fit-triq id-dejqa, u xi twissija jagħti Ġesù lil dawk li jimxu fiha?
9 Imma hu l-bieb id-dejjaq li jagħti għat-triq tal-ħajja taʼ dejjem. Hija korsa li titlob rażna. Tistaʼ titlob dixxiplina li se tgħarbel il-mottivi tiegħek u tittestja l-kwalità tad-dedikazzjoni tiegħek. Meta jiġu l-persekuzzjonijiet, it-triq issir iebsa u tirrikjedi s-sabar. Ġesù jwissi lil dawk li jimxu f’din it-triq: “Oqogħdu għassa għall-profeti foloz li jiġu għandkom bil-għata tan-ngħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħa.” (Mattew 7:15) Din id-deskrizzjoni kienet toqogħdilhom perfettament lill-Fariżej. (Mattew 23:27, 28) Huma “poġġew lilhom infushom bil-qiegħda fis-siġġu taʼ Mosè,” jgħidu li jitkellmu f’isem Alla waqt li jsegwu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin.—Mattew 23:2.
Kif il-Fariżej ‘Jagħlqu s-Saltna’
10. L-iskribi u l-Fariżej b’liema mod speċifiku fittxew li ‘jagħlqu s-saltna quddiem il-bnedmin’?
10 Iktar minn hekk, il-kleru Lhudi fittex li jimblokka lil dawk li kienu jfittxu li jidħlu mix-xatba d-dejqa. “Ġwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex intom tagħlqu s-saltna tas-smewwiet quddiem il-bnedmin; għax intom infuskom ma tidħlux, u lanqas ma tippermettu lil dawk li huma fi triqithom biex jidħlu.” (Mattew 23:13) Il-metodu tal-Fariżej kien sewwa sew bħalma wissa Ġesù. Huma kienu “jarmu [isem id-dixxipli tiegħu] bħala li hu mill-agħar minħabba f’Bin il-bniedem.” (Luqa 6:22) Peress li r-raġel imwieled agħma u mfejjaq minn Kristu emmen li Ġesù kien il-Messija, huma keċċewh mis-sinagoga. Il-ġenituri tiegħu ma riedu jwieġbu ebda mistoqsija għaliex beżgħu li jiġu mkeċċijin mis-sinagoga. Għall-istess raġuni oħrajn li emmnu li Ġesù kien il-Messija ħasbuha darbtejn dwar li jammettu dan pubblikament.—Ġwann 9:22, 34; 12:42; 16:2.
11. Il-kleru tal-Kristjaneżmu xi frott taʼ identità jipproduċi?
11 “Mill-frott tagħhom se tagħrfuhom,” qal Ġesù. “Kull siġra tajba tipproduċi frott mill-aħjar, imma kull siġra mħassra tipproduċi frott bla siwi.” (Mattew 7:16-20) L-istess regola tapplika llum. Ħafna mill-kleru tal-Kristjaneżmu jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra. Għalkemm jistqarru li jgħallmu l-Bibbja, huma jagħtu appoġġ lil dagħa bħalma huma t-Trinità u n-nar tal-infern. Oħrajn jiċħdu l-fidwa, igħallmu l-evoluzzjoni minflok il-ħolqien, u jippridkaw psikoloġija bil-mużika “pop” biex jagħrxu l-widnejn. Bħall-Fariżej, ħafna mill-kleru tal-lum iħobbu l-flus, billi jqaxxru mill-merħliet tagħhom miljuni taʼ dollari. (Luqa 16:14) Kollha kemm huma jgħajtu, “Mulej, Mulej,” imma t-tweġiba taʼ Ġesù lilhom hi: “Jien qatt ma kont nafkom! Morru ’l bogħod minni, intom ħaddiema taʼ bla liġi.”—Mattew 7:21-23.
12. Xi wħud li darba mxew fit-triq id-dejqa għala waqfu, u b’liema riżultat?
12 Illum, xi wħud li darba kienu mexjin fit-triq id-dejqa waqfu. Huma jgħidu li jħobbu lil Jehovah, imma m’humiex jobdu l-kmand tiegħu biex jippridkaw. Huma jgħidu li jħobbu lil Ġesù, imma m’humiex jitimgħu lin-ngħaġ tiegħu. (Mattew 24:14; 28:19, 20; Ġwann 21:15-17; 1 Ġwann 5:3) Ma jixtiqux jintrabtu taħt il-madmad maʼ dawk li jimxu fil-passi taʼ Ġesù. Sabu t-triq id-dejqa restritta wisq. Għajjew jagħmlu s-sewwa, u allura “ħarġu minn fostna, imma ma kinux tax-xorta tagħna; għax kieku kienu tax-xorta tagħna, kienu jibqgħu magħna.” (1 Ġwann 2:19) Huma marru lura ġewwa d-dlam, u “kemm hu kbir dak id-dlam!” (Mattew 6:23) Huma injoraw l-appell taʼ Ġwanni: “Tfal ċkejknin, ejjew inħobbu, mhux bil-kliem lanqas bl-ilsien, imma bl-egħmil u l-verità.”−1 Ġwann 3:18.
13, 14. X’tixbieha ta Ġesù dwar li napplikaw dak li jgħidilna fil-ħajjiet tagħna, u għala kienet tant addattata għal dawk fil-Palestina?
13 Ġesu kkonkluda l-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja b’tixbieha drammatika: “Kulmin jismaʼ dawn il-kelmiet tiegħi u jagħmilhom se jkun imxebbah maʼ raġel għaqli, li bena daru fuq il-blata. U x-xita niżlet u għargħar ġew u l-irjieħ nefħu u ħabtu kontra dik id-dar, imma ma ċedietx, għax kienet ġiet imsejsa fuq il-blata.”—Mattew 7:24,25.
14 Fil-Palestina xita qawwija ġieli bagħtet l-ilmijiet igelglu minn ġol-widien niexfa f’għargħar qerrieda. Jekk id-djar riedu jibqgħu weqfin, huma kellhom bżonn pedamenti fuq il-blat solidu. Ir-rakkont taʼ Luqa juri li r-raġel “ħaffer u niżel fil-fond u qiegħed pedament fuq il-blata.” (Luqa 6:48) Kien xogħol iebes, imma swielu meta ġiet il-maltempata. L-istess il-bini taʼ kwalitajiet Kristjani fuq dak li qal Ġesù se jkun premjanti meta jiġu l-għargħar taʼ kuntrarjetà.
15. X’se jkun ir-riżultat għal dawk li jsegwu tradizzjonijiet tal-bnedmin minflok ma jobdu lil dak li jgħid Ġesù?
15 Id-dar l-oħra nbniet fuq ir-ramel: “Kulmin qed jismaʼ dawn il-kelmiet tiegħi u ma jagħmilhomx se jkun imxebbah maʼ raġel iblah, li bena daru fuq ir-ramel. U x-xita niżlet u l-għargħar ġew u l-irjieħ nefħu u laqtu dik id-dar u ċediet, u l-waqgħa tagħha kienet kbira.” Hekk se jkun għal dawk li jgħidu “Mulej, Mulej” imma jonqsu li jagħmlu dak li jgħid Ġesù.—Mattew 7:26, 27.
“Mhux bħall-Iskribi Tagħhom”
16. X’kien l-effett fuq dawk li semgħu l-Priedka fuq il-Muntanja?
16 X’kien l-effett tal-Priedka fuq il-Muntanja? “Issa meta Ġesù temm dawn il-kelmiet, l-effett kien li l-folol baqgħu mgħaġġbin bil-mod li kien igħallem; għax hu kien qed igħallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità, u mhux bħall-iskribi tagħhom.” (Mattew 7:28, 29) Ġew imqanqlin sal-fond taʼ ruħhom minn wieħed li tkellem b’awtorità li qatt ma kienu ħassew qabel.
17. X’kellhom jagħmlu l-iskribi biex jagħtu validità lit-tagħlim tagħhom, u x’kienu jistqarru dwar għorrief mejta li kienu jiġu kkwotati?
17 L-ebda skrib qatt ma tkellem bl-awtorità tiegħu stess, kif turi din il-kitba storika: “L-iskribi ssellfu kredtu għad-duttrini tagħhom mit-tradizzjonijiet, u l-missirijiet tagħhom: u l-ebda priedka taʼ xi skrib ma kellha xi awtorità jew valur, jekk ma jgħidux . . . Ir-Rabbini għandhom tradizzjoni, jew . . . L-irġiel għorrief igħidu; jew xi oraklu tradizzjonali taʼ dik ix-xorta. Ħillel il-Kbir kien igħallem sewwa, u kif kienet it-tradizzjoni rigward ċerta ħaġa; ‘Imma, għalkemm kien jitkellem dwar dik il-ħaġa l-jum kollu, . . . huma ma laqgħux id-duttrina tiegħu, sakemm fl-aħħar qal, Hekk smajt mingħand Xamaja u Abtaljon [awtoritajiet li ġew qabel Ħillel].’” (A Commentary on the New Testament From the Talmud and Hebraica, minn John Lightfoot) Il-Fariżej saħansitra stqarrew dwar għorrief li kienu ilhom mejtin: “Xofftejn it-twajbin, meta xi ħadd jirreferi għal xi tagħlim taʼ liġi f’ismijiethom—xofftejhom ifesfsu magħhom fil-qabar.”−Torah—From Scroll to Symbol in Formative Judaism.
18. (a) X’differenza kien hemm bejn it-tagħlim tal-iskribi u dak taʼ Ġesù? (b) F’liema mod it-tagħlim taʼ Ġesù kien tant li jispikka?
18 L-iskribi kkwotaw irġiel mejta bħala awtoritajiet; Ġesù tkellem bl-awtorità mingħand Alla l-ħaj. (Ġwann 12:49, 50; 14:10) Ir-Rabbini ħadu ilma qiegħed minn bjar magħluqin; Ġesù tellaʼ nixxigħat taʼ ilma frisk li jaqtgħu għatx ġenwin. Hu talab u mmedita matul il-lejl, u meta tkellem, hu laħaq profonditajiet fin-nies li qatt ma kienu konxji tagħhom qabel. Hu tkellem b’qawwa li setgħu jħossu, awtorità li saħansitra l-iskribi, il-Fariżej, u s-Sadduċej eventwalment beżgħu jisfidaw. (Mattew 22:46; Mark 12:34; Luqa 20:40) Qatt qabel ebda bniedem ieħor ma tkellem b’dan il-mod! Fil-konkluzjoni tal-priedka, il-folol baqgħu mistagħġbin!
19. Xi metodi taʼ tagħlim użati mix-Xhieda taʼ Jehovah illum kif inhuma simili għal dawk użati minn Ġesù fil-Priedka fuq il-Muntanja?
19 Xi ngħidu għal-lum? Bħala ministri minn dar għal dar, Xhieda taʼ Jehovah jużaw metodi simili. Inkwilin igħidlek: “Il-knisja tiegħi tgħid li l-art trid tinħaraq.” Int twieġeb: “L-istess Bibbja Kattolika tiegħek taqra f’Ekkleżjasti 1:4: ‘L-art tibqaʼ għal dejjem.’” Il-persuna tissorprendi ruħha. “Ara, qatt ma kont naf li dik kienet fil-Bibbja tiegħi!” Xi ħadd ieħor igħid: “Jien dejjem smajt li l-midinbin se jinħarqu fin-nar tal-infern.” “Imma l-Bibbja tiegħek stess tgħid f’Rumani 6:23: ‘Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt’” Jew fuq it-Trinità: “Il-predikatur tiegħi jgħid li Ġesù u Missieru huma ndaqs.” “Imma fi Ġwann 14:28 il-Bibbja tiegħek tikkwota lil Ġesù bħala li jgħid: ‘Il-Missier hu akbar minni.’” Persuna oħra tgħidlek: “Jien smajt li jgħidu li s-Saltna t’Alla hi ġo fik.” It-tweġiba tiegħek: “F’Danjel 2:44 il-Bibbja tiegħek tgħid: ‘Fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt . . . Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.’ Dak kif jistaʼ jkun go fik?”
20. (a) X’kuntrast hemm bejn il-mod kif igħallmu x-Xhieda u dak tal-kleru tal-Kristjaneżmu? (b) Għal xiex inhu issa ż-żmien?
20 Ġesù tkellem b’awtorità mingħand Alla. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jitkellmu bl-awtorità tal-Kelma t’Alla. Il-kleru tal-Kristjaneżmu jitkellmu tradizzjonijiet reliġjużi mniġġsa b’duttrini li ntirtu minn Babilonja u l-Eġittu. Meta persuni sinċieri jisimgħu t-twemmin tagħhom irrifjutat mill-Bibbja, huma jistagħgbu u jesklamaw: ‘Jien qatt ma kont naf li dak qiegħed fil-Bibbja tiegħi!’ Imma hemm qiegħed. Issa hu ż-żmien biex dawk kollha li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom jagħtu kas tal-kliem taʼ Ġesù fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja u b’hekk jibnu fuq pedament sod taʼ blat.
Mistoqsijiet Għal Reviżjoni
◻ Minflok ma ngħaddu ġudizzju, x’għandna nippruvaw nagħmlu, u għala?
◻ Ħafna llum għala jagħżlu t-triq il-wiesgħa?
◻ Il-mod taʼ tagħlim taʼ Ġesù għala kien tant differenti minn dak tal-iskribi?
◻ X’kien l-effett tal-Priedka fuq il-Muntanja fuq is-semmiegħa tagħha?